Language of document : ECLI:EU:C:2022:330

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑28 ta’ April 2022 (1)

Kawża C597/20

Polskie Linie Lotnicze “LOT” S.A.

vs

Budapest Főváros Kormányhivatala

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(1)(ċ) u Artikolu 7 – Kumpens lill-passiġġieri – Artikolu 16 – Missjoni tal-organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-regolament – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil dan l-organu s-setgħa li jordna lil trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens dovut lil passiġġier”






I.      Introduzzjoni

1.        Skont l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (2), jista’ Stat Membru jagħti lill-organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament is-setgħa li jordna lil trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens dovut lil passiġġier minħabba l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjira tiegħu?

2.        Ir-risposta għal din id-domanda magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) għandha tippermetti li jiġu ċċarati l-kompetenzi devoluti lil tali organu u, b’hekk, li tiġi speċifikata l-portata tal-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat fis-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Ruijssenaars et (3).

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser insemmi r-raġunijiet għalfejn nikkunsidra li tali dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha Stat Membru jagħti lill-organu nazzjonali tiegħu tali setgħa ta’ restrizzjoni, sakemm, madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma ċċaħħadx lit-trasportatur tal-ajru mill-possibbiltà li jiftaħ kawża quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti sabiex jikkontesta l-benefiċċju tal-kumpens hekk mitlub mingħandu.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

4.        Il-premessi 1, 21 u 22 tar-Regolament 261/2004 jipprovdu:

“(1)      Azzjoni [mill-Unjoni Ewropea] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(21)      Stati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għal vjolazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jassiguraw li dawn is-sanzjonijiet huma applikati. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u imġiegħla.

(22)      Stati Membri għandhom jassiguraw u jissorveljaw ħarsien ġenerali mil-trasportaturi ta’ l-ajru tagħhom ma’ dan ir-Regolament u jinnominaw korp xieraq biex iwettaq dawn il-kompiti ta’ infurzar. Din is-sorveljanza m’għandhiex taffettwa d-drittijiet ta’ passiġġieri u trasportaturi ta’ l-ajru biex ifittxu rimedju legali minn qrati taħt proċeduri ta’ liġi nazzjonali.”

5.        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

[…]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

6.        L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas;

(b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilomentru:

(ċ)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.      Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

(a)      b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas; jew

(b)      b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

(ċ)      b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

[…]”

7.        L-Artikolu 16 tal-istess regolament, intitolat “Ksur tar-Regolament”, jipprevedi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jinnomina organu responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ titjiriet minn ajruporti li jinstabu fit-territoju tiegħu u titjiriet minn pajjiż terz għal dawn l-ajruporti. Fejn xieraq, dan l-organu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li d-drittijiet ta’ passiġġieri huma mħarsa. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni [Ewropea] ta’ l-organu li ġie nnominat skond dan il-paragrafu.

2.      Bla ħsara għall-Artikolu 12, kull passiġġier jista’ jagħmel ilment lil kwalunkwe organu nnominat taħt il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe organu kompetenti ieħor innominat minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta’ dan ir-Regolament fi kwalunkwe ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru jew fir-rigward ta’ kwalunkwe titjira minn pajjiż terz għal ajruport li jinstab f’dak it-territorju.

3.      Is-sanzjonijiet stabbiliti minn Stati Membri għal ksur ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u imġiegħla.”

B.      Iddritt Ungeriż

8.        L-Artikolu 43/A(2) tal-a fogyasztóvédelemről szóló 1997. évi CLV. törvény (il-Liġi Nru CLV tal-1997 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi) (4) tal‑15 ta’ Diċembru 1997 jipprovdi:

“L-awtorità għall-protezzjoni tal-konsumatur hija responsabbli għall-applikazzjoni – jekk ikun meħtieġ wara konsultazzjoni mal-awtorità tal-avjazzjoni ċivili – tar-Regolament [(UE)] Nru 2017/2394 [(5)] fil-każ ta’ ksur imwettaq fl-[Unjoni] tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 […]”

9.        Skont l-Artikolu 47(1)(c) u (i) ta’ din il-liġi, din l-awtorità għandha l-fakultà li tobbliga lill-impriża kkonċernata li ttemm f’terminu ddeterminat in-nuqqasijiet jew il-lakuni hekk ikkonstatati kif ukoll is-setgħa li timponi multa imsejħa tal-“protezzjoni tal-konsumaturi”.

III. Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

10.      Wara dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat ta’ titjira bejn New York (l-Istati Uniti) u Budapest (l-Ungerija) operata mill-kumpannija Polskie Linie Lotnicze “LOT” SA (6), diversi passiġġieri adixxew lill-Budapest Főváros Kormányhivatala (l-Ispettorat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur fis-Servizzi tal-Gvern Iddeċentralizzati ta’ Budapest, l-Ungerija) (7) sabiex din tal-aħħar tikkundanna lit-trasportatur tal-ajru jħallashom, bħala kumpens għall-ksur tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, il-kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

11.      B’deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2020, l-Ispettorat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur ikkonstata li LOT kienet kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1)(ċ) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 u ordnaha tħallas lill-passiġġieri kkonċernati kumpens ta’ EUR 600 għal kull persuna u li fil-futur tħallas l-istess kumpens lil kull passiġġier li jressaq ilment simili. L-Ispettorat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur jindika li, skont l-Artikolu 43/A(2) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi, li jittrasponi r-rekwiżiti tal-Artikolu 16(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, huwa għandu s-setgħa li jġiegħel lit-trasportaturi tal-ajru jtemmu ksur tal-imsemmi regolament f’terminu ddeterminat.

