Language of document : ECLI:EU:T:2024:253

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

17 ta’ April 2024 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea in Insajderi – Trade mark verbali preċedenti nazzjonali INSAJDERI u trade mark figurattiva preċedenti nazzjonali in Insajderi Gazetë online – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Portata tal-eżami li għandu jitwettaq mill-Bord tal-Appell – Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 – Nuqqas ta’ produzzjoni tal-provi – Traduzzjoni – Artikolu 7 tar-Regolament Delegat 2018/625 – Dritt għal smigħ – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001 – Possibbiltà għall-Bord tal-Appell li jaċċetta provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu – Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 – Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001”

Fil-Kawża T‑119/23,

Insider LLC, stabbilita fi Pristina (ir-Repubblika tal-Kosovo), irrappreżentata minn M. Ketler, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Florim Alaj, residenti f’Zug (l-Isvizzera),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, K. Kecsmár (Relatur) u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għal seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Insider LLC, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑5 ta’ Diċembru 2022 (Każ R 1152/2022-5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fis‑16 ta’ Ġunju 2020, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, Florim Alaj, ippreżentat quddiem l-EUIPO applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għas-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tindika s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “L-għoti, permezz tal-Internet, ta’ informazzjoni, ta’ aħbarijiet u ta’ kummenti relatati mal-edukazzjoni, id-divertiment u l-isport fil-qasam tal-aħbarijiet”.

4        Ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq iż-żewġ trade marks preċedenti li ġejjin, irreġistrati fil-Kosovo, ippreżentati fil‑5 ta’ Mejju 2020 u li jkopru servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35, 38 u 41:

–        it-trade mark verbali tal-Kosovo Nru 27 062 INSAJDERI;

–        it-trade mark figurattiva tal-Kosovo Nru 27063 irrappreżentata hawn taħt:

Image not found

6        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

7        Fl‑10 ta’ Mejju 2022, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni u rrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

8        Fit‑30 ta’ Ġunju 2022, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ippreżentat appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni.

9        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell laqa’ l-appell, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni fl-intier tagħha, għar-raġuni li r-rikorrenti ma kinitx uriet, qabel it-tmiem tat-terminu mogħti għall-preżentata ta’ fatti, provi u osservazzjonijiet insostenn tal-oppożizzjoni, li t-trade marks preċedenti invokati kienu jeżistu u li hija kienet il-proprjetarja tagħhom, konformement mal-Artikolu 7(2) u mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament 2017/1001. Huwa qies b’mod partikolari li t-traduzzjonijiet iċċertifikati konformi taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti, ipprovduti mir-rikorrenti, bħala prova tal-eżistenza tal-imsemmija trade marks u tal-fatt li hija kienet il-proprjetarja tagħhom (iktar ’il quddiem it-“traduzzjonijiet”) kienu jikkostitwixxu traduzzjonijiet mhux uffiċjali li fihom it-test oriġinali ma kienx viżibbli, b’tali mod li kien impossibbli li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni essenzjali kinitx imsemmija fiċ-ċertifikat oriġinali.

 Ittalbiet talpartijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

11      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kollu kemm hu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fil-każ li l-partijiet jissejħu għal seduta.

 Iddritt

12      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1), it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7 tal-imsemmi Regolament Delegat kif ukoll tal-Artikoli 24 sa 26 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/626 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 (ĠU 2018, L 104, p. 37) u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001.

13      Għandu jiġi eżaminat qabel kollox l-ewwel motiv, imbagħad it‑tielet motiv u fl‑aħħar, jekk ikun il-każ, it-tieni motiv.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 27(2) tarRegolament Delegat 2018/625

14      Ir-rikorrenti ssostni li l-parti l-oħra fil-proċedura ma kinitx ikkontestat quddiem il-Bord tal-Appell l-eżistenza tat-trade marks preċedenti. Għaldaqstant, billi eżamina dan l-element kif ukoll l-awtentiċità tat-traduzzjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat 2018/625. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma spjegax għaliex dan l-eżami kien neċessarju sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta tar-Regolament 2017/1001 u lanqas kif dan kien jikkonċerna rekwiżiti proċedurali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat 2018/625. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-kwistjoni tal-awtentiċità tat-traduzzjonijiet hija kwistjoni ta’ fatt iktar milli kwistjoni ta’ dritt, b’tali mod li l-artikolu ċċitat iktar ’il fuq ma japplikax f’dan ir-rigward.

