Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-331/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: N. Ruiz García u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13(7) u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma 1 , sa fejn jirrigwarda l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċini tax-xmara għad-distretti b’baċini tax-xmara ES122 Fuerteventura, ES123 Lanzarote u ES125 La Palma;

tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji ta’ l-għargħar 1 fir-rigward tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar għad-distretti b’baċini tax-xmara ES122 Fuerteventura, ES123 Lanzarote u ES125 La Palma; u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn Spanja ma eżaminatx mill-ġdid u ma aġġornatx il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċini tax-xmara għad-distretti b’baċini tax-xmara ES122 Fuerteventura, ES123 Lanzarote u ES125 La Palma, minkejja li l-limitu ta’ żmien sabiex tagħmel dan skada fit-22 ta’ Diċembru 2021, u għalhekk lanqas ma bagħtet dawn il-pjanijiet eżaminati mill-ġdid lill-Kummissjoni qabel it-22 ta’ Marzu 2022, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 13(7) u 15(1) tad-Direttiva 2000/60/KE.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn Spanja ma eżaminatx mill-ġdid u lanqas ma aġġornat, f’każ ta’ bżonn, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju tal-għargħar għad-distretti b’baċini tax-xmara ES122 Fuerteventura, ES123 Lanzarote u ES125 La Palma, minkejja li l-limitu ta’ żmien sabiex tagħmel dan skada fit-22 ta’ Diċembru 2021, u għalhekk lanqas ma bagħtet dawn il-pjanijiet lill-Kummissjoni sat-22 ta’ Marzu 2022, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 14(3) u 15(1) tad-Direttiva 2007/60/KE.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70.

1 ĠU 2007, L 288, p. 27.