12.      Adita b’rikors intiż għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-portata tas-setgħat li għandu l-Ispettorat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur. F’dan il-kuntest, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 għandu jiġi interpretat fis-sens li organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament, li quddiemu jkunu tressqu lmenti individwali min-naħa ta’ passiġġieri, ma jistax jobbliga lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat jagħti l-kumpens dovut lill-passiġġieri skont ir-Regolament?”

13.      LOT, l-Ispettorat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, il-Gvern Ungeriż, Olandiż u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit‑2 ta’ Frar 2022.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjoni preliminari

14.      L-eżami tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jeħtieġ li tiġi fformulata osservazzjoni preliminari dwar il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet legali oħrajn minbarra dawk espressament imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

15.      Il-kwistjoni tqum fir-rigward tad-dispożizzjonijiet previsti mir-Regolament 2017/2394 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(4)(f) tiegħu.

16.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament “jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, wara li jkunu ġew nominati mill-Istati Membri tagħhom bħala responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, jikkooperaw u jikkoordinaw azzjonijiet ma’ xulxin u mal-Kummissjoni, sabiex jinfurzaw il-konformità ma’ dawk il-liġijiet u jiżguraw il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u sabiex itejbu l-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi”.

17.      Skont il-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2017/2394 u l-anness tiegħu, il-“liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi” jinkludu dawk previsti fir-Regolament Nru 261/2004.

18.      Issa, fl-Artikolu 9(4)(f) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi dan li ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti [jiġifieri kwalunkwe awtorità pubblika stabbilita fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u nnominata minn Stat Membru bħala responsabbli mill-infurzar tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (8)] għandu jkollhom mill-inqas is-setgħat ta’ infurzar li ġejjin:

[…]

f)      is-setgħa li jwaqqfu jew jipprojbixxu każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament;

[…]”

19.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-kwistjoni hija dwar jekk id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu jistgħux ikunu rilevanti għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tan-natura u tal-portata tas-setgħat hekk fdati lill-organi nazzjonali, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004.

20.      Għar-raġunijiet li ser insemmi issa, jiena tal-fehma, bħall-pożizzjonijiet espressi mill-partijiet waqt is-seduta, li tali dispożizzjonijiet ma humiex utli għall-finijiet tal-analiżi.

21.      Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tiegħu, ir-Regolament 2017/2394 japplika “għal każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, każijiet ta’ ksur mifrux u każijiet ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, anke jekk dak il-ksur ikun waqaf qabel ma jinbeda jew jitlesta l-infurzar”. Issa, mill-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan il-ksur kollu huwa ddefinit bħala li jirreferi għal atti jew għal ommissjonijiet kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur, li għamlu ħsara, jagħmlu ħsara jew li jistgħu jagħmlu ħsara lill-“interessi kollettivi” ta’ dawn tal-aħħar.

22.      Fil-Linji Gwida Interpretattivi tagħha (9), il-Kummissjoni għalhekk enfasizzat li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 “għandhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-[Regolament (KE) Nru 2006/2004 (10)] dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi fejn l-interessi kollettivi tal-konsumaturi jkunu kkonċernati f’kuntest transfruntiera” (11).

23.      Issa, għalkemm l-organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 jiddefendi, fil-missjoni primarja tiegħu, l-interessi kollettivi tal-passiġġieri tal-ajru, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tinsab f’kuntest differenti ħafna li jirrigwarda d-difiża tal-interessi individwali ta’ dawn il-passiġġieri. Fil-fatt, id-dritt għal kumpens stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament huwa parti mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ trasport konkluż bejn il-passiġġier u t-trasportatur tal-ajru. Is-setgħa ta’ restrizzjoni, li dan l-organu jkollu wara ilment individwali, ikun għalhekk użat fl-interess mhux ta’ grupp ta’ individwi iżda ta’ individwu iddeterminat sew. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tirreferi għall-interessi kollettivi tal-konsumaturi bħala li jirreferu għal sitwazzjoni “li [teċċedi] l-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-kawża” (12). Il-kunċett ta’ interess kollettiv (13) u dak ta’ interess individwali huma distinti. Minn dan isegwi li teżisti kontradizzjoni manifesta bejn il-kuntest li fih isseħħ il-kawża prinċipali u s-sitwazzjonijiet li għalihom japplika r-Regolament 2017/2394, ikkaratterizzata b’mod partikolari mill-għan ta’ dan tal-aħħar li jipproteġi l-“interessi kollettivi tal-konsumaturi bħala kategorija(14).

24.      Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament għall-finijiet tal-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju.

25.      Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-analiżi tiegħi, ser nirreferi għad-dispożizzjonijiet stabbiliti mir-regolamenti fis-seħħ għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru b’diżabbiltà u tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija, bil-baħar jew bix-xarabank u bil-kowċ (15). Ċertament, id-diversi modi ta’ trasport ikkonċernati ma humiex komparabbli u, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries (16), il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jiżgura livell ta’ protezzjoni identiku għal kull wieħed minn dawn il-mezzi ta’ trasport (17). Madankollu, bħar-Regolament Nru 261/2004, dawn it-testi kollha jipprevedu n-nomina ta’ organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-regolament ikkonċernat. Fis-sentenza Irish Ferries, il-Qorti tal-Ġustizzja ma naqsitx milli tinnota l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta “approċċ unifikat” fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċetti użati fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti (18). Dan huwa, pereżempju, il-każ tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, użat fi kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-passiġġieri kemm tal-ajru kif ukoll tal-baħar (19). Għalhekk jidhirli li jkun utli li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda f’dawn ir-regolamenti dwar l-għoti lill-organu nazzjonali responsabbli sabiex iħares ir-rispett tad-drittijiet tal-passiġġieri.

