Language of document : ECLI:EU:T:2010:268

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

1 ta’ Lulju 2010(*)

“Għajnuna mill-Istat − Kumpens għal esproprjazzjoni minħabba raġunijiet ta’ utilità pubblika − Proroga ta’ tariffa preferenzjali għall-provvista tal-elettriku − Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha − Kunċett ta’ vantaġġ − Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Implementazzjoni tal-għajnuna”

Fil-Kawża T‑62/08,

ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni SpA, stabbilita f’Terni (l-Italja), irrappreżentata minn T. Salonico, G. Pellegrino, G. Pellegrino u G. Barone, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito u G. Conte, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/408/KE, tal-20 ta’ Novembru 2007, dwar l-għajnuna tal-Istat C 36/A/06 (ex NN 38/06) implementata mill-Italja favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche (ĠU 2008, L 144, p. 37),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-1 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-Repubblika Taljana nnazzjonalizzat is-settur tal-elettriku permezz tal-Liġi Nru 1643, tas-6 ta’ Diċembru 1962, li tistabbilixxi l-Ente nazionale per l’energia elettrica (ENEL) u li titrasferixxi lil dan tal-aħħar impriżi tal-industrija tal-elettriku (GURI Nru 316, tat-12 ta’ Diċembru 1962, p. 5007, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 1643/62”). Permezz ta’ din il-liġi, hija fdat f’idejn ENEL il-monopolju tal-eżerċiżżju, fit-territorju nazzjonali, tal-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni, ta’ trasport, ta’ trasformazzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ bejgħ tal-enerġija elettrika indipendentement mis-sors ta’ produzzjoni, madankollu, kien hemm ċerti eċċezzjonijiet.

2        Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(6) tal-Liġi Nru 1643/62, l-impriżi li jipproduċu l-elettriku prinċipalment għal finijiet ta’ konsum intern (iktar ’il quddiem l-“awtoprodutturi”) ġew esklużi mill-proċess ta’ nazzjonalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku.

3        Dak iż-żmien, Terni, kumpannija fejn l-Istat kien l-azzjonist b’maġġuranza, kienet attiva fis-setturi tal-azzar, tal-prodotti kimiċi u tal-produzzjoni tas-siment. Barra minn hekk, hija kellha u kienet topera installazzjonijiet idroelettriċi li l-produzzjoni tagħhom kienet prinċipalment intiża għat-tħaddim tal-proċessi ta’ manifatturar tagħha.

4        Fid-dawl tal-importanza strateġika tagħha fil-kuntest tal-provvista enerġetika tal-pajjiż, u minkejja l-istatus ta’ awtoproduttur ta’ Terni, il-fergħa idroelettrika ta’ din tal-aħħar ġiet inkluża fin-nazzjonalizzazzjoni.

5        Permezz tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 1165, tal-22 ta’ Awwissu 1963, dwar it-trasferiment lil ENEL tal-assi kollha użati għall-attivitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 1643 imwettqa minn “Terni: società per l’Industria e l’Elettricità” S.p.A (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 230, tal-31 ta’ Awwissu 1963, p. 58, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 1165/63”) ir-Repubblika Taljana kkumpensat lill-Terni għat-trasferiment tal-assi tagħha billi tatha tariffa tal-elettriku preferenzjali (iktar ’il quddiem it-“tariffa Terni”) għall-perijodu ta’ bejn l-1963 u l-1992.

6        Fl-1964, Terni nqasmet fi tliet kumpanniji: Terni Acciai Speciali, li tipproduċi l-azzar, Nuova Terni Industrie Chimiche, li topera fis-settur kimiku, u Cementir, li tipproduċi s-siment (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Terni”). Dawn il-kumpaniji kienu sussegwentement ipprivatizzati u mixtrija minn ThyssenKrupp, Norsk Hydro u Caltagirone rispettivament. Dawn l-aħħar operazzjonijiet wasslu għall-ħolqien, rispettivament, ta’ ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni SpA, Nuova Terni Industrie Chimiche SpA u Cementir SpA, li komplew jibbenefikaw mit-tariffa Terni.

7        Permezz tal-Liġi Nru 9, tad-9 ta’ Jannar 1991, dwar l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-pjan il-ġdid tal-enerġija nazzjonali: aspetti istituzzjonali, impjanti idroelettriċi u netwerks, idrokarboni u enerġija ġeotermali, awtoprodutturi u dispożizzjonijiet fiskali (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 13, tas-16 ta’ Jannar 1991, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 9/91”), ir-Repubblika Taljana estendiet il-konċessjonijiet idroelettriċi eżistenti sal-31 ta’ Diċembru 2001. Dawn il-konċessjonijiet kienu jservu bħala bażi għall-operat tal-kumpanniji li kienu jużaw riżorsi idriċi pubbliċi għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika.

8        Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 20(4) ta’ din il-liġi, ir-Repubblika Taljana estendiet it-tariffa Terni sal-31 ta’ Diċembru 2001. Kien ukoll previst li matul is-sitt snin segwenti (2002-2007), il-kwantità ta’ enerġija elettrika ssussidjata pprovduta lill-kumpanniji Terni kellha titneħħa progressivament b’tali mod li l-vantaġġ tariffarju jintemm qabel tmiem l-2007.

9        L-awtoritajiet Taljani nnotifikaw il-Liġi Nru 9/91 lill-Kummissjoni li min-naħa tagħha adottat, fis-6 ta’ Awwissu 1991, deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet (deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat NN 52/91, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991”).

10      Ir-Repubblika Taljana, permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79, tas-16 ta’ Marzu 1999, dwar id-Direttiva 96/92/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (GURI Nru 75, tal-31 ta’ Marzu 1999, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 79/99”), estendiet il-konċessjonijiet idroelettriċi eżistenti. L-Artikolu 12(7) u (8) tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“7. Il-konċessjonijiet li skadew jew li għandhom jiskadu sal-31 ta’ Diċembru 2010 huma estiżi sa din l-aħħar data u l-prorjetarji ta’ konċessjonijiet ikkonċernati, mingħar il-ħtieġa ta’ xi att amministrattiv, għandhom ikomplu l-attivita billi jinformaw b’dan, fi żmien disgħin ġurnata mid-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, […]

Fir-rigward tal-konċessjonijiet li jiskadu wara l-31 ta’ Diċembru 2010, japplikaw it-termini ta’ skadenza previsti fl-att tal-konċessjoni.”

11      Skont l-Artikolu 11(11) tad-Digriet Liġi Nru 35, tal-14 ta’ Marzu 2005, dwar dispożizzjonijiet urġenti fil-kuntest tal-Pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali (GURI Nru 62, tas-16 ta’ Marzu 2005, p. 4), mibdul fil-Liġi Nru 80, tal-14 ta’ Mejju 2005 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 80/05”), ir-Repubblika Taljana reġgħet estendiet it-tariffa Terni sal-2010 u din il-miżura kellha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2005 (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”). Il-Liġi Nru 80/05 tistabbilixxi li, sal-2010, il-kumpanniji Terni għandhom ikomplu jibbenefikaw mit-trattament li kienu jibbenefikaw minnu fil-31 ta’ Diċembru 2004 f’termini ta’ kwantitajiet ipprovduti (926 GWh għat-tliet kumpanniji Terni) u minn prezzijiet ta’ 1.32 ċenteżmu/kWh). Ftit wara, il-konċessjonijiet idroelettriċi ġġeddew, b’mod ġenerali, sal-2020 permezz tal-Liġi Nru 266, tat-23 ta’ Diċembru 2005.

12      Il-Kummissjoni saret taf b’din il-miżura ta’ proroga fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ każ ieħor u b-ittra tat-23 ta’ Diċembru 2005 talbet lill-awtoritajiet Taljani jipprovdulha informazzjoni, dawn tal-aħħar ipprovdew din l-informazzjoni b’ittra tal-24 ta’ Frar 2006, segwita b’żewġ ittri oħra tat-2 ta’ Marzu 2006 u tas-27 ta’ April 2006.

13      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 214, p. 5) u l-Kummissjoni stiednet lit-terzi interessati jissottomettu l- osservazzjonijiet tagħhom fuq il-miżuri inkwistjoni.

14      Ir-repubblika Taljana ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2006 u pprovdiet informazzjoni supplimentari permezz tal-ittri tad-9 ta’ Novembru 2006 u tas-7 ta’ Diċembru 2006.

15      Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand terzi interessati u għaddiethom lill-awtoritajiet Taljani li ngħataw l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fuqhom. L-osservazzjonijiet tar-Repubblika Taljana waslu għand il-Kummissjoni permezz tal-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2006.

16      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari. L-awtoritajiet Taljani pprovdew din l-informazzjoni permezz ta’ ittri tas-16 ta’ April 2007, tal-10 ta’ Mejju 2007 u tal-14 ta’ Mejju 2007.

17      Fl-20 ta’ Novembru 2007 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni dwar l-għajnuna tal-Istat C 36/A/06 (ex NN 38/06) implementata mill-Italja favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche (ĠU 2008, L 144, p. 37, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

18      Il-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

“Il-Kummissjoni ssib li l-Italja implimentat illegalment, bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) [KE], id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 11, paragrafu 11 tad-Decreto-legge [35/2005], maqlub f’Liġi [Nru 80/05], li tipprovdi għall-modifikazzjoni u l-estensjoni fiż-żmien sa l-2010 tat-tariffa preferenzjali ta’ l-elettriku applikabbli għat-tliet kumpaniji Terni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li miżura simili, li tikkostitwixxi għajnuna pura ta’ l-operar, m’hija eliġibbli għall-ebda deroga taħt it-trattat tal-KE, u għalhekk hija inkompatibbli mas-suq komuni. Għalhekk, il-partijiet tal-miżura t’hawn fuq li għadhom ma ġewx mogħtija [jew] imħallsa ma jridux jiġu implimentati. L-għajnuna li diġà tħallset trid tiġi rkuprata. L-ammonti li l-benefiċjarji kienu jkunu intitolati għalihom fl-2005, l-2006 u l-2007 taħt il-Liġi [Nru 9/91] jistgħu jitnaqqsu mill-ammont totali li jrid jiġi rkuprat.”

19      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

“Artikolu 1

1.      L-għajnuna ta’ l-Istat li [r-Repubblika Taljana] implimentat favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche hija inkompatibbli mas-suq komuni.

2.       L-għajnuna ta’ l-Istat li [r-Repubblika Taljana] tat imma għadha ma ħallsitx lil ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche hija wkoll inkompatibbli mas-suq komuni u għalhekk ma tistax tiġi implimentata.

Artikolu 2

1.       [Ir-Repubblika Taljana] għandha tirkupra mill-benefiċjarji l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1).

[…]”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis-6 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara d-deċiżjoni kkontestata illegali u tannullha kollha kemm hi;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        jekk ikun meħtieġ, tordna lill-Kummissjoni tipproduċi, skont l-Artikoli 64 u 66 tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ittri li l-awtoritajiet Taljani bagħtu u rċevew, rispettivament, f’Settembru u f’Novembru 1991 kif ukoll kull miżura oħra ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni kkunsidrata xierqa;

jew, sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din:

–        tistabbilixxi li r-Repubblika Taljana implementat l-għajnuna mill-Istat favur ir-rikorrenti, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE;

–        tistabbilixxi li hemm ammonti li għandhom jiġu rkuprati mingħand ir-rikorrenti, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche, u konsegwentement;

–        tordna lir-Repubblika Taljana tirkupra dawn l-ammonti u l-interessi mingħajr dewmien;

jew, iktar sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna lir-Repubblika Taljana tirkupra l-għajnuna u l-interessi, peress li dan l-irkupru jmur kontra l-prinċipju ġenerali tal-aspettattivi leġittimi.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi li huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-istudju ekonomiku prodott mill-awtoritajiet Taljani, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 88(3) KE u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata meta kklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat u meta kkunsidrat li, b’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmija miżura kellha tiġi nnotifikata lilha.

25      Hija tindika li l-miżuri kumpensatorji mogħtija mill-Istati Membri bħala kumpens għal danni kkawżati lill-impriżi, b’mod partikolari b’konsegwenza ta’ esproprjazzjoni, ma humiex ikkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat u l-Kummissjoni nnifisha ammettiet dan fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata.

26      F’din il-kawża, l-esproprjazzjoni eċċezzjonali li Terni subiet fl-1962 qegħdet lil din tal-aħħar f’sitwazzjoni evidenti ta’ żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-kompetituri tagħha u dan wassal sabiex il-leġiżlatur joħloq fil-konfront ta’ Terni, sabiex jirrimedja għal din id-diskriminazzjoni gravi, “kriterju” ta’ kumpens totalment differenti minn dak mogħti, fil-forma ta’ kumpens finanzjarju uniku, lill-impriżi l-oħra li ssubixxew esproprjazzjoni u dan sabiex “ma jiġix affettwat ħażin il-bilanċ intern ta’ din l-impriża”, li, skont il-liġi, ma kellhiex tkun suġġetta għan-nazzjonalizzazzjoni.

27      Il-Liġi Nru 1643/62 kienet għalhekk tat lil Terni d-dritt li matul is-snin tirċievi kumpens ekonomiku, li jqiegħdha f’sitwazzjoni ta’ awtoproduttur virtwali, sabiex tkun tista’ tkopri, għal żmien twil, l-eventwali danni addizzjonali – li diffiċilment setgħu jiġu stmati meta seħħet l-esproprjazzjoni – ikkawżati mill-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku u sabiex b’dan il-mod tkun tista’ kontinwament tinnewtralizza l-effetti ta’ dan l-iżvilupp.

28      Skont dan il-kriterju flessibbli, li jikkonsisti f’li jinżamm parallelliżmu nondiskriminatorju bejn Terni u l-awtoprodutturi l-oħra li ma ssubixxewx esproprjazzjoni, id-Digriet Nru 1165/63 jipprovdi li t-tariffa Terni kellu jkollha l-istess perijodu ta’ applikazzjoni bħal dak tal-konċessjonijiet għal diegi idroelettriċi mogħtija lill-awtoprodutturi li ma ssubixxewx esproprjazzjoni, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 1992, id-data ta’ meta kellhom probabbilment jintemmu l-effetti diskriminatorji kkawżati mill-esproprjazzjoni tal-fergħa idroelettrika ta’ Terni. Fil-fatt, lejn tmiem l-1992, Terni kellha titlef il-konċessjonijiet li jawtorizzawha tagħmel użu minn riżorsi idriċi bil-għan li tipproduċi l-elettriku għaliha nnifisha.

29      Għalhekk, dan il-kumpens, kif iddefinit hawn fuq, huwa r-riżultat ta’ tliet fatturi: il-kwantità ta’ elettriku, il-prezz tiegħu u t-tul tas-sistema preferenzjali. Kien biss l-ewwel wieħed minn dawn il-fatturi li ġie stabbilit b’mod definittiv, skont il-konsum ta’ Terni fl-1961 u tal-istima ta’ żieda fil-konsum marbuta mal-investimenti diġà mibdija iżda li kien għadhom ma tlestewx sal-1962. Il-prezz ma huwiex iddeterminat mill-ammont tiegħu iżda pjuttost mill-metodu tal-kalkolu tiegħu, peress li kienet biss il-flessibbiltà tal-prezz li setgħet tippermetti li tiġi osservata l-loġika ta’ kumpens magħżula. It-tul tas-sistema preferenzjali ġie stabbilit għal 30 sena, mhux għaliex dan it-tul kien jippermetti li jiġi kopert il-valur tal-assi esproprjati, iżda għaliex dan kien it-tul, skont il-kriterju ta’ paragun mal-awtoprodutturi li ma ssubixxewx esproprjazzjoni, tal-konċessjonijiet idroelettriċi, u l-Kummissjoni tirrikonoxxi dan fil-premessi 18 u 77 tad-deċiżjoni kkontestata.

30      L-għan li jerġgħu jiġu stabbiliti, sa fejn possibbli, il-kundizzjonijiet ekonomiċi u l-ekwilibriju li minnu kienet tibbenefika Terni qabel ma l-esproprjazzjoni ngħażel ukoll sabiex ikun hemm konformità kemm mal-prinċipji kostituzzjonali Taljani, f’dan il-każ il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju li jipprovdi li f’każ ta’ esproprjazzjoni għandu jkun hemm kumpens “serju”, “konsistenti u xieraq”, kif ukoll mal-prinċipju tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni libera, previst fl-Artikolu 4(1) KE.

31      Dan il-mekkaniżmu ta’ kumpens oriġinali huwa wkoll konformi mal-prinċipji previsti fl-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”.

32      Il-Kummissjoni kienet żbaljata meta ddikjarat li kull proroga tat-tul ta’ din is-sistema timplika modifika fil-mekkaniżmu oriġinali li jkun tali li jbiddel, mingħajr ebda dubju u mingħajr eċċezzjoni, in-natura kumpensatorju tal-kumpens. L-eventwali bdil fin-natura tal-kumpens permezz tal-proroga tal-miżura tariffarja għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-osservanza tal-għan imsemmi iktar ’il fuq iddefinit ex ante.

33      Ir-rikorrenti tindika li l-Liġi Nru 529, tas-7 ta’ Awwissu 1982, li tirregola r-relazzjonijiet bejn l-ENEL, l-impriżi elettriċi tal-kumpanniji lokali u l-impriżi awtoprodutturi tal-enerġija elettrika fil-qasam ta’ diegi idroelettriċi (GURI Nru 222, tat-13 ta’ Awwissu 1982, p. 5771), u l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 9/91 estendew sal-31 ta’ Diċembru 2001, favur il-konċessjonarji eżistenti, il-konċessjonijiet għal diegi idroelettriċi li kienu jiskadu fi tmiem l-1992 u li dan it-tiġdid, kompletament eċċezzjonali u ċertament imprevedibbli fiż-żmien ta’ meta seħħet in-nazzjonalizzazzjoni, reġa’ ta lok għall-problema tal-implementazzjoni tal-kriterju ta’ kumpens maħluq għal Terni. Skont il-metodu ta’ kumpens iddefinit permezz tal-Liġi Nru 1643/62 kif ukoll permezz tad-Digriet Nru 1165/63 u sabiex jinżamm il-parallelliżmu bejn Terni u l-awtoprodutturi l-oħra, il-leġiżlatur iddeċieda li jestendi t-tariffa Terni sal-31 ta’ Diċembru 2001 billi jadotta l-Artikolu 20(4) tal-Liġi Nru 9/91.

34      Ir-rikorrenti tosserva li, b’kuntrast mad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 9/91, li jipprovdi l-proroga tat-tariffa Terni, jinkludi żewġ riferimenti espliċiti u riferiment indirett għall-awtoprodutturi, li jikkonfermaw li l-proroga tal-imsemmija tariffa kienet, għall-Istat Taljan, att obbligatorju għall-implementazzjoni tal-“kriterju” ta’ kumpens stabbilit permezz tal-Liġi Nru 1643/62.

