Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Jannar 2014 – St’art et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-36/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: St’art – Fonds d’investissement dans les entreprises culturelles (Mons, il-Belġju); Stichting Cultuur – Ondernemen (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi); u Angel Capital Innovations Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: L. Dehin u C. Brüls, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat u sussegwentement tannulla l-atti kkontestati:

kemm id-deċiżjoni ta’ data mhux magħrufa tal-Kummissjoni Ewropea li ttemm il-proġett “Factor SI.2.609157-2/G/ENT/CIP/11/C/N03C011” u li ttemm konsegwentement l-għoti tas-sussidju lill-konsorzju magħmul mir-rikorrenti;

kif ukoll id-deċiżjoni li tikkonfermaha adottata fid-29 ta’ Novembru 2013;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż inklużi l-ispejjeż tal-avukati tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur tad-dritt ta’ trattament ekwu u tal-prinċipju ġenerali tal-eżekuzjoni bona fides tal-ftehim u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, sa fejn il-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni ma hijiex adegwata u sa fejn l-ebda kundizzjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt ma hija ssodisfatta. Ir-rikorrenti jargumentaw li l-fatt li l-għanijiet li kellhom jinkisbu mill-proġett ġew miksuba permezz ta’ mezzi oħra biex b’hekk ċaħdu lill-proġett mill-għan tiegħu ma kinitx raġuni valida sabiex ikun hemm rexissjoni tal-kuntratt ta’ sussidju.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq eċċess u fuq użu ħażin ta’ poter, kif ukoll fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tal-prinċipju ġenerali “patere legem quam ipse fecisti”, peress li l-Kummissjoni ma pprovdietx l-elementi li, minn naħa, jagħmluha possibbli li jiġi kkunsidrat jekk hija eżaminatx l-osservazzjonijiet magħmula mill-konsorzju li jiffurmaw parti minnu r-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li jkunu magħrufa l-motivi għaliex ċaħdet dawn l-osservazzjonijiet.