B.      Fuq iddomanda preliminari

26.      Permezz tad-domanda preliminari unika tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ikollu s-setgħa li jordna lit-trasportaturi tal-ajru jħallsu l-kumpens previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira (20).

27.      Kif urejt, ir-risposta għal din id-domanda għandha tippermetti li tiġi ċċarata l-portata tas-setgħat mogħtija lil dan l-organu nazzjonali skont il-prinċipji diġà identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ruijssenaars et.

28.      Fis-sentenza Ruijssenaars et, li d-dispożittiv tagħha qiegħed nirriproduċih, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“Artikolu 16 tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-organu nnominat minn kull Stat Membru skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, meta jirċievi lment individwali ta’ passiġġier wara r-rifjut ta’ trasportatur bl-ajru li jħallsu l-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, ma huwiex obbligat li jadotta miżuri koerċittivi fil-konfront ta’ dan it-trasportatur maħsuba sabiex iġiegħlu lil dan tal-aħħar iħallas dan il-kumpens” (21).

29.      Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq tliet kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat l-ewwel fir-raġunament tagħha. L-ewwel minn dawn il-kunsiderazzjonijiet tirrigwarda t-termini stess tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 (il-punti 28 sa 32 tas-sentenza Ruijssenaars et), it-tieni tirrigwarda l-għanijiet ta’ dan ir-regolament (il-punt 33 tas-sentenza Ruijssenaars et) u, fl-aħħar nett, it-tielet tirrigwarda l-allokazzjoni tar-rwoli mogħtija rispettivament lill-organi nazzjonali u lill-qrati nazzjonali (punt 35 tas-sentenza Ruijssenaars et) (22). Dan ir-raġunament wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma imponiex fuq l-Istati Membri l-obbligu li jagħtu lill-organi nazzjonali tagħhom is-setgħa li jadottaw miżuri ta’ infurzar kontra t-trasportaturi tal-ajru sabiex jiksbu l-ħlas tal-kumpens dovut lill-passiġġieri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali interpretazzjoni ppermettiet li tiġi evitata kull differenza ta’ evalwazzjoni li tkun ta’ preġudizzju għad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru bejn, minn naħa, l-organi nazzjonali li jkunu responsabbli għall-ipproċessar tal-ilmenti individwali u, min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali li jiġu aditi b’azzjonijiet individwali intiżi għall-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 (il-punt 34 tas-sentenza Ruijssenaars et).

30.      Madankollu, fit-tieni parti tar-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet obiter dictum, li huwa fformulat kif ġej:

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet kif ukoll tal-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri fl-għoti tal-kompetenzi li jkunu jixtiequ jagħtu lill-organi msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004 […] l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, bil-għan li jagħmlu tajjeb għall-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru, li jawtorizzaw lill-organi msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament sabiex jadottaw miżuri li jsegwu l-ilmenti individwali.” (23)

31.      Dan il-punt għandu jinftiehem bħala li jirrifletti l-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-organi nazzjonali tagħhom inkarigati mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament setgħa li jagħtu ordni fil-kuntest tal-missjoni li ngħatatilhom mill-Artikolu 16 ta’ dan tal-aħħar.

32.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, filwaqt li LOT tibbaża ruħha fuq l-ewwel stadju tar-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ruijssenaars et sabiex tikkontesta l-attribuzzjoni ta’ tali kompetenza lill-Ispettorat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, dan tal-aħħar jibbaża ruħu, mill-banda l-oħra, fuq it-tieni stadju ta’ dan ir-raġunament sabiex tiġi stabbilita s-setgħa li ġiet b’hekk mogħtija lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk hija mistiedna tiċċara l-portata ta’ dan l-obiter dictum. Għall-finijiet ta’ din il-kjarifika, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, it-termini tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004, iżda wkoll l-istruttura u l-għanijiet ta’ dan ir-regolament, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet fil-ġurisprudenza tagħha.

33.      Din il-kjarifika hija essenzjali peress li l-konsegwenzi prattiċi li jirriżultaw mis-setgħat disponibbli għall-organi nazzjonali huma kbar, b’mod partikolari għall-eluf ta’ passiġġieri affettwati kull sena mill-kanċellazzjoni jew mid-dewmien twil tat-titjira tagħhom. Din il-kjarifika ser tagħmilha wkoll possibbli li jitwieġbu t-talbiet mill-Kummissjoni, li kontinwament enfasizzat id-diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament minħabba l-assenza ta’ interpretazzjoni uniformi u ta’ modalitajiet koerenti għall-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-livell nazzjonali, peress li din tqis li jeħtieġ li jsir titjib fih sabiex tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ dispożittivi ċari u aċċessibbli għat-trattament tal-ilmenti(24).

