Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fid-19 ta’ Jannar 2024 – G.L. vs AB SpA

(Kawża C-38/24, Bervidi 1 )

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: G.L.

Konvenut: AB SpA

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat, possibbilment anki abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, fis-sens li persuna membru tal-familja li tagħti kura lil minuri serjament diżabbli, li ssostni li sofriet diskriminazzjoni indiretta fil-kuntest tax-xogħol bħala konsegwenza tal-attività ta’ kura pprovduta minnha, hija intitolata li tinvoka l-protezzjoni anti-diskriminatorja rrikonoxxuta lill-istess persuna diżabbli, kieku din tal-aħħar kienet il-ħaddiem, skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 1 ?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv [għall-ewwel domanda], id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, possibbilment anki abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, fis-sens li l-persuna li timpjega lill-persuna li tagħti kura msemmija iktar ’il fuq għandha l-obbligu li tadotta soluzzjonijiet raġjonevoli biex tiżgura, anki favur l-imsemmija persuna li tagħti kura, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-konfront tal-ħaddiema l-oħra, skont il-mudell stabbilit għall-persuni b’diżabbiltà mill-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv [għall-ewwel u għat-tieni domanda], id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, possibbilment anki abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, fis-sens li, għal persuna li tagħti kura għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 għandha tinftiehem kwalunkwe persuna, li tappartjeni għaċ-ċirku familjari jew li hija sieħeb de facto, li tagħti kura f’kuntest domestiku, anki b’mod informali, mingħajr ħlas, kwantitattivament sinjifikattiv, esklużiva, kontinwa u għal żmien twil lil persuna li, minħabba d-diżabbiltà serja tagħha stess, assolutament ma hijiex awtosuffiċjenti biex twettaq atti tal-ħajja ta’ kuljum, jew id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li d-definizzjoni ta’ persuna li tagħti kura inkwistjoni għandha portata usa’ jew ħafna iktar ristretta minn kif imsemmi iktar ’il fuq?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.