35      Barra minn hekk hija tenfasizza li, permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991, il-Kummissjoni ddeċidiet li “ma tqajjimx oġġezzjonijiet” fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Liġi Nru 9/91. Barra minn hekk, wara li talbet lir-Repubblika Taljana tipprovdilha informazzjoni speċifika “dwar għajnuna allegatament mogħtija lill-Kumpannija Ilva [aventi kawża ta’ Terni] permezz ta’ tnaqqis tat-tariffa tal-elettriku” u wara li rċeviet risposti li jiċċaraw l-effettiva natura kumpensatorja tat-tariffa preferenzjali, il-Kummissjoni ma fetħet l-ebda proċedura f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi, skont ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni aċċettat il-konklużjoni li tgħid li din il-proroga tikkostitwixxi kontinwazzjoni legali tal-miżura kumpensatorja mogħtija lill-Terni permezz tal-Liġi Nru 1643/62 kif ukoll permezz tad-Digriet Nru 1165/63 u li, konsegwentement, din is-sistema tarrifarja ma kinitx suġġetta għal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-għajnuna mill-Istat.

36      Ir-rikorrenti tfakkar li l-konċessjonijiet idroelettriċi reġgħu ġew estiżi, sal-31 ta’ Diċembru 2010, permezz tal-Artikolu 12(7) tad-Digriet Nru 79/99, filwaqt li t-tariffa Terni ma ġietx estiża fl-istess waqt minħabba li l-proroga prevista mil-Liġi Nru 9/91 kienet stabbiliet ukoll sistema ta’ tneħħija progressiva li kellu jibda meta jiskadu l-konċessjonijiet idroelettriċi (jiġifieri fi tmiem l-2001) u jintemm fi tmiem l-2007. Barra minn dan, il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-ellettriku, li ġiet introdotta wkoll permezz tad-Digriet Nru 79/99, kellha, skont il-previżjonijiet, tippermetti li l-kumpanniji Terni jiksbu, fis-suq illiberalizzat, enerġija elettrika bi prezzijiet kompetittivi, simili għall-ispejjeż ta’ produzzjoni li huma kien ikollhom li kieku baqgħu fil-pussess tal-impjanti esproprjati.

37      Madankollu, fl-2005, il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fl-Italja ma pproduċietx l-effetti favorevoli mistennija f’termini ta’ kompetizzjoni u l-kumpanniji Terni kienu ser jerġgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni diskriminatorja meta mqabbla mal-awtoprodutturi li ma ssubixxewx esproprjazzjoni, u dan wassal sabiex il-leġiżlatur jadotta l-miżura inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti huwa evidenti li, ladarba r-Repubblika Taljana ddeċidiet li terġa tipposponi, sal-2010, l-iskadenza tal-konċessjonijiet idroelettriċi, ir-rikorrenti u l-kumpanniji Terni l-oħra awtomatikament kellhom dritt għat-tkomplija tat-tariffa Terni, anki jekk mhux taħt kundizzjonijiet u tul ekwivalenti għal dak tal-imsemmija konċessjonijiet. Fl-aħħar nett, il-miżura inkwistjoni żammet mhux mittiefsa l-loġika oriġinali tal-kumpens li kienet tikkonsisti f’li Terni tiġi trattata bħala awtoproduttur virtwali.

38      Ir-rikorrenti tenfasizza li dan l-istatus ta’ awtoproduttur virtwali ġie applikat, matul iż-żmien, għal finijiet oħra, b’mod partikolari meta fl-Italja ġie introdott, fit-tariffa tal-elettriku, l-element imsejjaħ “taxxa addizzjonali termika”, fejn Terni ġiet eżentata milli tħallsu l-istess bħall-awtoprodutturi l-oħra. Barra minn hekk kemm il-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) kif ukoll il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat, l-Italja), f’sentenzi mogħtija in tempore non suspecto u f’kawżi fejn is-suġġett kien kompletament differenti minn dak tal-kawża preżenti, uffiċjalment irrikonoxxew il-loġika speċjali tal-parallelliżmu u tal-kriterju ta’ awtoproduttur virtwali, li jikkostitwixxu l-bażi tat-tariffa Terni. Fil-fatt, dawn iż-żewġ qrati supremi kkonfermaw li, anki wara l-1992, it-tariffa tal-elettriku li Terni kellha tħallas lill-ENEL kellha tkun komposta mill-istess elementi li jikkomponu l-ispejjeż tal-awtoprodutturi l-oħra. L-oġġezzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li din l-interpretazzjoni hija irrilevanti sa fejn din tikkonċerna biss il-Liġi Nru 9/91 u mhux id-Digriet Nru 1165/63, hija formalistika u ma tirifflettix il-verità, inkwantu l-konklużjonijiet ta’ dawn is-sentenzi huma ġustament ibbażati fuq il-loġika speċjali tal-kumpens mogħti lill-Terni fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni, u b’mod partikolari, fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 1643/62 u tal-Artikoli 7 u 8 tad-Digriet Nru 1165/63.

39      Mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li hemm kontradizzjonijiet kemm fid-deċiżjoni kkontestata nnifisha kif ukoll bejn din tal-aħħar u r-risposta.

40      Ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li “kull reviżjoni ex post tal-ammonti jew tal-mekkaniżmu neċessarjament tbiddel in-natura tal-miżura” tmur, b’mod evidenti, kontra dak li l-Kummissjoni nnifisha ammettiet, jiġifieri li l-loġika tal-prorogi kienet tikkonsisti f’li “jinżamm paralleliżmu fit-trattament ma’ dawn il-produtturi ta’ l-idroelettriku li raw il-konċessjonijiet tagħhom imġedda” (premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata), li t-tul inizjali kien ġie stabbilit skont id-data ta’ skadenza tal-konċessjonijiet idroelettriċi (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata), jew li l-metodu ta’ kumpens magħżul mil-leġiżlatur Taljan fl-1962 kien iġġustifikat sa fejn dan kien jippermetti li “jiġi nnewtralizzat ir-riskju eventwali ta’ dannu ikbar għal […] Terni, fil-każ fejn il-prezzijiet tal-enerġija jiżdiedu matul is-snin” (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi rikonoxximent impliċitu tal-fatt li d-dannu li Terni subiet wara l-esproprjazzjoni huwa strettament marbut mal-vantaġġ li minnu jistgħu jibbenefikaw l-awtoprodutturi l-oħra f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż ta’ provvista ta’ elettriku u, għalhekk, għandu jiġi deċiż li l-proroga tat-tul tal-kumpensazzjoni, marbuta mal-proroga tad-data ta’ skadenza tal-konċessjonijiet, ma tikkostitwixxix miżura ġdida (u lanqas kriterju ġdid), iżda biss eżekuzzjoni ġusta tal-miżura oriġinali.

42      L-unika raġuni li għaliha l-Kummissjoni tikkontesta, fid-deċiżjoni kkontestata, in-natura kumpensatorja tal-proroga tat-tariffa Terni hija bbażata fuq l-element tat-tul u dan juri modus operandi estremament formali, li la huwa koerenti mal-kriterji ta’ interpretazzjoni tas-sistema legali Taljana, li tirrikonoxxi l-importanza tal-intenzjoni tal-leġiżlatur, u lanqas mal-“evalwazzjoni sostantiva” li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-ġurisprudenza Komunitarja jadottaw, b’mod partikolari fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

43      Ir-rikorrenti tallega li, ladarba jiġi rikonoxxut li l-kumpens ma jikkostitwixxix il-valorizzazzjoni attwali tal-assi esproprjati iżda huwa intiż għaż-żamma tal-bilanċ ekonomiku u finanzjarju ta’ Terni fir-rigward tal-ispiża tal-elettriku, skont il-loġika tal-assimilazzjoni għal awtoproduttur virtwali, ma jibqax possibbli li jiġi allegat li waħda mill-varjanti ddefiniti sabiex jinkiseb dan ir-riżultat ma kelliex tinbidel fil-każ ta’ modifika tal-fattur li abbażi tiegħu hija kienet ġiet definita oriġinalment. Skont ir-rikorrenti dan ifisser li, l-istess bħalma l-prezz tal-elettriku pprovdut lil Terni (jiġifieri t-tariffa Terni) kien destinat li jsegwi l-iżvilupp tat-tariffi tal-ENEL, bl-istess mod, it-tul tad-dritt għall-benefiċċju ta’ din it-tariffa ġie mmodifikat skont il-posponiment tal-iskadenza tal-konċessjonijiet idroelettriċi, dak iż-żmien stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2001. L-unika differenza hija li, filwaqt li l-varjazzjoni fil-prezz kienet ġiet prevista b’mod ċar u espliċitu fl-Artikolu 8 tad-Digriet Nru 1165/63, sa fejn il-varjazzjoni fil-prezzijiet miżmuma minn ENEL kienet fattur normali u prevedibbli meta ġiet adottata din id-dispożizzjoni, il-varjazzjoni tat-tul ma ġietx indikata espliċitament, peress li ħadd ma seta jipprevedi, 30 sena bil-quddiem, li l-leġiżlatur kien ser jiddeċiedi li jestendi t-tul tal-konċessjonijiet.

44      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni twettaq żball ieħor ta’ raġunament meta tiddikjara li, li kieku Terni ma kinitx sodisfatta mill-miżura kumpensatorja, hija kien imissha kkontestatha skont l-Artikolu 5(5) tal-Liġi Nru 1643/62. Il-Kummissjoni tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni li, fid-dawl tan-natura ferm partikolari u l-flessibbiltà tal-metodu magħżul sabiex Terni tingħata t-tariffa preferenzjali, din tal-aħħar ma seta jkollha ebda interess li tikkontesta n-natura xierqa ta’ din it-tariffa. Ir-rikorrenti tkompli tgħid li d-dispożizzjoni inkwistjoni kienet, effettivament, applikabbli biss fil-każijiet fejn l-esproprjazzjoni tiġi kkumpensata permezz ta’ “ħlasijiet” u mhux permezz ta’ tariffa preferenzjali bħal fil-każ ta’ Terni.

45      Il-Kummissjoni tiddikjara li l-motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala bbażat fuq premessa żbaljata u tikkontesta li l-pożizzjoni tagħha, f’din il-kawża, tagħti lok għal xi tip ta’ kontradizzjoni.

46      Hija tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tindika li skont d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63, it-tariffa Terni ngħatat b’mod preċiż għal tul determinat, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 1992. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmija tariffa ngħatat lil Terni, bħala kumpens, għal perijodu ffissat darba għal dejjem meta seħħet l-esproprjazzjoni u li probabbilment dan it-terminu kien ġie stabbilit billi ttieħed inkunsiderazzjoni t-tul residwu tal-konċessjoni idroelettrika ta’ Terni, li jikkostitwixxi element fundamentali sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-konċessjoni esproprjata.

47      Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm jista’ jkun li l-leġiżlatur Taljan kellu f’moħħu l-iskadenza tal-konċessjonijiet idroelettriċi l-oħra meta stabbilixxa t-tul tat-tariffa Terni, ma jistax jiġi kkontestat li mit-test tal-Liġi Nru 1643/62 tirriżulta biss id-deċiżjoni tal-leġiżlatur li Terni ma tiġix ikkumpensata (għall-esproprjazzjoni tal-konċessjoni idroelettrika) permezz ta’ pagament uniku, iżda permezz ta’ provvista tal-elettriku bi prezz imnaqqas għal perijodu stabbilit (iffissat iktar ’il quddiem permezz tad-Digriet Nru 1165/63).

48      Hija tenfasizza li skont il-ġurisprudenza Taljana l-kriterju ermanewtiku, li jgħid li l-liġi għandha tiġi interpretata skont is-sens xieraq tal-kliem, għandu preċedenża fuq kull kriterju ieħor sakemm il-kliem użat mil-liġi huwa univoku. Dan il-prinċipju huwa normalment applikat mill-qrati Komunitarji.

49      L-interpretazzjoni tad-Digriet Nru 1165/63 proposta mill-Kummissjoni assolutament ma hijiex ikkonfutata mis-sentenzi tal-Corte suprema di cassazione u tal-Consiglio di Stato msemmija mir-rikorenti. Fil-fatt, dawn is-sentenzi ma humiex ibbażati fuq it-test oriġinali tal-imsemmi digriet iżda fuq leġiżlazzjoni applikabbli wara l-proroga tat-tariffa Terni prevista permezz tal-Liġi Nru 9/91. Huwa evidenti li dawn is-sentenzi jsemmu d-dispożizzjonijiet previsti permezz tal-Liġi Nru 1643/62 u tad-Digriet Nru 1165/63 biss sa fejn dawn ġew estiżi u magħmula applikabbli, wara l-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 1992, permezz tal-Liġi Nru 9/91. Il-Kummissjoni ssostni li dawn is-sentenzi jikkontradixxu l-argument tar-rikorrenti.

50      Fir-rigward tal-Liġi Nru 9/91, id-deċiżjoni kkontestata sempliċement tindika li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjoni li t-tariffa Terni tiġi pprorogata sal-2001 (bi tneħħija progressiva matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2007) ġiet adottata billi ttieħdet inkunsiderazzjoni l-proroga kważi simultanja tal-konċessjonijiet idroelettriċi. Madankollu, mit-test tal-liġi inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar li din ma rabtitx il-proroga tat-tariffa Terni ma’ dik tal-konċessjonijiet ta’ awtoprodutturi oħra u d-dikjarazzjoni li tgħid li l-proroga tat-tariffa Terni hija att “obbligatorju” hija evidentement infondata fid-dawl tal-kontenut tal-Liġi Nru 1643/62 u tad-Digriet Nru 1165/63.

51      Lanqas ma għandu jiġi kkunsidrat li l-proroga tal-imsemmija tariffa mogħtija fl-2005 permezz tal-miżura inkwistjoni hija, b’mod partikolari, marbuta mal-proroga tal-konċessjonijiet mogħtija, sitt snin qabel, permezz tad-Digriet Nru 79/99. Minbarra l-fatt li t-test tal-miżura inkwistjoni ma jinkludi ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward, huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn il-leġiżlatur, jekk l-intenzjoni vera tiegħu kienet li jallinja t-tariffa Terni mal-iskadenza l-ġdida stabbilita għall-konċessjonijiet idroelettriċi, stenna sitt snin qabel ma estenda l-imsemmija tariffa. Din l-inkoerenza hija enfasizzata mill-fatt li, xi xhur wara l-proroga tat-tariffa Terni, il-Liġi Nru 266/05 reġgħet ipprorogat (sal-2020) il-konċessjonijiet idroelettriċi mingħajr madankollu ma pprovdiet għal proroga analoga tat-tariffa Terni.

52      Bil-kontra ta’ dan, mil-Liġi Nru 80/05 jirriżulta b’mod ċar li l-proroga tat-tariffi favorevoli, fosthom it-tariffa Terni, ingħatat globalment sabiex “tippermetti l-iżvilupp u r-ristrutturazzjoni tal-produzzjoni tal-impriżi kkonċernati”, għan li ġie espliċitament ikkonfermat mill-awtoritajiet Taljani matul il-proċedura amministrattiva.

53      Il-Kummissjoni ssostni li, li kieku d-Digriet Nru 1165/63 ipprovda għal proroga awtomatika tat-tariffa Terni fil-każ ta’ proroga tal-konċessjonijiet ta’ awtoprodutturi oħra, l-imsemmi digriet kien ikun qiegħed jikser il-prinċipju li jgħid li l-kumpens imħallas għall-esproprjazzjoni ta’ ass għandu jiġi stabbilit billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-ass fid-data ta’ meta seħħet l-esproprjazzjoni (valur li, fil-każ tal-esproprjazzjoni ta’ konċessjoni, jiddependi wkoll fuq it-tul residwu tagħha). Ladarba l-imsemmi kumpens jiġi stabbilit billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-ass esproprjat, dan ma jistax jiġi mmodifikat ex post abbażi ta’ varjazzjonijiet ulterjuri (ogħla jew orħos) tal-valur tal-ass, wara emendi leġiżlattivi jew ta’ regolamenti.

54      L-għażla tal-metodu ta’ kumpens ta’ Terni ma jimplikax dritt illimitat jew perpetwu għaż-żamma ta’ din it-tariffa preferenzjali u l-Kummissjoni tiddikjara li ma tistax tasal li tifhem sa fejn l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

55      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Tubemeuse”, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 25 u tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs Ufex et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 121).

56      L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, irid iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 56 u Chronopost u La Poste vs Ufex et, punt 47 iktar ’il fuq, punt 122).

57      Għandu jitfakkar li jikkostitwixxu vantaġġi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE l-miżuri li, taħt diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, jixbhu sussidju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs Awtorità għolja, 30/59, Ġabra p. 1, 39; tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C‑256/97, Ġabra p. I‑3913, punt 19, u tal-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑276/02, Ġabra p. I‑8091, punt 24), bħalma huma, b’mod partikolari, il-provvisti ta’ oġġetti jew servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T‑274/01, Ġabra p. II‑3145, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat sa fejn ir-rekwiżit tal-għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarju ma huwiex sodifatt peress li l-imsemmija miżura hija ta’ natura purament kumpensatorja.

59      Huwa paċifiku li ċerti forom ta’ kumpens mogħtija lill-impriżi ma jikkostitwixxux għajnuna.

60      Għalhekk, f’sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, Ġabra p. 5515, punti 23 u 24), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li n-natura legali tal-għajnuna pubblika, peress li tikkostitwixxi miżura tal-awtorità pubblika li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti prodotti, hija fundamentalment differenti minn dik tad-danni li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu, eventwalment, ikkundannati jħallsu lill-individwi bħala kumpens għad-dannu li huma jkunu kkawżawlhom u li għalhekk, l-imsemmija danni ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikoli 87 KE u 88 KE.

61      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li sussidji pubbliċi mogħtija lill-impriżi li huma espliċitament inkarigati b’obbligi ta’ servizz pubbliku sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta’ tali obbligi u li jissodisfaw ċerti rekwiżiti, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punt 94).

62      F’din il-kawża, il-Kummissjoni tindika li kumpens mogħti mill-Istat inkambju ta’ esproprjazzjoni ta’ assi ma jikkostitwixxix, ġeneralment, għajnuna mill-Istat (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Il-miżura inkwistjoni hija komposta mill-proroga ta’ miżura preċedenti li kienet tagħti lill-Terni tariffa preferenzjali applikabbli għall-provvista tal-elettriku, u dan bħala kumpens wara li l-fergħa idroelettrika ta’ din il-kumpannija ġiet nazzjonalizzata fl-1962.

64      L-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63, li jiddefinixxi dan il-kumpens, jipprovdi:

“L-ENEL hija obbligata li tipprovdi lil Terni […] 1 025 000 000 kWh (biljun u ħamsa u għoxrin miljun) kull sena b’saħħa ta’ 170 000 kW (mija u sebgħin elf), kwantità ta’ enerġija elettrika użata fl-1961 minn Terni […] għall-attivitajiet li mhumiex inklużi fost dawk imsemmija fl‑Artikolu 1 tal-Liġi Nru 1643[/62], u 595 000 000 kWh (ħames mija u ħamsa u disgħin miljun) fis-sena, permezz ta’ saħħa addizzjonali ta’ 100 000 kW (mitt elf), għall-attivitajiet li jkunu qegħdin jitwettqu fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 1643[/62].

L-imsemmija provvisti għandhom jibqgħu jingħataw sal-31 ta’ Diċembru 1992 fil-punti ta’ provvista li jinsabu fl-istabbilimenti ta’ Terni miftehma bejn il-partijiet”.

