Language of document : ECLI:EU:C:2018:159

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Marzu 2018 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ’għajnuna‘ – Kunċett ta’ ’vantaġġ ekonomiku‘ – Prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq – Kundizzjonijiet għall-applikabbiltà u għall-applikazzjoni – Kriżi finanzjarja – Interventi suċċessivi ta’ salvataġġ ta’ bank – Teħid inkunsiderazzjoni jew le, matul l-evalwazzjoni tat-tieni intervent, tar-riskji li jirriżultaw mill-impenji meħuda mill-Istat Membru matul l-ewwel intervent”

Fil-Kawża C‑579/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-16 ta’ Novembru 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u L. Flynn kif ukoll minn K. Blanck-Putz, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

FIH Holding A/S, stabbilita f’Kopenħagen (id-Danimarka),

FIH Erhvervsbank A/S, stabbilita f’Kopenħagen,

irrappreżentati minn O. Koktvedgaard, advokat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, C. G. Fernlund u C. Vajda, President ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, E. Jarašiūnas, S. Rodin u F. Biltgen, imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Settembru 2016, FIH Holding u FIH Erhvervsbank vs Il-Kummissjoni (T‑386/14, iktar ’il-quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:474), li biha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/884/UE tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar għajnuna mill-Istat SA.34445 (12/C) implimentata mid-Danimarka għat-trasferiment tal-assi relatati mal-proprjetà minn FIH għall-FSC (ĠU 2014, L 357, p. 89, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        FIH Erhvervsbank A/S (iktar ’il quddiem “FIH”), hija kumpannija b’responsabbiltà limitata kkostitwita konformement mal-leġiżlazzjoni bankarja Daniża u ssorveljata mill-awtoritajiet bankarji Daniżi. FIH kif ukoll is-sussidjarji tagħha huma proprjetà sħiħa ta’ FIH Holding A/S.

3        Affettwata mill-kriżi finanzjarja dinjija li bdiet matul is-sena 2007, matul is-sena 2009 FIH ibbenefikat minn żewġ tipi ta’ miżuri. Minn naħa, fix-xahar ta’ Ġunju 2009, hija rċeviet kontribuzzjoni ta’ kapital ibridu tal-kategorija 1 ta’ 1.9 biljun krona Daniża (DKK) (madwar EUR 255 miljun), skont il-lov om statstligt indskud i kreditinstitutter (il-Liġi dwar il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital iffinanzjati mill-Istat), tat-3 ta’ Frar 2009, u r-regolament adottat skont din il-liġi. Min-naħa l-oħra, fix-xahar ta’ Lulju 2009, ir-Renju tad-Danimarka pprovda lil FIH garanzija tal-Istat li tammonta għal DKK 50 biljun (madwar EUR 6.71 biljun) skont il-lov om finansiel stabilitet (il-Liġi fuq l-istabbilità finanzjarja), tal‑10 ta’ Ottubru 2008, kif emendata bil-Liġi Nruo68 tat-3 ta’ Frar 2009 (iktar ’il-quddiem, meħuda flimkien, il-“miżuri tal-2009”). FIH użat l-ammont kollu ta’ din il-garanzija għal ħruġ ta’ bonds.

4        Dawn iż-żewġ liġijiet kienu ġew approvati mill-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni C(2009) 776 finali tat-3 ta’ Frar 2009 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat N31a/2009 – id-Danimarka, bħala skema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern.

5        Fil-31 ta’ Diċembru 2011, l-ammont ta’ bonds maħruġa minn FIH u ggarantiti mill-Istat Daniż kien ta’ DKK 41.7 biljun (madwar EUR 5.59 biljun), jiġifieri 49.4 % tal-karta tal-bilanċ ta’ FIH. Dawn il-bonds kellhom jimmaturaw fl‑2012 u fl-2013.

6        Bejn is-sena 2009 u s-sena 2011, l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu Moody’s naqqset il-grad ta’ FIH, minn A2 għal B1, bi prospetti negattivi.

7        Minħabba, b’mod partikolari, dan it-tnaqqis fil-klassifikazzjoni kif ukoll il-fatt li d-data tal-maturità tal-bonds maħruġa minn FIH bil-garanzija tal-Istat Daniż kienet qed toqrob, kien jidher ċar, matul is-sena 2011, li FIH kienet ser tesperjenza, matul is-snin 2012 jew 2013, problemi ta’ likwidità li jissograw it-telf tal-liċenzja bankarja tagħha, u għaldaqstant, l-istralċ tagħha.