1.      Ittermini talArtikolu 16 tarRegolament Nru 261/2004

34.      Fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi r-regoli applikabbli fil-każ ta’ “ksur” tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

35.      Fl-ewwel lok, fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, dan jeħtieġ li l-Istati Membri jaħtru “organu responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament” fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn ajruporti li jinsabu fit-territorju tiegħu kif ukoll ta’ titjiriet lejn dawn l-ajruporti minn pajjiż terz, li huwa responsabbli, fejn xieraq, sabiex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li d-drittijiet tal-passiġġieri jitħarsu. Għalkemm dan il-leġiżlatur jiddefinixxi b’mod preċiż il-portata tal-kompetenza territorjali ta’ dan l-organu, ninnota li ma jispeċifika la l-kundizzjonijiet u lanqas il-modalitajiet li bihom għandu jeżerċita l-missjoni tiegħu u jiżgura “li d-drittijiet tal-passiġġieri huma mħarsa” (25). Barra minn hekk, ninnota li din l-aħħar espressjoni – “li d-drittijiet tal-passiġġieri huma mħarsa” – hija b’mod ċar wiesgħa fil-portata. Hija tkopri kemm id-difiża tal-interessi kollettivi tal-passiġġieri tal-ajru kif ukoll id-difiża tal-interessi individwali tagħhom. Il-premessa 22 tar-Regolament Nru 261/2004, li tesponi l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom ibbaża ruħu l-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, ma tipprovdi ebda dettalji ulterjuri f’dan ir-rigward.

36.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ammess li taħt l-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ manuvra fir-rigward tas-setgħat li jixtiequ jagħtu lill-organi nazzjonali tagħhom għall-finijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-passiġġieri, li, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għalihom espressament fil-punt 36 tas-sentenza Ruijssenaars et.

37.      Sa fejn l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jirrikonoxxi d-dritt tal-passiġġieri tal-ajru għal kumpens fil-każ tal-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, xejn, fil-fehma tiegħi, ma jipprekludi li Stat Membru jagħti lill-organu nazzjonali tiegħu s-setgħa li jordna lil trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens dovut sabiex jiżgura li dan id-dritt jiġi rrispettat. In-nuqqas ta’ rispett ta’ dan id-dritt jikkostitwixxi mhux biss ksur tal-obbligi kuntrattwali li jaqgħu fuq it-trasportaturi tal-ajru, iżda wkoll nuqqas ta’ applikazzjoni tajba ta’ dan ir-regolament.

38.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(2) u (3) tar-Regolament Nru 261/2004, jiena nemmen li dawn ma għandhom la l-għan u lanqas l-effett li jillimitaw il-portata tal-kompetenzi li jistgħu jiġu mogħtija mill-Istati Membri lill-organi nazzjonali tagħhom.

39.      Infakkar, minn naħa, li skont l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, “kull passiġġier jista’ jagħmel ilment lil kwalunkwe organu nnominat taħt il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe organu kompetenti ieħor innominat minn Stat Membru, dwar ksur allegat [tal-imsemmi] Regolament fi kwalunkwe ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru jew fir-rigward ta’ kwalunkwe titjira minn pajjiż terz għal ajruport li jinstab f’dak it-territorju”.

40.      Issa, jirriżulta kemm mis-sentenza Ruijssenaars et, dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll mis-sentenza Irish Ferries, dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2010, li l-“ilment” imsemmi fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 261/2004 huwa differenti, min-natura u mill-portata tiegħu, mit-talba ppreżentata individwalment mill-passiġġier sabiex jikseb il-kumpens dovut lilu minħabba l-kanċellazzjoni tas-servizz ta’ trasport tiegħu. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-ilment jirrigwarda s-senjalazzjoni mwettqa mill-passiġġier sabiex jinġieb għall-attenzjoni tal-organu kompetenti l-ksur allegat ta’ obbligu li jaqa’ fuq it-trasportaturi bil-għan li dan jikkontribwixxi għall-applikazzjoni xierqa b’mod ġenerali tar-regolamenti inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, fis-sentenza Ruijssenaars et, li tali lment ma jeħtieġx li l-“organu [nazzjonali jaġixxi] sabiex jiġi żgurat id-dritt ta’ kull passiġġier individwali għall-kisba tal-kumpens” (26) u tippreċiża, fis-sentenza Irish Ferries, li t-trasportatur “ikollu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tas-segwitu li għandu jingħata lil din is-senjalazzjoni” (27).

41.      Infakkar, min-naħa l-oħra, li skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 261/2004, “[is]-sanzjonijiet stabbiliti minn Stati Membri għal ksur ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u imġiegħla”. Dawn is-sanzjonijiet huma b’mod ċar differenti, minħabba n-natura tagħhom u l-portata tagħhom, mill-miżuri ta’ infurzar li bihom l-organu nazzjonali jkollu t-tendenza li jikseb il-ħlas tal-kumpens dovut lill-passiġġier tal-ajru minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu, li hija somma fissa. Fis-sentenza Ruijssenaars et, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li s-“sanzjonijiet” imsemmija mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan l-artikolu huma l-miżuri li l-organu nazzjonali jadotta bħala tweġiba għall-ksur li josserva fl-eżerċizzju tal-missjoni ġenerali ta’ sorveljanza tiegħu, “u mhux għall-miżuri koerċittivi amministrattivi li għandhom jiġu adottati f’kull każ individwali” (28).

42.      Għalkemm, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(2) u (3) tar-Regolament Nru 261/2004 jispeċifikaw “l-aspetti differenti li jirriżultaw mill-kompitu li jinkombi lill-organu imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu” (29), dawn għalhekk ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jeskludu l-possibbiltà li l-organu nazzjonali jingħata setgħat oħrajn barra dawk relatati mal-ipproċessar tas-senjalazzjonijiet miġjubin għall-attenzjoni tagħhom u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet.

