Language of document : ECLI:EU:C:2014:2005

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikoli 2, 3(1)(ċ) u 6(1) — Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età — Salarju bażiku tal-uffiċjali stabbilit skont l-età — Sistema tranżitorja — Kontinwazzjoni tad-differenza fit-trattament — Ġustifikazzjonijiet — Dritt għal kumpens — Responsabbiltà tal-Istat Membru — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Fil-Kawżi magħquda C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Ottubru 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Novembru 2012 (Kawżi C‑501/12 sa C‑506/12) u tat-13 ta’ Novembru 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Novembru 2012 (Kawżi C‑540/12 u C‑541/12), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fit-8 u fit-28 ta’ Novembru 2012, fil-proċeduri

Thomas Specht (C‑501/12),

Jens Schombera (C‑502/12),

Alexander Wieland (C‑503/12),

Uwe Schönefeld (C‑504/12),

Antje Wilke (C‑505/12),

Gerd Schini (C‑506/12)

vs

Land Berlin

u

Rena Schmeel (C‑540/12),

Ralf Schuster (C‑541/12)

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Wieland, U. Schönefeld, G. Schini kif ukoll R. Schmeel u R. Schuster, minn E. Ribet Buse u R. Hildebrand, avukati,

–        għal-Land Berlin, minn M. Theis, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Simm u J. Herrmann, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 3(1)(ċ) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn, fil-Kawżi C‑501/12 sa C-506/12, T. Specht, J. Schombera, A. Wieland, U. Schönefeld, A. Wilke kif ukoll G. Schini, uffiċjali tal-Land Berlin, u din l-awtorità pubblika, u, fil-Kawżi C‑540/12 u C‑541/12, R. Schmeel u R. Schuster, uffiċjali federali u l-Bundesrepublik Deutschland, dwar il-modalitajiet ta’ klassifikazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali fi skala jew fi skala tranżitorja fil-gradi tas-sistema ta’ remunerazzjoni li hija applikabbli rispettivament għalihom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[...]”

5        L-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jippreċiża li din id-direttiva tapplika għall-persuni kollha kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga [il-kundizzjonijiet tat-tkeċċija u tar-remunerazzjoni]”.

6        L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji [tat-tkeċċija] u pagi [tar-remunerazzjoni], għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)      [l]-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[...]”

7        Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Id-difiża ta’ drittijiet”:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

8        L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-konformità”, jistabbilixxi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

(a)      kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

(b)      kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv, ir-regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u l-professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

9        L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda s-sanzjonijiet, huwa fformulat b’dan il-mod:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. [...]”

 Id-dritt Ġermaniż

10      Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fid-dritt intern permezz tal-Liġi ġenerali dwar l-ugwaljanza fit-trattament (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”).

 Il-Liġi federali dwar ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjali

11      Il-Liġi federali dwar ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjali (Bundesbesoldungsgesetz), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fis-6 ta’ Awwissu 2002 (iktar ’il quddiem il-“Liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjali”), baqgħet tapplika għall-uffiċjali federali sat-30 ta’ Ġunju 2009 u għall-uffiċjali reġjonali tal-Land Berlin sal-31 ta’ Lulju 2011. Din il-liġi tikkostitwixxi l-bażi legali tas-sistema ta’ remunerazzjoni applikabbli għal dawn l-uffiċjali.

12      L-Artikolu 27 tal-Liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjali, intitolat “Kalkolu tas-salarju bażiku” jistabbilixxi li:

“(1)      Is-salarju bażiku għandu jiġi kkalkolat fi skali, u dan bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji tas-sistemi ta’ remunerazzjoni. Il-progress fl-iskali għandu jkun bbażat fuq l-anzjanità u fuq il-mertu tal-uffiċjal. L-uffiċjal jew is-suldat għandu jirċievi mill-inqas is-salarju bażiku inizjali tal-grad li fih jinħatar.

(2)      Is-salarju bażiku għandu jiżdied kull sentejn sal-ħames skala, imbagħad kull tliet snin sad-disa’ skala, u wara kull erba’ snin.

(3)      L-uffiċjali u s-suldati li jaqgħu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni A li jiddistingwu ruħhom b’livell ta’ prestazzjoni konsistenti u fit-tul jistgħu jirċievu b’mod antiċipat is-salarju bażiku li jikkorrispondi mal-iskala immedjatament ogħla (skala tal-mertu). Fi ħdan l-istess amministrazzjoni, in-numru ta’ persuni li jibbenefikaw b’dan il-mod minn skala tal-mertu ma jistax, matul is-sena kalendarja, jeċċedi 15 % tan-numru ta’ uffiċjali u suldati li jaqgħu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni A li jkunu għadhom ma laħqux is-salarju bażiku finali. Fil-każ li jiġi kkonstatat li l-livell ta’ prestazzjoni tal-uffiċjal jew tas-suldat ma jikkorrispondix mar-rekwiżiti medji marbuta mal-pożizzjoni okkupata, huwa għandu jibqa’ kklassifikat fl-iskala tiegħu sakemm il-livell ta’ prestazzjoni tiegħu jiġġustifika l-progress fl-iskala immedjatament ogħla. [...]”

13      L-Artikolu 28 ta’ din il-liġi, intitolat “Anzjanità”, jipprevedi li:

“(1)      L-anzjanità għandha tiġi kkalkolata mill-ewwel jum tax-xahar tal-wieħed u għoxrin sena tal-uffiċjal jew tas-suldat.

(2)      Il-punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-anzjanità, kif stabbilit fil-paragrafu 1 hawn fuq, għandu jiġi ddifferit skont it-tul tal-perijodi li matulhom, wara li tkun għalqet 31 sena, il-persuna kkonċernata ma kellhiex dritt għal remunerazzjoni bħala uffiċjal jew suldat, jiġifieri sa kwart tal-perijodu sakemm għalqet 35 sena u, sussegwentement, sa nofs il-perijodu li jiġi wara [...]. Il-perijodi ta’ inqas minn xahar għandom jiġu arrotondati għall-unità inferjuri. Għandhom jitqiesu bħala remunerazzjonijiet ta’ uffiċjal jew suldat, fis-sens tal-ewwel sentenza iktar ’il fuq, dawk ir-remunerazzjonijiet riċevuti għal attività professjonali prinċipali fis-servizz ta’ persuna li timpjega rregolata mid-dritt pubbliku (Artikolu 29), ta’ komunitajiet kulturali rregolati mid-dritt pubbliku jew tal-gruppi tagħhom, kif ukoll fis-servizz ta’ kull persuna oħra li timpjega li tapplika l-ftehimiet kollettivi li jkunu fis-seħħ fis-settur pubbliku jew ftehimiet kollettivi li jkollhom kontenut kważi simili u li fihom l-Istat jew persuni pubbliċi oħra jkollhom parteċipazzjoni sostanzjali, kemm jekk bi ħlas ta’ kontribuzzjonijiet jew ta’ sussidji jew b’xi mod ieħor.

[...]”