8        F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni, fis‑6 ta’ Marzu 2012, b’sensiela ta’ miżuri (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”) li jinkludu, qabel xejn, il-ħolqien ta’ sussidjarja ġdida ta’ FIH Holding, NewCo, li fiha l-assi l-iktar problematiċi ta’ FIH, essenzjalment self għal proprjetà immobbli u derivattivi ta’ valur nominali ta’ madwar DKK 17.1 biljun (madwar EUR 2.3 biljun), kellhom jiġu ttrasferiti sabiex itaffu l-karta tal-bilanċ ta’ FIH.

9        Sussegwentement, il-Financial Stability Company (iktar ’il quddiem l-“FSC”), entità pubblika maħluqa mill-awtoritajiet Daniżi fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja dinjija, kellha tipproċedi bix-xiri tal-azzjonijiet ta’ NewCo għall-ammont ta’ DKK 2 biljuni (madwar EUR 268 miljuni), għall-finijiet tal-istralċ ta’ din f’terminu ta’ erba’ snin. L-FSC aċċettat li tiffinanzja u tirrikapitalizza NewCo matul l-istralċ tagħha, jekk dan ikun neċessarju.

10      Fl-aħħar nett, bħala korrispettiv għal dawn il-miżuri, FIH kellha tirrimborsa l-kontribuzzjoni f’kapital ta’ DKK 1.9 biljun (madwar EUR 255 miljuni) imwettqa fl-2009 mill-awtoritajiet Daniżi, li kellu jippermetti lil FSC tixtri mill-ġdid lil NewCo mingħajr ma tuża fondi tagħha stess.

11      FIH kellha wkoll tagħti l-ewwel self lil NewCo, għall-ammont ta’ DKK 1.65 biljun (madwar EUR 221 miljun) sabiex tassorbi t-telf prevedibbli ta’ NewCo li kien rimborsabbli biss jekk il-likwidazzjoni tas-self fuq proprjetà immobbli u tad-derivattivi ttrasferiti lil NewCo jagħtu riżultat li jeċċedi DKK 2 biljuni (madwar EUR 268 miljun).

12      Barra minn hekk, FIH kellha tagħti t-tieni self lil NewCo, ta’ madwar DKK 13.45 biljun (madwar EUR 1.8 biljun), li kien maħluq sabiex jimmatura fil-mument li l-bonds ta’ FIH garantiti fl-2009 mill-Istat Daniż kellhom jimmaturaw u s-somom irkuprati minn FIH mis-self kienu ddestinati għar-rimbors tal-bonds tagħha ggarantiti mill-Istat Daniż.

13      Fir-rigward ta’ FIH Holding, kien previst li hija tipprovdi garanzija mingħajr limitu lil FSC kontra kull telf, b’tali mod li, waqt ix-xoljiment ta’ NewCo inizjalment previst għas-sena 2016, l-FSC kellha d-dritt tirkupra t-telf kollu li kienet ġarrbet, skont il-każ, ix-xiri mill-ġdid u l-istralċ ta’ NewCo.

14      Permezz tad-deċiżjoni tagħha C(2012) 4427 finali, tad-29 ta’ Ġunju 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34445 (12/C) (ex 2012/N) – id-Danimarka, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-miżuri inkwistjoni, għar-raġuni li dawn kienu jikkostitwixxu, fil-fehma tagħha, għajnuna mill-Istat favur FIH u FIH Holding (iktar ’il quddiem il-“grupp FIH”) kif ukoll NewCo. Madankollu, għal raġunijiet ta’ stabbilità finanzjarja, hija approvat dawn iż-żewġ miżuri għal perijodu ta’ sitt xhur, jew fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ pjan tar-ristrutturazzjoni mir-Renju tad-Danimarka matul dan il-perijodu, sakemm hija tadotta deċiżjoni finali fuq dan il-punt.

15      Fit-2 ta’ Lulju 2012, FIH irrimborsat lir-Renju tad-Danimarka l-kontribuzzjoni ta’ fondi pubbliċi ibrida tal-kategorija 1 imwettqa matul is-sena 2009.