65      Din il-kwantità fissa ta’ enerġija elettrika kellha tiġi pprovduta b’tariffa preferenzjali ddefinita, fl-Artikolu 7 tad-Digriet Nru 1165/63, kif ġej:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ 1 025 000 000 kWh […] fis-sena, il-prezz tal-provvista għal kull kWh għandu jiġi ddeterminat skont il-prezzijiet ta’ ċessjoni interna medjament miżmuma, matul il-perijodu ta’ bejn l-1959 u l-1961, mis-settur tal-produzzjoni tal-elettriku ta’ Terni […], lill-istabbilimenti tal-kumpannija li joperaw f’setturi oħra.

Fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ enerġija li Terni tikkonsma […] lill hinn minn 1 025 000 000 kWh […] fis-sena, sal-kwantità ta’ 595 000 000 kWh […] fis-sena, il-prezz imsemmi fil-paragrafu preċedenti jiżdied b’0.45 Lire [Taljani] għal kull kWh.”

66      Għalhekk jidher li l-miżura li tagħha Terni kienet destinatarja kienet ir-riżultat ta’ tliet fatturi: il-kwantità ta’ elettriku, il-prezz tiegħu u t-tul tas-sistema preferenzjali.

67      Il-Kummissjoni tqis li l-miżura inizjali kienet tikostitwixxi kumpens, kienet xierqa u li t-tariffa Terni ma tat l-ebda vantaġġ lill-benefiċjarji matul il-perijodu kollu previst mill-imsemmija miżura, jiġifieri sal-1992. Filwaqt li tirreferi għal interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63 u għall-iffissar ċar ta’ perijodu ta’ 30 sena għall-applikazzjoni tal-imsemmija tariffa, il-Kummissjoni ssostni li l-proroga ta’ din it-tariffa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti integrali mill-kumpens u tikkonkludi li t-tariffa mogħtija lill-kumpanniji Terni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(11) tal-Liġi Nru 80/05, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (premessi 78, 79, 94 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni u tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni dinamika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kumpens. Hija ssostni li dawn tal-aħħar jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kumpens partikolari, għaliex flessibbli, peress li l-kwantità tal-elettriku hija l-uniku waħda mit-tliet fatturi li jiddeterminaw il-kumpens, minbarra l-prezz u t-tul, li ġiet iffissata darba għal dejjem.

69      Dan il-mekkaniżmu għandu l-għan li jiżgura l-bilanċ ekonomiku li minnu kienet tibbenefika Terni qabel in-nazzjonalizzazzjoni tal-1962, miżura eċċezzjonali u diskriminatorja meta mqabbla mal-awtoprodutturi l-oħra, kemm jekk kompetituri ta’ Terni u anki jekk le. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jikkumpensa lil Terni permezz ta’ mekkaniżmu bbażat fuq l-assimilazzjoni ta’ din il-kumpannija ma’ awtoproduttur virtwali u li kellu jiżgura, b’mod kontinwat, paralleliżmu fit-trattament ta’ Terni meta mqabbla mal-awtoprodutturi li ma ssubixxewx esproprjazzjoni.

70      Skont il-loġika oriġinali tal-kumpens, l-awtoritajiet Taljani estendew it-tariffa Terni skont it-tiġdid tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi peress li din il-proroga tikkostitwixxi att obbligatorju għall-implementazzjoni tal-miżura ta’ kumpens u peress li ma tistax tiġi separata minnu.

71      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

72      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża tidħol fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku fl-Italja, ibbażata fuq l-Artikolu 43 tal-Kostituzzjoni Taljana, u li l-att legali li jimplementha huwa kompost mil-Liġi Nru 1643/62, ikkompletata bid-Digriet Nru 1165/63.

73      Għaldaqstant, huma dawn l-aħħar testi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex wieħed ikun jista’ jifhem l-aspetti kollha tan-nazzjonalizzazzjoni inkwistjoni, inkluż il-kumpens li l-liġi teħtieġ f’sitwazzjoni bħal din ta’ trasferiment ta’ proprjetà deċiż unilateralment minn Stat.

74      Mill-kliem tal-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63 jirriżulta mingħajr ebda dubju li t-tariffa Terni ngħatat bħala kumpens għal perijodu tabilħaqq speċifiku, mingħajr il-possibbiltà ta’ proroga. Għalhekk, l-imsemmi artikolu jipprovdi li l-provvisti ta’ elettriku lil Terni “għandhom jibqgħu jingħataw sal-31 ta’ Diċembru 1992”. Il-fatt li tissemma data speċifika jeskludi, a priori, kull diffikultà ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-portata ratione temporis tad-dispożizzjoni.

75      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tindika ebda dispożizzjoni tal-Liġi Nru 1643/62 jew tad-Digriet Nru 1165/63 li tipprovdi għal reviżjoni tat-tul tal-applikazzjoni tat-tariffa Terni, bil-possibiltà li dan jiġi estiż lil hinn mid-data ta’ skadenza prevista. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur nazzjonali espliċitament ipprovda, fl-Artikolu 8 tad-Digriet Nru 1165/63, għall-possibbiltà ta’ reviżjoni tal-prezz tal-provvista ta’ elettriku lil Terni.

76      Filwaqt li tenfasizza li l-leġiżlatur nazzjonali kien ħa inkunsiderazzjoni, meta seħħet in-nazzjonalizzazzjoni, id-data ta’ skadenza tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi sabiex jagħżel il-31 ta’ Diċembru 1992 fid-Digriet Nru 1165/63, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ dispożizjoni espliċita fir-rigward tal-possibbiltà li t-tul tal-applikazzjoni tat-tariffa Terni jiġi rivedut skont it-tul tal-konċessjonijiet huwa spjegat mill-fatt li t-tiġdid ta’ dawn tal-aħħar kien jikkostitwixxi, għall-istess leġiżlatur u fl-istess żmien, ġrajja “ċertament imprevedibbli”.

77      Għandu jiġi osservat li, fiħ innifsu, l-iffissar inizjali ta’ perijodu ta’ validità għal konċessjonijiet kien diġà jqajjem il-kwistjoni ta’ x’ser jiġri minnhom wara li jiskadu u li l-possibbilta li dawn jinżammu, wara proroga prevista b’liġi jew wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, kienet prevedibbli u mhux ġrajja “ċertament imprevedibbli”. Mill-proċess jirriżulta li n-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-possibblità li t-tul tal-applikazzjoni tat-tariffa Terni jiġi rivedut jidher li huwa s-sempliċi konsegwenza ta’ għażla, min-naħa tal-leġiżlatur, li Terni tiġi kkumpensata permezz ta’ tariffa preferenzjali għall-provvista ta’ elettriku għal perijodu tabilħaqq determinat, iffissat b’mod definittiv meta seħħet in-nazzjonalizzazzjoni.

78      Anki jekk jiġi meqjus li, kif issostni r-rikorrenti, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest u l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur nazzjonali, xorta jibqa l-fatt li l-analiżi esposta iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkonfutata u dan anki minkejja l-kliem univoku użat fihom.

79      Għall-ewwel, ir-rikorrenti ssemmi xogħolijiet parlamentari preparatorji u, b’mod partikolari, xogħolijiet tas-seduta ta’ waranofsinhar tal-Kamra tad-deputati li nżammet fit-18 ta’ Settembru 1962, u xogħolijiet tas-seduta ta’ waranofsinhar tas-Senat tar-Repubblika li nżammet fil-15 ta’ Novembru 1962.

80      Fir-rigward tas-seduta tal-Kamra tad-deputati hija ssemmi s-silta li ġejja:

“[G]ħalhekk, x’nistgħu nagħmlu aħna [sabiex nikkumpensaw lil Terni]? […] Inizjalment il-Kummissjoni kienet għażlet kriterju preċiż ħafna: li s-siti attwalment operati minn Terni jiġu pprovduti bil-kwantitajiet ta’ elettriku kkunsmati fl-1961, bil-prezzijiet ta’ dik is-sena. Aħna nistgħu, bil-kontra ta’ dan, nipprovdu kriterju.”

81      F’dak li jirrigwarda s-seduta tas-Senat, ir-rikorrenti tindika li matula kien ġie espliċitament speċifikat li l-forma ta’ kumpens partikolari mogħti lil Terni kienet “ovvjament intiża sabiex ma jiġix affetwat ħażin il-bilanċ intern ta’ din l-impriża”.

82      Minn dawn iż-żewġ riferimenti jirriżulta, l-iktar l-iktar, it-tħassib tal-parlamentari fir-rigward, minn naħa, taż-żamma tal-bilanċ finanzjarju ta’ Terni, li inizjalment ma kellhiex tkun suġġetta għal-Liġi Nru 1643/62, u, min-naħa l-oħra, tal-għażla ta’ kriterju jew ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens, u dan it-tħassib effettivament wassal sabiex fil-leġiżlazzjoni jingħażel metodu ta’ kumpens speċifiku, hekk kif jikkonferma l-kontenut tal-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63.

83      Huwa paċifiku li f’din il-kawża l-kumpens ma huwiex ikkostitwit mill-ħlas ta’ somma f’daqqa speċifika ekwivalenti għall-valur tas-suq tal-assi esproprjati, iżda permezz ta’ mekkaniżmu li jipprovdi għall-provvista ta’ kwantità speċifika ta’ enerġija elettrika bil-prezz li Terni kienet tħallas li kieku żammet l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tagħha għal perijodu proporzjonali għat-tul residwu tal-konċessjoni esproprjata, u din hija s-soluzzjoni misjuba għat-tħassib tal-leġiżlatur li ma jiġix affetwat ħażin il-bilanċ intern ta’ Terni.

84      Għalkemm huwa minnu li l-applikazzjoni tat-tariffa Terni teċċeddi bi ftit it-tul residwu tal-konċessjoni ta’ Terni u li l-Kummissjoni tindika li huwa aċċettabbli li l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li d-data ta’ skadenza tal-imsemmija tariffa tkun tikkoinċidi mad-data ta’ skadenza ġenerali tal-konċessjonijiet idroelettriċi Taljani (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata).

85      Madankollu, xorta jibqa l-fatt li, mingħajr ma ta indikazzjonijiet oħra dwar it-tul, fid-Digriet Nru 1165/63 il-leġiżlatur nazzjonali għażel data preċiża għall-iskadenza tat-tariffa Terni, u li r-rikorrenti ma turix li mix-xogħolijiet parlamentari tirriżulta rieda, min-naħa tal-imsemmi leġiżlatur, li jkun hemm allinjament bejn it-tul ta’ applikazzjoni tat-tariffa Terni u t-tul tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi, fis-sens li t-tiġdid ta’ dawn tal-aħħar kellu awtomatikament iġib miegħu il-proroga tal-imsemmija tariffa.

86      Sussegwentement ir-rikorrenti teċepixxi l-interpretazzjoni univoka tal-intenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali min-naħa tal-għola qrati Taljani u f’dan ir-rigward ssemmi s-sentenza Nru 17686 tal-Corte suprema di cassazione, tal-21 ta’ Novembru 2003, u s-sentenza Nru 606 tal-Consiglio di Stato, tal-21 ta’ Frar 2005, li kkonfermaw il-ħtieġa, anki wara l-1992, li jiġi żgurat trattament paragunabbli bejn Terni u l-awtoprodutturi li ma ssubixxewx esproprjazzjoni.

87      Madankollu jidher li r-riferiment għal dawn iż-żewġ sentenzi huwa irrilevanti sa fejn dawn ingħataw wara l-Liġi Nru 9/91, li estendiet u għamlet applikabbli, wara l-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 1992, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu, bħala kumpens, l-għoti lill-Terni ta’ tariffa preferenzjali.

88      Barra minn hekk, kif tindika r-rikorrenti, dawn is-sentenzi ngħataw “f’kawżi fejn is-suġġett kien kompletament differenti minn dak tal-kawża preżenti”. Peress li l-qrati nazzjonali ma ġewx aditi bil-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet Taljani kisrux, billi estendew it-tariffa Terni lil hinn mil-31 ta’ Diċembru 1992, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 88(3) KE li ma jimplementawx għajnuna ġdida qabel ma jinformaw minn qabel lill-Kummissjoni.

89      Id-domanda magħmula lil dawn il-qrati kienet dik ta’ jekk, wara modifika fl-istruttura tariffarja nazzjonali tal-elettriku, Terni kelliex tkun suġġetta għal spejjeż addizzjonali għall-provvista tal-elettriku. Fil-kuntest legali mfakkar fil-punt 87 iktar ’il fuq, ir-risposta ta’ dawn il-qrati kienet waħda negattiva. Huma waslu għal din il-konklużjoni billi bbażaw ruħhom fuq ir-raġuni wara s-sistema speċjali ta’ determinazzjoni tal-prezz tal-provvista ta’ elettriku ta’ Terni, li ntgħażlet sabiex din tal-aħħar tiġi kkumpensata wara n-nazzjonalizzazzjoni.

90      Ġie deċiż li l-għan tat-tariffa Terni kien li tinżamm il-possibbiltà li din il-kumpannija tikseb elettriku “bi spejjeż li jkunu globalment analogi għal dawk li Terni nnifisha kienet tkun suġġetta għalihom li kieku kompliet tuża l-enerġija prodotta minnha stess” u li għalhekk din il-kumpannija ma setgħetx tintalab tkopri “l-ispejjeż addizzjonali [għall-provvista ta’ elettriku] li hija ma kienx ikollha tkopri li kieku hija setgħet tkompli tipproduċi elettriku għal konsum tagħha stess u għalhekk tkompli tikkonsma l-enerġija hekk prodotta”.

91      Din il-motivazzjoni tmur kontra l-argument tar-rikorrenti. Bil-kontra ta’ dak li tiddikjara din tal-aħħar, il-qrati nazzjonali ma kkunsidrawx li t-tariffa tal-elettriku li Terni kellha tħallas lill-ENEL kella tibqa analoga “għal dik tal-awtoprodutturi l-oħra” iżda li kellha tikkorrispondi għall-ispejjeż li “Terni nnifisha” kienet tkun suġġetta għalihom li kieku setgħet tkompli tuża l-enerġija prodotta minnha stess, u dan kien possibbli biss abbażi tal-konċessjoni idroelettrika u matul it-tul tagħha.

92      Skont il-loġika ta’ kumpens kif definita mill-qrati nazzjonali fir-rigward tal-element relatat mal-prezz tal-elettriku, it-tul tat-tariffa Terni ma setgħax, kif ġustament osservat il-Kummissjoni, jinjora t-tul residwu tal-konċessjoni esproprjata u jiġi stabbilit fuq l-iżvilupp futur tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi.

93      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni dwar il-prorogi tal-konċessjonijiet idroelettriċi, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 1643/62 u tad-Digriet Nru 1165/63, tikkontradixxi l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti, li tgħid li dawn tal-aħħar jorbtu t-tul tat-tariffa Terni, permezz ta’ speċi ta’ riferiment dinamiku u impliċitu, mat-tul tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi u li l-proroga ta’ dawn il-konċessjonijiet awtomatikament iġġib magħha l-proroga tal-imsemmija tariffa.

94      Din l-interpretazzjoni diġà hija mittiefsa mill-fatt li l-prorogi tat-tariffa Terni mhux talli ma kinux awtomatiċi iżda talli ħtieġu intervent leġiżlattiv sabiex jiġi mmodifikat il-kumpens inizjalment stabbilit permezz tad-Digriet Nru 1165/63.

95      L-ewwel proroga tat-tariffa Terni tirriżulta mill-Artikolu 20(4) tal-Liġi Nru 9/91, li estendiet ukoll il-konċessjonijiet idroelettriċi eżistenti sal-2001. Din il-liġi ma tistax tiġi meqjusa, bħal ma tagħmel ir-rikorrenti, bħala limitata biss għall-proroga, fl-istess ħin, tat-tul tat-tariffa Terni u tat-tul tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi sal-2001, sa fejn din kellha għan doppju, jiġifieri kemm dak li testendi t-tariffa Terni iżda wkoll dak li din it-tariffa titneħħa sal-2007 (ara l-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri data posterjuri u għalhekk indipendenti minn dik tal-iskadenza tal-konċessjonijiet idroelettriċi eżistenti. Dawn iż-żewġ elementi ma jistgħux jiġu separati minn xulxin u fir-realtà juru l-awtonomija tal-kwistjoni tat-tul tal-imsemmija tariffa meta mqabbla mas-sitwazzjoni tal-awtoprodutturi.

96      Is-separazzjoni bejn ix-xorti tal-kumpanniji Terni u dik tal-awtoprodutturi hija kkonfermata mill-fatt li fl-1999 l-awtoritajiet Taljani intervjenew biss sabiex iġeddu, sal-2010, il-konċessjonijiet idroelettriċi eżistenti.

97      It-tieni proroga tat-tariffa Terni tirriżulta mill-Artikolu 11(11) tal-Liġi Nru 80/05, li jipprovdi:

“Sabiex il-produzzjoni tal-impriżi kkonċernati tkun tista’ tiżviluppa u tiġi ristrutturata, l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tariffarji favorevoli għal provvista ta’ enerġija elettrika previsti fl-Artikolu 1(1)(c) tad-Digriet Liġi Nru 25, tat-18 ta’ Frar 2003, mibdula, wara emendi, fil-Liġi […] Nru 83, tas-17 ta’ April 2003, hija estiża għall-2010 kollha taħt il-kundizzjonijiet tariffarji aplikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2004”.

98      L-imsemmija dispożizzjoni lanqas biss ma tagħmel riferiment għall-konċessjonijiet idroelettriċi u ma tinkludi ebda indikazzjoni li tagħti l-wieħed x’jifhem li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jkun hemm allinjament bejn it-tul tat-tariffa Terni u t-tul tal-konċessjonijiet.

99      Bil-kontra ta’ dan, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-tariffa Terni hija biss waħda mill-kundizzjonijiet tariffarji favorevoli li l-proroga tagħhom hija intiża sabiex “il-produzzjoni tal-impriżi kkonċernati tkun tista’ tiżviluppa u tiġi ristrutturata”. Il-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li tifforma parti mir-riassunt tal-osservazzjonijiet li l-awtoritajiet Taljani għamlu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tispeċifika li l-imsemmija awtoritajiet jinsistu fuq il-fatt li:

“[L]-estensjoni kontestata tat-tariffa stabbilita fl-Artikolu 11, paragrafu 11 tal-Liġi 80/2005 hija marbuta ma’ programm ta’ investimenti mifrux li ThyssenKrupp qed iwettaq fiż-żona industrijali Terni-Narni. Taħt dan il-pjan ta’ azzjoni, kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni se tiġi żviluppata f’din iż-żona. It-tariffa hija għalhekk intenzjonata bħala soluzzjoni temporanja sakemm kapaċità ġenerattiva simili tidħol fis-seħħ, minħabba li l-abolizzjoni tagħha jipperikola l-investimenti li hemm bħalissa.”