15      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

16      Preliminarjament, għandu jitfakkar li teżisti kontinwità funzjonali bejn id-diversi dipartimenti tal-EUIPO, minn naħa, u l-Bordijiet tal-Appell, min-naħa l-oħra. L-istħarriġ eżerċitat mill-Bord tal-Appell ma huwiex limitat għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors ippreżentat quddiemha, iżda, minħabba l-effett devoluttiv tal-proċedimenti ta’ appell, dan jimplika evalwazzjoni ġdida tal-kwistjoni fl-intier tagħha, u għaldaqstant il-Bord tal-Appell għandu jeżamina kompletament mill-ġdid ir-rikors inizjali u għandu jikkunsidra l-provi prodotti fi żmien utli. Għalhekk, mill-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li, bħala effett tal-appell ippreżentat quddiemu, il-Bord tal-Appell huwa mitlub jagħmel eżami ġdid u komplut fil-mertu tal-oppożizzjoni, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Coca-Cola vs EUIPO – Mitico (Master), T‑61/16, EU:T:2017:877, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Delegat 2018/625, il-parti li topponi għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha jew tad-dritt preċedenti tagħha, permezz, b’mod partikolari, ta’ ċertifikati ta’ preżentata, ta’ reġistrazzjoni jew ta’ tiġdid, kif ukoll il-prova tal-awtorizzazzjoni tagħha li tressaq oppożizzjoni fit-terminu stabbilit għall-produzzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti insostenn tal-oppożizzjoni. B’mod partikolari, jekk l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq l-Artikolu 8(3) tar-Regolament 2017/1001, il-parti li topponi għandha tipproduċi l-prova li hija l-proprjetarja tat-trade mark preċedenti u tar-relazzjoni tagħha mal-aġent jew mar-rappreżentant. Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2018/625 jirriżulta li ċ-ċertifikati ta’ preżentata, ta’ reġistrazzjoni jew ta’ tiġdid għandhom jiġu ppreżentati fil-lingwa tal-proċedimenti jew għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni f’din il-lingwa.

18      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell setax, minn naħa, iqajjem ex officio l-assenza ta’ produzzjoni taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni oriġinali tat-trade marks preċedenti u jeżamina l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti kif ukoll il-fatt li r-rikorrenti kienet il-proprjetarja tagħhom u, min-naħa l-oħra, jivverifika ex officio l-awtentiċità tat-traduzzjonijiet.

19      F’dan ir-rigward, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat 2018/625 jirriżulta li l-kwistjonijiet ta’ liġi mhux imqajma mill-partijiet jistgħu jiġu eżaminati mill-Bord tal-Appell meta jkun neċessarju li jiġu riżolti sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni korretta tar-Regolament 2017/1001 fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tal-argumenti mressqa mill-partijiet jew meta dawn jikkonċernaw rekwiżiti proċedurali essenzjali.

20      Mill-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat 2018/625 jirriżulta li l-korroborazzjoni ta’ oppożizzjoni permezz tal-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, kif ukoll l-awtorizzazzjoni tal-parti li topponi li tressaq oppożizzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament 2017/1001, huma kundizzjonijiet indispensabbli għas-suċċess tagħha.

21      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament eżamina ex officio l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tat-trade mark preċedenti konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat 2018/625, sa fejn il-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, kif ukoll il-fatt li l-parti li topponi hija l-proprjetarju tagħhom, huma kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tar-raġunijiet relattivi għal rifjut konformement mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament 2017/1001. Minn dan isegwi li din il-ġustifikazzjoni tad-drittijiet preċedenti tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament ta’ Delega 2018/625.

22      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kwistjoni tal-awtentiċità tat-traduzzjonijiet tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 17 iktar ’il fuq, l-osservanza tal-obbligu li tiġi ssostanzjata l-oppożizzjoni u li tiġi pprovduta traduzzjoni bil-lingwa tal-proċedimenti tal-provi prodotti għal dan l-għan tikkostitwixxi kwistjoni li l-Bord tal-Appell huwa obbligat jeżamina, konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat 2018/625, u li tista’ taffettwa l-evalwazzjoni tiegħu tal-appell ippreżentat quddiemu. Barra minn hekk, fl-assenza tal-possibbiltà li jiġi żgurat li t-traduzzjonijiet ikunu konformi mad-dokumenti oriġinali, l-applikant għat-trade mark seta’ ma kienx jista’ jiddefendi ruħu b’mod xieraq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Guiral Broto vs EUIPO – Gastro & Soul (CAFE DEL SOL), T‑549/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:719, punt 28).