16      Fl-4 ta’ Jannar 2013, ir-Renju tad-Danimarka ppreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ FIH. Il-verżjoni finali tiegħu ġiet ippreżentata fl-24 ta’ Ġunju 2013.

17      Matul il-proċedura amministrattiva, ir-Renju tad-Danimarka sostna, b’mod partikolari, li l-miżuri inkwistjoni ma kinux jinkludu għajnuna mill-Istat, peress li t-tranżazzjonijiet bejn l-FSC u l-grupp FIH kienu konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq u li dan il-grupp għandu jħallas l-assjem tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni u tal-istralċ ta’ NewCo. Huwa sostna wkoll li dan il-pjan naqqas kunsiderevolment ir-riskju li għalih kien espost minħabba l-miżuri tal-2009.

18      Fit-3 ta’ Ottubru 2013, ir-Renju tad-Danimarka ttrażmetta sensiela ta’ proposti ta’ impenji, li l-verżjoni finali tagħhom hija tat-3 ta’ Frar 2014, sabiex jirrispondi għat-tħassib espress mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

19      Fit-12 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tad-Danimarka bid-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni, minn naħa, ikklassifikat il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, iddikjarat l-imsemmija miżuri kompatibbli mas-suq intern skont il-paragrafu 3(b) ta’ din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u tal-impenji ppreżentati mir-Renju tad-Danimarka.

20      Fl-ewwel parti tal-evalwazzjoni tagħha, dwar l-eżistenza ta’ għajnuna, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżuri inkwistjoni kinux jipprovdu vantaġġ ekonomiku lill-grupp FIH. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni analizzat l-imsemmija miżuri fid-dawl tal-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem il-“prinċipju ta’ operatur privat”), li jikkonsisti f’dan il-każ, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, li jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk investitur privat f’ekonomija tas-suq kienx jipparteċipa f’operazzjoni partikolari bl-istess kundizzjonijiet u l-istess modalitajiet bħall-investitur pubbliku fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni li jagħmel disponibbli r-riżorsi pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-investitur privat”).

21      Wara l-evalwazzjoni tagħha magħmula fil-punti 84 sa 98 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li prinċipalment minħabba l-livell insuffiċjenti ta’ remunerazzjoni previst bħala korrispettiv tal-mezzi finanzjarji li kellhom jiġu pprovduti mill-Istat Daniż, il-miżuri inkwistjoni ma kinux konformi mal-prinċipju tal-operatur privat u għalhekk kienu taw vantaġġ lill-grupp FIH. Skont il-kalkoli tagħha, l-ammont ta’ għajnuna ammonta għal madwar DKK 2.25 biljun (madwar EUR 300 miljun).

22      Minn dawn il-punti jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-miżuri tal-2009, b’mod partikolari fil-punti 88 u 98 ta’ din id-deċiżjoni, hija madankollu wettqet l-evalwazzjoni tagħha tar-razzjonalità ekonomika tal-miżuri inkwistjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ispiża eventwali li l-Istat Daniz kellu jġarrab, fl-assenza ta’ dawn il-miżuri tal-aħħar, minħabba riskji li jirriżultawlu mill-miżuri tal-2009.

23      Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri inkwistjoni fid-dawl tal-Komunikazzjoni tagħha dwar it-Trattament ta’ Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (ĠU 2009, C 72, p. 1) u tal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU 2011, C 356, p. 7).

24      Fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ppreżentat u tal-impenji meħuda mir-Renju tad-Danimarka, li huma esposti fil-punti 56 sa 62 tad-deċiżjoni kontenzjuża u ripetuti fl-anness ta’ din, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli. L-impenji tiegħu jipprevedu b’mod partikolari ħlasijiet addizzjonali minn FIH lill-FSC kif ukoll l-impenn ta’ FIH li tirtira minn ċerti attivitajiet, fosthom, il-finanzjament tal-proprjetà immobbli, ekwità privata u ġestjoni ta’ kapital privat.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2014, il-grupp FIH ressaq rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

26      Insostenn tar-rikors tiegħu, il-grupp FIH ressaq tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba l-applikazzjoni inkorretta tal-prinċipju ta’ operatur privat, it-tieni wieħed, fuq żbalji fil-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna u, it-tielet wieħed fuq ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

27      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv tar-rikors u qieset, konsegwentement li ma kienx hemm lok li teżamina t-tieni motiv. Hija ċaħdet ukoll it-tielet motiv tar-rikors. Konsegwentement hija annullat id-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 It-talbiet tal-partijiet

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, u

–        prinċipalment, tiddeċiedi fuq ir-rikors fl-ewwel istanza billi tiċħdu u tikkundanna lill-grupp FIH għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi jew

–        sussidjarjament, tibagħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi fuq it-tieni motiv tar-rikors u tirriżerva l-ispejjeż.