 Il-Liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjali federali

14      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi federali dwar ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjali, fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem il-“Liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjali federali”), fil-verżjoni emendata kif stabbilita fl-Artikolu 2 tal-Liġi li rriformat u mmodernizzat id-dritt federali tas-servizz pubbliku (Dienstrechtsneuordnungsgesetz – DNeuG tal-5 ta’ Frar 2009), huwa limitat għall-uffiċjali rremunerati mill-Istat federali.

15      L-Artikolu 27 tal-Liġi dwar ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjali federali, intitolat “Kalkolu tas-salarju bażiku” jipprevedi li:

“(1)      Is-salarju bażiku għandu jiġi kkalkolat fi skali, bla ħsara għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi kuntrarji. Il-progress fl-iskala immedjatament ogħla jsir skont it-tul tal-perijodi ta’ servizz imwettaq skont l-eżiġenzi meħtieġa (esperjenza).

(2)      Għal kull l-ewwel ħatra f’impjieg li jagħti dritt għal remunerazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, għandu jiġi stabbilit salarju bażiku li jikkorrispondi għall-iskala 1, bla ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi preċedenti skont l-Artikolu 28(1) iktar ’il fuq, għall-uffiċjali, jew, għas-suldati, metodi ta’ kalkolu tas-salarju bażiku skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4 [...].

(3)      Is-salarju bażiku jiżdied wara sentejn esperjenza fl-iskala 1, sussegwentement wara tliet snin esperjenza, rispettivament, fl-iskali 2 sa 4, sussegwentement wara 4 snin esperjenza, rispettivament, fl-iskali 5 sa 7. [...] Il-perijodi li ma jagħtux dritt għal remunerazzjoni fil-każ ta’ uffiċjal jiddeferixxu, minħabba t-tul rispettiv tagħhom, il-progress tal-uffiċjal, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(2) iktar ’il quddiem [...].

(7)      L-uffiċjali li jaqgħu taħt is-sistemi ta’ remunerazzjoni A li jrendu servizz eċċellenti b’mod konsistenti jistgħu jirċievu b’mod antiċipat is-salarju bażiku li jikkorrispondi għall-iskala immedjatament ogħla (‘skala tal-mertu’) [...].”

16      L-Artikolu 28 ta’ din il-liġi, intitolat, “Perijodi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni”, jipprovdi:

“(1)      Fl-iffissar tal-iskala inizjali, il-perijodi preċedenti sussegwenti għandom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala perijodi ta’ esperjenza fis-sens tal-Artikolu 27(3), iktar ’il fuq:

1.      perijodi li jikkorrispondu għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali ekwivalenti b’mod prinċipali għas-servizz ta’ persuna li tħaddem fid-dritt pubbliku (Artikolu 29), komunitajiet kulturali tad-dritt pubbliku jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, peress li din l-attività professjonali ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-ammissjoni għall-karriera kkonċernata [...].”

 Il-leġiżlazzjoni dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin

17      Skont il-liġi li temenda r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin (Gesetz zur Besoldungsneuregelung für das Land Berlin – Berliner Besoldungsneuregelungsgesetz), tad-29 ta’ Ġunju 2011, l-uffiċjali tal-Land Berlin li kienu diġà nħatru uffiċjali permanenti fl-1 ta’ Awwissu 2011 (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali li saru uffiċjali permanenti”) huma suġġetti għal regoli differenti minn dawk applikabbli għall-uffiċjali li bdew is-servizz tagħhom wara din id-data (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali l-ġodda”).

–       Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali l-ġodda

18      Il-liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali federali ġiet applikata f’verżjoni ġdida adattata għal-Land Berlin. Din il-liġi, bit-titolu “liġi dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin” (Bundesbesoldungsgesetz Berlin, iktar ’il quddiem il-“liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin”), tapplika għall-uffiċjali l-ġodda. Għall-finijiet tal-kawżi prinċipali, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-liġi huma, essenzjalment, identiċi għal dawl tal-liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali federali msemmija fil-punti 15 u 16 ta’ din is-sentenza.

–       Il-leġiżlazzjoni dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali li diġà saru uffiċjali permanenti

19      Il-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin (Berliner Besoldungsüberleitungsgesetz), tad-29 ta’ Ġunju 2011, tistabbilixxi l-metodu ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid fis-sistema l-ġdida tal-uffiċjali permanenti li diġà saru uffiċjali permanenti kif ukoll il-miżuri tranżitorji applikabbli għal dawn l-uffiċjali.

20      L-Artikolu 2 tal-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, intitolat “Klassifikazzjoni fl-iskali u skali tranżitorji fil-gradi tas-sistemi ta’ remunerazzjoni A”, jipprovdi:

“(1)      Fl-1 ta’ Awwissu 2011, l-uffiċjali, skont il-metodi ddefiniti fil-paragrafi iktar ’il quddiem, huma kklassifikati fl-iskali jew skali tranżitorji previsti fl-Anness 3 tal-[liġi li temenda r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin], skont l-impjieg okkupat fil-31 ta’ Lulju 2011 u skont is-salarju bażiku li kellhom dritt għalih fl-1 ta’ Awwissu 2011 skont il-liġi tal-2010/2011, tat-8 ta’ Lulju 2010, dwar l-adattament tar-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Land Berlin [...].

(2)      L-uffiċjal huwa kklassifikat, skont il-paragrafu 1 iktar ’il fuq, fl-iskala jew l-iskala tranżitorja li tikkorrispondi għall-ammont tas-salarju bażiku arrotondat għall-unità ogħla. [...]”

21      L-Artikolu 3 tal-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, intitolat, “Progress sussegwenti tal-uffiċjali kklassifikati fi skala jew skala tranżitorja tal-gradi tas-sistema ta’ remunerazzjoni A”, jipprovdi:

“(1)      Il-klassifikazzjoni fi skala kif previst fl-Anness 3 tal-[liġi li temenda r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin] tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq għall-kalkolu tat-tul tal-esperjenza meħtieġa għall-finijiet tal-progress skont l-Artikolu 27(3) tal-[liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin]. Il-progress għall-iskala immedjatament ogħla huwa rregolat mill-Artikolu 27(3) ta’ [din il-liġi].

[...]”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

22      Il-fatti relatati mad-diversi kawżi prinċipali, magħqudin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma simili, jew anki komuni. Dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

23      T. Specht, J. Schombera, A. Wieland, U. Schönefeld, A. Wilke kif ukoll G. Schini nħatru uffiċjali tal-Land Berlin bejn l-1992 u l-2003. R. Schmeel u R. Schuster inħatru uffiċjali għal għomorhom tal-Bundesrepublik Deutschland, rispettivament matul l-1998 u l-1992. Kollha ġew impjegati taħt il-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u remunerati inizjalment abbażi ta’ din il-liġi u sussegwentement ġew ikklassifikati mill-ġdid fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni li tapplika għalihom rispettivament.

