Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' April 2011 - ADEDY et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-215/11)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Anotati Dioikisi Enoseon Dimosion Ypallilon (ADEDY) (Ateni, Greċja) Sp. Papaspiros (Ateni, Greċja), Il. Iliopulos (Ateni, Greċja) (rappreżentant: M. Zipra, dikigoros)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-20 ta' Diċembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tad-29 ta' Jannar 2011 (ĠU L 26, p. 15), bin-Numru 2011/57/UE;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors ineżami, ir-rikorrenti qed jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-20 ta' Diċembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tad-29 ta' Jannar 2011 (ĠU L 26, p. 15), bin-Numru 2011/57/UE.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu l-motivi li ġejjin:

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jaffermaw li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill irrikonoxxuti fit-Trattat. B'mod partikolari, l-Artikoli 4 u 5 tat-Trattati jistabbilixxu l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(2) tat-Trattati, huwa stipulat espressament li kwalunkwe kompetenza li ma ġietx attribwita mill-Istati Membri lill-Unjoni tappartjenti għall-Istati Membri. Skont l-Artikolu 126 et seq. tat-Trattati, il-miżuri li jistgħu jiġu deċiżi mill-Kunsill fi ħdan il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv u li jiġu inklużi fid-deċiżjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu previsti b'mod speċifiku, espliċitu u rigoruż, peress li din il-kompetenza ma ġietx attribwita lill-Kunsill mit-Trattat.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tiċċita, bħala bażi legali għall-adozzjoni tagħha, l-Artikoli 126(9) u 136 tat-Trattat. Madankollu, il-miżura kkontestata ġiet adottata b'mod li eċċeda l-kompetenzi mogħtija minn dawn l-artikoli lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill, sempliċiment bħala miżura li timplementa ftehim bilaterali bejn il-15-il Stat Membru taż-żona Euro, li ddeċidew li jagħtu self bilaterali, u l-Greċja. Madankollu, kompetenza tal-Kunsill sabiex tadotta att bħal dan la hija rikonoxxuta u lanqas prevista mit-Trattati.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li d-deċiżjoni kkontestata, billi introduċiet tnaqqis fl-allowances tal-familja u billi abbinathom ma' kriterji ta' dħul (means-testing), tagħmel ħsara lid-drittijiet patrimonjali ggarantiti tar-rikorrenti u, b'hekk, ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

____________