100     Kif espost fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar “ir-raġunijiet ta’ politika għat-tieni estensjoni”, l-awtoritajiet Taljani indikaw:

“[Fl-istennija tat-tlestija tal-proġetti mibdija fir-rigward tal-produzzjoni u t-trasport tal-elettriku,] it-tariffa hija meħtieġa biex tistabbilixxi livell ugwali [trattament ugwali] bejn dawn il-kumpaniji intensivi fl-enerġija attivi [konsumaturi kbar tal-enerġija] fl-Italja u l-kompetituri tagħhom fl-[Unjoni Ewropea], li wkoll jibbenefikaw minn prezzijiet imnaqqsa ta’ l-enerġija (tariffi jew bażati fuq kuntratt). Jekk it-tariffa tiġi mneħħija, il-kumpaniji fil-kwistjoni jmexxu l-operazzjonijiet tagħhom barra l-[Unjoni]. Inevitabbilment dan iwassal għal kriżi industrijali u jġib telf ta’ impjiegi fir-reġjun. Għalhekk, skond [ir-Repubblika Taljana], id-dewmien [l-estensjoni] tat-tariffa għandu jiġi meqjus bħala soluzzjoni tranżizzjonali.”

101    Għalhekk din ċertament ma hijiex miżura li tikkostitwixxi t-tkomplija legali tal-kumpens li minnu bbenefikat Terni wara n-nazzjonalizzazzjoni tal-fergħa idroelettrika tagħha fl-1962

102    Barra minn hekk għandu jiġi osservat li din il-proroga tat-tariffa Terni seħħet kważi sitt snin wara t-tiġdid tal-konċessjonijiet idroelettriċi permezz tad-Digriet Nru 79/99, u li tali mogħdija ta’ żmien tikkontradixxi l-allegata rabta bejn il-miżura inkwistjoni u l-proroga tal-imsemmija konċessjonijiet.

103    Ir-rikorrenti ssostni li r-raġuni għaliex ittariffa Terni ma ġietx estiż fl-istess żmien, fl-1999, hija li l-Liġi Nru 9/91 kienet stabbiliet sistema ta’ “ħruġ bil-mod” fejn l-applikazzjoni tal-imsemmija tariffa kellha tintemm fl-2007. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument mhux talli ma jsostnix l-argument tar-rikorrenti iżda talli saħansitra jikkonferma li ma hemm ebda konnessjoni bejn l-andament tat-tariffa Terni u dak tal-awtoprodutturi li għandhom konċessjonijiet idroelettriċi.

104    Din il-konstatazzjoni ta’ rabta oġġettiva bejn it-tneħħija ppjanata u progressiva tat-tariffa Terni u n-nuqqas ta’ proroga tagħha fl-1999 ma tistax tiġi kkonfutata mis-sempliċi ipoteżi tar-rikorrenti li tgħid li t-tariffa inkwistjoni ma ġietx estiża fl-1999 fl-istennija ta’ tnaqqis fil-prezz tal-elettriku insegwitu għal-liberalizzazzjoni tas-suq, ipoteżi li, barra minn hekk, ma hijiex sostanzjata mir-rikorrenti.

105    Fil-verità, jidher li fl-1991 l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jneħħu, b’mod progressiv, l-applikazzjoni tat-tariffa Terni u li reġgħu lura minn din id-deċiżjoni fl-2005, fejn il-miżura inkwistjoni saret fl-istess ħin tal-investimenti mwettqa, b’mod partikolari, mir-rikorrenti.

106    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li xi xhur wara l-proroga tat-tariffa Terni, il-Liġi Nru 266/05 reġgħet estendiet (sal-2020) il-konċessjonijiet idroelettriċi mingħajr madankollu ma pprovdiet għal proroga analoga tat-tariffa Terni.

107    It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li jidher li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 u, b’mod iktar ġenerali, fuq l-allegati kontradizzjonijiet tal-Kummissjoni, huwa irrilevanti.

108    Ir-rikorrenti inizjalment sostniet li kemm mid-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 li “ma tqajjimx oġġezzjonijiet” fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Liġi Nru 9/91 kif ukoll minn bdil ta’ ittri bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani, jirriżulta li din l-istituzzjoni aċċettat il-konklużjoni li tgħid li l-proroga tat-tariffa Terni, fl-1991, kienet tikkostitwixxi l-kontiwazzjoni legali tal-miżura kumpensatorja mogħtija lill-Terni permezz tal-Liġi Nru 1643/62 u tad-Digriet Nru 1165/63 u li, għalhekk, din is-sistema tariffarja ma kinitx suġġetta għal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-għajnuna mill-Istat.

109    Huwa paċifiku li wara li l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw il-Liġi Nru 9/91, li l-Artikolu 20(4) tagħha estenda għall-ewwel darba t-tariffa Terni, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 li tipprovdi li hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet.

110    Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tindika, mingħajr ma tiġi kkontestata mir-rikorrenti, li l-Liġi Nru 9/91 ġiet innotifikata lilha fl-istess ħin bħal-Liġi Nru 10/91, li kienet tirrigwarda wkoll il-kwistjoni tal-enerġija, u li d-dokumenti li abbażi tagħhom il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha kien fihom biss deskrizzjoni fil-qosor u evalwazzjoni sommarja tal-artikoli rilevanti fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat. L-Artikolu 20(4) tal-Liġi Nru 9/91, li jestendi t-tariffa Terni, ma kienx imsemmi (ara l-premessi 20 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    Il-Kummissjoni tkompli tgħid li minħabba informazzjoni skarsa, sfortunatament huwa impossibbli li jiġi rintraċċat ir-raġunament segwit dak iż-żmien u, b’mod partikolari li jiġi ddeterminat jekk it-tariffa Terni ġietx eżaminata u jekk l-intenzjoni kinitx dik li tiġi awtorizzata, iżda li, irrispettivament minn dan, kemm in-notifika magħmula mir-Repubblika Taljana kif ukoll id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, it-tnejn li huma jirreferu għal-liġi sħiħa (premessi 135 u 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, il-Kummissjoni ddikjarat “kompatibbli l-għajnuna li kien hemm fiż-żewġ liġijiet taħt ir-regoli [dwar] l-għajnuna [mil]l-Istat” (premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-kliem użat fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991, fejn il-Kummissjoni indikat li “peress li l-ekonomija tal-enerġija tikkostitwixxi għan tal-politika enerġetika Komunitarja, u wara eżami tal-inċentivi finanzjarja prevista mil-liġijiet [inkwistjoni], fid-dawl tal-impenji tal-awtoritajiet Taljani fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet, [hija] ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom”. Il-fatt li jissemmew għan ambjentali u l-impenji tal-awtoritajiet nazzjonali, esposti fid-dettall fil-paragrafi segwenti tal-istess deċiżjoni bir-riferiment, b’mod partikolari, għal-limitu massimu previst għall-għajnuna reġjonali, jikkonferma li l-miżuri li jinsabu fil-Liġijiet Nri 9/91 u 10/91, wara li kienu ġew inizjalment ikkunsidrati bħala għajnuna, ġew awtorizzati, peress li kienu kompatibbli mas-suq komuni, għalkemm id-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 ma tispeċifikax b’mod espliċitu d-deroga li ġiet applikata.

114    Barra minn hekk għandu jitfakkar li d-deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet tikkorrispondi, skont id-definizjoni pprovduta fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jikkodifika u jirrinforza l-prattika, fir-rigward tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat, b’mod konformi mal-ġurisprudenza Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, Ġabra. p. I‑5829, punt 5), għas-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li l-miżura nnotifikata, minkejja li taqa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, ma tagħti lok għal ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u tiddeċiedi, b’konsegwenza ta’ dan, li din il-miżura hija kompatibbli mal-imsemmi suq.

115    Barra minn hekk ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq ittra, tad-19 ta’ Settembru 1991, li l-Ministeru tal-Industrija, tal-Kummerċ u tal-Artiġanat Taljan bagħat lill-Ministero delle Partecipazioni Statali Taljan, li l-Kummissjoni għamlet kuntatti mal-awtoritajiet Taljani sabiex titlob informazzjoni dwar għajnuna allegatament mogħtija lill-“kumpannija Ilva”, li kienet Terni, u li, wara li rċeviet ir-risposta tal-imsemmija awtoritajiet, li kienet tgħid li l-proroga tat-tariffa Terni permezz tal-Liġi Nru 9/91 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna iżda forma ta’ proroga tal-kumpens previst bil-Liġi Nru 1643/62, il-Kummissjoni ma kkontestatx din l-interpretazzjoni.

116    Apparti l-kontestazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-riġward tat-trażmissjoni ta’ din ir-risposta min-naħa tal-awtoritajiet Taljani, ma jistax jiġi dedott, fid-dawl tal-kliem użat fir-Regolament Nru 659/1999, li s-sempliċi silenzju tal-Kummissjoni jammonta għal xi teħid ta’ pożizzjoni min-naħa ta din tal-aħħar fir-rigward tal-miżura prevista bil-Liġi Nru 9/91, li kienet, barra minn hekk, diġà tinsab fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991.

117    F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li l-proroga tat-tariffa Terni permezz tal-Liġi Nru 9/91 ma tikkostitwixxix il-miżura inkwistjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, u li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 u fuq allegat bdil ta’ ittri bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani, jifforma parti mid-diskussjoni dwar l-allegat ksur min-naħa ta’ din l-istituzzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li huwa s-suġġett tal-aħħar motiv għal annullament imressaq mir-rikkorrenti.

118    Ir-rikorrenti ssostni, wara dan, li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja, peress li l-Kummissjoni tikklassifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat filwaqt li fl-istess ħin tammetti li l-loġika tal-prorogi hija li “jinżamm paralleliżmu fit-trattament ma’ dawn il-produtturi ta’ l-idroelettriku li raw il-konċessjonijiet tagħhom imġedda” (premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata), li t-tul inizjali kien ġie ffissat skont id-data ta’ skadenza tal-konċessjonijiet idroelettriċi (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata), jew li l-metodu ta’ kumpens magħżul mil-leġiżlatur Taljan fl-1962 kien iġġustifikat sa fejn dan kien “jinnewtralizza r-riskju ta’ dannu addizzjonali li seta’ sar lil Terni matul is-snin, fil-każ ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ l-enerġija” (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata), din l-aħħar dikjarazzjoni tikkostitwixxi r-rikonoxximent impliċitu tal-fatt li d-dannu subit minn Terni minħabba l-esproprjazzjoni huwa strettament marbut mal-vantaġġ li minnu jistgħu jibbenefikaw l-awtoprodutturi l-oħra.

119    Dan l-argument jirriżulta minn interpretazzjoni parzjali u suġġettiva tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, tal-premessa 92 tagħha, li tiġbor fil-qosor l-analiżi tal-Kummissjoni u tipprovdi dan li ġej:

“Rigward l-estensjonijiet maż-żmien tat-tariffa Terni, il-Kummissjoni tapprezza li r-raġunament kien li jinżamm paralleliżmu fit-trattament ma’ dawn il-produtturi ta’ l-idroelettriku li raw il-konċessjonijiet tagħhom imġedda. Madankollu, paralleliżmu simili, li huwa fil-qalba tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, kien previst fl-arranġament ta’ l-esproprjazzjoni biss għal [30] sena, mhux indefinittivament. Għalhekk, għar-raġunijiet diġà spjegati fil-paragrafi 0 sa (77) [73 sa 78] hawn fuq, dawn l-estensjonijiet ma kellhomx natura kumpensatorja.”

120    Fil-premessa 93 il-Kummissjoni tkompli tgħid:

“Din il-konklużjoni hija aktar ovvja għat-tieni estensjoni tat-tariffa. Din l-estensjoni interrompiet mekkaniżmu ta’ temma gradwali intenzjonat li jissimplifika t-tranżizzjoni tal-kumpaniji għat-tariffa sħiħa, li uriet il-konvinzjoni ta’ l-awtoritajiet Taljani li l-kumpaniji diġà kienu ġew kumpensati b’mod sħiħ. [Ir-Republika Taljana] diġà spjegat ir-raġunijiet li wasslu għat-tieni estensjoni, li huma relatati biss mal-politika industrijali (ara l-kummenti [tar-Repubblika Taljana] fil-paragrafu (60) hawn fuq)”.

121    Fir-raġunament tal-Kummissjoni ma hemm ebda ambigwità u lanqas ma hemm xi kontradizzjoni peress li din tikkunsidra li l-loġika predominanti fl-għażla tal-metodu ta’ kumpens ta’ Terni ma tistax tiġġustifika proroga tal-applikazzjoni tat-tariffa Terni lil hinn mill-perijodu ta’ 30 sena ffissat b’mod preċiż ħafna mil-leġiżlatur nazzjonali.

122    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-raġunment tar-rikorrenti jwassal għal implementazzjoni ta’ kumpens għal perijodu indeterminat u għalhekk illimitat f’dak li jirrigwarda l-ammont tiegħu, sitwazzjoni li l-legalità tagħha ma hijiex ipprovata mir-rikorrenti, kemm mill-perspettiva tas-sistema legali nazzjonali kif ukoll minn dik tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

123    Għandu jitfakkar li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Taljani li l-fergħa idroelettrika ta’ Terni tiġi nnazzjonalizzata ttieħdet skont l-Artikolu 43 tal-Kostituzzjoni Taljana, li jgħid li, “[g]ħal raġunijiet ta’ interess pubbliku l-liġi tista’ tirriżerva mill-bidu jew titrasferixxi, permezz ta’ esproprjazzjoni u kontra l-ħlas ta’ kumpens, lill-Istat, lil organi pubbliċi jew lill-komunitajiet ta’ ħaddiema jew utenti, impriżi speċifiċi jew kategorija ta’ impriżi li jirrigwardaw servizzi pubbliċi essenzjali jew ma sorsi ta’ enerġija jew sitwazzjonijiet ta’ monopolju u li jkunu ta’ interess pubbliku essenzjali”.

124    Ir-rikorrenti tindika li skont il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione u tal-Corte costituzionale (Qorti kostituzzjonali Taljana), il-kumpens għandu jkun “konsistenti u xieraq”, “serju” u għandu jiġi kkalkolat b’referenza “għal valur tal-ass fid-dawl tal-karatteristiċi essenzjali tiegħu, li saru manifesti minħabba l-użu ekonomiku potenzjali tagħhom”.

125    Il-Kummissjoni ma tikkontestax dawn l-allegazzjonijiet u tiċċita s-sentenza tal-Corte costituzionale Nru 5/1980, tat-30 ta’ Jannar 1980, li tipprovdi:

“[I]l-kumpens iggarantit lill-min ikun is-suġġett ta’ esproprjazzjoni […], anki jekk ma jikkostitwixxix kumpens sħiħ għat-telf subit – sa fejn id-dritt tal-individwu għandu jkun ibbilanċjat mal-interess ġenerali mfittex mill-esproprjazzjoni –, ma jistax, madankollu, jiġi ffissat b’mod irriżorju jew purament simboliku, iżda għandu jirrappreżenta restituzzjoni serja. Sabiex dan ikun possibbli, sabiex jiġi kkalkolat il-kumpens għandu jsir riferiment għall-valur tal-ass fid-dawl tal-karatteristiċi essenzjali tiegħu, li saru manifesti minħabba l-użu ekonomiku potenzjali tiegħu, skont il-liġi.”

126    Huwa paċifiku li l-metodu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63 ġie stabbilit skont il-karatteristiċi tal-ass innazzjonalizzat, jiġifieri siti fejn jiġi prodott l-elettriku operati abbażi ta’ konċessjoni li t-tul tagħha kellu jippermetti li l-konċessjonarju jammortizza l-investiment awtorizzat.

127    Għalhekk, ir-Repubblika Taljana għażlet li tagħti kumpens, mhux fil-forma ta’ somma f’daqqa speċifika stabbilita skont il-valur tas-suq tal-assi esproprjati, iżda permezz tal-provvista ta’ kwantità speċifika ta’ enerġija elettrika bil-prezz li Terni kienet tħallas li kieku żammet l-installazzjonijiet tagħha. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Taljani loġikament ħadu inkunsiderazzjoni t-tul residwu tal-konċessjoni ta’ Terni sabiex jiddeterminaw it-tul ta’ applikazzjoni tat-tariffa Terni, fejn id-data ta’ skadenza ta’ din tal-aħħar kienet saħansitra kemxejn wara dik tal-imsemmija konċessjoni.

128    Kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, għalhekk, l-ammont totali tal-kumpens jiddependi fuq it-tul tat-tariffa Terni.

129    Skont ir-rikorrenti, it-tul tal-imsemmija tariffa għandu, skont il-loġika oriġinali tal-kumpens adottata mil-leġiżlatur nazzjonali, jiġi sistematikament estiż skont it-tiġdid tal-konċessjonijiet tal-awtoprodutturi li ma ssubixxewx l-esproprjazzjoni, sabiex l-effetti dannużi tan-nazzjonalizzazzjoni jkunu jistgħu jiġu “kontinwament” innewtralizzati, fid-dawl tal-iżvilupp fil-prezz tal-enerġija elettrika.

130    L-interpretazzjoni tar-rikorrenti, tal-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63, tkun tfisser li l-kumpens, mogħti minħabba n-nazzjonalizzazzjoni tal-fergħa idroelettrika ta’ Terni, ingħata għal perijodu indeterminat, li l-kalkolu tal-ammont tiegħu jiddependi fuq ġrajjiet li seħħew wara, anki b’diversi snin, id-data tan-nazzjonalizzazzjoni u li, konsegwentement, kemm l-ammont tiegħu kif ukoll il-valur tal-ass nazzjonalizzat huma indeterminati u illimitati.

131    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ssemmi ebda regola, ebda prinċipju tad-dritt Komunitarju, ebda dispożizzjoni tas-sistema legali nazzjonali u lanqas ebda deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li jistgħu jservu bħala bażi għall-interpretazzjoni tagħha, li tammonta għall-għoti ta’ kumpens fiss għal perijodu indeterminat jew li tipprovdi, b’mod ġenerali, għall-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ġrajjiet li seħħew wara l-iffissar tal-kumpens sabiex tkun tista’ tiġi mmodifikata l-istima tal-ass innazzjonalizzat jew esproprjat u, b’konsegwenza ta’ dan, it-tul tal-kumpens.

132    Barra minn hekk, ir-rikorrenti donnha tirrikonoxxi li tali interpretazzjoni ma hijiex possibbli billi ma tikkontestax il-kontenut ta’ dispożizzjoni li tagħmel riferiment għaliha l-Kummissjoni, jiġifieri l-Artikolu 32 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 327, tat-8 ta’ Ġunju 2001, li jiġbor flimkien liġijiet u regolamenti fil-qasam tal-esproprjazzjoni minħabba raġunijiet ta’ utilità pubblika. F’dan ir-rigward hija tindika li “huwa ċertament minnu li ‘l-kumpens mogħti għal esproprjazzjoni ma jistax ikun jikkonsisti f’miżura għal perijodu indeterminat’ u li ‘dan għandu jkun stabbilit b’mod ċar u prevedibbli meta sseħħ l-esproprjazzjoni’”. Fil-fatt, l-Artikolu 32 tal-imsemmi digriet jipprovdi li “l-kumpens għall-esproprjazzjoni huwa kkalkolat abbażi tal-karatteristiċi li l-ass kellu meta seħħ il-ftehim ta’ ċessjoni jew fid-data tal-pubblikazzjoni tal-ordni ta’ esproprjazzjoni”.