29      Il-grupp FIH jitlob li l-Qorti tal-Ġusitzzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi jew

–        sussidjarjament, tibagħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi fuq it-tieni motiv tar-rikors u tirriżerva l-ispejjeż.

 Fuq l-appell

30      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors.

 L-argumenti tal-partijiet

31      Permezz tal-uniku aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tagħha tal-prinċipju ta’ operatur privat, billi ddeċidiet li kienet obbligata, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk il-miżuri inkwistjoni kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tipparaguna l-aġir tal-Istat Daniż fl-adozzjoni tal-imsemmija miżuri mhux ma’ dak ta’ investitur privat iżda ma dak ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-kreditur privat”), filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni r-riskji finanzjarji li ġie espost għalihom dan l-Istat Membru minħabba l-miżuri tal-2009.

32      Skont il-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ operatur privat joriġina min-newtralità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fir-rigward tas-sistema tal-proprjetà. Minn dan jirriżulta li, konformement mal-ġurisprudenza, it-tranżazzjonijiet ekonomiċi mwettqa minn korpi pubbliċi ma jagħtux vantaġġ lid-destinatarji tagħhom u, għalhekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, jekk jitwettqu skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Min-naħa l-oħra, jekk il-korp pubbliku ma jkunx aġixxa kif kien jaġixxi operatur privat f’sitwazzjoni paragunabbli, l-impriża benefiċjarja tkun meqjusa li rċeviet vantaġġ ekonomiku.

33      Il-Kummissjoni żżid li l-prinċipju ta’ operatur privat japplika mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet relatati esklużivament mar-rwol tal-Istat bħala awtorità pubblika. Minn dan jirriżulta li, waqt l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, l-obbligi li jirriżultaw mir-rwol tal-Istat bħala awtorità pubblika ma jistgħux jiġu kkunsidrati.

34      Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ operatur privat ma huwiex sempliċement “kriterju ta’ effiċjenza [razzjonalità] ekonomika”, kif kienet qieset il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, iżda huwa intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni partikolari hijiex ekonomikament razzjonali mill-perspettiva ta’ operatur privat.

35      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-ispejjeż li kellhom jitħallsu mill-Istat Daniż fl-2012 bħala riżultat tal-miżuri tal-2009, kienu sempliċement jirriflettu l-obbligi ta’ dan l-Istat Membru bħala awtorità pubblika, peress li dawn kienu l-konsegwenza diretta tal-għajnuna mill-Istat li kienu jagħtu l-imsemmija miżuri favur FIH. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 62 sa 69 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet, b’mod żbaljat, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-ispiża li kellu jħallas l-Istat Daniż kieku ma adottax il-miżuri inkwistjoni bħala riżultat tar-riskji li għalihom il-miżuri tal-2009 kienu esponewh.

36      Il-grupp FIH iqis, fl-ewwel lok, li l-analiżi tal-Kummissjoni hija eċċessiva peress li timplika li l-espożizzjoni ekonomika ta’ Stat Membru li tirriżulta mill-għotja preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat qatt ma tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ eżami tal-kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru aġixxiex kif kellu jaġixxi operatur privat.

37      Il-kwistjoni prinċipali mqajma mill-miżuri inkwistjoni hija pjuttost dik dwar jekk, permezz tagħhom, l-Istat Daniż segwiex għanijiet ta’ interess ġenerali, u għalhekk aġixxiex bħala awtorità pubblika, jew għan ekonomiku, li seta’ jsegwi kreditur privat razzjonali mqiegħed f’sitwazzjoni paragunabbli.