24      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw, permezz ta’ rikors amministrattiv, il-metodu ta’ kalkolu tas-salarju tagħhom, minħabba li, peress li dan jieħu inkunsiderazzjoni l-età tagħhom, huma kienu ġew suġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdew proċeduri quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (tribunal amministrattiv ta’ Berlin).

25      kif ukoll T. Specht, J. Schombera, A. Wieland, U. Schönefeld, A. Wilke, G. Schini kif ukoll R. Schmeel u R. Schuster isostnu li l-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilita mill-AGG u d-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, huma jitolbu b’mod partikolari l-ħlas ta’ arretrati li jikkorrispondu għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kienu jirċievu kieku kienu ġew ikklassifikati fl-iskala l-iktar għolja tal-grad tal-karriera tagħhom u dik li effettivament tħallsu.

26      T. Specht, A. Wieland, U. Schönefeld u A. Wilke jilmentaw li l-metodi ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, previsti mil-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, jipperpetwaw illegalment il-prinċipju li kien jipprevali sa dak il-mument fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, ibbażat mhux fuq l-esperjenza miksuba fis-servizz, iżda fuq l-“anzjanità”, peress li l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ dawn l-uffiċjali ssir esklużivament skont is-salarju bażiku preċedenti.

27      Il-qorti tar-rinviju, għalhekk, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, hija mitluba tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dawn il-kawżi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari mad-Direttiva 2000/78, sa fejn dawn il-leġiżlazzjonijiet jistgħu jkunu l-oriġini ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ipprojbita minn din id-direttiva.

28      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Verwaltungsgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawżi C‑501/12, C‑503/12 u C‑505/12, iżda li jinkludu wkoll dawk kollha magħmula fil-Kawżi C‑502/12, C‑504/12, C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju, f’dan il-każ b’mod partikolari d-Direttiva 2000/78/KE [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi projbizzjoni komprensiva fir-rigward ta’ diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bbażata fuq l-età li tkopri wkoll regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali [...]?

2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju [...] twassal sabiex dispożizzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-ammont tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal fil-mument li jinħatar bħala uffiċjal permanenti fis-servizz pubbliku jiddependi fil-parti l-kbira tiegħu mill-età tiegħu u li dan l-ammont sussegwentement jiżdied prinċipalment fuq il-bażi tat-tul tas-servizz tiegħu fis-servizz pubbliku, tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età?

3)      Fil-każ li anki t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju [...] tipprekludi li tali dispożizzjoni nazzjonali tiġi ġġustifikata permezz tal-għan leġiżlattiv li tiġi rikonoxxuta l-esperjenza professjonali?

4)      Fil-każ li anki t-tielet domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju [...] tippermetti, sakemm ma jkun implementat ebda dritt għal remunerazzjoni li ma jimplikax diskriminazzjoni, konsegwenza legali oħra apparti l-għoti ta’ remunerazzjoni retroattivament lill-persuni ddiskriminati skont l-ogħla livell ta’ salarju fil-grad ta’ salarju tagħhom?

Il-konsegwenza legali tal-ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tirriżulta direttament mid-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju [...], f’dan il-każ b’mod partikolari mid-Direttiva 2000/78[...], jew jista’ jkun hemm pretensjoni biss [min-naħa tal-persuna ddiskriminata] minħabba implementazzjoni [tal-prinċipju, rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, tar-responsabbiltà tal-Istati Membri f’każ ta’ traspożizzjoni inkorretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni]?

5)      [Din l]-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju [...] tipprekludi miżura nazzjonali li tissuġġetta [l-eżistenza ta’ dritt] għal ħlas (b’lura) jew għal kumpens [bil]-kundizzjoni li l-uffiċjali jkunu ressqu din il-pretensjoni fi żmien [relattivament qasir]?

6)      Fil-każ li l-ewwel sat-tielet domandi jingħataw risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju [...] twassal sabiex liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja, li tipprevedi li l-uffiċjali eżistenti jitqiegħdu fi grad tas-sistema l-ġdida fuq il-bażi biss tal-ammont tas-salarju bażiku li kienu jirċievu taħt i[s-sistema ta’ remunerazzjoni l-preċedenti] (u diskriminatorja) [...] fid-data [ta’ riferiment stabbilita għ]at-tranżizzjoni [għas-sistema l-ġdida], u li tipprovdi li l-progress sussegwenti għal gradi ogħla ser ikun ikkalkolat biss fuq il-bażi tal-perijodi ta’ esperjenza miksuba wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi tranżitorja, irrispettivament mill-perijodu ta’ esperjenza konkretament miksub mill-uffiċjal [...], titqies bħala esten[s]joni tad-diskriminazzjoni eżistenti fuq il-bażi tal-età, diskriminazzjoni li tippersisti sakemm jintlaħaq l-ogħla livell ta’ salarju f’kull każ individwali?

7)      Fil-każ li anki s-sitt domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju [...] tipprekludi li din l-inugwaljanza bla limiti u kontinwa fit-trattament tiġi ġġustifikata permezz tal-għan leġiżlattiv li l-liġi tranżitorja ma hijiex intiża li tipproteġi (biss) id-drittijiet kweżiti eżistenti fid-data ta[’ riferiment għa]t-tranżizzjoni [għas-sistema l-ġdida] iżda (anki) l-aspettattivi fir-rigward tad-dħul matul il-ħajja professjonali kollha fil-grad ta’ salarju rispettiv li kien mistenni li jitħallas taħt il-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni?

I[l-kontinwazzjoni ta]d-diskriminazzjoni kontra l-uffiċjali [diġà] eżistenti tista’ tiġi ġġustifikata permezz tal-fatt li l-alternattiva leġiżlattiva ([li tikkonsisti fl-]assenjazzjoni individwali [...] ta’ uffiċjali eżistenti fuq il-bażi tal-esperjenza tagħhom) [tkun iktar ta’ piż, amministrattivament, biex tiġi implementata]?

8)      Fil-każ li [l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ġustifikazzjonijiet imsemmija fis]-seba’ domanda [...]: [din] l-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju tippermetti, sakemm jiġi implementat [sistema ta’] remunerazzjoni li ma jimplikax diskriminazzjoni fir-rigward ukoll tal-uffiċjali eżistenti, konsegwenzi legali oħra apparti l-għoti ta’ remunerazzjoni retroattivament u kontinwament lill-uffiċjali eżistenti skont l-ogħla livell ta’ salarju fil-grad ta’ salarju tagħhom?

Il-konsegwenza legali [marbuta m]al-ksur tal-[prinċipju ta’ non]diskriminazzjoni tirriżulta direttament mid-dritt [tal-Unjoni] primarju u/jew sekondarju, f’dan il-każ b’mod partikolari mid-Direttiva 2000/78[...], jew jista’ jkun hemm pretensjoni [tal-persuna ddiskriminata] biss minħabba [l-applikazzjoni tal-prinċipju, rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, tar-responsabbiltà tal-Istati Membri f’każ ta’ traspożizzjoni inkorretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni]?”