133    Madankollu r-rikorrenti ssostni li l-“mekkaniżmu ta’ kumpens oriġinali flessibbli, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali tal-esproprjazzjoni subita minn Terni, huwa wkoll konformi kemm mal-prinċipji previsti fl-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali tal-[KEDB] kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti [EDB]”.

134    L-imsemmi artikolu, intitolat “Protezzjoni tal-Proprjeta”, jipprovdi:

“Kull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara tal-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali.

Iżda d-dispożizzjonijiet ta’ qabel ma għandhom b’ebda mod inaqqsu d-dritt ta’ Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta’ proprjetà skond l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra jew pieni.”

135    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi d-dritt għall-proprjetà, filwaqt li tiddefinixxi l-limitu tiegħu, u li sempliċi riferiment għal dan it-test ma jistax iservi bħala bażi għat-talba tar-rikorrenti f’din il-kawża.

136    Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, ir-rikorrenti tiċċita s-sentenza tat-12 ta’ April 2002, Lallement vs Franza, li minnha jirriżulta li r-rekwiżit ta’ kumpens li jkun raġonevolment relatat mal-valur tal-ass esproprjat jista’, “kultant, jimplika l-ħtieġa li jiġu previsti ammonti li jkunu nettament superjuri għall-valur waħdu tal-ass esproprjat”.

137    Fl-imsemmija sentenza, li kienet titratta l-esproprjazzjoni ta’ immobbli użat għal finijiet agrikoli, il-Qorti EDB tfakkar li miżura ta’ interferenza fid-dritt tar-rispett tal-oġġetti, bħalma hija l-esproprjazzjoni, għandha tilħaq “bilanċ ġust” bejn ir-rekwiżiti ta’ interess ġenerali tal-komunità u l-eżiġenzi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwu. Fil-qasam tal-esproprjazzjoni, dan il-bilanċ, bħala prinċipju, jintlaħaq meta l-persuna li subiet l-esproprjazzjoni tirċievi kumpens “li jkun raġonevolment relatata” mal-valur tas-suq tal-ass, anki jekk għanijiet leġittimi ta’ utilità pubblika jistgħu jxaqilbu favur kumpens li jkun inferjuri għall-valur tas-suq. Il-Qorti EDB tqis li, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat, meta l-ass esproprjat huwa “l-għodda tax-xogħol” tal-persuna li subiet l-esproprjazzjoni, il-kumpens imħallas ma jkunx raġonevolment relatat mal-valur tal-ass jekk, b’mod jew ieħor, ma jkunx ikopri din it-telfa speċifika jew jekk ma jippermettix li din l-għodda terġa tiġi stabbilita wara l-esproprjazzjoni (punti 18, 20, 23).

138    Issa, mhux biss talli l-analoġija li r-rikorrenti tagħmel bejn is-sitwazzjoni ta’ Terni u dik li tat lok għall-imsemmija sentenza, jiġifieri l-esproprjazzjoni ta’ artijiet agrikoli li kkawżat ħsara għall-mezzi ta’ produzzjoni ta’ agrikoltur u li tista’ tipperikola l-kapaċità tiegħu li jkompli l-attività professjonali tiegħu, hija diskutibbli iżda talli, barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti EDB ma tinkludi ebda indikazzjoni espliċita fir-rigward tal-“ħtieġa li jiġu previsti ammonti li jkunu nettament superjuri għall-valur waħdu tal-ass esproprjat”.

139    Fil-fatt din is-sentenza hija bbażata fuq ir-relazzjoni ta’ proporzjonalità li għandu jkun hemm bejn l-ammont tal-kumpens u l-valur speċifiku tal-ass esproprjat, motivazzjoni li hija inkompatibbli mar-riżultat tal-interpretazzjoni li r-rikorrenti tagħti tal-Arikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63, li tista’ twassal, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet dwar it-tul, għall-eżistenza ta’ dritt illimitat jew perpetwu għall-benefiċċju tat-tariffa Terni.

140    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-proroga tat-tariffa Terni mogħtija fl-2005 permezz tal-miżura inkwistjoni kienet tifforma parti integrali mill-kumpens dovut lill-Terni għall-esproprjazzjoni li subiet fl-1962. Din id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tirriżulta prinċipalment minn estrapolazzjoni tal-loġika oriġinali ta’ kumpens magħżula mil-leġiżlatur nazzjonali, bbażata fuq assimilazzjoni ta’ Terni ma’ awtoproduttur virtwali. Din hija intiża sabiex tevita l-limitu ta’ żmien iffissat għall-applikazzjoni tat-tariffa Terni u twassal għal żnaturament tat-termini ċari u preċiżi tal-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63.

141    Għalhekk, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta, wara li speċifikat li ma kien hemm ebda dubju li l-provvista ta’ enerġija elettrika bi prezzijiet iktar baxxi mit-tariffa normali fis-seħħ kienet tagħti vantaġġ ekonomiku nett lill-benefiċjarji, li kienu jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ispejjeż ta’ produzzjoni u minn tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tagħhom (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata), ikkonkludiet li t-tariffa speċjali mogħtija lill-kumpanniji Terni, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

142    Għaldaqstant il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87 KE għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-istudju ekonomiku pprovdut mill-awtoritajiet Taljani

 Fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

–       L-argumenti tal-partijiet

143    Ir-rikorrenti tindika li, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni espliċitament talbet lir-Repubblika Taljana tipprovdilha informazzjoni li tippermettilha tipparaguna oġġettivament il-valur tal-assi esproprjati mal-valur tal-vantaġġ li t-tariffa Terni tat b’effett minn meta bdiet tapplika din l-iskema sal-2010, b’attwalizzazzjoni tal-valuri inkwistjoni sabiex il-paragun ikun possibbli. Hija tenfasizza li fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni speċifikat li l-informazzjoni mitluba kienet “neċessarja sabiex tintlaħaq konklużjoni fil-każijiet inkwistjoni”, u dan wassal sabiex l-awtoritajiet Taljani u l-kumpanniji benefiċjarji, fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilhom waqt il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jikkunsidraw li r-riżultat tal-analiżi komparattiva mitluba kellu jkun deċiżiv sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tat-tariffa Terni bħala għajnuna mill-Istat.

144    B’risposta għal din it-talba, f’April 2007, ir-Repubblika Taljana bagħtet lill-Kummissjoni studju mwettaq, fuq talba tal-kumpanniji Terni, minn konsulent indipendenti u magħruf fis-settur tal-enerġija. Dan l-istudju jgħid li l-valur totali tal-vantaġġ mogħti permezz tat-tariffa Terni kien inqas mill-valur kontabbli (attwalizzat fl-2006) tal-assi esproprjati abbażi tan-nazzjonalizzazzjoni, u għalhekk jikkonkludi li ma kienx hemm kumpens żejjed.

145    Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkunsidrat, għall-għarrieda u b’mod “instrumentali”, li dan l-istudju kien irrilevanti minħabba li kkunsidrat li n-natura xierqa tal-mekkaniżmu ta’ kumpens setgħet tiġi evalwata biss meta seħħet l-esproprjazzjoni (ex ante) u mhux wara din l-esproprjazzjoni (ex post).

146    Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’ċirkustanzi li pprekludew lir-rikorrenti milli teżerċita bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha u milli tipparteċipa fil-proċedura f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni li kienet tikkostitwixxi s-suġġett tal-imsemmija proċedura. Fil-fatt, billi ma kkomunikatx, matul il-proċedura, lir-rikorrenti li kien hemm bdil radikali fl-evalwazzjoni, il-Kummissjoni żvijat l-attenzjoni tar-rikorrenti fuq aspetti li fir-rigward tagħhom hija finalment iddeċidiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li kienu kompletament irrilevanti. Minn dan jirriżulta ksur serju tal-prinċipju ta’ kontradittorju, li jikkostitwixxi l-garanzija prinċipali u invjolabbli ta’ kull proċedura amministrattiva, inklużi proċeduri Komunitarji. Ebda proċedura amministrattiva ma tista’ tevita li tosserva l-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tal-individwi li jipparteċipaw f’tali proċedura.

147    Il-ġurisprudenza msemmija mill-Kummissjoni fid-dokumenti tagħha hija bbażata fuq interpretazzjoni ineżatta tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-Artikolu 88(2) KE li jipprovdi li għandu jkun hemm proċedura kontradittorja sa fejn jipprovdi li l-Kummissjoni għandha ssejjaħ “il-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom”.

148    Ir-rikorrenti ssostni li huwa manifest li l-Istat Membru ċertament ma huwiex l-uniku entità legali kkonċernata minn att li jiddikjara għajnuna inkompatibbli fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Bil-kontra ta’ dan, kemm il-benefiċjarju tal-għajnuna kif ukoll l-impriżi kompetituri tiegħu, fil-kwalità tagħhom ta’ “partijiet interessati”, huma kkonċernati direttament mis-setgħa ta’ deċiżjoni mogħtija lill-amministrazzjoni Komunitarja u mas-setgħa relatata li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali, peress li għandu jiġi osservat li dawn għandhom locus standi kontra deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni. Għalhekk, id-drittijiet tad-difiża huma marbuta mal-atti amministrattivi sfavorevoli għad-destinatarji kollha (jiġifieri kemm għall-Istat kif ukoll għat-terzi esklużi mill-għajnuna kkundannata mill-Kummissjoni) u din is-sitwazzjoni ta’ żvantaġġ għandha tiġi kkunsidrata bħala r-rekwiżit għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju fir-rigward tad-destinatarji kollha.

149    Il-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni minn tal-inqas tirrikonoxxi li “d-dritt [tal-persuni interessatti minbarra l-Istat Membru] li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva [għandu jiġi ggarantit] b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni”. Issa, f’din il-kawża, wieħed mill-punti determinanti sabiex tiġi deċiża l-kompatibbiltà tat-tariffa Terni mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-għajnuna mill-Istat hija l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-kumpanniji Terni fiż-żmien ta’ meta seħħet l‑esproprjazzjoni abbażi tal-Liġi Nru 1643/62. Skont ir-rikorrenti, dan il-punt kien iktar u iktar determinanti peress li s-soluzzjoni tal-każ kienet tiddependi fuq il-paragun bejn il-valur attwalizzat tal-assi li ġew esproprjati mingħand Terni u l-valur tat-tariffa Terni attwalizzata sal-31 ta’ Diċembru 2010, jew peress li l-punt kontenzjuż jirrigwarda esklużivament il-possibbiltà li r-reċenti proroga tal-imsemmija tariffa tiġi kkunsidrata bħala kumpens supplimentari għall-esproprjazzjoni eċċezzjonali subita minn Terni.

150    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li anki li kieku jiġi injorat dak li ntqal iktar ’il fuq, xorta jibqa l-fatt li l-Kummissjoni wettqet ksur serju tal-forom proċedurali sostanzjali matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kemm fir-rigward tar-rikorrenti kif ukoll fir-rigward tar-Repubblika Taljana. Anki li kieku tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, xorta jibqa l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba li hija vvizzjata minn difett irrimedjabli ta’ kontradizzjoni bejn l-investigazzjoni, il-motivazzjoni u d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-persuni interessati mill-proċedura ma bbenefikawx minn garanziji xierqa li jippermettulhom jikkontradixxu lill-istituzzjoni li mexxiet il-proċedura fir-rigward ta’ punt li sussegwentement irriżulta essenzjali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan in-nuqqas effettivament xejjen kompletament l-utilità tar-risposta dettaljata li r-Repubblika Taljana tat għad-domandi li l-Kummissjoni għamlet fl-ittra tagħha tal-20 ta’ Frar 2007.

151    Ir-risposta tal-Kummissjoni hija li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna pubblika, il-benefiċjarji tal-għajnuna ma jistgħux jippretendu diskussjoni kontradittorja magħha, ma jibbenefikawx minn drittijiet tad-difiża u ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet ta’ difiża tal-Istat li fil-konfront tiegħu nbdiet il-proċedura.

152    Għall-kompletezza, il-Kummissjoni ssostni li fil-kawża preżenti hija ma tistax tiġi kkritikata li wettqet xi ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju jew tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Taljana. Hija ssostni li matul il-proċedura hija qatt ma indikat lir-Repubblika Taljana li hija kellha tevalwa ex post in-natura xierqa tat-tariffa Terni mingħajr ma teżamina jekk il-proroga ta’ din it-tariffa prevista mill-miżura inkwistjoni kinitx iġġustifikata abbażi tal-kumpens għall-esproprjazzjoni li Terni subiet fl-1962, u dan huwa kkonfermat mill-fatt li matul il-proċedura l-awtoritajiet Taljani u l-kumpanniji Terni effettivament sostnew l-argumenti intiżi sabiex juru li l-imsemmija proroga kellha tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti integrali mill-kriterju previst ex ante mid-Digriet Nru 1165/63 sabiex Terni tiġi kkumpensata.

153    Il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm l-istudju prodott mill-awtoritajiet Taljani ġie kkwalifikat bħala rrilevanti, hija xorta waħda eżaminatu fuq il-mertu, u kkonkludiet li l-metodu li fuqu kien ibbażat dan l-istudju kien ineżatt u/jew inkorrett. Hija tkompli tgħid li meta tiddikjara li “d-deċiżjoni [kkontestata] hija illegali minħabba li hija vvizzjata minn difett irrimedjabli ta’ kontradizzjoni bejn l-investigazzjoni, il-motivazzjoni u d-dispożittiv”, ir-rikorrenti tqajjem motiv ġdid li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

154    Għandu jitfakkar li, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u li, bil-publikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sejjħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-miżura inkwistjoni.

155    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2007, wara li kkonstatat li informazzjoni oħra “kienet neċessarja sabiex tintlaħaq konklużjoni”, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana tipprovdilha, b’mod partikolari, informazzjoni li tippermettilha tipparaguna oġġettivament il-valur tal-assi esproprjati mal-valur tal-vantaġġ li t-tariffa Terni tat b’effett minn meta bdiet tapplika din l-iskema sal-2010, b’attwalizzazzjoni tal-valuri inkwistjoni.

156    B’risposta għal din it-talba, f’April 2007, l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni studju mwettaq minn konsulent indipendenti fuq talba tal-kumpanniji Terni. Dan l-istudju jgħid li l-valur totali tal-vantaġġ mogħti permezz tat-tariffa Terni kien inqas mill-valur kontabbli (attwalizzat fl-2006) tal-assi esproprjati abbażi tan-nazzjonalizzazzjoni, u għalhekk jikkonkludi li ma kienx hemm kumpens żejjed.

157    Mill-premessi 82 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat, prinċipalment, li dan l-istudju ma kienx rilevanti peress li kull analiżi tal-adegwatezza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens kellha neċessarjament titwettaq ex ante, jiġifieri meta seħħet l-esproprjazzjoni. Abbażi ta’ dan l-approċċ, il-Kummissjoni kkonkludiet li, sa l-iskadenza tal-miżura tariffarja ta’ kumpens inizjali, u biss sa din id-data, il-benefiċjarji ma kienu gawdew minn ebda vantaġġ, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata minn kalkoli ta’ profitt u telf, speċjalment dawk imwettqa a posteriori.

158    Il-Kummissjoni eżaminat fuq il-mertu, sussidjarjament, l-istudju pprovdut mill-awtoritajiet Taljani u kkonkludiet li l-metodu li fuqu kien ibbażat dan l-istudju kien ineżatt u inkorrett peress li kien sistematikament jissottovaluta l-vantaġġ mogħti lill-kumpanniji Terni u x’aktarx jissopravaluta l-valur tal-assi esproprjati (premessi 87 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

159    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’ċirkustanzi li pprekludewha milli teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha u milli “tipparteċipa fil-proċedura f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni li kienet tikkostitwixxi s-suġġett tal-imsemmija proċedura”. Wara li kisbet studju li kien fih l-analiżi komparattiva mitluba, il-Kummissjoni, għall-għarrieda u mingħajr ma informatha b’dan, ikkunsidrat li dan l-istudju kien kompletament irrilevanti. Billi ma kkomunikatilhiex, matul il-proċedura, il-bdil fl-evalwazzjoni tagħha tal-informazzjoni mitluba fl-ittra tal-20 ta’ Frar 2007 u għalhekk tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni ma poġġietx lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tikontradixxi, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fir-rigward tal-illegalità tal-proroga tat-tariffa Terni fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

160    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

161    Fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istati hija, meta titqies l-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli, fid-dawl tal-obbligi Komunitarji tiegħu, għall-għoti tal-għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 29, u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 81).

162    Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għaldaqstant, il-partijiet interessati minbarra l-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna ma jistgħux jippretendu li huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni, bħalma jista’ jagħmel l-imsemmi Stat (sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 59, u Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 161 iktar ’il fuq, punt 82). Huma għandhom għalhekk, essenzjalment, ir-rwol ta’ sors ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T‑266/94, Ġabra p. II1399, punt 256, u tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punt 59).

163    F’dan ir-rigward, l-ebda dispożizzjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat ma tirriżerva rwol partikolari għall-benefiċjarja tal-għajnuna minn fost il-partijiet interessati. Għandu għalhekk jitfakkar li l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat ma hijiex proċedura miftuħa “fil-konfront” tal-benefiċjarja tal-għajnuna li jkun jimplika li din tal-aħħar tista’ tippretendi drittijiet li huma estiżi daqs id-drittijiet tad-difiża bħala tali (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil punt 161 iktar ’il fuq, punt 83, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004,Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra p. II‑2717, punt 193).

164    Ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq hija bbażata fuq interpretazzjoni ineżatta tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-Artikolu 88(2) KE li jipprovdi li għandu jkun hemm proċedura kontradittorja sa fejn jipprovdi li l-Kummissjoni għandha ssejjaħ “il-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom”.

165    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza inkwistjoni hija speċifikatament intiża li tinterpreta l-Artikolu 88(2) KE kif ukoll l-Artikoli 6 u 20 tar-Regolament Nru 659/1999, li jagħtu lill-partijiet interessati d-dritt li jippreżentaw osservazzjonijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

166    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata anki minkejja li din tiddikjara li l-għajnuna li hija rċeviet hija inkompatibbli. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom biss u unikament bħala destinatarji l-Istati Membri kkonċernati (ara l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata fil-punt 162 iktar ’il fuq, punt 45).

167    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma d-dritt għal smigħ jew għall-amministrazzjoni tajba, invokati mir-rikorrenti, ma jistgħux jippermettu lill-qorti Komunitarja li testendi d-drittijiet proċedurali mogħtija lill-partijiet interessati, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, mit-Trattat u mid-dritt sekondarju (sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 163 iktar ’il fuq, punt 194). Il-fatt li r-rikorrenti għandha locus standi kontra d-deċiżjoni kkontestata lanqas ma jippermetti dan.

168    Fl-aħħar nett, diġà ġie deċiż li la mid-dispożizzjonijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta tisma’ lill-benefiċjarju ta’ riżorsi tal-Istat dwar l-evalwazzjoni legali tagħha tal-miżura inkwistjoni jew li hija marbuta tinforma lill-Istat Membru kkonċernat – u, a fortiori , lill-benefiċjarju tal-għajnuna – dwar il-pożizzjoni tiegħu qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, meta l-partijiet interessati u l-Istat Membru kienu ġew imsejjħa jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il Kummissjoni, iċċitata fil-punt 163 iktar ’il fuq, punt 198).