38      Issa, skont il-Grupp FIH, huwa manifest li l-Istat Daniż aġixxa sabiex jipproteġi l-interessi ekonomiċi tiegħu u li kreditur privat imqiegħed f’sitwazzjoni identika kien ikun espost għar-riskju li jġarrab telf sinjifikanti jekk ma ppruvax jevita sitwazzjoni ta’ inadempjenza. Fil-fatt, peress li l-miżuri inkwistjoni naqqsu kunsiderevolment l-espożizzjoni preċedenti tal-Istat Daniż, ma hemm l-ebda raġuni li tiġġustifika għaliex id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat jipprevjenu ristrutturazzjoni razzjonali tal-espożizzjoni tal-Istat Membru u, għaldaqstant, ġestjoni tajba ta’ fondi pubbliċi.

39      Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata, dan ir-riżultat huwa illoġiku fid-dawl tal-għan tar-regoli dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u jwassal għal diskriminazzjoni għad-detriment tal-kredituri pubbliċi, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ newtralità stabbilit fl-Artikolu 345 TFUE.

40      Fit-tieni lok, il-grupp FIH isostni li jirriżulta mis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213), li t-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors ta’ għajnuna mill-Istat għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-aġir li kien jadotta kreditur privat filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni r-riskju tal-assenza totali jew parzjali ta’ rimbors. Skont il-grupp FIH, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk tali tibdil jagħtix jew le vantaġġ addizzjonali lill-benefiċjarju tal-għajnuna inizjali. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li l-Kummissjoni tevita, għas-sempliċi raġuni li l-miżura preċedenti tal-Istat Membru tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, l-obbligu tagħha li teżamina r-razzjonalità ekonomika tal-miżuri inkwistjonii billi tieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-espożizzjoni preċedenti tal-Istat Daniż.

41      Fit-tielet lok, il-grupp FIH huwa tal-opinjoni li s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni (C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682), ma hiijiex rilevanti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija stess enfasizzat, fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li ċ-ċirkustanzi fattwali u legali tal-kawża li taw lok għall-imsemmija sentenza huma differenti b’mod sostanzjali minn dawk li taw lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98), ikkonfermata mis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213).

42      Skont il-grupp FIH, l-istess japplika għas-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑278/92 sa C‑280/92, EU:C:1994:325), u tat‑28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑334/99, EU:C:2003:55), peress li ċ-ċirkustanzi li jipprevalixxu f’dawn il-kawżi huma, kemm fil-fatt u kemm fil-liġi, differenti ħafna minn dawk ta’ din il-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      Preliminarjament għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 13).

44      Peress li dan l-aggravju jikkonċerna biss it-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 107(1) TFUE li jiżgura kompetizzjoni mhux distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 66), inkluż bejn l-impriżi pubbliċi u privati, il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni ma jistax jinkludi miżura mogħtija favur impriża permezz ta’ riżorsi tal-Istat fejn din setgħet tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet tas-suq normali. L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom tali vantaġġ ingħata jitwettaq għalhekk, fil-prinċipju, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 21 u 22).

46      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ operatur privat jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna u għalhekk ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru, meta huwa kkonstatat li l-elementi li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE huma ssodisfatti (sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 103; tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 32, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 23).

47      Konsegwentement, meta jkun jidher li l-prinċipju ta’ operatur privat jista’ jkun applikabbli, hija l-Kummissjoni li għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdiha bl-informazzjoni kollha rilevanti li jippermettulha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà u ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 104; tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 33, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta Stat Membru jagħti fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, vantaġġ ekonomiku lil impriża, l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ operatur privat ma jiddependix fuq il-forma li fiha dan il-vantaġġ tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ din l-impriża u lanqas min-natura tal-mezzi użati, li jistgħu jaqgħu taħt l-awtorità pubblika tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 81 u 91 sa 93).

49      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ operatur privat għal tibdil fil-kundizzjonijiet ta’ xiri mill-ġdid ta’ titoli ta’ impriża ma hijiex ippreġudikata mill-fatt li l-akkwist tat-titoli li jikkonferixxi fuq l-Istat l-istatus ta’ investitur f’din l-impriża ġie ffinanzjat permezz ta’ għajnuna mill-Istat favur din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 34).

50      F’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-prinċipju ta’ operatur privat meta eżaminat il-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-partijiet ma jikkontesta l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmija miżuri tawx vantaġġ lill-grupp FIH, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

51      Min-naħa l-oħra, dan l-appell huwa dwar il-kwistjoni jekk, meta rrikorriet għall-kriterju tal-kreditur privat minflok dak tal-investitur privat, il-Kummisjoni kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni jew le r-riskji li ġie espost għalihom l-Istat Daniż minħabba l-miżuri tal-2009.

