Language of document : ECLI:EU:T:2010:375

Kawża T-70/08

Axis AB

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ETRAX — Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti li fihom l-elementi verbali ETRA I+D — Raġuni relattiva għal rifjut — Ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell — Regola 49(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 u Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ appell — Terminu u forma tal-appell — Introduzzjoni tal-appell bil-miktub u fi żmien xahrejn — Ħlas tas-somma korrispondenti għad-dritt tal-appell — Att fih innifsu insuffiċjenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 59)

2.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Rwol proċedurali tal-Uffiċċju

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 134(3))

3.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63(3))

1.      Skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja, l-appell minn deċiżjoni tad-dipartimenti tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-Uffiċċju fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni.

Jekk, skont dan l-artikolu, l-appell ma jiġix ikkunsidrat bħala ppreżentat ħlief wara l-ħlas tad-dritt tal-appell, is-sempliċi trasferiment tas-somma korrispondenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għall-att mitlub mill-imsemmi artikolu.

(ara l-punti 22, 23)

2.      Jekk l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi illi l-intervenjent jista’, fir-risposta tiegħu, jifformula talbiet intiżi għall-annullament jew il-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq kap li ma jkunx tqajjem fit-talba, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll, a contrario, li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ma jistax jagħmel, min-naħa tiegħu, talbiet simili.

(ara l-punt 27)

3.      Il-Qorti Ġenerali twettaq stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tad-dipartimenti tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Jekk tikkonkludi li tali deċiżjoni, ikkontestata f’kawża quddiemha, hija vvizzjata b’illegalità, hija għandha tannullaha. Hija ma tistax tiċħad rikors billi tissostitwixxi, bil-motivazzjoni tagħha, il-motivazzjoni tad-dipartiment kompetenti tal-Uffiċċju, li huwa l-awtur tal-att ikkontestat.

(ara l-punt 29)