169    F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ssejħet sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u li hija użat din il-possibbiltà billi ppreżentat osservazzjonijiet iddettaljati lill-Kummissjoni.

170    Hija indikat li t-tariffa Terni hija kumpens leġittimu li għalih Terni kienet intitolata wara l-esproprjazzjoni tal-assi tagħha u għalhekk ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat. Hija esponiet pass pass il-passat ta’ din it-tariffa u insistiet fuq il-fatt li l-prorogi kollha tat-tariffa Terni wara l-1991 kienu konkomitanti mat-tiġdid ġenerali tal-konċessjonijiet idroelettriċi ta’ produtturi oħra, u għalhekk, kienu konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn Terni u l-awtoprodutturi l-oħra li ma kinux ssubixxew esproprjazzjoni u li għalhekk setgħu jkomplu jipproduċu u jikkonsmaw l-elettriku bi prezz baxx (premessi 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata).

171    Għalhekk ir-rikorrenti sostniet, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, argumenti intiżi sabiex juru li l-proroga tat-tariffa Terni kellha tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti integrali mill-kriterju previst ex ante permezz tal-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63 sabiex Terni tiġi kkumpensata.

172    Issa, il-Kummissjoni ddeċidiet preċiżament u prinċipalment fuq dan il-punt sabiex tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għalhekk ir-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata meta ssostni li l-Kummissjoni pprekludietha milli “tipparteċipa fil-proċedura f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni li kienet tikkostitwixxi s-suġġett tal-imsemmija proċedura” jew li hija ġiet, “mingħajr raġuni, eskluża mid-dritt li tikkontradixxi l-pożizzjoni li l-amministrazzjoni Komunitarja adottat fir-rigward tal‑illegalità tal-proroga tat-tariffa preferenzjali fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat”.

173    Barra minn hekk għandu wkoll jiġi osservat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni bidlet radikalment, matul il-proċedura, l-evalwazzjoni tagħha tal-informazzjoni mitluba fl-ittra tal-20 ta’ Frar 2007 u għalhekk tal-miżura inkwistjoni, tinjora s-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u tagħti interpretazzjoni żbaljata tat-termini tat-talba għal informazzjoni tal-20 ta’ Frar 2007.

174    Il-Kummissjoni effettivament qieset li kien neċessarju li tiġbor informazzjoni dwar il-valur kontabbli tal-assi li ġew ittrasferiti lill-Istat meta seħħet in-nazzjonalizzazzjoni. Madankollu, dan ma huwiex l-uniku suġġett tat-talba għal informazzjoni li tinsab fl-ittra tal-20 ta’ Frar 2007, u s-silta li tgħid li l-informazzjoni mitluba kienet neċessarja “sabiex tintlaħaq konklużjoni” fil-każ inkwistjoni għandha titpoġġa fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-għanijiet tagħha, jiġifieri li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jesponu l-fehma tagħhom u li l-Kummissjoni jkollha għarfien sħiħ tad-data kollha tal-kawża qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13).

175    Il-portata tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tistax tkun usa’ minn kif deskritta iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, ma għandiex tinkludi s-setgħa li tittieħed deċiżjoni definittiva, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, fuq ċerti dokumenti tal-fajl.

176    Mill-ittra tal-20 ta’ Frar 2007 ma jistax jiġi deddott, kif issostni r-rikorrenti, li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li “l-prova tal-fatt li l-valur (attwalizzat) ta’ dan il-kumpens kien daqs jew inqas mill-valur tal-assi esproprjati kienet deċiżiva sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tat-tariffa preferenzjali bħala għajnuna mill-Istat”. Din id-dikjarazzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-kliem tal-imsemmija ittra.

177    F’kull każ, il-Kummissjoni qatt ma indikat, la lill-awtoritajiet Taljani u lanqas lill-kumpanniji Terni, li hija kellha tevalwa ex post in-natura xierqa tat-tariffa Terni mingħajr ma teżamina jekk il-proroga ta’ din it-tariffa prevista mill-miżura inkwistjoni setgħetx tkun iġġustifikata abbażi tal-kumpens għall-esproprjazzjoni li Terni subiet fl-1962.

178    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

179    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, anki li kieku tiġi adottata (quod non) interpretazzjoni restrittiva tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati fil-kuntest tal-proċedura miftuħa skont ir-Regolament Nru 659/1999, xorta jibqa l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba li hija vvizzjata minn difett irrimedjabli ta’ kontradizzjoni bejn l-investigazzjoni, il-motivazzjoni u d-dispożittiv tad-deċiżjoni.

180    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli billi tinvoka ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

181    Madankollu għandu jiġi osservat li l-imsemmi lment ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ġdid peress li diġà kien imsemmi fir-rikors. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

182    Madankollu, jibqa l-fatt li huwa diffiċli li wieħed jifhem il-portata eżatta tal-ilment peress li d-dikjarazzjoni, waħedha, li hemm “difett irrimedjabli ta’ kontradizzjoni bejn l-investigazzjoni, il-motivazzjoni u d-dispożittiv tad-deċiżjoni” ma tippermettix li tiġi kkaratterizzata illegalità preċiża, fir-rigward tal-eventwali ksur min-naħa tal-Kummissjoni ta’ liġi jew ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

183    Fir-replika, l-ilment huwa segwit mill-ispjegazzjoni segwenti “[f]il‑fatt, il-persuni interessati mill-proċedura ma bbenefikawx minn garanziji xierqa li jippermettulhom jikkontradixxu lill-istituzzjoni li mexxiet il-proċedura (il-Kummissjoni) fir-rigward ta’ punt li sussegwentement irriżulta essenzjali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni”. Minn dan l-argument jirriżulta li dan l-ilment ma huwiex differenti minn dak ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, li ġie miċħud kif espost fil-punt 178 iktar ’il fuq.

184    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fir-replika, huwa indikat li, “xorta jibqa l-fatt li l-Kummissjoni wettqet ksur serju tal-forom proċedurali sostanzjali matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kemm fir-rigward tal-Istat Taljan kif ukoll fir-rigward tar-rikorrenti li, mingħajr raġuni, ġew it-tnejn li huma esklużi mid-dritt li jikkontradixxu l-pożizzjoni li l-amministrazzjoni […] adottat fir-rigward tal-illegalità tal-proroga tat-tariffa preferenzjali fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat”.

185    Sa fejn l-intenzjoni tar-rikorrenti kienet li tqajjem motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Taljana, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondat.

186    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, minnu nnifshu, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi illegalità suġġettiva (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 425, u l-ġurisprudenza ċċitata), u għalhekk għandu jiġi invokat mill-Istat Membru kkonċernat stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 163 iktar ’il fuq, punt 203).

187    Għaldaqstant, ma huwiex ammissibbli li r-rikorrenti f’din il-kawża tinvoka l-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana.

188    Anki li kieku tali motiv jitqies ammissibbli, xorta jibqa l-fatt li għandu jiġi miċħud bħala infondat.

189    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-Istat Membru inkwistjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jesponi b’mod utli l-fehma tiegħu dwar l-osservazzjonijiet ppreżentati minn terzi interessati, skont l-Artikolu 88(2) KE, u li fuqhom il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Sa fejn l-Istat Membru ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jikkummenta dwar dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidrahom fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat. Madakollu, sabiex tali ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għal annullament, huwa meħtieġ li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1987, Franza vs Il-Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punti 12 u 13, u tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punti 29 sa 31).

190    F’din il-kawża huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija qegħdha tiġi kkritikata talli bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq osservazzjonijiet ta’ terzi interessati li fir-rigward tagħhom ir-Repubblika Taljana ma setgħetx tesponi l-fehma tagħha. Skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, ir-Repubblika Taljana tqegħdet f’pożizzjoni li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u l-osservazzjonijiet sottomessi f’dan il-kuntest mill-partijiet interessati ġew ikkomunikati lilha, u dan ta lok għar-reazzjoni tagħha esposta f’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2006 (premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

191    Ir-rikorrenti ssostni li, billi ma informatx lir-Repubblika Taljana, matul il-proċedura, dwar il-bdil radikali fl-evalwazzjoni tagħha tal-informazzjoni mitluba fl-ittra tal-20 ta’ Frar 2007 u għalhekk tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni ma poġġietx lir-Repubblika Taljana, l-istess bħalma poġġietx lir-rikorrenti, f’pożizzjoni li tikontradixxi, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-illegalità tal-proroga tat-tariffa Terni fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

192    Għandu jiġi enfasizzat li fil-kuntest tal-osservazzjonijiet li ssottomettiet quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Repubblika Taljana indikat li la l-ftehim tariffarju inizjali – li kien jikkostitwixxi kumpens leġittimu lil Terni għall-esproprjazzjoni tal-assi tagħha – u lanqas il-prorogi ulterjuri tiegħu ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Insostenn ta’ dan l-argument hija kkwotat diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jgħidu li ċerti forom ta’ kumpens mogħtija lill-impriżi ma jikkostitwixxux għajnuna, b’mod partikolari f’każ ta’ danni u ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

193    Barra minn hekk, il-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

“Rigward l-aċċettazzjoni ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat tat-Tariffi Terni, [ir-Repubblika taljana] tissottolinea li l-Liġi 9/1991, li tistabbilixxi l-ewwel estensjoni tat-tariffa, kienet notifikata kif suppost lill-Kummissjoni u din approvatha. L-estensjonijiet sussegwenti tat-tariffa, li huma konkomitanti ma’ l-estensjonijiet tal-konċessjonijiet idroelettriċi għall-produtturi ta’ l-idroelettriku, isegwu l-istess loġika, u l-Kummissjoni qatt ma għamlet oġġezzjonijiet għalihom. Għalhekk, skond [ir-Repubblika Taljana], it-tariffa Terni għandha tiġi kunsidrata bħala miżura eżistenti li mhix għajnuna.”

194    Għalhekk ir-Repubblika Taljana esponiet b’mod ċar, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-fehma tagħha fuq in-natura kumpensatorja tal-miżura inkwistjoni.

195    Barra minn hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti msemmija fil-punt 191 iktar ’il fuq tinjora s-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u tagħti interpretazzjoni żbaljata tat-termini tat-talba għal informazzjoni tal-20 ta’ Frar 2007, kif ġie espost preċedentement.

196    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li la mid-dispożizzjonijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta tisma’ lill-benefiċjarju ta’ riżorsi tal-Istat dwar l-evalwazzjoni legali tagħha tal-miżura inkwistjoni jew li hija marbuta tinforma lill-Istat Membru kkonċernat – u, a fortiori, lill-benefiċjarja tal-għajnuna – dwar il-pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, meta l-partijiet interessati u l-Istat Membru kienu ġew imsejjħa jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 163 iktar ’il fuq, punt 198).

 Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-istudju ekonomiku prodott mill-awtoritajiet Taljani

–       L-argumenti tal-partijiet

197    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni tikkuntesta l-validità tal-istudju prodott mill-awtoritajiet Taljani fuq żewġ punti.

198    L-ewwel nett, dan l-istudju jissopravaluta l-valur tas-siti esproprjati u ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn is-siti u l-assi relatati magħhom kellhom jiġu, wara tmiem il-konċessjoni, restitwiti lill-Istat.

199    Ir-rikorrenti ssostni li l-kalkolu tal-valur tal-assi esproprjati, skont il-bilanċi annwali ta’ Terni, kien eżattament dak li talbet il-Kummissjoni u li l-bilanċi oriġinali, iċċertifikati min-nutar, huma kompletament konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tad-dritt tal-Kumpanniji u tal-kontabbiltà, fostom l-obbligu li l-valur tal-assi jiġi “ammortizzat” proprozjonalment skont it-tul residwu tal-eventwali konċessjonijiet.

200    Minbarra l-fatt li l-argument tal-Kummissjoni jwassal għal inverżjoni tal-oneru tal-prova, hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, mingħajr l-esproprjazzjoni, il-konċessjonijiet idroelettriċi ta’ Terni kienu jiġu ripetutament estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-istess bħalma kienu jiġu estiżi l-konċessjonijiet idroelettriċi l-oħra kollha tal-awtoprodutturi li ma kinux ssubixxew esproprjazzjoni.

201    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-Kummissjoni, l-istudju inkwistjoni jissottovaluta l-valur tal-vantaġġ mogħti mit-tariffa Terni sa fejn, sabiex jiġi kkalkolat l-imsemmi vantaġġ tariffarju, l-ammont effettivament imħallas minn Terni kellu jiġi pparagunat mat-tariffa li normalment titħallas minn operatur jew awtoproduttur li għandu profil ta’ konsum analogu għal dak tal-imsemmija kumpannija.

202    Ir-rikorrenti twieġeb billi tgħid li Terni u l-aventi kawża tagħha ġew eżentati minn ċerti elementi tarriffarji (fosthom it-taxxa addizzjonali termika) permezz ta’ liġijiet u regolamenti totalment distinti mill-, u li ġew wara l-, Liġi Nru 1643/62 u d-digriet ta’ applikazzjoni tagħha, iżda b’mod konformi mal-loġika tal-paragun mal-awtoprodutturi, li hija element fundamentali tal-imsemmija liġi. Għalhekk huwa żbaljat li jiġi allegat li, sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-vantaġġi mogħtija, it-tariffa Terni għandha tiġi pparagunata mat-“tariffa normali” (li tinkludi t-taxxa addizzjonali termika) li għandha titħallas minn operatur li ma huwiex awtoproduttur. L-istess raġunament japplika għall-kalkolu tal-“benefiċċji kumpensatorji” li l-kumpanniji Terni rċevew, bejn l-2000 u l-2006, mill-fond ta’ kumpens tas-settur tal-elettriku.

203    Għalhekk, skont ir-rikorrenti l-benefiċċju kellu jiġi kkalkolat skont il-prezz li l-kumpanniji Terni kien ikollhom effettivament iħallsu skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (distinti mit-tariffa Terni), u mhux skont il-prezz normali tas-suq tal-elettriku, kif żbaljatament tallega l-Kummissjoni.

204    Il-Kummissjoni tfakkar li kien biss sussidjarjament li hija eżaminat fuq il-mertu l-istudju prodott mill-awtoritajiet Taljani u li, jekk il-konklużjoni tagħha fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tal-istudju tiġi kkonfermata, l-argumenti invokati fit-tieni parti ta’ dan il-motiv huma effettivament ineffettivi.

205    Hija tenfasizza li r-rikorrenti ma tikkontestax l-osservazzjoni, esposta fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “[l]-istudju sempliċiment iqis bħala l-valur ta’ l-assi d-differenzi bejn il-punt ‘impjant u makkinarju’ fil-baġit ta’ Terni ta’ l-1962 […] u l-istess punt is-sena ta’ wara”, filwaqt li “m’hemmx prova konkreta li d-differenza hija attribwibbli esklussivament għat-telf ta’ l-impjant idroelettriku”. Din l-objezzjoni għandha tkun biżżejjed sabiex jintwera li l-istudju ma huwiex kredibbli wisq, peress li ma huwiex ipprovat li n-natura xierqa tal-kumpens ġiet eżaminata biss fid-dawl tal-installazzjonijiet idroelettriċi esproprjati.

206    Il-Kummissjoni ssostni li l-istudju ppreżentat mill-Awtoritajiet Taljani ma jispeċifikax jekk il-valur tal-installazzjonijiet li jirriżulta mill-bilanċ ta’ Terni għall-1963 kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, ladarba l-konċessjoni tiskadi, parti kbira minn dawn l-installazzjonijiet kellha tgħaddi f’idejn l-Istat. L-osservazzjoni formali tar-rikorrenti fuq il-portata ta’ bilanċ iċċertifikat min-nutar ma tneħħix l-ambigwità fuq dan l-aspett fundamentali. Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, fin-nuqqas tal-esproprjazzjoni, il-konċessjoni idroelettrika ta’ Terni kienet tiġi estiża sa Diċembru 2020, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex jiġi evalwat il-valur tal-assi esproprjati fl-1962, għanda jsir riferiment għas-sitwazzjoni li kienet teżisti meta seħħet l-esproprjazzjoni, mingħajr ma jkun possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modifiki li, fin-nuqqas tal-esproprjazzjoni, setgħu jseħħu sussegwentement, u li d-data tal-2020 hija, f’kull każ, żbaljata peress li l-proroga tal-konċessjonijiet idroelettriċi sal-2020, prevista permezz tal-Liġi Nru 266/05, ġiet iddikjarata inkostituzzjonali.

207    F’dak li jirrigwarda l-analiżi komparattiva tat-tariffi, il-Kummissjoni tallega li l-istudju inkwistjoni żbaljatament jieħu bħala punt ta’ referenza l-prezz imħallas minn awtoproduttur (minflok il-prezz normali tas-suq), u jinjora li l-fatt li Terni tiġi kkunsidrata bħala awtoproduttur virtwali sal-1992 kien jikkostitwixxi parti mill-kumpens mogħti lill-din il-kumpannija. Li kieku din il-kumpannija ġiet esproprjata mingħajr kumpens hija ma kinitx tiġi assimilata għal “awtoproduttur virtwali” u kien ikollha, b’konsegwenza ta’ dan, tħallas l-elettriku bil-prezz normali tas-suq (u mhux il-prezz imħallas minn awtoproduttur eżentat minn ċerti elementi tariffarji). Konsegwentement, sabiex jiġi evalwat l-ammont tal-kumpens mogħti lill-Terni, għandha tiġi kkalkolata d-differenza bejn il-prezz tas-suq (jiġifieri l-prezz fin-nuqqas ta’ kumpens) u t-tariffa mnaqqsa mogħtija lil din il-kumpannija (assimilata għal awtoproduttur virtwali) bħala kumpens.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

208    Għandu jitfakkar li kien biss sussidjarjament li l-Kummissjoni eżaminat fuq il-mertu l-istudju inkwistjoni u li hija kkunsidrat, prinċipalment, li dan l-istudju ma kienx rilevanti peress li kull analiżi tal-adegwatezza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens kellha neċessarjament titwettaq ex ante, jiġifieri meta seħħet l-esproprjazzjoni. Abbażi ta’ dan l-approċċ, il-Kummissjoni kkonkludiet li, sal-iskadenza tal-miżura tariffarja ta’ kumpens inizjali, u biss sa din id-data, il-benefiċjarji ma kienu gawdew minn ebda vantaġġ. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata minn kalkoli ta’ profitt u telf, speċjalment dawk imwettqa a posteriori

209    Ir-rikorrenti ma tikkontestax espliċitament dan l-approċċ tal‑Kummissjoni fuq in-natura a priori irrilevanti tal-istudju inkwistjoni fir-rigward tal-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest tat-tieni motiv għal annulament, hija tinvoka biss difett proċedurali li jirriżulta minn allegat ksur tad-drittijiet ta’ difiża tagħha.