43.      Fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom għalhekk marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-għoti lil dan l-organu nazzjonali ta’ setgħat intiżi sabiex jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru. F’dan il-kuntest, u fid-dawl tat-termini użati fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004, xejn ma jipprevjeni lil Stat Membru milli jagħti lil dan l-organu s-setgħa li jordna lil trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens dovut lil passiġġier, skont l-Artikoli 5 u 7 ta’ dan ir-regolament.

44.      Din l-interpretazzjoni jidhirli li hija sostnuta wkoll kemm mill-istruttura kif ukoll mill-għanijiet tal-imsemmi regolament.

2.      Listruttura u lgħanijiet tarRegolament Nru 261/2004

45.      Il-portata tal-kompiti fdati lill-organu nazzjonali għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tan-natura tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

46.      Dan il-kumpens huwa kklassifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, bħala somma f’daqqa, standardizzata u immedjata (30). Biex nużaw it-termini li użat fis-sentenza Irish Ferries, dan huwa “kreditu ta’ natura pekunjarja lill-passiġġier li jista’ jitlob il-ħlas tiegħu lit-trasportatur minħabba s-sempliċi fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti [fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010] huma ssodisfatti” (31). Fil-fatt, fil-każ li l-kanċellazzjoni tat-titjira ma tkunx dovuta għal ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-ammont tal-kumpens jiġi ffissat skont l-iskali ddefiniti fl-Artikolu 7(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Il-passiġġieri tal-ajru jirċievu kumpens, li l-ammont tiegħu huwa ffissat għal EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru u inqas (is-subparagrafu (a)), għal EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji ta’ iktar minn 1 500 kilometru u għat-titjiriet l-oħra kollha ta’ 1 500 sa 3 500 kilometru (is-subparagrafu (b)) u, finalment, EUR 600 għat-titjiriet kollha mhux imsemmija fil-punti preċedenti. Barra minn hekk, il-kumpens jitnaqqas bin-nofs, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-każ ta’ tibdil tar-rotta tal-passiġġier. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[d]awn l-ammonti fissi huma intiżi li jikkumpensaw biss id-dannu li huwa kważi identiku għall-passiġġieri kollha kkonċernati” (32). F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm il-passiġġieri kif ukoll it-trasportaturi tal-ajru jistgħu jidentifikaw l-ammont ta’ kumpens dovut, peress li dan ma jiġix evalwat każ b’każ skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull passiġġier, iżda jiddependi biss fuq id-distanza u d-destinazzjoni tat-titjira kkonċernata (33). F’dawn iċ-ċirkustanzi, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni li fiha d-dritt għal kumpens ikun ikkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 u jkunu meħtieġa evalwazzjonijiet ta’ natura ġuridika dwar l-eżistenza, pereżempju, ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, jidhirli li l-organu nazzjonali huwa perfettament kapaċi li jevalwa l-fondatezza tat-talba u, fejn ikun il-każ, l-ammont tat-talba għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ infurzar.

47.      Barra minn hekk, jidhirli li tali attribuzzjoni ta’ kompetenza tikkontribwixxi għall-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 261/2004. Dan ir-regolament għandu l-għan, skont il-premessi 1, 2, 4 u 12 tiegħu, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri tal-ajru li huma vittmi ta’ diffikultajiet u ta’ inkonvenjenzi serji kkawżati mill-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom (34). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-ammonti ffissati mill-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament huma intiżi sabiex jikkumpensaw, b’mod standardizzat u immedjat, id-danni li jirriżulta minn tali inkonvenjenti, “mingħajr ma [l-passiġġieri] jkollhom għalfejn iġarrbu l-inkonvenjenzi inerenti għall-implimentazzjoni ta’ kawżi kumpensatorji quddiem il-qrati kompetenti” (35). Għalhekk, fis-sentenza Irish Ferries, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li l-kumpens previst f’termini identiċi fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1177/2010 “[huwa fih nnifisu] ta’ natura li [jirrimedja] immedjatament ċerti inkonvenjenzi mġarrba mill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ servizz ta’ trasport u li [jippermetti] għalhekk li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, kif previst f’dan ir-regolament” (36).

48.      Issa, jidhirli li miżura bħal din prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkontribwixxi għas-sempliċità, għall-ħeffa u għall-effettività tal-proċedura ta’ kumpens, billi tevita li l-passiġġier tal-ajru kkonċernat ikollu jiftaħ, għall-finijiet tal-ħlas tal-kumpens dovut lilu, kawża quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, li x’aktarx tinvolvi proċeduri itwal u kultant iktar kumplessi. Għalhekk jidhirli li tali miżura tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri tal-ajru, filwaqt li tevita xogħol żejjed fil-qrati fid-dawl tan-numru estremament għoli ta’ talbiet għal kumpens.

49.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikonoxximent ta’ tali kompetenza min-naħa tal-organu nazzjonali ma jċaħħad la lill-passiġġieri u lanqas lit-trasportaturi tal-ajru mill-possibbiltà li jippreżentaw rikorsi ġudizzjarji quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti, skont il-proċeduri stabbiliti mid-dritt nazzjonali (37). Il-passiġġieri jistgħu jadixxu lill-qorti kompetenti sabiex jitolbu l-benefiċċju tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 u, bl-istess mod, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jibbenefikaw mill-possibbiltà li jikkontestaw il-fondatezza tal-kumpens hekk mitlub mingħandhom.