29      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Diċembru 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-Kawżi C-501/12 sa C-506/12, C-540/12 u C-541/12 jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-salarju ta’ uffiċjal jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

31      Din id-domanda hija dwar il-kamp ta’ applikazzjoni materjali u personali tad-Direttiva 2000/78.

32      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-direttiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-relazzjoni bejn, minn naħa, l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, li permezz tiegħu, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni, l-imsemmija direttiva tapplika għall-persuni kollha kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet tat-tkeċċija u tar-remunerazzjoni, u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 153(5) TFUE, li jipprovdi eċċezzjoni għall-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali sa fejn din ma hijiex awtorizzata tintervjeni fil-qasam, b’mod partikolari, tar-remunerazzjonijiet.

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li l-imsemmija eċċezzjoni għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda l-miżuri li, bħal uniformalizzazzjoni ta’ parti minn, jew tal-elementi kollha li jikkostitwixxu s-salarji u/jew il-livell tagħhom fl-Istati Membri jew saħansitra l-iffissar ta’ salarju minimu, ikunu jinvolvu interferenza diretta tad-dritt tal-Unjoni fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni fi ħdan din tal-aħħar. Madankollu, din ma tistax tiġi estiża għal kull kwistjoni li tippreżenta xi tip ta’ rabta mar-remunerazzjoni, inkella wħud mill-oqsma msemmija fl-Artikolu 153(1) TFUE jiġu mċaħħda minn parti kbira mis-sustanza tagħhom (sentenzi Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 124 u 125, kif ukoll Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 37).

34      Konsegwentement, għandha ssir distinzjoni bejn it-terminu “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 153(5) TFUE, u l-istess terminu li jinsab fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, dan l-aħħar terminu jagħmel parti parti mill-kundizzjonijiet għall-impjieg u, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ma huwiex intiż direttament għall-iffissar tal-ammont tar-remunerazzjoni.

35      F’dan il-każ, l-ammont tar-remunerazzjoni li jikkorrispondi għal kull grad u skala fis-servizz pubbliku Ġermaniż huwa ddeterminat mill-qrati nazzjonali kompetenti u l-Unjoni ma għandha l-ebda kompetenza f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-metodi tal-klassifikazzjoni f’dawn il-gradi u dawn l-iskali ma jistgħux jiġu sseparati mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 2000/78.

36      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ din id-direttiva, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha jipprovdi espressament li tapplika, b’mod partikolari, għall-persuni kollha li jaqgħu taħt is-servizz pubbliku.

37      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

38      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha, għal kull grad tal-kariga, l-iskala ta’ salarju bażiku ta’ uffiċjal tiġi ddeterminata, meta jiġi impjegat, skont l-età tiegħu.

39      Qabelxejn, jaqbel li jiġi kkunsidrat jekk il-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali twassalx għal differenza fit-trattament minħabba l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jispeċifika li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tirriżulta ladarba persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

40      F’dan il-każ, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikoli 27 u 28 tal-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali, l-“anzjanità”, iddeterminata skont l-età reali, tikkostitwixxi l-kriterju ta’ referenza għall-klassifikazzjoni inizjali għal skala tal-gradazzjoni tas-salarju bażiku tal-uffiċjali. Din l-anzjanità hija kkalkolata mill-ewwel ġurnata tax-xahar tal-wieħed u għoxrin sena ta’ età tal-uffiċjal. Dan il-punt tat-tluq tal-kalkolu tal-età ta’ riferiment jiġi pospost permezz tal-effett tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ wara l-età ta’ 31 sena magħluqa li ma tawx id-dritt għar-remunerazzjoni bħala uffiċjal, sa kwart tal-perijodu li jwassal sal-età ta’ 35 sena magħluqa, u mbagħad sa nofs il-perijodu li jiġi wara. L-uffiċjal jirċievi tal-inqas is-salarju bażiku inizjali li jikkorrispondi għall-grad li fih jinħatar. Sussegwentement, il-progress fl-iskala jsir skont l-anzjanità u l-mertu. Għalhekk, is-salarju bażiku jiżdied, bħala regola, kull sentejn sal-ħames skala, imbagħad kull tliet snin sad-disa’ skala, u wara kull erba’ snin. L-uffiċjali li jiddistingwu ruħhom minħabba livell prestazzjoni konsistenti u fit-tul jistgħu jirċievu b’mod antiċipat is-salarju bażiku li jikkorrispondi mal-iskala immedjatament ogħla.

41      Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni kkombinata tas-sistema ta’ progress skont l-iskala, prevista fl-Artikolu 27 tal-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali, u l-metodu tal-kalkolu tal-anzjanità, kif jirriżulta mill-Artikolu 28 ta’ din il-liġi, għandha l-effett, pereżempju, li persuna maħtura bħala uffiċjal għal għomorha fis-servizz tal-Istat federali jew tal-Land Berlin fl-età ta’ 21 sena magħluqa tibqa’ fl-iskala 1 tal-grad A11, filwaqt li persuna li tidħol fis-servizz pubbliku ta’ 23 sena tiġi kklassifikata fl-iskala 2 ta’ dan il-grad.

42      Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 58 tas-sentenza Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), jidher, f’każ bħal dak inkwistjoni, li s-salarju bażiku mogħti lil żewġ uffiċjali impjegati fl-istess ġurnata fl-istess grad, li għandhom esperjenza professjonali ndaqs jew ekwivalenti iżda li għandhom età differenti, ikun differenti skont l-età li jkollhom meta jiġu impjegati. Minn dan jirriżulta li dawn iż-żewġ uffiċjali jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli u li wieħed minnhom jibbenefika minn salarju bażiku inferjuri għal dik miksub mill-ieħor.

43      Minn dan isegwi li s-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita mill-Artikoli 27 u 28 tal-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali toħloq differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq il-kriterju tal-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

44      It-tieni nett, jaqbel li jiġi eżaminat jekk dan it-trattament differenti jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

45      L-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti abbażi tal-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni, meta, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu oġġettivament u raġonevolment ġustifikat b’għan leġittimu, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi tal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ taħriġ professjonali, u li l-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu approprjati u neċessarji.

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu miżuri li jinkludu differenzi ta’ trattament ibbażati fuq l-età, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Huma għandhom marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni fl-għażla, mhux biss sabiex jintlaħaq għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara s-sentenzi Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 68, u Rosenbladt, C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 41).

47      Skont il-Gvern Ġermaniż, id-differenza fit-trattament ikkonstatata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza hija ġġustifikata mill-għan li tiġi ġġustifikata esperjenza professjonali preċedenti b’mod standard, filwaqt li tiġi ggarantita prattika amministrattiva uniformi.

48      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-għan li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba minn ħaddiem, li tpoġġih f’pożizzjoni li jwettaq aħjar id-doveri tiegħu, jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali għan leġittimu ta’ politika salarjali (sentenza Hennigs u Mai, EU:C:2011:560, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għandu jiġi vverifikat, skont it-termini stess tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jekk, fil-kuntest ta’ marġni ta’ diskrezzjoni rikonoxxuta lill-Istati Membri u mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan humiex xierqa u neċessarji.

