Language of document :

Appell ippreżentat fit-12 ta' April 2011 mill-Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal tal-BEI et mid-digriet mogħti fis-17 ta' Marzu 2011 mill-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-95/10, Bömcke vs BEI

[Kawża T-213/11 P(I)]

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-Lussemburgu, il-Lussemburgu), Marie-Christel Heger (il-Lussemburgu), Jean-Pierre Bodson (il-Lussemburgu), Evangelos Kourgias (Senningerberg, il-Lussemburgu), Manuel Sutil (Nondkeil, Franza) u Patrick Vanhoudt (Gonderange, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: G. J. Wilson, A. Senes u B. Entringer, avukati)

Appellati: Eberhard Bömcke (Athus, il-Belġju) u l-Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

L-appellanti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

temenda d-digriet tas-17 ta' Marzu 2011 tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tiddikjara bħala ammissibbli u fondata t-talba għal intervent imressqa fit-12 ta' Jannar 2011 lill-President u lill-membri tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddikjara lill-appellanti bħala parti fil-kawża pendenti bejn Eberhard BÖMCKE u l-Bank Ewropew tal-Investiment, fid-dawl tal-interess dirett li l-parti li qiegħda tressaq it-talba għandha li tkun parti fiha, b'mod konformi mal-Artikoli 109 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' digriet tas-17 ta' Marzu 2011, il-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad bħala inammissibbli, minħabba dewmien, it-talba għal intervent imressqa fil-Kawża F-95/10, Bömcke vs BEI, minn naħa, mill-Kulleġġ tar-rappreżentanti tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment u, min-naħa l-oħra, minn M. Heger u J. Bodson, E. Kourgias, M. Sutil u P. Vanhoudt.

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball fil-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tat-talba għal intervent, safejn it-terminu ta' erba' ġimgħat previst fl-Artikolu 109 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u t-terminu għal raġuni ta' distanza ta' għaxart ijiem previst fl-Artikolu 100(3) tal-imsemmija regoli għandhom jiġu kkunsidrati bħala termini separati u indipendenti b'tali mod li l-prorogazzjoni tat-terminu, b'mod konformi mal-Artikolu 100(2) tal-imsemmija regoli, għal tmiem l-ewwel jum ta' xogħol li jmiss, fil-każ li l-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta' vaganza legali, għandha tapplika għat-terminu ta' erba' ġimgħat qabel iż-żieda tat-terminu għal raġuni ta' distanza u mhux għat-terminu sħiħ, bit-terminu għal raġuni ta' distanza inkluż.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq użu żbaljat mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta' Novembru 1997, Horeca-Wallonie vs Il-Kummissjoni (T-85/97, Ġabra p. II-2113, punti 25 u 26), safejn dak id-digriet kien jirrigwarda każ differenti minn dak inkwistjoni f'din il-kawża.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet li qegħdin iressqu t-talba għal intervent peress li l-interpretazzjoni mwettqa mill-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tisfavorixxi ħafna li r-rikors jintlaqa'.

____________