23      Il-Bord tal-Appell għalhekk kellu raġun, minn naħa, li jirrileva ex officio l-assenza ta’ produzzjoni taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni oriġinali tat-trade marks preċedenti u li jeżamina l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti, kif ukoll il-fatt li r-rikorrenti kienet il-proprjetarja tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jivverifika ex officio l-awtentiċità tat-traduzzjonijiet.

24      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 41(1) talKarta, moqri flimkien mattieni sentenza talArtikolu 94(1) tarRegolament 2017/1001

25      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, billi qajjem ex officio, minn naħa, in-nuqqas ta’ produzzjoni taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni oriġinali tat-trade marks kunfliġġenti u, min-naħa l-oħra, dubji dwar l-awtentiċità tat-traduzzjonijiet ta’ dawn id-dokumenti, mingħajr ma stedinha qabel tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar din il-kwistjoni, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 41(1) tal-Karta sa fejn ċaħħadha mid-dritt għal smigħ tagħha.

26      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi jsostni qabelxejn li r-rikorrenti ma pproduċiet, matul il-proċedura amministrattiva, ebda ċertifikat oriġinali ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti, minkejja li hija rċeviet, fit‑8 ta’ Marzu 2021, komunikazzjoni li fiha huwa enfasizza l-obbligu tar-rikorrenti li ssostni d-drittijiet preċedenti fit-terminu stabbilit. Fil-fehma tiegħu, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat jibbaża ruħu biss fuq it-traduzzjonijiet, u ma setax jivverifika, fuq din il-bażi biss, jekk informazzjoni essenzjali bħad-data tal-preżentata, il-proprjetarja jew il-lista tas-servizzi kinux imsemmija fiċ-ċertifikat oriġinali. Barra minn hekk, l-EUIPO jsostni li l-Bord tal-Appell ma kisirx id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, peress li l-obbligu li jiġu prodotti provi intiżi li juru l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti, kif ukoll elementi li juru l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti sabiex tressaq oppożizzjoni, kien magħruf mir-rikorrenti skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Delegat 2018/625. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat jinforma lir-rikorrenti bil-lakuni fil-provi li hija pproduċiet insostenn tal-oppożizzjoni, skont l-Artikolu 8(1) u (9) tal-imsemmi Regolament Delegat.

27      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew provi li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi applikazzjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit, barra minn hekk, fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li jipprovdi li l-persuni li l-interessi tagħhom huma affettwati minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu l-opinjoni tagħhom b’mod utli (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2022, Apple vs EUIPO – Swatch (THINK DIFFERENT), T‑26/21 sa T‑28/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:350, punt 40).

28      Fil-fatt, l-atti kollha tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, kif irrikonoxxuti mill-Karta, peress li dan ir-rispett jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tagħhom li l-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ fil-kuntest tas-sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji li jistabbilixxi t-Trattat FUE u l-osservanza tal-Karta hija imposta fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 283 sa 285, u l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 169 u 171).