50      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-rikors għal kriterju bbażat fuq l-anzjanità huwa, bħala regola ġenerali, xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan peress li l-anzjanità tmur flimkien mal-esperjenza professjonali. Issa, għalkemm il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lill-membru tal-persunal li jitla’ l-iskala fil-grad li jkun minħabba l-avvanz fl-età u għalhekk l-anzjanità tiegħu fl-impjieg, għandu jiġi kkonstatat li, meta jiġi impjegat uffiċjal, peress li dan ma jkollu ebda esperjenza professjonali, il-klassifikazzjoni inizjali tiegħu fi skala hija bbażata biss fuq l-età tiegħu (sentenza Hennigs u Mai, EU:C:2011:560, punti 74 u 75).

51      Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 77 tas-sentenza Hennigs u Mai (EU:C:2011:560), minn dan isegwi, fil-każ inkwistjoni, li d-determinazzjoni skont l-età tal-iskala ta’ salarju bażiku ta’ uffiċjal fis-settur pubbliku meta jiġi impjegat, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu invokat mill-Gvern Ġermaniż u li jikkonsisti f’li tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali miksuba mill-membru tal-persunal qabel ma jiġi impjegat.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jaqbel li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula tkun li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, għal kull grad ta’ kariga, l-iskala tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal tiġi ddeterminata, fil-mument tal-impjieg tiegħu, skont l-età tiegħu.

 Fuq is-sitt u s-seba’ domanda

53      Permezz tas-sitt u s-seba’ domanda, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali li saru uffiċjali permanenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni u li tipprovdi, minn naħa, li l-iskala tas-salarju li dawn issa saru kklassifikati fiha hija ddeterminata sempliċement abbażi tal-ammont tas-salarju bażiku li kienu jirċievu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni preċedenti, meta din tal-aħħar kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-uffiċjal, u, min-naħa l-oħra, li l-progress ulterjuri fl-iskala tas-salarju l-ġdida hija issa ddeterminata esklużivament skont l-esperjenza miksuba mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni. Il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk din il-liġi għandhiex l-effett li tkompli diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u, jekk dan ikun il-każ, jekk din tistax tkun iġġustifikata mill-għan intiż li jippreżerva d-drittijiet kweżiti u l-aspettattivi leġittimi relatati mal-evoluzzjoni futura tar-remunerazzjoni.

54      Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin u l-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin issostitwew ruħhom, f’dan il-Land, għal-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali.

55      Is-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita permezz tal-liġi dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin ma għadhiex tipprovdi għal gruppi ta’ età u lanqas għal anzjanità, iżda jipprovdi klassifikazzjoni inizjali tal-uffiċjali l-ġodda fi “skala ta’ esperjenza” u l-progress ulterjuri tar-remunerazzjoni, skala bi skala, fuq il-gradazzjoni tas-salarju rilevanti, skont it-tul tal-perijodi ta’ servizz imwettaq skont l-eżiġenzi meħtieġa.

56      Il-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin tipprovdi, min-naħa tagħha, li kull uffiċjal li diġà sar uffiċjal permanenti għandu jiġi kklassifikat mill-ġdid fi skala jew fi skala tranżitorja, skont l-impjieg okkupat fil-31 ta’ Lulju 2011 u tas-salarju bażiku li kellu dritt għalih fl-1 ta’ Awwissu 2011. Huwa għandu jiġi kklassifikat fl-iskala jew l-iskala tranżitorja li tikkorrispondi għall-ammont tas-salarju bażiku arrotondat għall-unità ogħla.

57      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin toħloqx differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-klassifikazzjoni tal-uffiċjali li diġà saru uffiċjali permanenti fi skala tranżitorja tiżguralhom salarju ta’ referenza li l-ammont tiegħu kien ekwivalenti għal dak li huma kienu jirċievu taħt il-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali. Issa, is-salarju li kien riċevut skont din l-aħħar liġi kien magħmul prinċipalment mis-salarju bażiku li kien ġie kkalkolat, fil-mument tal-impjieg, esklużivament skont l-età tal-uffiċjal. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-metodu tal-kalkolu tar-remunerazzjoni bażi joħloq trattament differenti bbażat fuq il-kriterju tal-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

58      Għaldaqstant, billi tistabbilixxi s-salarju ta’ referenza abbażi tar-remunerazzjoni riċevuta preċedentement mill-uffiċjali li diġà saru uffiċjali permanenti, li hija bbażata fuq l-anzjanità, is-sistema stabbilita mil-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin kompliet sitwazzjoni diskriminatorja li permezz tagħha uffiċjali li jirċievu remunerazzjoni inqas minn dik li jirċievu uffiċjali oħrajn meta jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, u dan sempliċement minħabba l-età li kellhom meta ġew impjegati (ara, b’analoġija, is-sentenza Hennigs u Mai, EU:C:2011:560, punt 84).

59      Din id-differenza ta’ trattament tista’ tkompli għaddejja fil-kuntest tal-liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, peress li l-klassifikazzjoni mill-ġdid definittiva tal-uffiċjali li diġà saru uffiċjali permanenti saret skont l-iskala jew l-iskala tranżitorja mogħtija lil kull uffiċjal (ara, b’analoġija, is-sentenza Hennigs u Mai, EU:C:2011:560, punt 85).

60      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li kemm fil-kuntest tal-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin kif ukoll fil-kuntest tal-liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, ċerti uffiċjali li diġà saru uffiċjali permanenti jirċievu remunerazzjoni inqas minn dik riċevuta minn oħrajn minkejja li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, sempliċement minħabba l-età tagħhom meta ġew impjegati, li jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78.

61      Għalhekk, jaqbel li jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

62      Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, jekk id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tikkostitwixxix, fil-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin u, konsegwentement, fil-liġi dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, miżura li ssegwi għan leġittimu u li hija xierqa u neċessarja għat-twettiq ta’ dan l-għan.

63      Kemm mid-deċiżjonijiet tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż jirriżulta li l-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin għandha l-għan li tipproteġi d-drittijiet kweżiti u l-aspettattivi leġittimi relatati mal-evoluzzjoni futura tar-remunerazzjoni. Il-Gvern Ġermaniż isostni b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni relatata mal-adozzjoni tal-liġi li tirriforma r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, l-organizzazzjonijiet sindakali sostnew li d-drittijiet kweżiti jiġu ppreżervati u talbu dispożizzjonijiet addizzjonali intiżi sabiex jiggarantixxu din il-preżervazzjoni. Skont dan il-gvern, abbozz ta’ liġi li ma tippreżervax dawn id-drittijiet kien jiġi oppost mill-organizzazzjonijiet sindakali, li kien jikkomprometti serjament l-adozzjoni tagħha.

64      Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti minn kategorija ta’ persuni tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑456/05, EU:C:2007:755, punt 63, kif ukoll Hennigs u Mai, EU:C:2011:560, punt 90).