50.      Infakkar, fil-fatt, li fis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Cuadrench Moré (38), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, ħlief għal meta l-kanċellazzjoni sseħħ f’ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu, l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jirrikonoxxu lill-passiġġieri dritt għal kumpens li jvarja skont id-distanza u d-destinazzjoni tat-titjira kkonċernata, dritt li jistgħu jinvokaw dawn il-passiġġieri, skont il-bżonn, quddiem il-qrati nazzjonali” (39). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li, “fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-metodi proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiġu protetti d-drittijiet li l-individwi jinvokaw mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn dawn il-metodi josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività” (40).

51.      Ċertament, fil-punt 34 tas-sentenza Ruijssenaars et, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-riskju ta’ diverġenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istess sitwazzjoni individwali, bejn, minn naħa, l-organu nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali. Barra minn hekk, hemm riskju ieħor marbut mal-introduzzjoni parallela ta’ żewġ talbiet għall-ħlas tal-kumpens dovut, wieħed quddiem l-organu nazzjonali u l-ieħor quddiem il-qorti nazzjonali. Nemmen, madankollu, li l-Istati Membri jistgħu jtaffu dan ir-riskju billi jadottaw miżuri ta’ natura proċedurali li jiggarantixxu l-koordinazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, u minħabba l-marġni ta’ manuvra li l-Istati Membri għandhom fir-rigward tas-setgħat li jixtiequ jagħtu lill-organu nazzjonali, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola dawn il-modalitajiet proċedurali.

52.      F’dan il-każ, ninnota li ma hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Ungeriż li jissuġġerixxi li l-għoti ta’ tali setgħa lill-Ispettorat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur jista’ jikser id-drittijiet tal-passiġġieri u tat-trasportaturi tal-ajru li jadixxu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew jista’ jwassal għal riskju ta’ diverġenza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istess sitwazzjoni individwali bejn kull waħda minn dawn iż-żewġ awtoritajiet.

53.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha Stat Membru jagħti lil organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament is-setgħa li jordna li trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens dovut lil passiġġier għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil tat-titjira tiegħu, previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, sakemm tali regolament ma jċaħħad la lil dan il-passiġġier u lanqas lil dan it-trasportatur mill-possibbiltà li jippreżentaw rikors ġudizzjarju quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti sabiex jitolbu l-benefiċċju ta’ dan il-kumpens jew jikkontestaw il-fondatezza tiegħu. Huwa l-Istat Membru, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tiegħu, li għandu jirregola l-modalitajiet intiżi sabiex jiggarantixxu l-koordinazzjoni tal-proċeduri mibdija quddiem l-organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-istess regolament u quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.

3.      Osservazzjoni finali

54.      Qabel ma nikkonkludi l-analiżi tiegħi, jidhirli li huwa interessanti li nosserva li, kif inhu bħalissa d-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jużaw il-marġni ta’ manuvra li ngħatalhom skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004.

55.      Kif tixhed analiżi komparattiva tad-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali (41), l-Istati Membri jinvolvu mhux biss lill-organi nazzjonali tagħhom u lill-qrati nazzjonali f’din il-proċedura, iżda wkoll lill-organi responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur u dawk kompetenti għall-finijiet tas-soluzzjoni ekstraġudizzjarja ta’ tilwim tal-konsumatur (42) jew tal-proċedura għal talbiet żgħar.

56.      Ċerti Stati Membri għażlu li jaħtru bħala l-organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 l-awtorità nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili tagħhom (43), filwaqt li oħrajn ippreferew li jafdaw dan il-kompitu lill-awtorità nazzjonali tagħhom għall-protezzjoni tal-konsumatur, li mbagħad tkun inkarigata sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, iżda wkoll tal-passiġġieri tal-ferrovija, tal-baħar jew tal-art (44). Bl-istess mod, ċerti Stati Membri jagħtu lill-organu nazzjonali tagħhom responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-kompitu li jiżgura li dan jiġi applikat sew fl-interess ġenerali tal-passiġġieri, li jista’ jinkludi kompiti ta’ sorveljanza (permezz, pereżempju, ta’ spezzjonijiet fuq il-post jew ta’ verifiki), missjonijiet ta’ kontroll (kontroll tal-informazzjoni ppubblikata jew ikkomunikata mit-trasportatur tal-ajru lill-passiġġieri sabiex tiġi kkoreġuta kwalunkwe informazzjoni żbaljata, qarrieqa jew mhux kompluta), l-abbozzar ta’ rapporti ta’ attività, skambji ta’ informazzjoni u kooperazzjoni transkonfinali ma’ organi nazzjonali oħra, filwaqt li Stati Membri oħrajn jagħtuhom il-possibbiltà li jeżaminaw u li jipproċessaw l-ilmenti individwali minn passiġġieri sabiex jiggarantixxu d-dritt tagħhom li jiksbu kumpens, jew jafdawlhom ukoll il-kompitu li jwettqu riżoluzzjonijiet ekstraġudizzjarji ta’ tilwim (45).