210    Min-naħa l-oħra hija tikkontesta l-fondatezza tal-konklużjoni li għaliha wassal dan l-approċċ fil-kuntest tal-motiv għal annullament ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE. Issa, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tqis li l-proroga tat-tariffa preferenzjali mogħtija fl-2005 permezz tal-miżura inkwistjoni ma kinitx tifforma parti integrali mill-kumpens dovut lill-Terni għall-esproprjazzjoni li subiet fl-1962 u li tikkonkludi li t-tariffa preferenzjali mogħtija lill-kumpanniji Terni mill-1 ta’ Jannar 2005 kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

211    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istudju ekonomiku prodott mill-awtoritajiet Taljani għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 88(3) KE

 L-argumenti tal-partijiet

212    Ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni tiddikjara li r-Repubblika Taljana implementat il-miżura inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE u sa fejn, b’konsegwenza ta’ dan, tordna lil dan l-Istat jirkupra l-ammonti diġà mogħtija abbażi tal-Liġi Nru 80/05, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali.

213    Hija tosserva li l-miżura inkwistjoni ma ħassritx il-Liġi Nru 9/91, li tipprovdi għal proroga tat-tariffa Terni sal-31 ta’ Diċembru 2007, bi tnaqqis progressiv tal-kwantitajiet matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2007, iżda “marret lil hinn minnha” sa fejn iffriżat il-kwantitajiet li għalihom kellhom dritt l-impriżi sal-31 ta’ Diċembru 2004, filwaqt li estendiet l-applikazzjoni tal-imsemmija tariffa fiż-żmien, sal-2010. Għalhekk, ladarba l-miżura inkwistjoni kienet illegali, id--dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/91 jibqgħu japplikaw sat-terminu naturali tagħhom. Issa, bħala prudenza, l-Autorità per l’energia elettrica e il gas (Awtorità għall-enerġija elettrika u l-gass, iktar ’il quddiem l-“AEEG”) ħadet, fl-2005 u fl-2006, serje ta’ deċiżjonijiet sabiex ir-rikorrenti u l-kumpanniji Terni l-oħra jirċievu biss l-ammonti tat-tariffa Terni dovuti skont il-Liġi Nru 9/91, li kienet diġà ġiet eżaminata u approvata mill-Kummissjoni.

214    Mill-irċevuti ta’ ħlas li r-rikorrenti rċeviet mingħand il-fond ta’ kumpens tas-settur tal-elettriku matul il-perijodu ta’ bejn l-2005 u l-2007, jirriżulta li r-rimborsi kollha abbażi tat-tariffa Terni dejjem tħallsu, anki wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 80/05, mingħajr ebda referenza għal din id-dispożizzjoni, u dan jikkonferma l-fatt li n-nuqqas ta’ ħlas lir-rikorrenti tas-sommom previsti mill-miżura inkwistjoni jirriżulta mir-rieda tal-awtoritajiet Taljani li josservaw l-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 88(3) KE. Għalhekk ir-rikorrenti ssostni li hija ma rċeviet, la matul u lanqas wara l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ebda somma abbażi tal-element tariffarju li ġie estiż mil-miżura inkwistjoni, peress li l-flus li hija rċeviet ingħataw biss abbażi tal-Liġi Nru 9/91.

215    Ir-rikorrenti tindika li l-Kummissjoni kienet taf li s-sommom li r-rikorrenti rċeviet sal-2007 kienu ngħatawla bħala akkont fuq l-ammonti dovuti abbażi tal-Liġi Nru 9/91, kif jirriżulta mill-premessi 33 sa 35 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li din iċ-ċirkustanza ma tistax taffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata u tikkonċerna biss l-eżekuzzjoni tagħha, hija manifestament żbaljata. Ma jistax jiġi kkontestat li, peress li ma kienx hemm implementazzjoni effettiva tal-miżura inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, ma humiex sodisfatti r-rekwiżiti essenzjali li jippermettu li l-għajnuna tiġi ddikjarata illegali u li l-Istat jiġi ordnat jirkupra tali għajnuna.

216    Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li s-sempliċi pubblikazzjoni jew is-sempliċi dħul fis-seħħ tal-miżura inkwistjoni jikkostitwixxu ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-għoti tal-għajnuna, mhux biss talli jmur kontra s-sens litterali tal-Artikolu 88(3) KE, iżda talli jmur kontra r-ratio u l-effett utli ta’ din il-projbizzjoni.

217    L-għan essenzjali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(2) u (3) KE huwa li tiġi evitata eventwali distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, minħabba l-vantaġġ li minnu jista’ jibbenefika l-benefiċjarju tal-għajnuna, għall-ħsara tal-kompetituri tiegħu, fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni. L-obbligu ta’ sospensjoni huwa intiż sabiex jiggarantixxi trattament ugwali effettiv bejn l-operaturi, peress li impriża tkun avvantaġġjata biss meta l-Istat jimplementa għajnuna qabel ma l-Kummissjoni tkun ivverifikat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. F’din il-kawża, peress li r-rikorrenti ma setgħetx tirċevi s-somom mogħtija mill-miżura inkwistjoni, hija ma bbenefikat minn ebda vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha u ma nħolqot ebda distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

218    Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-proroga tat-tariffa Terni prevista permezz tal-miżura inkwistjoni daħlet fis-seħħ mingħajr ma ġiet innotifikata minn qabel, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 88(3) KE, u saħansitra tammetti li l-AEEG adotta miżuri ta’ implementazzjoni speċifiċi fir-rigward tal-elementi ta’ kumpens korrispondenti għat-tariffa Terni, billi ssuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-ħlas tagħhom għall-kundizzjoni li l-impriżi benefiċjarji jippreżentaw garanzija speċjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u anki jekk jitqies li s-somom previsti mil-miżura inkwistjoni ma tħallsux, dan bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li din il-miżura ġiet implementata bi ksur tal-obbligu ta’ notifikazzjoni minn qabel previst fl-artikolu msemmi iktar ’il fuq.

219    Bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija kompletament koerenti mal-kliem u mal-loġika tal-Artikolu 88(3) KE. Ladarba skema ta’ għajnuna, bħal dik prevista mill-miżura inkwistjoni, tidħol fis-seħħ, din ma tistax iktar tiġi kklassifikata bħala sempliċi “proġett” intiż sabiex jistabbilixxi għajnuna fis-sens tal-imsemmi artikolu. F’sitwazzjoni bħal din, ikun effettivament assurd, u kuntrarju għal-loġika tas-sistema ta’ investigazzjoni preliminari tal-għajnuna mill-Istat, li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tikkonstata ksur tal-Artikolu 88(3) KE biss wara li tkun ivverifikat li kull benefiċjarju effettivament ibbenefika mill-vantaġġi mogħtija mill-iskema inkwistjoni.

220    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li r-rikorrenti ma rċevietx is-sommom previsti mill-miżura inkwistjoni għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ma jistax jaffettwa l-legalità tagħha.

221    Il-Kummissjoni tenfasizza li, matul il-proċedura amministrattiva, ma ġiex sostnut li, minkejja d-dħul fis-seħħ tal-miżura inkwistjoni, ir-rikorrenti ma kinitx ibbenefikat mill-vantaġġi marbuta magħha. Dan jispjega għaliex id-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li tistabbilixxi l-għoti illegali tal-għajnuna bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE u tordna l-irkupru tagħha, madankollu tipprovdi li fil-fażi ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi vverifikat l-ammont effettiv tal-għajnuna li rċevew id-diversi benefiċjarji. Hija tfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma tkunx qieset eventwali punti ta’ fatt u ta’ liġi li setgħu jitressqu quddiemha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma tressqux, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina, ex officio u billi tippreżumi, l-informazzjoni li setgħet ġiet sottomessa quddiemha.

222    Fl-aħħar nett, hija tindika li r-rikorrenti bl-ebda mod ma wriet li hija ma kinitx ibbenefikat mill-vantaġġi mogħtija mill-miżura inkwistjoni u li mid-data pprovduta mill-awtoritajiet Taljani wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, bil-kontra ta’ dan, li globalment, il-kumpanniji Terni bbenefikaw mill-proroga tat-tariffa Terni billi kisbu rimborsi li jmorru lil hinn minn dawk previsti mil-Liġi Nru 9/91.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

223    Mill-premessi 118 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005 u li, peress li r-Repubblika Taljana ma kinitx innotifikat l-Artikolu 11(11) tal-Liġi Nru 80/05, din l-għajnuna kienet illegali.

224    Wara li kkonstatat li l-għajnuna inkwistjoni ma kienet eliġibbli għall-ebda waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 87 KE u wara li ddikjarat li t-tieni proroga tat-tariffa Terni kienet inkompatibbli mas-suq komuni (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni indikat li l-ammonti kollha ta’ għajnuna inkompatibbli li rċevew ir-rikorrenti, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche skont l-Artikolu 11(11) tal-Liġi Nru 80/05 u li jkopru l-perijodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2005 għandhom, wara li jiżdiedu bl-interessi, jiġu rkuprati (premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata).

225    Fil-premessi 161 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kompliet tispeċifika li:

“(161) F’dan il-kuntest għandu jiġi mfakkar li, l-iskop ta’ l-irkupru huwa r-restawr tas-sitwazzjoni kompetittiva tal-benefiċarju prevalenti qabel l-għoti ta’ l-għajnuna inkompatibbli. Fl-istabbiliment ta’ x’kienet is-sitwazzjoni kompetittiva tal-kumpanija Terni qabel l-introduzzjoni tal-Liġi 80/2005, għandu jittieħed kont ta’ l-eżistenza tal-miżura ta’ għajnuna eżistenti stabbilita fil-Liġi 9/1991, li kienet aċċettata taħt ir-regoli ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat sa l-2007.

(162)          Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ammonti residwali ta’ għajnuna li għaliha kienu intitolati l-benefiċjarji taħt il-Liġi 9/1991 fl-2005, l-2006 u l-2007 jekk il-Liġi 80/2005 ma kinitx tiġi implimentata tista’ titnaqqas mis-somom li jridu jiġu rkuprati, jekk l-Italja tikkunsidra li l-benefiċjarji huma intitolati għalihom taħt il-Liġi nazzjonali.”

226    Ir-rikorrenti ssostni li, peress li ma kienx hemm implementazzjoni effettiva tal-miżura inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, ma humiex sodisfatti r-rekwiżiti essenzjali li jippermettu li l-għajnuna tiġi ddikjarata illegali u li l-Istat jiġi ordnat jirkupra tali għajnuna. Issa, ir-rikorrenti ma rċeviet ebda somma abbażi tal-element tariffarju li ġie estiż bil-miżura inkwistjoni, peress li s-somom li rċeviet sal-2007 kienu ngħatawla biss bħala akkont fuq l-ammonti dovuti abbażi tal-Liġi Nru 9/91, li ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel u tal-eżistenza ta’ xi ammont li għandu jiġi rkuprat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88(3) KE meta ddikjarat li l-għajnuna hija illegali u meta ordnat, b’konsegwenza ta’ dan, l-irkupru tagħha.

227    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

228    Għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna ġdida li l-Istati Membri beħsiebhom jistabbilixxu, teżisti proċedura ta’ investigazzjoni minn qabel li fin-nuqqas tagħha l-ebda għajnuna ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala regolarment stabbilita (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur‑Les assurances du crédit, C‑44/93, Ġabra p. I‑3829, punt 12, u Il-Kummissjoni vs Sytravel u Brink’s France, iċċitata fil-punt 162 iktar ’il fuq, punt 35).

229    Skont l-Artikolu 88(3) KE u l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 659/1999, kull proġett li huwa intiż li jistabbilixxi jew jimmodifika għajnuna għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni u ma jistax jiġi implementat qabel ma din, impliċitament jew espliċitament, tapprovah.

230    Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw żewġ obbligi inseparabbli, jiġifieri dak li minn qabel jinnotifikaw il-proġetti ta’ għajnuna u dak li jimponi li l-implementazzjoni tiġi posposta sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-kompattibbiltà tal-miżura mas-suq komuni.

231    Skont l-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999 għajnuna illegali tfisser “għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu [88](3) tat-Trattat”, jiġifieri għajnuna li tingħata mingħajr ma tkun ġiet innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni jew, meta din tkun ġiet innotifikata, tkun ingħatat qabel ma l-Kummissjoni tkun iddeċidiet dwara fit-termini previsti.

232    F’din il-kawża, huwa paċifiku li t-tieni proroga tat-tariffa Terni ma tinsabx f’abbozz ta’ liġi iżda fl-Artikolu 11(11) tal-Liġi Nru 80/05 u li l-awtoritajiet Taljani ma nnotifikawhiex lill-Kummissjoni, sitwazzjoni li tikkaratterizza ksur tal-Artikolu 88(3) KE.

233    L-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ kull somma abbażi tal-element tariffarju li ġie estiż bil-miżura inkwistjoni hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

234    Fil-fatt mill-ġurisprudenza jirriżulta li għajnuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala mogħtija anki jekk l-ammont tagħha jkun għadu ma tħallasx lill-benefiċjarju.

235    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta Stat Membru jinnotifika miżuri li jistabbilixxu skemi ta’ għajnuna biss wara li dawn jiġu adottati permezz ta’ liġi, huwa jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 88(3) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 169/82, Ġabra p. 1603, punt 11). Billi bbażat ruħha fuq il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-miżuri ta’ għajnuna għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni meta jkun għadhom fi stadju ta’ proġett, jiġifieri qabel ma jiġu implementati u sakemm ikunu għadhom jistgħu jiġu mmodifikati skont l-eventwali osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T‑188/95, Ġabra p. II‑3713, punt 118).

236    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 88(3) KE hija konformi kemm mat-test kif ukoll mal-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti din id-dispożizzjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista’, fi żmien utli u fl-interess ġenerali, teżerċita l-investigazzjoni tagħha fuq kull proġett intiż li jistabbilixxi jew jimmodifika għajnuna u, għalhekk, li tkun tista’ twettaq eżami preventiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 189 iktar ’il fuq, punt 17). Ikun kuntrarju għal-loġika tas-sistema ta’ investigazzjoni preliminari tal-għajnuna mill-Istat li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tikkonstata ksur tal-Artikolu 88(3) KE biss wara li tkun ivverifikat li kull benefiċjarju effettivament ibbenefika mill-vantaġġi mogħtija mill-miżura inkwistjoni

237    Għalhekk il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna illegali.

238    Fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li, peress li l-għajnuna inkwistjoni ma hijiex eliġibbli għall-ebda waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 87 KE, it-tieni proroga tat-tariffa Terni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

239    Issa, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, “[f]ejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna”. Dan il-kliem jesprimi n-natura sistematika tal-irkupru. Huwa għal din ir-raġuni li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Taljana implementat favur ir-rikorrenti, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche hija inkompatibbli mas-suq komuni (Artikolu 1) u li r-Repubblika Taljana għandha tirkupra l-imsemmija għajnuna mingħand il-benefiċjarji (Artikolu 2).

240    Ir-rikorrenti tikkontesta l-validità tal-ordni ta’ rkupu billi ssostni li s-somom li hija rċeviet sal-2007 kienu ngħatawla bħala akkont fuq l-ammonti dovuti abbażi tal-Liġi Nru 9/91, fatt li kien magħruf mill-Kummissjoni kif jirriżulta mill-premessi 33 sa 35 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata.

241    Għandu qabel xejn jiġi enfasizzat li l-proċedura fejn il-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, tiġi informata li l-għajnuna kkontestata tkun għadha ma tħalsitx lill-benefiċjarji ma tikkostitwixxix garanzija li tali ħlasijiet ma jkunux twettqu sussegwentement, speċjalment fil-perijodu ta’ bejn l-għoti ta’ din l-informazzjoni u n-notifika tad-deċiżjoni finali. F’kull każ il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli, bil-għan li jkun hemm ċertezza legali ikbar, esponiet b’mod ċar il-konsegwenzi konkreti tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ April 1993, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑364/90, Ġabra p. I‑2097, punti 48 u 49), ħaġa li l-Kummissjoni għamlet fil-premessi 160 sa 162 tad-deċiżjoni kkontestata.

242    Wara dan, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-AEEG, permezz tad-Delibera Nru 190/06, issuġġettat l-ħlasijiet abbażi tal-Liġi Nru 80/05 għall-kundizzjoni li l-kumpanniji Terni jistabbilixxu garanzija li tkopri r-riskju ta’ rkupru tal-għajnuna (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

243    Fl-istess delibera, l-AEEG ipprovdiet, ukoll, l-alternattiva li fl-2006 jitħallsu, bħala akkont, l-ammonti ta’ għajnuna dovuti sat-tmiem tal-iskema preċedenti (2007) abbażi tal-Liġi Nru 9/91. Għal dawn l-ammonti, l-AEEG ma talbitx garanzija. Din hija l-għażla li ttieħdet mill-kumpanniji Terni u li ġiet implementata mill-AEEG.

244    Il-Kummisjoni tispeċifika li, bl-eċċezzjoni tal-ħlasijiet bil-quddiem imsemmija fil-punt preċedenti, “il-ħlasijiet l-oħra kollha li jsiru lill-kumpaniji minn Cassa Conguaglio [per il-settore elettrico (fond ta’ aġġustament għas-settur tal-elettriku)] taħt il-Liġi 80/2005 huma koperti b’garanzija” (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

245    Għalhekk, jidher li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kellha matul il-proċedura amministrattiva, li r-rikorrenti kienet irċeviet ammonti ta’ għajnuna kemm bħala akkont abbażi tal-Liġi Nru 9/91, fl-2006, kif ukoll abbażi tal-Liġi Nru 80/05. Dan jispjega għalfejn il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna diġà mħallsa filwaqt li speċifikat li l-ammonti residwi tal-għajnuna li għaliha kienu intitolati l-benefiċjarji taħt il-Liġi 9/91, “jekk il-Liġi 80/2005 ma kinitx tiġi implementata” jistgħu jitnaqqsu mill-ammont totali li għandu jiġi rkuprat (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata).

246    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li, matul il-proċedura amministrattiva, la l-awtoritajiet Taljani u lanqas ir-rikorrenti ma sostnew li, minkejja d-dħul fis-seħħ tal-miżura inkwistjoni, il-kumpanniji Terni ma kinux ibbenefikaw mill-vantaġġi marbuta magħha. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti ma jirriżulta ebda element li jikkonfuta din id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni.

247    Bil-kontra ta’ dan, din id-dikjarazzjoni hija kkonfermata mill-kontenut tar-rikors, fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni b’nuqqas ta’ investigazzjoni li kienet tippermettilha li tikkonstata n-nuqqas ta’ kwalsiasi ammont li għandu jiġi rkuprat. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ma impenjatx ruħha “li tivverifika jekk, b’mod konkret, [ir-Repubblika Taljana] kinitx effettivament implementat il-miżura l-ġdida fir-rigward tal-parti li kienet tmur lil hinn mill-ammonti li [hija] kienet intitolata għalihom fil-kuntest tal-Liġi Nru 9/91 (eventwalment taħt il-kundizzjoni li tippreżenta garanzija)”.

248    F’dan l-istadju għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta adottatha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-382/99, Ġabra p. I‑5163, punt 49, u Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, punt 31).

249    Issa, ma huwiex ipprovat li l-Kummissjoni kienet taf, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li l-ħlasijiet effettwati lir-rikorrenti mill-fond ta’ aġġustament għas-settur tal-elettriku kienu saru biss abbażi tal-Liġi Nru 9/91.