65      Fir-rigward, sussegwentement, tan-natura xierqa tal-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Gvern Ġermaniż sostna li l-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali kienet, fir-rigward tal-parti l-kbira tal-uffiċjali li diġà saru uffiċjali permanenti, fid-dawl tal-karriera professjonali tipika ta’ dak iż-żmien, iktar vantaġġuża mil-liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni tal-uffiċjali li diġà saru uffiċjali permanenti direttament fis-sistema prevista minn din l-aħħar liġi fissret għal ħafna minnhom telf salarjali, stmat għal tal-inqas skala, jiġifieri, skont il-grad, bejn EUR 80 u EUR 150.

66      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) tal-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, l-uffiċjali li diġà saru uffiċjali permanenti ġew ikklassifikati mill-ġdid fi skala li tikkorrispondi għall-ammont tas-salarju bażiku tagħhom preċedenti arrotondat għall-unità ogħla.

67      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li ż-żamma tar-remunerazzjonijiet preċedenti u, konsegwentement, dak ta’ sistema li tapplika differenza fit-trattament skont l-età, ippermettiet li jiġi evitat telf ta’ remunerazzjoni u, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, kienet determinanti sabiex il-leġiżlatur nazzjonali jwettaq it-tranżizzjoni mis-sistema stabbilita mil-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali għal dik li tirriżulta mil-liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin.

68      Liġi bħal dik li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin tidher għalhekk li hija ta’ natura li tilħaq l-għan imfittex, li jikkonsisti fil-garanzija taż-żamma tad-drittijiet kweżiti.

69      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk din il-leġiżlazzjoni teċċedix dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

70      Il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan ir-rigward li kien ikun preferibbli li s-sistema l-ġdida ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tiġi applikata għall-uffiċjali kollha li diġà saru uffiċjali permanenti jew inkella li jiġu suġġetti għal sistema tranżitorja li tiggarantixxi lill-uffiċjal li jkun diġà sar uffiċjal permanenti u jkun f’pożizzjoni vantaġġuża l-livell ta’ remunerazzjoni preċedenti sakemm jikseb l-esperjenza meħtieġa mis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni sabiex jikkwalifika għal remunerazzjoni ogħla.

71      Sabiex jiġi eżaminat jekk liġi bħal dik li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, din id-dispożizzjoni għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dannu li hija tista’ toħloq lill-persuni kkonċernati (sentenza HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 89).

72      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest li ġiet adottata fih il-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, għandu jiġi rrilevat li mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlaturi nazzjonali kompetenti, qabel ma ngħatat is-sentenza Hennigs u Mai (EU:C:2011:560), abrogaw il-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u, sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li din tal-aħħar kienet ivvizzjata biha, irriformaw is-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali federali u dawk tal-Land Berlin.

73      Huwa f’dan il-kuntest li l-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin ġiet adottata, li tipprovdi, kif jindika t-titolu tagħha, deroga tranżitorja fir-rigward tal-uffiċjali li diġà saru uffiċjali permanenti. Il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ dawn l-uffiċjali fi skali jew skali tranżitorji kienet immedjata u, wara l-klassifikazzjoni mill-ġdid definittiva tagħhom abbażi tal-liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, is-salarju tagħhom evolva skont il-kriterji previsti minn din il-liġi biss, jiġifieri l-esperjenza professjonali u l-mertu, fejn ma għadhiex preżenti l-età.

74      Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li din ir-riforma ma għandhiex twassal għal tnaqqis fil-livell tad-dħul u lanqas tal-perspettivi ta’ dħul matul il-karriera tal-uffiċjali li diġà saru permanenti. Tali riforma, li saret fil-kuntest ta’ dejn kbir tal-Land Berlin u, fuq il-livell nazzjonali, ta’ sforz ġenerali għat-tisħiħ tal-baġit, kellha ssir bi spiża kostanti. Barra minn hekk, minħabba n-numru sostanzjali ta’ uffiċjali li kellhom jiġu kklassifikati mill-ġdid, it-tranżazzjoni għas-sistema l-ġdida kellha ssir mingħajr użu eċċessiv tar-riżorsi amministrattivi, jiġifieri, sakemm ikun possibbli, mingħajr evalwazzjoni każ b’każ.

75      Il-Gvern Ġermaniż isostni f’dan ir-rigward li kellhom jiġu eżaminati iktar minn 65 000 każ individwali sabiex tiġi ddeterminata l-“iskala ta’ esperjenza” xierqa skont l-Artikoli 27 u 28 tal-liġi l-ġdida dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin, u wara jiġi kkalkolat jekk din il-klassifikazzjoni mill-ġdid kinitx iktar favorevoli jew le minn klassifikazzjoni mill-ġdid abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin. It-tul ta’ tali eżami tela’ għal 360 000 siegħa.

76      Dan il-gvern iżid li ma kienx iktar possibbli, għal numru relattivament sostanzjali ta’ uffiċjali li kellhom jiġu kklassifikati mill-ġdid, li jiġu ddeterminati a posteriori u individwalment il-perijodi ta’ attività qabel ma saru uffiċjali permanenti li setgħu jagħtuhom drittijiet. Għalhekk, kien ikun neċessarju, skont il-każ, jew li jiġu esklużi totalment jew li jiġu kkunsidrati mingħajr prova, tali perijodi, li kien iwassal, skont il-każ, jew biex jiġu ppenalizzati jew li jingħataw vantaġġ l-uffiċjali kkonċernati. Tali riżultat kien għalhekk iwassal għal riżultati arbitrarji u, għaldaqstant, inammissibbli.

77      Għandu jitfakkar li l-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq iż-żieda tal-piżijiet finanzjarji u eventwali diffikultajiet amministrattivi ma jistgħux, bħala regola, jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 (ara, b’analoġija, is-sentenza Erny, C‑172/11, EU:C:2012:399, punt 48).

78      Madankollu, ma jistax jiġi mistenni t-twettiq ta’ eżami individwali ta’ kull każ partikolari sabiex jiġu ddeterminati a posteriori u individwalment il-perijodi ta’ esperjenza preċedenti, sa fejn il-ġestjoni tal-iskema kkonċernata għandha tibqa’ vijabbli mil-lat tekniku u ekonomiku (ara, b’analoġija, is-sentenza Dansk Jurist- og Økonomforbund, C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 70).

79      Tali kunsiderazzjoni ssir fid-dawl tan-numru partikolarment għoli ta’ uffiċjali, it-tul tal-perijodu kkonċernat, id-diversità tal-karriera rispettiva u d-diffikultajiet li setgħu jqumu fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti ta’ dawn l-uffiċjali li setgħu jagħtuhom drittijiet. Għaldaqstant, jista’ jingħad li l-metodu tal-evalwazzjoni tal-każ individwali ta’ kull uffiċjal li diġà sar uffiċjal permanenti kien ikun eċċessivament kumpless u kien jinkludi riskju għoli ta’ twettiq ta’ żball.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur nazzjonali ma qabiżx il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu meta kkunsidra li la kien realistiku u lanqas mixtieq li tiġi applikata għall-uffiċjali kollha li diġà saru permanenti, is-sistema l-ġdida ta’ klassifikazzjoni jew li dawn jiġu suġġetti għal sistema tranżitorja li tiggarantixxi lill-uffiċjal li diġà sar uffiċjal permanenti u jinsab f’pożizzjoni vantaġġuża l-livell ta’ remunerazzjoni preċedenti sakemm jikseb l-esperjenza meħtieġa mis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni sabiex ikollu dritt għal remunerazzjoni ogħla.