57.      Fl-aħħar nett, nixtieq nenfasizza li l-marġni ta’ manuvra mogħtija lill-Istati Membri sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru hija rrikonoxxuta wkoll fil-kuntest tar-regolamenti intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru b’diżabbiltà u tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija, bil-baħar jew bix-xarabank u bil-kowċ. Dawn ir-regolamenti jiggarantixxu tipoloġija ta’ drittijiet komparabbli (drittijiet għal informazzjoni, għal rimbors, għal tibdil tar-rotta, għal kura waqt l-istennija qabel l-ivvjaġġar u għal kumpens taħt ċerti kundizzjonijiet). Ikun xi jkun il-mod tat-trasport ikkonċernat, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru “organu jew organi” responsabbli sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tar-regolament ikkonċernat u sabiex jadottaw il-miżuri meħtieġa għar-rispett tad-drittijiet tal-passiġġieri(46). Dan il-leġiżlatur jistabbilixxi dan ir-rekwiżit f’termini kważi identiċi (47) u l-ebda wieħed mit-testi adottati anki reċentement ma juri x-xewqa tiegħu li jirregola b’mod iktar strett in-natura tal-kompetenzi mogħtija lill-organi nazzjonali jew li jillimita l-portata tagħhom. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tar-Regolament 2021/782, li jikkostitwixxi l-iktar strument reċenti u preċiż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri, l-imsemmi leġiżlatur jippermetti wkoll lill-organu nazzjonali li jaqdi r-rwol ta’ korp fis-soluzzjoni ekstraġudizzjarja ta’ tilwim tal-konsumatur, fis-sens tad-Direttiva 2013/11 (48).

V.      Konklużjoni

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) kif ġej:

L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha Stat Membru jagħti lill-organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament is-setgħa li jordna li trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens dovut lil passiġġier għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil tat-titjira tiegħu, previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, sakemm tali regolament ma jċaħħad la lil dan il-passiġġier u lanqas lil dan it-trasportatur mill-possibbiltà li jippreżentaw rikors ġudizzjarju quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti sabiex jitolbu l-benefiċċju ta’ dan il-kumpens jew jikkontestaw il-fondatezza tiegħu. Huwa l-Istat Membru, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tiegħu, li għandu jirregola l-modalitajiet intiżi sabiex jiggarantixxu l-koordinazzjoni tal-proċeduri mibdija quddiem l-organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-istess regolament u quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


3      C‑145/15 u C‑146/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ruijssenaars et”, EU:C:2016:187.


4      Magyar Közlöny 1997/119., iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi”.


5      Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2017, L 345, p. 1).


6      Iktar ’il quddiem “LOT”.


7      Iktar ’il quddiem l-“Ispettorat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur”.


8      Il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament 2017/2394.


9      Avviż tal-Kummissjoni – Linji Gwida Interpretattivi għar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016, C 214, p. 5).


10      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (ĠU 2004, L 364, p. 1). Nenfasizza li dan ir-regolament kien tħassar bir-Regolament 2017/2394.


11      Punt 7.3 ta’ din il-komunikazzjoni. Il-korsiv huwa miżjud minni.


12      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation (C‑191/15, EU:C:2016:612, punt 45).


13      Ara d-definizzjoni tat-terminu “intérêt” (“interess”) f’Littré, E., Dictionnaire de la langue française, Pariġi, L. Hachette., 1873‑1874, li jikkuntrasta l-“interess partikolari jew privat jew personali, il-vantaġġ ta’ persuna” mal-“interess pubbliku, il-vantaġġ tal-Istat, tas-soċjetà” [traduzzjoni libera]. Ara wkoll id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett f’Lalande, A., Vocabulaire technique et critique de la philosophie, Presses universitaires de France, Pariġi, 1997, ir-raba’ edizzjoni, p. 531, li jgħid li l-interess kollettiv ma huwiex iż-żieda ta’ interessi individwali tal-membri ta’ settur jew ta’ grupp, pereżempju, iżda jirreferi għall-interess ta’ grupp ta’ individwi (li wieħed ma jistax iqis indiviżibbli) għax jifforma ħaġa sħiħa. Dan il-kunċett jintuża f’ċerti setturi speċifiċi u, b’mod partikolari, fil-kuntest tad-difiża ta’ grupp, ta’ professjoni jew ta’ konsumaturi minn assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi.


14      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation (C‑191/15, EU:C:2016:612, punt 42).


15      Ara, rispettivament, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU 2006, L 204, p. 1); ir-Regolament (UE) 2021/782 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU 2021, L 172, p. 1); ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2010, L 334, p. 1), kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2011, L 55, p. 1).


16      C‑570/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Irish Ferries”, EU:C:2021:664.


17      Ara l-punti 143 u 145 ta’ din is-sentenza, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


18      Ara l-punti 106 u 107 tal-imsemmija sentenza, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-White Paper tal-Kummissjoni tal‑1 ta’ Lulju 2011 intitolata “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (COM (2011) 144 final/2), li fiha l-Kummissjoni b’hekk indikat li kien meħtieġ li “tiġi żviluppata interpretazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-passiġġieri; li tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata u effikaċi tagħha sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni għall-impriżi u standard minimu ta’ protezzjoni għall-Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (p. 26).


19      Ara l-punt 106 tal-istess sentenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat fiha, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, użat fir-Regolament Nru 1177/2010 dwar it-trasport marittimu, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta “approċċ unifikat”, billi jinkorpora l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport bl-ajru.


20      Id-domanda magħmula ma tikkonċernax il-kumpens ulterjuri previst fl-Artikolu 12 tal-istess regolament.


21      Il-korsiv huwa miżjud minni.


22      Il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk tirreferi għat-tieni sentenza tal-premessa 22 tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, għas-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 44), u tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 51).


