Language of document : ECLI:EU:F:2014:243

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

11 ta’ Novembru 2014

Kawża F‑52/11

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Fastidju psikoloġiku — Proċedura ta’ investigazzjoni — Rapport tal-kumitat ta’ investigazzjoni — Definizzjoni żbaljata tal-fastidju psikoloġiku — Deċiżjoni tal-President tal-BEI li ma jintlaqax l-ilment — Annullament — Rikors għal kumpens”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu C. De Nicola jitlob, essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2010 li permezz tiegħu l-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) ċaħad l-ilment tiegħu għal fastidju psikoloġiku u “istituzzjonalizzat” u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-BEI għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni li huwa jqis li ġarrab minħabba l-imsemmi fastidju.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal 1 ta’ Settembru 2010 li permezz tagħha l-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment ċaħad l-ilment minħabba fastidju psikoloġiku ta’ C. De Nicola hija annullata. Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa kkundannat iħallas lil C. De Nicola l-ammont ta’ EUR 3 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn C. De Nicola.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Att preparatorju — Opinjoni tal-Kumitat ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-fastidju

(Kodiċi ta’ kondotta tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 3.6; Politika fil-qasam tad-dinjità fix-xogħol tal-Bank Ewropew tal-Investiment, punt 5.5)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Preġudizzju fuq l-istima personali u għall-kunfidenza personali — Assenza ta’ rekwiżit ta’ intenzjoni malizzjuża tal-persuna li tikkawża fastidju

(Kodiċi ta’ kondotta tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 3.6.1; Politika fil-qasam tad-dinjità fix-xogħol tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 2.1)

3.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

1.      Huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti tali li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b’mod serju, is-sitwazzjoni ġuridika ta’ dan tal-aħħar, li jikkawżaw preġudizzju. Meta jkun hemm atti jew deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir fuq numru ta’ fażijiet, b’mod partikolari wara li jkun hemm proċedura interna, bħala prinċipju huma biss il-miżuri li jiffissaw b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-amministrazzjoni fi tmiem din il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom hu li jippreparaw id-deċiżjoni finali. L-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u huwa biss meta jkun hemm rikors kontra d-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura li r-rikorrent jista’ jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti marbuta strettament magħha.

L-opinjoni tal-Kumitat ta’ investigazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment kompetenti fir-rigward tal-politika fil-qasam tad-dinjità tax-xogħol tikkostitwixxi att preparatorju tad-deċiżjoni finali adottata mill-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Għaldaqstant peress li l-opinjoni tal-imsemmi Kumitat ta’ investigazzjoni ma hijiex att li fih innifsu jista’ jiġi kkontestat, it-talbiet intiżi għall-annullament tagħha għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

Min-naħa l-oħra, l-illegalità tal-opinjoni tal-imsemmi Kumitat ta’ investigazzjoni tista’ tiġi invokata insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni finali adottata mill-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Fil-fatt, mir-regolament intern intitolat “Politika fil-qasam tar-rispett tad-dinjità tal-persuna fix-xogħol”, adottat mill-Bank Ewropew tal-Investiment u msemmi fl-Artikolu 3.6 tal-Kodiċi ta’ kondotta tal-persunal tal-Bank, jirriżulta li l-opinjoni tal-Kumitat ta’ investigazzjoni tikkostitwixxi formalità sostanzjali li, konsegwentement, jekk ma tiġix osservata, minħabba irregolaritajiet ta’ natura sostantiva jew proċedurali, tivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni tal-President tal-Bank adottata abbażi tal-imsemmija opinjoni.

(ara l-punti 142, 144 u 145)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: sentenza D vs BEI, T‑275/02, EU:T:2005:8, punti 43 sa 46, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza, Donati vs BĊE, F‑63/09, EU:F:2012:193, punt 139

2.      Skont l-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-fastidju psikoloġiku huwa ddefinit bħala r-ripetizzjoni, matul perijodu pjuttost twil, ta’ intenzjonijiet, ta’ attitudnijiet jew ta’ aġir ostili jew mhux f’waqthom, espressi jew immanifestati minn membru jew numru ta’ membri tal-persunal lejn membru tal-persunal ieħor. Il-politika fil-qasam tad-dinjità tax-xogħol tal-Bank tispeċifika li l-fatt li l-aġir inkwistjoni jkunx intenzjonali jew le ma huwiex rilevanti. Il-prinċipju determinanti huwa li l-fastidju u l-intimidazzjoni huma aġir mhux mixtieq u inaċċettabbli li jippreġudikaw l-istima personali u l-kunfidenza personali tal-persuna li tkun suġġetta għalih.

Għalhekk, fir-rigward tar-regolamentazzjoni interna tal-Bank, ikun hemm fastidju psikoloġiku, li jagħti lok għal obbligu ta’ assistenza mill-Bank, meta l-intenzjonijiet, l-attitudnijiet jew l-aġir tal-persuna li tikkawża fastidju jikkawżaw oġġettivament, u għaldaqstant minħabba l-kontenut tiegħu, preġudizzju għall-istima personali u għall-kunfidenza personali tal-persuna li tkun suġġetta għalih fi ħdan il-Bank.

L-opinjoni tal-Kumitat ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ fastidju psikoloġiku li tirrikjedi li aġir ikun intenzjonali sabiex jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku ma hijiex konformi ma’ din ir-regolamentazzjoni interna vinkolanti.

(ara l-punti 143, 149, 150 u 154)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza CG vs BEI, F‑103/11, EU:F:2014:185, punt 69

3.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Dawn il-punti għandhom ikunu biżżejjed ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi, li fuqhom jibbaża ruħu, jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu.

Għandu jingħad ukoll li r-rwol essenzjali tal-avukat, bħala awżiljarju tal-ġustizzja, huwa preċiżament dak li jserraħ it-talbiet tar-rikors fuq il-bażi ta’ argumentazzjoni legali li tinftiehem b’mod suffiċjenti u koerenti, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura bil-miktub tat-Tribunal tas-Servizz Pubbliku bħala prinċipju jinvolvi biss skambju wieħed ta’ noti.

(ara l-punti 161 u 162)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza AH vs Il‑Kummissjoni, F‑76/09, EU:F:2011:12, punti 29 u 31, u l-ġurisprudenza ċċitata