29      Id-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tippreżenta, b’mod utli u b’mod effettiv, il-fehma tagħha waqt proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħha li tista’ taffettwa ħażin l-interessi tagħha (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Barra minn hekk, id-dritt għal smigħ jestendi għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2007, Kustom Musical Amplification vs UASI (Forma ta’ kitarra), T‑317/05, EU:T:2007:39, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Huwa l-EUIPO li għandu l-obbligu li jqiegħed lill-partijiet fi proċedura pendenti quddiem l-istanzi tiegħu f’pożizzjoni li jsostnu l-perspettiva tagħhom dwar l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-istanzi (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2019, Prim vs EUIPO – Primed Halberstadt Medizintechnik (PRIMED), T‑138/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:174, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-Bord tal-Appell ċaħad l-oppożizzjoni skont l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat 2018/625, mingħajr ma r-rikorrenti setgħet tieħu pożizzjoni fuq ir-raġuni determinanti ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell qajjem huwa stess l-assenza ta’ verżjonijiet oriġinali taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti kif ukoll dubji dwar l-awtentiċità tat-traduzzjonijiet u minn dan iddeduċa, fuq din il-bażi biss, kif espost fil-punt 9 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti ma kinitx uriet li t-trade marks preċedenti kienu jeżistu u li hija kienet il-proprjetarja tagħhom u li, għaldaqstant, l-oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda. Kif issostni r-rikorrenti fit-tielet motiv tagħha, il-fatt li l-Bord tal-Appell eżamina ex officio din il-kwistjoni, mingħajr ma semagħha f’dan il-każ dwar dan il-punt, jikkostitwixxi irregolarità proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, CAFE DEL SOL, T‑549/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:719, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Ksur tad-drittijiet tad-difiża jista’ jiġi kkonstatat biss sa fejn in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni ta’ parti kkonċernata kellu effett konkret fuq il-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tiddefendi ruħha. Madankollu, ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrenti li turi li d-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut differenti fl-assenza tal-ksur ikkonstatat, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża peress li r-rikorrenti kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar fl-assenza tal-irregolarità proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Marzu 2019, PRIMED, T‑138/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:174, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk huwiex totalment eskluż li, fl-assenza tal-irregolarità proċedurali msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, il-proċedura kienet twassal għal riżultat differenti.

35      Dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, li kieku l-Bord tal-Appell kien qiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjoni tal-assenza tal-verżjonijiet oriġinali taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti, din kienet tkun f’pożizzjoni li tipprovdihom, fatt li kien jippermetti lill-Bord tal-Appell jeżaminahom u jiżgura l-awtentiċità tat-traduzzjonijiet.

36      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tad-dritt għal smigħ iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

37      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-EUIPO. Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tal-EUIPO li l-produzzjoni tal-imsemmija ċertifikati oriġinali f’dan l-istadju kienet tardiva, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 95 tar-Regolament 2017/1001, l-EUIPO jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma invokawx jew provi li huma ma pproduċewx fi żmien utli.

38      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni mod ieħor, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali produzzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001 u li l-EUIPO ma huwa bl-ebda mod ipprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew prodotti b’mod tardiv (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2019, PRIMED, T‑138/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:174, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Billi jippreċiża li l-EUIPO “jista’” jiddeċiedi li ma jiħux inkunsiderazzjoni tali provi, l-Artikolu 95(2) tar‑Regolament 2017/1001 jagħti fil-fatt lil dan tal-aħħar setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti l-motivazzjoni għad‑deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk dawn għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2019, PRIMED, T‑138/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:174, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma hemm ebda raġuni ta’ prinċipju marbuta man-natura tal-proċedimenti li jkunu qegħdin jiżvolġu quddiem il-Bord tal-Appell jew mal-kompetenza ta’ dan id-dipartiment li teskludi li, sabiex jiddeċiedi fuq l-appell li jkollu quddiemu, l-imsemmi Bord iqis fatti jew provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2019, PRIMED, T‑138/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:174, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn hekk, b’konformità mal-Artikolu 27(4) tar-Regolament (UE) 2018/625, il-Bord tal-Appell jista’ jaċċetta provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu biss meta dawn il-provi jkunu jissodisfaw żewġ rekwiżiti: minn naħa, “minn kif ikun jidher, aktarx li jkunu rilevanti għall-eżitu tal-każ” u, min-naħa l-oħra, “ma jkunux ġew prodotti fil-ħin għal raġunijiet validi, speċjalment meta jkunu qegħdin sempliċiment jissupplimentaw fatti u evidenza rilevanti li jkunu diġà ġew ippreżentati fil-ħin, jew ikunu ppreżentati sabiex jiġu kkontestati sejbiet li jkunu saru jew ikunu ġew eżaminati mill-ewwel istanza tal-mozzjoni tagħha stess fid-deċiżjoni soġġetta għal appell”.

42      F’dan il-każ, peress li l-Bord tal-Appell ikkontesta l-awtentiċità tat-traduzzjonijiet u qies li, billi ma pprovdietx il-verżjonijiet oriġinali taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti li wasslu għall-oppożizzjoni, ir-rikorrenti ma kinitx ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 7(2) u mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat 2018/625 f’termini ta’ prova tal-eżistenza tat-trade marks u tal-fatt li r-rikorrenti kienet il-proprjetarja tagħhom, b’tali mod li l-oppożizzjoni tagħha ġiet miċħuda bħala infondata, kif ġie kkonstatat fil-punt 35 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi eskluż li, li kieku r-rikorrenti nstemgħet fuq dan il-punt, hija kienet tkun tista’ tissottometti l-verżjonijiet oriġinali tal-imsemmija ċertifikati, li, skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, il-Bord tal-Appell seta’ jaċċettahom u li, konsegwentement, il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kienu jwasslu għal riżultat differenti.

