Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fis-27 ta’ Marzu 2024 – A Oy

(Kawża C-232/24, Kosmiro 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A Oy

Konvenut: Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö

Domandi preliminari

F’sitwazzjoni fejn kumpannija ta’ fatturament takkwista mingħand klijent iċ-ċessjoni ta’ krediti ffatturati futuri, b’tali mod li r-riskju li dawn il-krediti ma jkunux onorati jgħaddi mingħand il-klijent għal għand il-kumpannija (fatturament fil-forma ta’ ċessjoni ta’ krediti):

il-kummissjoni ta’ finanzjament li żżomm din il-kumpannija, li tikkonsisti f’perċentwali ta’ kull kreditu ffatturat li jaqa’ taħt il-ftehim ta’ fatturament, għandha titqies li tikkostitwixxi aġġustament tal-prezz taċ-ċessjoni tal-krediti jew hija element ieħor li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 1 , jew inkella

l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imsemmija kumpannija tipprovdi lill-klijent tagħha, bħala korrispettiv għall-kummissjoni ta’ finanzjament imsemmija fil-parti (a), servizz bi ħlas li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva?

L-ispejjeż stabbiliti minn qabel għall-preparazzjoni tal-fajl, li jinġabru mingħand il-klijent fil-kuntest ta’ fatturament fil-forma ta’ ċessjoni ta’ krediti, għall-finijiet li jitħejjew u jinbdew il-passi marbuta mal-fatturament, għandhom jitqiesu li huma l-korrispettiv għall-provvista lil dan il-klijent ta’ servizz li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112?

Fil-każ li somma mħallsa inkonnessjoni ma’ fatturament fil-forma ta’ ċessjoni ta’ krediti, fis-sens tal-ewwel jew tat-tieni domanda, titqies li hija l-korrispettiv għal provvista ta’ servizz li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112,

l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, dwar l-għoti ta’ krediti, jew l-Artikolu 135(1)(d) tagħha, dwar it-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-pagamenti jew il-krediti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kummissjoni ta’ finanzjament jew l-ispejjeż għall-preparazzjoni tal-fajl, li jinġabru mingħand il-klijent, għandhom jitqiesu bħala l-korrispettiv għall-provvista ta’ servizz li jgawdi minn eżenzjoni, jew inkella

l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li hawnhekk qegħdin nitkellmu dwar il-korrispettiv għall-kollezzjoni ta’ debiti, li għandha titqies li hija servizz taxxabbli, jew dwar il-korrispettiv għal servizz ieħor taxxabbli?

F’sitwazzjoni fejn kumpannija ta’ fatturament tiffinanzja lill-klijent tagħha billi tagħtih linja ta’ kreditu, b’tali mod li l-krediti ffatturati ta’ dan il-klijent iservu de facto bħala garanzija għall-finanzjament mogħti minn din il-kumpannija (fatturament fil-forma ta’ finanzjament iggarantit bil-fatturi),

l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, dwar l-għoti ta’ krediti, jew l-Artikolu 135(1)(d) tagħha, dwar it-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-pagamenti jew il-krediti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kummissjoni ta’ finanzjament mħallsa mill-klijent, li tikkonsisti f’perċentwali ta’ kull kreditu ffatturat li jaqa’ taħt il-ftehim ta’ fatturament, kif ukoll l-ispejjeż stabbiliti minn qabel għall-preparazzjoni tal-fajl għall-finijiet li jitħejjew u jinbdew il-passi marbuta mal-fatturament, għandhom jitqiesu, minn tal-inqas parzjalment, bħala l-korrispettiv għall-provvista ta’ servizz eżentat mill-VAT, jew inkella

l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li hawnhekk qegħdin nitkellmu dwar il-korrispettiv għall-kollezzjoni ta’ debiti, li għandha titqies li hija servizz taxxabbli, jew dwar il-korrispettiv għal servizz ieħor taxxabbli?

Fil-każ li l-kummissjoni ta’ finanzjament jew l-ispejjeż għall-preparazzjoni tal-fajl imħallsa fil-kuntest tal-fatturament fil-forma ta’ ċessjoni ta’ krediti jew tal-fatturament fil-forma ta’ finanzjament iggarantit bil-fatturi jitqiesu li huma fl-intier tagħhom, fil-kuntest tat-tielet u tar-raba’ domanda, li huma l-korrispettiv għal servizz taxxabbli, l-impożizzjoni ta’ dan is-servizz skont id-Direttiva 2006/112 hija ċara u inkundizzjonata biżżejjed sabiex, fuq talba tal-persuna taxxabbli, jiġi rrikonoxxut li għandha effett dirett, minkejja li l-eżenzjoni mill-VAT prevista fid-dritt nazzjonali dwar il-VAT tkopri wkoll, minbarra l-għoti ta’ krediti, il-mekkaniżmi l-oħra ta’ finanzjament?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.