52      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, meta l-prinċipju ta’ operatur privat huwa applikabbli, il-kriterju li għandu jintuża konkretement f’każ partikolari għandu jiġi identifikat, b’mod partikolari, skont in-natura tat-tranżazzjoni prevista mill-Istat Membru kkonċernat. Fost il-kriterji li jistgħu jiġu applikati jinsabu dawk tal-investitur privat u tal-kreditur privat.

53      Huwa paċifiku li l-miżuri inkwistjoni jimplikaw investimenti fi NewCo minn naħa ta’ FSC u li r-Renju tad-Danimarka sostna, matul il-proċedura amministrattiva, li dawn l-investimenti kienu konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Dan l-Istat Membru sostna wkoll li l-miżuri inkwistjoni kienu jnaqqsu r-riskju li għalih kien espost minħabba l-miżuri tal-2009 u għalhekk tal-ġestjoni tal-krediti li huwa kellu fir-rigward tal-FIH.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-kriterju tal-investitur privat, użat mill-Kummissjoni, kif ukoll dak tal-kreditur privat, li l-użu tiegħu huwa mitlub mill-grupp FIH u li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala rilevanti sabiex tevalwa l-miżuri inkwistjoni fis-sentenza appellata, setgħu jiġu kkunsidrati.

55      Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza stabbilita li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn operatur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar meta jaġixxi bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 52).

56      Għalhekk, fl-evalwazzjoni tar-razzjonalità ekonomika ta’ miżura statali, rikjesta mill-prinċipju ta’ operatur privat, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet imġiegħla teskludi l-ispejjeż imġarrba mill-Istat mit-tkeċċija tal-ħaddiema, mill-allowances tal-qgħad u tal-għajnuniet għar-rikostituzzjoni tat-tessut industrijali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, EU:C:1994:325, punt 22) kif ukoll garanziji mogħtija u krediti miżmuma mill-Istat sa fejn dawn innifishom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑334/99, EU:C:2003:55, punti 138 u 140, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 55, 56 u 61).

57      B’mod partikolari, fir-rigward ta’ din l-ipoteżi tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, peress li, permezz tal-għoti ta’ għajnuna, Stat Membru jfittex, bħala definizzjoni, għanijiet li ma jinkludux il-profittabbiltà tal-mezzi allokati lil impriżi, għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-mezzi huma, fil-prinċipju, mogħtija mill-Istat fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 56).

58      Minn dan isegwi li r-riskji li għalihom l-Istat huwa espost u li jirriżultaw għalih minn għajnuna mill-Istat li preċedentement kienet mogħtija huma marbuta mal-kwalità tiegħu bħala awtorità pubblika u għalhekk ma jaqgħux taħt l-elementi li operatur privat, taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, kien jieħu inkunsiderazzjoni fil-kalkoli ekonomiċi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑334/99, EU:C:2003:55, punti 138 u 140).

59      Tali kunsiderazzjoni tapplika b’mod partikolari għall-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-Istat minn self u garanziji mogħtija preċedentement lil impriża u li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom meta jitqiesu l-miżuri tal-Istat adottati favur l-istess impriża, jista’ jipprevjeni lil dawn il-miżuri tal-aħħar milli jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, anki jekk lanqas ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet normali tas-suq, għas-sempliċi raġuni li huma iktar vantaġġużi għall-Istat, fil-pjan ekonomiku, milli kieku ma ġewx adottati. Issa, tali konsegwenza tippreġudika l-għan li jikkonsisti li tiġi żgurata kompetizzjoni mhux distorta ddikjarat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

60      F’dan il-każ, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 2 u 3 tas-sentenza appellata, iż-żewġ liġijiet adottati fl-2009, li taħthom l-Istat Daniż ħa l-miżuri tal-2009 kienu ġew approvati mill-Kummissjoni bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern permezz tad-Deċiżjoni C(2009) 776 finali. Mill-punti 47, 53 u 55 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, bħall-Gvern Daniż innifsu, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri previsti f’dawn iż-żewġ liġijiet jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, peress li investitur privat ma kienx jiddeċiedi li jipproċedi, b’mod paragunabbli u taħt kundizzjonijiet simili, għaż-żidiet fil-kapital u l-għoti tal-garanziji previsti.