23      Punt 36 tas-sentenza Ruijssenaars et, il-korsiv huwa miżjud minni.


24      Ara, f’dan is-sens, il-White Paper tal-Kummissjoni tal‑1 ta’ Lulju 2011, intitolata “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (COM (2011) 144 final/2, p. 26).


25      Huwa dan li jiddistingwi r-Regolament Nru 261/2004 minn regolamenti oħra. Fil-fatt, għall-modi l-oħra tat-trasport, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeħtieġ li l-organu nazzjonali jkun indipendenti mit-trasportatur jew mill-ġestjonarju tal-infrastruttura fir-rigward tal-organizzazzjoni tiegħu, tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament tiegħu, tal-istruttura legali tiegħu u tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Ara, pereżempju, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1177/2010; l-Artikolu 31(2), tar-Regolament 2021/782, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 181/2011.


26      Sentenza Ruijssenaars et (punt 31).


27      Sentenza Irish Ferries (punt 118).


28      Sentenza Ruijssenaars et (punt 32).


29      Sentenza Ruijssenaars et (punt 30).


30      C‑354/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rusu”, EU:C:2019:637 (punti 28 u 34, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


31      Sentenza Irish Ferries (punt 118).


32      Sentenza Rusu (punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Fis-sentenza Rusu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “la l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 u lanqas dan ir-regolament fl-intier tiegħu ma jipprevedu l-kumpens ta’ dannu individwali, inerenti għall-motiv ta’ tranżitu tal-passiġġieri kkonċernati, li l-kumpens tiegħu jeżiġi neċessarjament evalwazzjoni każ b’każ tal-portata tad-dannu kkawżat u ma jistax, konsegwentement, ikun is-suġġett ta’ dannu a posteriori u individwalizzat” (punt 31).


34      Ara s-sentenza Ruijssenaars et, punt 33, u s-sentenza Rusu (punt 26, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


35      Sentenza Rusu (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Sentenza Irish Ferries (punti 152 u 154).


37      Ara l-Avviż tal-Kummissjoni – Linji Gwida Interpretattivi għar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016, C 214, p. 5) (punt 8 et seq.).


38      C‑139/11, EU:C:2012:741.


39      Punt 23 ta’ din is-sentenza, il-korsiv miżjud minni.


40      Punt 25 tal-imsemmija sentenza.


41      Ara, f’dan ir-rigward, ir-Rapport tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport tal-Kummissjoni, Kouris, S., “Study on the current level of protection of air passenger rights in the EU” (Studju dwar il-livell attwali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru fl-Unjoni), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Brussell, 2020, MOVE/B5/2018‑541, punti 5.5 et seq., disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://op.europa.eu/fr/publication-detail/-/publication/f03df002-335c-11ea-ba6e-01aa75ed71a1.


42      Dawn l-entitajiet huma nnominati fuq il-bażi tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 63). Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tipprovdi lill-konsumaturi bil-possibbiltà li jressqu, fuq bażi volontarja, ilmenti kontra n-negozjanti permezz ta’ proċeduri ekstraġudizzjarji għat-tilwim. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Menini u Rampanelli (C‑75/16, EU:C:2017:457, punti 39 u 40), kif ukoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑380/19, EU:C:2020:498, punt 26).


43      Dan huwa l-każ, pereżempju, tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Repubblika ta’ Ċipru. Ara, f’dan ir-rigward, in-notifiki magħmula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004.


44      Dan huwa l-każ, pereżempju, tar-Repubblika tal-Estonja, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tal-Ungerija, jew saħansitra tar-Repubblika tal-Finlandja. Għall-kuntrarju, għar-Repubblika Franċiża, pereżempju, id-Direction générale de l’aviation civile (DGAC) (id-Direttorat Ġenerali għall-Avjazzjoni Ċivili) għandu l-kompitu li jirregola t-trasport bl-ajru, is-superviżjoni ġenerali u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru. Wara rapporti mill-passiġġieri, din l-organizzazzjoni tista’ tieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa. F’każijiet ta’ ksur ipprovat, sanzjonijiet, fil-forma ta’ multi amministrattivi, jistgħu jiġu imposti fuq it-trasportaturi tal-ajru li ma jikkonformawx mal-obbligi tar-Regolament Nru 261/2004. Madankollu, dan id-direttorat ma jiżgurax segwitu individwalizzat tar-rapporti li jintbagħtulu u l-azzjoni tiegħu hija indipendenti mill-ipproċessar ta’ talbiet individwali għal kumpens u rimbors mit-trasportaturi tal-ajru. Għal dan il-għan, il-passiġġieri jkollhom jadixxu lill-qorti kompetenti, skont il-code de procédure civile (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), jew lill-organu ta’ riżoluzzjoni ekstraġudizzjarja ta’ tilwim.


45      Ara, f’dan ir-rigward, ir-Rapport tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport tal-Kummissjoni, “Study on the EU Regulatory Framework for Passenger Rights. Comparative analysis of good practices: final report” (Studju dwar il-qafas regolatorju tal-Unjoni għad-drittijiet tal-passiġġieri: Analiżi komparattiva ta’ prattiki tajba: rapport finali), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Brussell, 2021, punti 4.60 et seq., disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://op.europa.eu/fr/publication-detail/-/publication/afa2493d-1b4e-11ec-b4fe-01aa75ed71a1.


46      Bl-eċċezzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, ir-regolamenti l-oħra jippermettu lill-Istati Membri jaħtru diversi organi nazzjonali.


47      Ara, pereżempju, l-Artikolu 31(1) tar-Regolament 2021/782 u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1107/2006.


48      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.