Language of document : ECLI:EU:F:2013:26

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

28 ta’ Frar 2013

Kawża F‑51/11

Dimitrios Pachtitis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Annullament tad-deċiżjoni li l-kandidat ma jiġix ammess għall-fażi suċċessiva ta’ kompetizzjoni — Eżekuzzjoni ta’ sentenza — Deċiżjoni li terġa’ tinfetaħ proċedura ta’ kompetizzjoni ġenerali u li jiġi mistieden il-kandidat illegalment eskluż biex jipparteċipa mill-ġdid fl-eżamijiet ta’ ammissjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. Pachtitis jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li terġa’ tinfetaħ il-proċedura ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06 u li jiġi mistieden jipparteċipa mill-ġdid fl-eżamijiet ta’ ammissjoni tal-imsemmija kompetizzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Portata — Teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-motivazzjoni kif ukoll tad-dispożittiv tas-sentenza — Annullament tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla li kandidat ma jiġix ammess għall-fażi suċċessiva ta’ kompetizzjoni — Ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni fir-rigward tar-rikorrent biss — Modalità ta’ eżekuzzjoni adegwata

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27)

Wara sentenza ta’ annullament, l-istituzzjoni kkonċernata għandha l-obbligu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tħassar l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati, liema obbligu, fil-każ ta’ att li diġà ġie eżegwit, jinkludi t-tqegħid tar-rikorrent fis-sitwazzjoni ġuridika li fiha huwa kien jinsab qabel dan l-att.

Biex tagħmel dan, l-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att annullat għandha l-obbligu li tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal din is-sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tagħha, fis-sens li huma indispensabbli biex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni kkunsidrata illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat.

Barra minn hekk, għalkemm hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tiddetermina liema huma l-miżuri meħtieġa biex tiġi eżegwita s-sentenza ta’ annullament, is-setgħa diskrezzjonali li hija għandha hija limitata mill-ħtieġa li jiġu osservati kemm id-dispożittiv u l-motivi tal-imsemmija sentenza kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, l-istituzzjoni konvenuta għandha tevita b’mod partikolari li l-miżuri adottati jkunu vvizzjati bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament.

F’dan ir-rigward, fejn jikkonċerna kompetizzjoni ġenerali organizzata għall-kostituzzjoni ta’ riżerva ta’ reklutaġġ li l-eżamijiet tagħha kienu vvizzjati, id-drittijiet ta’ kandidat huma adegwatament protetti jekk l-Awtorità tal-Ħatra tiftaħ mill-ġdid, fir-rigward tiegħu, il-kompetizzjoni intiża għall-kostituzzjoni ta’ lista ta’ riżerva, fejn tali ftuħ mill-ġdid jinkludi l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni kif kienet qabel ma seħħew il-fatti ċċensurati mill-qorti.

Min-naħa l-oħra, is-soluzzjoni li tikkonsisti fl-ammissjoni tar-rikorrent biex jipparteċipa fit-tieni fażi tal-kompetizzjoni mingħajr ma jkollu jerġa’ jgħaddi l-eżamijiet ta’ ammissjoni, ma tistax tiġi aċċettata mill-Bord tal-Għażla mingħajr ma tikser mhux biss il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-prinċipju ta’ oġġettività tal-evalwazzjoni u l-avviż ta’ kompetizzjoni, iżda wkoll l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 43 sa 45, 48 u 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Lulju 2000, Gómez de Enterría y Sanchez vs Il‑Parlament, C‑8/99 P, punt 22

Il-Qorti Ġenerali: 13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il‑Kummissjoni, T‑283/03, punt 51; 5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il‑Kummissjoni, T‑119/99, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 20 ta’ Ġunju 2012, Menidiatis vs Il‑Kummissjoni, F‑79/11, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata; 13 ta’ Diċembru 2012, Honnefelder vs Il‑Kummissjoni, F‑42/11, punti 45, 46, 50 u 52, u l-ġurisprudenza ċċitata