250    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-obbligu li Stat Membru għandu li jikkalkola l-ammont preċiż ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, partikolarment meta dan il-kalkolu jiddependi fuq informazzjoni li ma ġietx ikkomunikata minn dan l-Istat Membru lill-Kummissjoni, jifforma parti mill-kuntest iktar ġenerali tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jorbot reċiprokament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implementazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuniet mill-Istat (sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 248, punt 91). Il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma tkunx qieset eventwali punti ta’ fatt u ta’ liġi li setgħu jitressqu quddiemha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma tressqux, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina, ex officio u billi tippreżumi, l-informazzjoni li setgħet ġiet sottomessa quddiemha (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punt 49).

251    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-fatti allegati mir-rikorrenti u mfakkra fil-punt 249 iktar ’il fuq huma eżatti, dawn ma jistgħux jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni kkontestata, iżda biss il-kundizzjonijiet li tagħthom l-għajnuna tiġi rkuprata [sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra p. II‑1475, punt 68]. Bħala prinċipju, l-irkupru tal-għajnuna għandu jseħħ skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, madankollu dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati b’mod li ma jagħmlux prattikament impossibbli l-irkupru impost mid-dritt Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Tubemeuse, iċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, punt 61, u tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑5/89. Ġabra p. I‑3437, punt 12), u hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa il-kwistjoni relatata ma’ din l-eżekuzzjoni [sentenza Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68].

252    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 88(3) KE għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

253    Ir-rikorrenti tosserva li skont il-kliem tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, “[i]l-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità”. Issa, f’din il-kawża, l-ordni ta’ rkupru li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li, għalkemm fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jiġi interpretat b’mod restrittiv, jista’ jiġi invokat taħt kundizzjonijiet jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali b’tali mod li jagħtu lok għal aspettattivi f’ċertu apparenza ta’ dritt.

254    Il-Kummissjoni ma tistax, abbażi ta’ ġurisprudenza li tirrigwarda kuntest differenti minn dak preżenti, tiddeduċi regola assoluta u universali li tillimita l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi biss għal dawk il-każijiet fejn l-amministrazzjoni tkun tat lid-destinatarji “garanziji preċiżi” dwar din l-apparenza ta’ dritt.

255    L-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fir-rigward tal-legalità tal-iskema Terni nħolqu min-numru ta’ atti u ta’ aġiri legalment sinjifikattivi, verifikabbli u b’sinjifikat univoku.

256    Ir-rikorrenti tfakkar li l-ewwel proroga tat-tariffa Terni, permezz tal-Artikolu 20(4) tal-Liġi Nru 9/91, kienet ingħatat mill-awtoritajiet Taljani minħabba l-proroga parallela tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi li ma kinux “affettwati” min-nazzjonalizzazzjoni tal-elettriku tal-1962, u sussegwentement dawn l-awtoritajiet innotifikaw l-imsemmija liġi lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

257    Permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991, il-Kummissjoni awtorizzat, fit-totalità tagħha u mingħajr ma qajjmet oġġezzjonijiet, il-Liġi Nru 9/91. Din id-deċiżjoni ma tinkludi l-ebda punt li jikkwalifika l-proroga tat-tariffa Terni prevista fl-Artikolu 20(4) tal-Liġi Nru 9/91 bħala “għajnuna kompatibbli”. Bil-kontra ta’ dan, f’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni tiddikjara li kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi. Il-Kummissjoni ma tipprovax l-allegazzjonijiet tagħha li tgħid li d-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991, mhux talli ma indikatx li l-iskema prevista permezz tal-Liġi Nru 9/91 ma kelliex il-karatteristiċi ta’ għajnuna, iżda talli ddikjaratha kompatibbli mas-suq komuni.

258    Ir-rikorrenti tiddikjara li wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 kien hemm fażi ta’ djalogu bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni li nbdiet wara mistoqsija li din tal-aħħar għamlet fir-rigward tal-proroga tat-tariffa Terni li tinsab fil-Liġi Nru 9/91, u dan huwa kkonfermat permezz tal-ittra tad-19 ta’ Settembru 1991, li l-Ministeru tal-Industrija, tal-Kummerċ u tal-Artiġanat Taljan bagħat lill-Ministero delle Partecipazioni Statali Taljan u minn faks mibgħut f’Novembru 1991 mill-President tal-Kunsill lir-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika Taljana mal-Komunitajiet Ewropej. F’dawn l-ittri, l-awtoritajiet Taljani jikkontestaw il-fatt li l-proroga tat-tariffa Terni tista’ tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat. Issa, peress li l-Kummissjoni ma qajjmet ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-konklużjoni tal-imsemmija awtoritajiet, hija ammettiet, impliċitament, il-fondatezza tagħhom.

259    Dan l-iskambju ta’ ittri, li seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991, jikkontradixxi l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li din id-deċiżjoni tawtorizza l-proroga tat-tariffa Terni peress li tikkunsidrha bħala għajnuna kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Il-Kummissjoni tillimita ruħha li tiċħad il-possibbiltà li l-kontenut tal-ittra u tal-faks imsemmija iktar ’il fuq jistgħu jinsabu fil-fajl tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 u l-Qorti Ġenerali għandha tistidinha tipproduċi l-ittri mibgħuta lir-Repubblika Taljana, x’aktarx f’Settembru 1991, fir-rigward tal-proroga tat-tariffa Terni.

260    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991, l-iskambju ta’ ittri li seħħ warajha kif ukoll il-qbil tal-Kummissjoni li segwa huma tali li joħolqu “apparenza ta’ dritt”. Din l-apparenza ħolqitilha aspettattivi legittimi fir-rigward taż-żamma tan-natura kumpensatorja tal-iskema Terni anki wara d-definizzjoni mill-ġdid ex post tagħha, li kellha tiġi kkunsidrata bħala legali. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jeskludu li din l-iskema ta’ għajnuna tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Dawn l-elementi jippermettu li tintwera l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li wasslu sabiex ir-rikorrenti, l-istess bħall-awtoritajiet Taljani, temmen li n-natura kumpensatorja tal-iskema Terni ma kinitx ser tiġi modifikata permezz ta’ proroga tat-tariffa Terni, fl-osservanza tal-paralleliżmu oriġinalment deċiż bejn awtoprodutturi virtwali u awtoprodutturi proprjetarji ta’ konċessjonijiet idroelettriċi.

261    Il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-miżura inkwistjoni mmodifikat il-metodu ta’ kalkolu tat-tariffa Terni, ma hijiex tali li tikkonfuta l-konklużjoni msemmija fil-punt preċedenti. Skont ir-rikorrenti, il-grupp ta’ elementi li ħolqu fi ħdanha aspettattivi leġittimi ma jirriżultax mill-identiċità bejn il-metodi ta’ kalkolu adottati sabiex tiġi ddefinita din it-tariffa fl-1991 u sussegwentement fl-2005, iżda mill-fatt li, fiż-żewġ każijiet, il-kumpens mogħti lil Terni (u lill-aventi kawża tagħha) kien ġie legalment iddefinit mill-ġdid ex post, b’mod konformi mar-ratio oriġinali tiegħu, u li, ukoll fiż-żewġ każijiet, id-definizzjoni mill-ġdid ex post ta’ din il-miżura ta’ kumpens ma setgħetx twassal, fiha nnifisha, sabiex din il-miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna. Il-Kummissjoni tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan il-metodu ta’ reviżjoni huwa inqas favorevoli għall-impriżi benefiċjarji minn dak previst mid-Digriet Nru 1165/63 u li l-għan waħdieni tiegħu huwa li, sa ċertu punt, jagħmel tajjeb għall varjazzjonijiet fil-prezz tal-elettriku li seħħew fis-suq, ħaġa li evidentement ma kinitx possibbli fl-1963.

262    Ir-rikorrenti tenfasizza li hija, in bona fide, fdat fuq il-qbil li finalment waslet għalih il-Kummissjoni fir-rigward tan-natura kumpensatorja tal-proroga deċiża fl-1991 sabiex tassumi investimenti importanti fis-settur tal-azzar, abbażi ta’ protokoll ta’ ftehim mal-awtoritajiet Taljani, fejn il-proroga tal-miżura kumpensatorja kienet tikkostitwixxi l-impenn ewlieni bħala risposta għall impenji kunsiderevoli meħuda fil-qasam tal-investimenti u taż-żamma tal-impjiegi.

263    Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-eventwali rkupru tat-tariffa preferenzjali jmur ukoll kontra l-massima non venire contra factum proprium, li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tadotta aġir li jkun kunsiderevolment kontradittorju fuq l-istess kwistjoni, speċjalment meta dan l-aġir ikun ħoloq, fi ħdan id-destinatarji, il-konvinzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni legali ċerta. Dan l-aspett tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli terġa lura, f’din il-kawża, mill-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tan-natura kumpensatorja tat-tariffa preferenzjali.

264    Il-Kummissjoni ssostni li minn ġurisprudenza stabbilita ripetutament jirriżulta li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat biss meta jkunu ngħataw “garanziji preċiżi” min-naħa tal-amministrazzjoni u mhux meta, bħal f’dan il-każ, ikun hemm ċirkustanzi vagi li jitqiesu li jagħtu lok għal “apparenza legali”, li barra minn hekk lanqas ma ġiet spjegata.

265    Ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq sempliċi skambju ta’ ittri bejn amministrazzjonijiet Taljani differenti. Huwa evidenti li, anki jekk jitqies li l-kuntatti bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani effettivament seħħew, xorta jibqa’ l-fatt li ma huwiex possibbli, mingħajr ma jsir magħruf il-kontenut ta’ eventwali ittri mibgħuta mill-Kummissjoni, li ma jistgħu jinsabu mkien, li jiġi kkunsidrat li dawn setgħu jiksbu l-apparenza legali invokata mir-rikorrenti.

266    Mill-ittra tad-19 ta’ Settemmbru 1991, imsemmija mir-rikorrenti, donnu jirriżulta li l-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jipprovdulha informazzjoni fir-rigward tal-proroga tat-tariffa Terni prevista permezz tal-Liġi Nru 9/91. Dan l-element mhux talli ma jikkonfermax l-argument tar-rikorrenti iżda talli donnu jindika, bil-kontra ta’ dan, li fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991, il-Kummissjoni ma kienet adottat ebda pożizzjoni speċifika fir-rigward tal-proroga tat-tariffa Terni, u dan għaliex jekk ikun mod ieħor it-talba għal spjegazzjonijiet tkun bla sens.

267    F’kull każ, ebda element tad-deċżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 ma seta jagħti lill-awtoritajiet Taljani jew lill-kumpanniji Terni x’jifhmu li l-Kummissjoni ma kinitx tikkunsidra li l-proroga tat-tariffa Terni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tkompli tgħid li l-miżura inkwistjoni mhux biss tali estendiet it-tul tat-tariffa preferenzjali iżda talli mmodifikat ukoll kompletament il-metodu previst għall-kalkolu ta’ din it-tariffa u minn dan hija tiddeduċi li, anki fid-dawl ta’ din il-modifika kunsiderevoli, il-kumpanniji Terni għalhekk ma setgħux jikkunsidraw li l-miżura inkwistjoni kienet indirettament koperta permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991, li kienet tirreferi għal-Liġi Nru 9/91.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

268    Għandu jitfakkar li l-miżura inkwistjoni ġiet stabbilita mingħajr notifika minn qabel, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE.

269    Issa, fid-dawl tan-natura imperativa tal-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 KE, bħala prinċipju, l-impriżi jista’ ikollhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ għajnuna li huma rċevew biss jekk l-għajnuna tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista mill-imsemmi artikolu. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura tkun ġiet osservata (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fil-punt 251 iktar’il fuq, punt 14, u tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra p. I‑135, punt 51; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra p. II‑1275, punt 235).

270    B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija illegali skont l-Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-waqt, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti ta’ din l-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra p. I‑10609, punt 45)

271    Madankollu, il-ġurisprudenza ma teskludix il-possibbiltà li l-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali li ppermettewlhom jiksbu aspettativi legittimi fir-rigward tal-karattru regolari ta’ din l-għajnuna, sabiex jikkontestaw ir-rimbors tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑183/91, Ġabra p. I‑3131, punt 18, u Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, punt 270 iktar ’il fuq, punt 51; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T‑126/96 u T‑127/96, Ġabra p. II‑3437, punt 69.

272    Għandu jiġi speċifikat li kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni (223/85, Ġabra p. 4617, punt 17), huwa ammissibbli li l-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali jinvokaw tali ċirkustanzi.

273    F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dewmien min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li għajnuna hija illegali u li għandha titneħħa u tiġi rkuprata minn Stat Membru jista’, f’ċerti ċirkustanza, joħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan il-benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna u dan jista’ jipprekludi lill-Kummissjoni milli tordna lill-Istat Membru jordna r-restituzzjoni ta’ din l-għajnuna.

274    Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali tista’ tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jekk din tonqos milli toħodhom inkunsiderazzjoni u li l-benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jinvoka l-argument tal-aspettattivi leġittimi quddiem il-qorti Komunitarja.

275    Għandu wkoll, u fuq kollox, jiġi osservat li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 ħolqot sitwazzjoni ġdida f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli, fejn il-konsegwenzi legali kollha tagħha għandhom jiġu osservati. L-Artikolu 14(1) tal-imsemmi regolament jikkonferma l-karattru sistematiku tal-irkupru (l-ewwel fażi) filwaqt li jipprovdi għal eċċezzjoni (it-tieni fażi) fil-każ fejn l-irkupru jkun imur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

276    Għalhekk, teżisti dispożizzjoni tad-dritt sekondarju li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta tadotta d-deċiżjonijiet tagħha u li tista’ twassalha sabiex tirrinunzja, jekk ikun il-każ, milli tordna l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli. Huwa paċifiku li l-ksur ta’ tali dispożizzjoni jista’ jiġi invokat insostenn tal-annullament tal-parti tad-deċiżjoni li timponi r-restituzzjoni.

277    Dan huwa minnu f’dan il-każ, fis-sens li l-Kummissjoni, fil-premessi 149 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, vverifikat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu joħolqu, fi ħdan il-kumpanniji Terni, aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tal-miżura inkwistjoni u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ, fatt li huwa kkontestat mir-rikorrenti billi tinvoka, speċifikament, ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

278    Fir-rigward tal-fondatezza tal-imsemmi motiv, l-argument tar-rikorrenti ma jistabbilixxix l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali tali li joħolqu aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità tal-għajnuna inkwistjoni jew, kif issostni r-rikorrenti, tal-fatt li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

279    Fil-fatt, huwa paċifiku li d-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet tikkorrispondi, skont id-definizjoni pprovduta fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, għas-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li l-miżura nnotifikata, minkejja li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, ma tagħti lok għal ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u tiddeċiedi, b’konsegwenza ta’ dan, li din il-miżura hija kompatibbli mal-imsemmi suq. Il-kliem tal-imsemmija deċiżjoni jikkonferma d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-miżura ta’ proroga tat-tariffa Terni prevista fil-Liġi Nru 9/91 kienet ġiet ikklassifikata, hemmhekk, bħala għajnuna kompatibbli (ara l-punt 113 iktar ’il fuq).

280    Il-fatt li mill-ittra tad‑19 ta’ Settembru 1991, li l-Ministeru tal‑Industrija, tal-Kummerċ u tal-Artiġanat Taljan bagħat lill-Ministero delle Partecipazioni Statali Taljan, jirriżulta li wara l-adozzjoni tad‑deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 1991, il-Kummissjoni talbet lill‑awtoritajiet Taljani jipprovdulha informazzjoni fir-rigward tal-proroga tat-tariffa Terni prevista permezz tal-Liġi Nru 9/91, mhuwiex tali li jikkonfuta din il-konklużjoni.

281    Dan il-fatt pjuttost iktar juri, kif tindika l-Kummissjoni fil-premessi 134 u 135 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dokumenti li abbażi tagħhom hija adottat id-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 kien fihom biss deskrizzjoni fil-qosor u evalwazzjoni sommarja tal-artikoli tal-Liġi Nru 9/91 li kienu rilevanti fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat u li l-Artikolu 20(4) tal-istess liġi, li jestendi t-tariffa Terni, ma kienx imsemmi, u dan ma jippermettix li jiġi ddeterminat, b’ċertezza, jekk it-tariffa Terni ġietx eżaminata u jekk l-intenzjoni kinitx dik li tiġi awtorizzata.

282    Jibqa l-fatt li s-sempliċi talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni u n-nuqqas ta’ reazzjoni min-naħa ta’ din tal-aħħar wara li rċeviet ir-risposta tal-awtoritajiet Taljani, jekk jitqies li din effettivament intbgħatet u ġiet irċevuta mill-Kummissjoni, ma jistgħux iservu bħala bażi għall-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

283    L-aġir adottat mill-Kummissjoni bejn Awwissu u Novembru 1991 seta’, l-iktar l-iktar, joħloq l-impressjoni ta’ ċerta konfużjoni u jqajjem dubji f’moħħ ir-rikorrenti. Issa, is-sempliċi fatt li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura ta’ proroga tat-tariffa Terni, prevista permezz tal-Liġi Nru 9/91, setgħet tidher dubjuża f’għajnejn il-benefiċjarju huwa, evidentement, insuffiċjenti sabiex jiġġustifika l-ħolqien ta’ kwalsiasi aspettattivi leġittimi min-naħa tiegħu fir-rigward tar-regolarità tal-għajnuna jew fir-rigward tal-fatt li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra p. II‑3207, punt 128).

284    Fl-aħħar nett, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 tkopri biss il-miżura prevista permezz tal-Liġi Nru 9/91 u, għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta’ din il-miżura ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tal-miżura l-ġdida ta’ għajnuna introdotta permezz tal-Liġi Nru 80/05 jew fir-rigward tal-fatt li l-proroga tat-tariffa Terni li tinsab fiha ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna.

285    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Liġi Nru 9/91 għandha għan doppju, jiġifieri kemm il-proroga, fl-istess ħin, tat-tul tat-tariffa Terni u tat-tul tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi sal-2001, iżda wkoll dak li din it-tariffa titneħħa sal-2007.

286    Huwa paċifiku li l-miżura inkwistjoni, minn naħa, temmet proċess ta’ tneħħija progressiva tat-tariffa Terni billi pprovdiet li din kellha tapplika, minn tal-inqas, sal-2010 u, min-naħa l-oħra, immodifikat kompletament il-metodu previst għall-kalkolu ta’ din it-tariffa, kif jirriżulta mill-premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata.

287    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna ġdida, klassifikazzjoni li r-rikorrenti ma tikkontestax. Din il-miżura kellha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88(3) KE, ħaġa li ma saritx.

288    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma setgħetx tiddeduċi, mid-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 1991 u mill-aġir sussegwenti tal-Kummissjoni, li l-miżura l-ġdida ta’ proroga introdotta permezz tal-Liġi Nru 80/05 ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE.

289    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi miċħud.

290    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu ordnati l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba, jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

291    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Lulju 2010.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-istudju ekonomiku pprovdut mill-awtoritajiet Taljani

Fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-istudju ekonomiku prodott mill-awtoritajiet Taljani

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 88(3) KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.