Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-oblast (il-Bulgarija) fil-15 ta’ April 2024 – “LUKOIL Bulgaria” EOOD vs Komisia za zashtita na konkurentsiata

(Kawża C-260/24, LUKOIL Bulgaria)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-oblast

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “LUKOIL Bulgaria” EOOD

Konvenut: Komisia za zashtita na konkurentsiata

Domandi preliminari

L-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ drittijiet tad-difiża, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, inkluża l-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ ksur marbut ma’ kompressjoni tal-prezzijiet (kompressjoni tal-marġni), is-swieq ikkonċernati (jiġifieri s-swieq li fihom jitwettaq il-ksur) huma żewġ iswieq vertikali, is-suq upstream u s-suq downstream, u li għalhekk huwa speċifikament fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ iswieq ikkonċernati li l-awtorità tal-kompetizzjoni hija meħtieġa tippreżenta, fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u fl-adozzjoni tal-att finali, allegazzjonijiet fattwali dwar il-volum tas-swieq ikkonċernati, dwar l-atturi li joperaw fis-swieq ikkonċernati u l-partijiet tas-suq tagħhom f’dawn is-swieq, inklużi l-partijiet tas-suq miżmuma mill-impriża li skont din l-awtorità għandha pożizzjoni dominanti fis-swieq ikkonċernati?

L-Artikolu 102 TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ drittijiet tad-difiża, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, inkluża l-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE, ma jippermettix li fl-istess suq nazzjonali ta’ prodott jiġu inklużi prodotti li ma jistgħux jitqiesu li huma sostitwibbli, la mill-perspettiva tad-domanda u lanqas mill-perspettiva tal-offerta, kif iżda għamlet il-Komisia za zashtita na konkurentsiata (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, il-Bulgarija) fil-kuntest tal-proċedura ineżami, li inkludiet fl-istess suq ta’ prodott il-karburanti għal magni li huma d-diesel u l-petrol tat-tip A-95H?

Jekk huwa permissibbli li, fl-istess suq nazzjonali ta’ prodott, jiġu inklużi karburanti għal magni li ma humiex sostitwibbli, la mill-perspettiva tad-domanda u lanqas mill-perspettiva tal-offerta, huwa permissibbli li fl-istess suq ta’ prodotti ta’ karburanti għal magni ma jiġix inkluż karburant ieħor għal muturi li huwa importanti fis-suq nazzjonali, jiġifieri l-gass likwifikat miż-żejt (LPG), li fis-suq nazzjonali jgawdi minn parti tas-suq daqs dak tal-petrol?

____________