Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Diċembru 2011 - Treofan Holdings u Treofan Germany vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-612/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Treofan Holdings GmbH (Raunheim, il-Ġermanja); u Treofan Germany GmbH & Co. KG (Neunkirchen, il-Ġermanja) (rappreżentant: J. de Weerth, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 275, tas-26 ta' Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C-7/10 implimentata mill-Ġermanja [("]Skema għar-riport ta' telf ta' taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà["),] "Sanierungsklausel", kif emendata bid-Deċiżjoni C (2011) 2608, tal-15 ta' April 2011;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi segwenti.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-miżura ta' trasferiment ta' telf ma hijiex għajnuna mogħtija mir-riżorsi tal-Istat

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti fost oħrajn isostnu li, il-klawżola dwar it-trasferiment ta' telf (iktar 'il quddiem is-"Sanierungsklausel") ma tagħti ebda vantaġġ finanzjarju, iżda pjuttost tindika l-assi eżistenti, fil-forma ta' trasferiment ta' telf, li mhux ser jiġi revokat. Għalhekk, fl-opinjoni tar-rikorrenti ma hemm l-ebda finanzjament mir-riżorsi tal-Istat.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: nuqqas ta' selettività insegwitu għall-fatt li s-Sanierungsklausel ma tikkostitwixxix eċċezzjoni għas-sistema ta' referenza rilevanti

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, ir-regoli ġenerali dwar it-trasferiment ta' telf ta' kumpanniji [Artikolu 10d tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul - Einkommensteuergesetz -, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tal-KStG u l-Artikolu 10a tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kummerċ - Gewerbesteuergesetz] jifformaw is-sistema ta' referenza rilevanti u li r-restrizzjoni mill-Artikolu 8c tal-KStG tikkostitwixxi biss eċċezzjoni għal din is-sistema ta' referenza, li min-naħa tagħha kienet parzjalment limitata mis-Sanierungsklausel.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: nuqqas ta' selettività insegwitu għall-fatt li s-Sanierungsklausel ma tagħmilx distinzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi li jinsabu f'sitwazzjoni ta' dritt u ta' fatt simili fir-rigward tal-għan imfittex

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti b'mod partikolari fost affarijiet oħra ssostni li s-Sanierungsklausel hija ta' benefiċċju għall-impriżi kollha taxxabbli u li ma tiffavorixxix ċerti setturi jew jew ċerti oqsma ta' attività u lanqas impriżi ta' ċertu daqs.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: nuqqas ta' selettività insegwitu għall-fatt li l-leġiżalzzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura interna tas-sistema fiskali Ġermaniża

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li s-Sanierungsklausel hija ġġustifikata mill-ekonomija tas-sistema fiskali Ġermaniża, billi din hija ispirata minn prinċipji kostituzzjonali bħall-prinċipju ta' kapaċità kontributtiva, il-prinċipju ta' proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju li jfittex li tiġi evitata kull tassazzjoni sproporzjonata.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: żball manifest ta' evalwazzjoni minħabba f'analiżi insuffiċjenti tad-dritt fiskali Ġermaniż

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tinjora l-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża fuq it-tnaqqis tat-telf.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-invokazzjoni tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, kif stabbilit mid-dritt tal-Unjoni

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti tippreċiża fost affarijiet oħra li l-Kummissjoni kkunsidrat għall-ewwel darba f'proċedura formali ta' investigazzjoni l-privileġġi fiskali li jibbenefikaw minnhom ix-xerrejja ta' azzjonijiet fil-qasam tat-tnaqqis tat-telf fil-kuntest tas-Sanierungsklausel ta' impriża u ssostni li dan l-approċċ huwa wieħed mhux tas-soltu, li l-leġiżlatur, il-qrati speċjalizzati u l-ġestjoni finanzjarja kif ukoll il-kumpaniji nfushom wara l-parir iddettaljat ta' espert ma kienx jista' jiġi rikonoxxut.

____________