61      Barra minn hekk, ma jirriżulta minn ebda element tas-sentenza appellata jew tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-Istat Daniż, permezz tal-miżuri tal-2009, segwa tal-inqas parzjalment għan ta’ profitabbiltà. Barra minn hekk, ma jidhirx li tali għan ġie invokat matul il-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ din il-kawża, li insostenn tiegħu ġew ippreżentati provi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm xejn fil-proċess li jissuġġerixxi li l-miżuri tal-2009 ma kinux, tal-inqas parzjalment, għajnuna mill-Istat.

62      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, ir-riskji marbuta mal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil FIH bil-miżuri tal-2009. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat essenzjalment, fil-punti 69 u 71 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet wettqet, b’dan il-mod, applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ operatur privat fid-deċiżjoni kontenzjuża.

63      Fil-fatt, meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali imponiet b’mod żbaljat lill-Kummissjoni l-evalwazzjoni tar-razzjonalità ekonomika tal-miżuri inkwistjoni mill-perspettiva mhux ta’ operatur privat f’sitwazzjoni paragunabbli iżda dik tal-Istat fil-kwalità tiegħu bħala awtorità pubblika li qabel kien ta lil FIH, permezz tal-miżuri tal-2009, għajnuna mill-Istat li kienet intiża biex tillimita l-konsegwenzi finanzjarji.

64      Dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex invalidati mill-argumentazzjoni tal-grupp FIH ibbażata, fl-ewwel lok, fuq il-punti 34 sa 37 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213), fit-tieni lok, fuq is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318), kif ukoll tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs il-Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32), u, fit-tielet lok, fuq ġestjoni tajba ta’ fondi pubbliċi.

65      Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ix-xebh eżistenti, skont il-Grupp FIH, bejn iċ-ċirkustanzi fattwali u legali ta’ dan il-każ u dawk li taw lok għas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213), għandu jiġi rrilevat li l-aggravju tal-appell li għalih jirreferu l-punti ta’ din is-sentenza msemmija mill-grupp FIH jikkonċernaw il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ operatur privat, li l-Kummissjoni kienet eskludiet, u mhux dik, bħal fil-kawża preżenti, tal-applikazzjoni tagħha għall-miżuri kkonċernati. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 34 u 37 tal-imsemmija sentenza, li l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju għal miżura statali ma tistax, bħala prinċipju, tiġi eskluża mill-bidu minħabba s-sempliċi rabtiet li jistgħu jeżistu bejn intervent kontenzjuż mill-Istat u l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fil-forma ta’ għotja preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat.

66      Ċertament mill-punti 35 u 36 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213), jirriżulta li kien il-kompitu, f’din il-kawża, tal-Kummissjoni li teżamina r-razzjonalità ekonomika tat-tibdil previst mill-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni tal-kapital li kien ġie mwettaq preċedentement permezz ta’ għajnuna mill-Istat, b’riferiment għall-aġir li seta’ jadotta investitur privat.

67      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 u 65 sa 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk imponiet fuq din l-istituzzjoni eżami li jmur lil hinn mill-verifikazzjoni tar-razzjonalità ekonomika intrinsika tat-tibdil previst u tinvolvi għalhekk it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji li jirriżultaw għall-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi mill-għajnuna mill-Istat li kien preċedentement ta lill-impriża benefiċjarja.

68      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament indikat fil-punt 36 tas-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213), li investitur privat seta’ wkoll jaċċetta tibdil fil-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni fil-kapital preċedenti bil-għan, b’mod partikolari, li jżid il-prospetti li jikseb ir-rimbors ta’ dik il-kontribuzzjoni. Din il-preċiżjoni ma timplikax madankollu li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tar-razzjonalità ekonomika intrinsika ta’ miżura sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aġir tal-Istat ikkonċernat setax jiġi adottat minn investitur privat, riskji li jirriżultaw għal dan l-Istat Membru mill-għoti ta’ għajnuna mill-Istat preċedenti.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213) u kuntrarjament għal din il-kawża, il-benefiċjarju tal-għajnuna preċedenti ma kienx jinstab, fid-data li fiha l-imsemmija bidliet kienu previsti, fid-diffikultajiet finanzjarji li ppreġudikaw il-kontinwità tal-esplojtazzjoni tiegħu u li dawn il-bidliet ma jimplikawx is-salvataġġ tiegħu permezz ta’ investmenti kbar pubbliċi.