81      Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-dannu li liġi bħal dik li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin tista’ toħloq lill-persuni kkonċernati minnha, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mill-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza kif ukoll tal-assenza ta’ sistema ta’ referenza valida, li kienet tippermetti l-paragun bejn l-uffiċjali vantaġġati u l-uffiċjali żvantaġġati, dan id-dannu huwa partikolarment kumpless sabiex jiġi ddeterminat.

82      Ġie sostnut ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-differenza bejn ir-remunerazzjoni hija limitata minħabba l-limiti ta’ età ta’ reklutaġġ speċifiċi għad-dritt Ġermaniż tas-servizz pubbliku. Għaldaqstant, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż jirriżulta li, fir-rigward tal-kawżi prinċipali, japplika limitu ta’ 35 sena, b’mod li l-eventwali differenzi ta’ remunerazzjoni ma setgħux jilħqu d-differenza li teżisti bejn l-ewwel u l-aħħar skala ta’ grad.

83      Barra minn hekk, għalkemm mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin għandha l-effett li d-differenza fir-remunerazzjoni tinżamm kważi identika u dan sakemm l-uffiċjali li jkunu diġà saru uffiċjali permanenti jaċċedu għall-iktar skala għolja fil-grad tagħhom, dawn id-deċiżjonijiet ma jinkludux, min-naħa l-oħra, elementi iktar preċiżi jew konkreti f’dan ir-rigward. Il-Gvern Ġermaniż, min-naħa tiegħu, invoka l-eżistenza ta’ żewġ mekkaniżmi li jistgħu, fil-fehma tiegħu, inaqqsu, jew anki jeliminaw, id-differenza fis-salarju kkawżata mill-klassifikazzjoni ta’ żewġ uffiċjali fi skali differenti minħabba l-età tagħhom. Skont dan il-gvern, it-tnaqqis tan-numru ta’ skali u l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjali għal skala li tikkorrispondi għall-ammont tas-salarju bażiku tagħhom arrotondat għall-unità ogħla għandha l-effett li d-differenza fir-remunerazzjoni titnaqqas, jew anki, f’ċerti każijiet, tispiċċa wara xi snin.

84      Fid-dawl tal-elementi li jinsabu fid-deċiżjonijiet tar-rinviju u fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, tali possibbiltà ma tistax tiġi eskluża.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-leġiżlatur nazzjonali mar lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż meta adotta l-miżuri tranżitorji derogatorji implementati mil-liġi li tistabbilixxi sistema tranżitorja dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Land Berlin.

86      Għaldaqstant, ir-risposta għas-sitt u s-seba’ domandi għandha tkun li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi tal-klassifikazzjoni mill-ġdid, fi ħdan sistema ta’ remunerazzjoni ġdida, ta’ uffiċjali li diġà kienu saru uffiċjali permanenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni u li tipprovdi, minn naħa, li l-iskala ta’ salarju li issa ġew ikklassifikati fiha hija ddeterminata biss abbażi tal-ammont tas-salarju li kienu jirċievu skont is-sistema ta’ remunerazzjoni preċedenti, meta din tal-aħħar kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-uffiċjal, u, min-naħa l-oħra, li l-progress ulterjuri fuq l-iskala l-ġdida ta’ salarju hija issa ddeterminata esklużivament abbażi tal-esperjenza professjonali miksuba mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda

87      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi ġuridiċi f’każ ta’ ksur, mil-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Din il-qorti tfittex li ssir taf jekk dawn il-konsegwenzi jirriżultawx mid-Direttiva 2000/78 jew mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428) u jekk, f’din l-aħħar ipoteżi, il-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jeżistux. L-imsemmija qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, jimponix li jingħata b’mod retroattiv lill-uffiċjali diskriminati ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-salarju effettivament imħallas u dak li jikkorrispondi għall-iskala l-iktar għolja tal-grad tagħhom.

88      Preliminarjament, għandu jitfakkar l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, li jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali intern u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minn dan, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2000/78 u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lopes Da Silva Jorge, C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 56).

89      Jekk ma jkunx possibbli li tingħata interpretazzjoni u applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali skont l-eżiġenzi ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li jibbenefika minnu wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex tiġi applikata (ara s-sentenza Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Għaldaqstant, f’dawn id-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ssostni li jidhrilha li huwa impossibbli li l-Artikoli 27 u 28 tal-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali jistgħu jiġu interpretati skont id-dritt tal-Unjoni.

91      Din il-qorti tikkonstata fil-fatt li, bl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti mid-dritt Ġermaniż, hija ma hijiex f’pożizzjoni li timla l-vojt maħluq min-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. L-imsemmija qorti tirrileva wkoll li, bid-differenza mis-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Hennigs u Mai (EU:C:2011:560), id-dritt Ġermaniż applikabbli fil-kuntest tal-kawżi prinċipali ma jippermettilhiex li tagħti lill-uffiċjali ddiskriminati dritt ta’ ħlas tad-differenza tal-ammont eżistenti bejn is-salarju tagħhom u dak tal-uffiċjali li, minħabba l-età tagħhom, ġew ikklassifikati fi skala ogħla.

92      Barra minn hekk, lanqas ma tista’ b’mod retroattiv tikklassifika għal skala inferjuri uffiċjali ta’ età ikbar, minħabba l-kunsiderazzjonijiet, relatati mal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet kweżiti.

93      Filwaqt li rreferiet għas-sentenzi Terhoeve (C‑18/95, EU:C:1999:22, punt 57) u Landtová (C‑399/09, EU:C:2011:415, punt 51), din il-qorti tistaqsi, madankollu, peress li ġiet ikkonstatata diskriminazzjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u sakemm jiġu adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fis-salarju, jekk l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tistax tiġi żgurata biss permezz tal-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata l-istess vantaġġi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata.

94      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tislet il-konsegwenzi legali tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2000/78 ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

95      Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-sentenzi Terhoeve (EU:C:1999:22) u Landtová (EU:C:2011:415), il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li, meta d-dritt nazzjonali, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, jipprovdi trattament differenti fost diversi gruppi ta’ persuni u sakemm jiġu adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fis-salarju, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss permezz tal-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata l-istess vantaġġi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fil-kuntest ta’ dawn is-sentenzi, li s-sistema applikabbli għall-membri tal-grupp vantaġġat kienet tibqa’, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, l-unika sistema ta’ referenza valida.