43      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, il-komunikazzjoni tiegħu lir-rikorrenti tat‑8 ta’ Marzu 2021 ma tistax titqies li tistieden lil din tal-aħħar tieħu pożizzjoni dwar l-assenza ta’ verżjonijiet oriġinali taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti jew dwar l-awtentiċità tat-traduzzjonijiet. Fil-fatt, f’dan il-każ, din hija komunikazzjoni standardizzata, li bl-ebda mod ma ssemmi l-kwistjonijiet dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti kif ukoll dwar il-proprjetà ta’ dawn tal-aħħar li l-Bord tal-Appell kellu l-intenzjoni li jqajjem ex officio, abbażi tal-Artikolu 7(2) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat 2018/625.

44      Barra minn hekk, il-fatt li, fl-istadju tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ir-rikorrenti ġiet informata bl-obbligu tagħha li tissostanzja t-trade marks preċedenti fit-terminu mogħti huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fl-istadju tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, peress li l-kompetenza tal-Bordijiet tal-Appell timplika eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet meħuda mid-dipartimenti tal-EUIPO u li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qajjem fuq inizjattiva tiegħu stess l-assenza ta’ prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti, l-imsemmija informazzjoni ma tistax titqies li ppermettiet lir-rikorrenti li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha quddiem il-Bord tal-Appell dwar ċaħda tal-oppożizzjoni tagħha minħabba l-assenza ta’ produzzjoni tal-verżjonijiet oriġinali taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti u ta’ dubji dwar l-awtentiċità tat-traduzzjoni tal-imsemmija ċertifikati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, CAFE DEL SOL, T‑549/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:719, punt 43).

45      It-tielet nett, jekk mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat 2018/625 jirriżulta li, meta sal-iskadenza tal-perijodu mogħti ma tkun ġiet prodotta ebda prova, jew meta l-provi prodotti jkunu manifestament irrilevanti jew manifestament insuffiċjenti sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tal-imsemmi Regolament Delegat, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Tali konklużjoni ma tapplikax neċessarjament, għall-kuntrarju, meta wħud minn dawn l-elementi jkunu ġew prodotti fit-terminu jew meta ma jkunux manifestament irrilevanti jew manifestament insuffiċjenti. Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti pproduċiet quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fit-terminu stabbilit, it-traduzzjonijiet taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti. Dawn l-elementi ma humiex manifestament irrilevanti jew manifestament insuffiċjenti, peress li fil-każ li r-rikorrenti kienet instemgħet u kienet ipproduċiet l-oriġinali tal-imsemmija ċertifikati matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, dan tal-aħħar fl-ebda każ ma kien ikun obbligat jiċħad l-oppożizzjoni abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat 2018/625. Fil-fatt, l-imsemmi artikolu ma jikkostitwixxix regola li tipprekludi lill-Bord tal-Appell milli juża l-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lilu mill-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001, peress li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat 2018/625 għandu jiġi interpretat b’mod li jirrendih konformi mar-regoli superjuri tad-dritt stabbiliti fir-Regolament 2017/1001 u fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, CAFE DEL SOL, T‑549/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:719, punt 38).

46      Ir-raba’ nett, sa fejn l-EUIPO jsostni li ma jistax ikun obbligat jistieden espliċitament lil parti tipproduċi provi, għandu jitfakkar li huwa l-Bord tal-Appell li għandu jiżgura ruħu li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 41(2) tal-Karta u mit-tieni sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001 ikunu osservati, li ma kienx il-każ hawnhekk (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2019, PRIMED, T‑138/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:174, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għar-raġunijiet kollha preċedenti, it-tielet motiv għandu jintlaqa’ u, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni motiv, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq lispejjeż

48      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

49      Peress li l-EUIPO tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal5 ta’ Diċembru 2022 (Każ R 1152/2022-5) hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tiegħu, għal dawk sostnuti minn Insider LLC.

Kornezov

Kecsmár

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ April 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.