70      Fil-fatt, l-imsemmija bidliet huma intiżi b’mod partikolari sabiex iħeġġu lill-impriża benefiċjarja tal-għajnuna tipproċedi bir-rimbors antiċipat tal-kapital li ġie kkontribwit u sabiex iżżid il-possibbiltà għall-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi li jitħallas b’mod sodisfaċjenti, ħaġa li l-kundizzjonijiet inizjali ma kinux jiggarantixxu fi kwalunkwe każ.

71      Fit-tieni lok, il-grupp FIH ibbaża fuq is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318), u tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32), l-argument li, essenzjalment, in-natura fiskali ta’ kreditu tal-Istat lejn impriża, anki jekk marbut mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, ma jostakolax l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat fl-evalwazzjoni, fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE ta’ miżura li biha l-Istat jagħti lil din l-istess impriża ristrutturazzjoni tal-imsemmi kreditu.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti hija rilevanti fir-rigward tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ operatur privat iżda mhux għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 100, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 51).

73      Minn dan isegwi li din il-ġurispurdenza ma hijiex ta’ natura li tqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni, magħmula fil-punti 57 sa 59 ta’ din is-sentenza, li r-riskji li għalihom huwa espost Stat Membru minħabba kreditu li għandu l-oriġini tiegħu fl-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil impriża, peress li huma inseparabbli mill-kwalità ta’ awtorità pubblika tiegħu, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat għal miżura sussegwenti adottata minn dan l-istess Stat Membru favur l-imsemmija impriża.

74      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-ġestjoni tajba tal-fondi pubbliċi, il-grupp FIH ma jistax jiġi segwit meta jsostni, essenzjalment, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat fid-deċiżjoni kontenzjuża għandha bħala konsegwenza li l-espożizzjoni ekonomika ta’ Stat Membru li tirriżulta mill-għoti preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat u x-xewqa tiegħu li jipproteġi l-interessi ekonomiċi tiegħu ma jistgħux jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ eżami skont l-Artikolu 107 TFUE.

75      Fil-fatt, għalkemm huwa veru li tali kunsiderazzjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fl-eżami, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, jibqa’ l-fatt li, kif irrelevat il-Kummissjoni matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kif ikkunsidra l-Avukat Ġenerali fil-punti 81 u 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija kunsiderazzjonijiet setgħu ttieħdu inkunsiderazzjoni minn din l-istituzzjoni matul l-evalwazzjoni, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna sussegwenti mas-suq intern u għalhekk jistgħu jwasslu lil din l-istituzzjoni li tikkonstata, bħal f’dan il-każ, in-natura kompatibbli tal-imsemmija miżura.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jintlaqa’ l-uniku aggravju u, għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

 Fuq il-kawża fl-ewwel istanza

77      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

78      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament fuq l-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, għar-raġuni tal-applikazzjoni inkorretta tal-prinċipju tal-investitur privat.

79      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 51sa 63 ta’ din is-sentenza, l-argument tal-grupp FIH intiż li ssir il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni kellha tapplika, f’dan il-każ, il-kriterju tal-kreditur privat u mhux dak tal-investitur privat ma jistax jirnexxi.

80      Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

81      Min-naħa l-oħra, kuntrarju għal dak li ssostni, prinċipalment, il-Kummissjoni, it-tilwima ma hijiex f’pożizzjoni li tiġi deċiża fir-rigward tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

82      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li l-ewwel motiv tar-rikors ġie milqugħ, ma kienx hemmx lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ kalkolu fl-ammont tal-għajnuna.

83      Konsegwentement, hemm lok li din il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni motiv imqajjem quddiemha li dwaru ma tat l-ebda deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

84      Peress li l-kawża qed tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal15 ta’ Settembru 2016, FIH Holdings u FIH Erhvervsbank vs Il-Kummissjoni (T386/14, EU:T:2016:474), hija annullata.

2)      L-ewwel motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea huwa miċħud.

3)      Il-kawża qed tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni motiv.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.