96      Għandu jiġi rrilevat li din is-soluzzjoni tista’ tapplika biss fil-preżenza ta’ tali sistema ta’ referenza valida. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din ma teżistix fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha ma huwiex possibbli li tintgħażel kategorija ta’ uffiċjali vantaġġati. Fl-fatt, l-Artikoli 27 u 28 tal-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali japplikaw għall-uffiċjali kollha fl-impjieg tagħhom u, kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-aspetti diskriminatorji li jirriżultaw minnha li potenzjalment jaffettwaw l-uffiċjali kollha.

97      Minn dan jirriżulta li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 93 u 95 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi trasposta għall-kawżi pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

98      Fit-tielet lok għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa attribwibbli lilu, huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li huwa bbażat fuqhom dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Francovich et, EU:C:1991:428, punt 35; Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 31; kif ukoll Transportes Urbanos u Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 29).

99      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens dment li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Transportes Urbanos y Servicios Generales, EU:C:2010:39, punt 30).

100    L-implementazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istati Membri għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali, skont il-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq tali implementazzjoni (ara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, jipprojbixxi, b’mod ġenerali u inekwivoku, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, mhux oġġettivament ġustifikata, f’dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, li tkun b’mod partikolari bbażata fuq l-età tal-ħaddiem. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jikkonferixxu lill-individwi drittijiet li jistgħu jsostnu kontra l-Istati Membri.

102    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li hemm ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni jiġi stabbilit meta dan jimplika li l-Istat Membru jinjora, b’mod ċar u serju, il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu, peress li l-elementi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni tal-liġi li tinkiser kif ukoll il-livell tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-liġi li tinkiser tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali (sentenza Synthon, C‑452/06, EU:C:2008:565, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru jammonta għal kriterju importanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Robins et, C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 72).

103    F’dan il-każ, sabiex tevalwa jekk ksur tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 mill-Istat Membru kkonċernat kienx suffiċjentement serju, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri l-libertà li jipprovdu miżuri li jinkludu differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età kif ukoll marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fl-għażla mhux biss li jsegwu għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni ta’ miżuri kapaċi li jilħqu dan l-għan.

104    Għandu jiġi kkonstatat li n-natura u l-portata tal-obbligu tal-Istati Membri skont l-Artikoli 2(2) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-liġi preċedenti dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali, ġew ikkjarifikati u ppreċiżati mid-data tal-għoti tas-sentenza Hennigs u Mai (EU:C:2011:560).

105    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, tikkjarifika u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ, (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 58), hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, madankollu, in-natura u l-portata tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħux jitqiesu li huma ċari u preċiżi sa minn meta ngħatat is-sentenza Hennigs u Mai (EU:C:2011:560), biss, jiġifieri mit-8 ta’ Settembru 2001 (ara, b’analoġija, is-sentenza Hogan et, C-398/11, EU:C:2013:272, punti 51 u 52). F’ċerti każijiet, ikollu jiġi deċiż li ma kienx hemm ksur serju biżżejjed qabel din id-data.

106    F’dak li jikkonċerna t-tielet kundizzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, kif jidher li jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, teżistix rabta kawżali diretta bejn l-imsemmi ksur u d-dannu li jista’ jiġi sostnut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

107    Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja humiex sodisfatti sabiex, skont id-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinżamm responsabbli.

108    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jaqbel li r-risposta għar-raba’ domanda tkun kif ġej:

–        f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, ma jimponix li jingħata retroattivament lill-uffiċjali diskriminati ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni effettivament imħallsa u dik li tikkorrispondi għall-iskala l-iktar għolja tal-grad tagħhom;

–        hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja humiex sodisfatti sabiex, skont id-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titqies li hija responsabbli.

 Fuq it-tmien domanda

109    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għas-sitt u t-tmien domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tmien domanda.

 Fuq il-ħames domanda

110    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi l-obbligu għall-uffiċjal li jsostni dritt għal ħlas finanzjarju li ma jirriżultawx direttament mil-liġi f’terminu relattivament qasir, jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja.

111    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva jkunu aċċessibbli għall-persuni kollha li jħossuhom leżi min-nuqqas ta’ osservanza fir-rigward tagħhom tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, li tali obbligi tal-Istati Membri jkunu bla ħsara għar-regoli nazzjonali dwar termini mogħtija għall-preżentata ta’ rikors f’dak li jikkonċerna dan il-prinċipju. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta l-fatt li l-kwistjoni tat-termini sabiex tinbeda proċedura intiża sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni.

112    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-metodi proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari s-sentenza Meilicke et, C‑262/09, EU:C:2011:438, punt 55, kif ukoll Pelati, C‑603/10, EU:C:2012:639, punt 23).

113    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jikkonċerna l-kawżi prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda element li jippermettilha li tiddubita l-konformità ta’ regola bħal dik inkwistjoni f’dawn il-kawżi ma’ dan il-prinċipju.

114    F’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il‑kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi, taħt piena ta’ dekadenza, fl-interess taċ-ċertezza legali, li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, termini bħal dawn ma humiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza Meilicke et, EU:C:2011:438, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta għall-ħames domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, milli tipprovdi l-obbligu għall-uffiċjal li jsostni d-dritt għal ħlas finanzjarju li ma jirriżultax direttament mil-liġi f’terminu relattivament qasir, jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja li tkun għaddejja, jekk din ir-regola ma tkun tmur kontra la l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas kontra l-prinċipju ta’ effettività. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kawżi prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

116    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

2)      L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, għal kull grad ta’ kariga, l-iskala tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal tiġi ddeterminata, fil-mument tal-impjieg tiegħu, skont l-età tiegħu.

3)      L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi tal-klassifikazzjoni mill-ġdid, fi ħdan sistema ta’ remunerazzjoni ġdida, ta’ uffiċjali li diġà kienu saru uffiċjali permanenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni u li tipprovdi, minn naħa, li l-iskala ta’ salarju li issa ġew ikklassifikati fiha hija ddeterminata biss abbażi tal-ammont tas-salarju li kienu jirċievu skont is-sistema ta’ remunerazzjoni preċedenti, meta din tal-aħħar kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-uffiċjal, u, min-naħa l-oħra, li l-progress ulterjuri fuq l-iskala l-ġdida ta’ salarju hija issa ddeterminata esklużivament abbażi tal-esperjenza professjonali miksuba mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

4)      F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, ma jimponix li jingħata retroattivament lill-uffiċjali diskriminati ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni effettivament imħallsa u dik li tikkorrispondi għall-iskala l-iktar għolja tal-grad tagħhom.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja humiex sodisfatti sabiex, skont id-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titqies li hija responsabbli.

5)      Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi l-obbligu għall-uffiċjal li jsostni d-dritt għal ħlas finanzjarju li ma jirriżultax direttament mil-liġi f’terminu relattivament qasir, jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja li tkun għaddejja, jekk din ir-regola ma tkun tmur kontra la l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas kontra l-prinċipju ta’ effettività. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kawżi prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.