Language of document : ECLI:EU:T:2004:223

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

8 ta' Lulju 2004 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Trade mark preċedenti verbali HIPPOVIT – Talba għal trade mark Komunitarja verbali HIPOVITON – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Dritt ta’ li tinstema'” 

Fil-kawża T-334/01,

MFE Marienfelde GmbH, stabbilita f’Amburgu (il-Germanja), irrappreżentata minn S. Rojahn u S. Freytag, Avukati,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn E.Joly u G. Schneider, bhala agenti,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tas-26 ta’ Settembru 2001 (kawża R 578/2000-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn MFE Marienfelde GmbH u Vétoquinol AG,  

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn  N. J. Forwood, President, J. Pirrung u A. W. H. Meij, Imħallfin,

Reġistratur :  D. Christensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors u r-replika, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, rispettivament fl-24 ta’ Diċembru 2001 u d-29 ta’ Lulju 2002,

wara li rat ir-risposta u l-kontroreplika tal-UASI, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, rispettivament fl-24 ta’ April u t-30 ta’ Ottubru 2002,

wara li rat ir-risposta u l-kontroreplika ta’ l-intervenjenti, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, rispettivament, fit-22 ta’ April u d-29 ta’ Ottubru 2002,

wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2003,

taghti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-30 ta’ Diċembru 1996, l-intervenjenti, li aġixxiet taħt l-isem preċedenti tagħha, jiġifieri Chassot AG, ippreżentat talba għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li r-reġisistrazzjoni tagħha kienet mitlub hija s-sinjal verbali HIPOVITON.

3        Il-prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni tat-trade mark kienet ġiet mitluba jaqgħu taħt il-klassi 31, skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Alimentazzjoni għall-annimali”.

4        Fil-11 ta’ Mejju 1998, it-talba għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks tal-Komunità,

5        Fil-11 ta’ Awwissu 1998, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94 kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitlub għall-prodotti kollha msemmija fit-talba għal trade mark. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark irreġistrata fil-Ġermanja fis-17 ta’ Mejju 1992, b’data ta’ prijorità tas-16 ta’ Mejju 1969. Din it-trade mark (iktar ‘il quddiem it-“trade mark preċedenti”) tikkonsisti fis-sinjal verbali HIPPOVIT, li kienet ġiet irreġistrata għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 31 skond il-Ftehim ta’ NIzza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Alimentazzjoni għall-annimali”.

6        In sostenn ta’ l-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti invokat il-motiv relatat mar-rifjut imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

7        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 1999, l-intervenjenti talbet li r-rikorrenti tressaq il-prova, skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, li waqt il-perijodu ta’ ħames snin qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, kien sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fl-Istat Membru li fih din it-trade mark kienet protetta. Permezz ta’ komunikazzjoni tat-8 ta’ April 1999, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tal-UASI (iktar ‘il quddiem id-“ Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni”») stiednet lir-rikorrenti tressaq din il-prova f’terminu ta’ xahrejn.

8        Fl-4 ta’ Mejju 1999, ir-rikorrenti ttrażmettiet lil UASI erba’ fuljetti pubbliċitarji li fuqhom kienet tidher it-trade mark preċedenti; madankollu, l-ittra “O” kienet imżejna mir-ras u l-parti ta’ quddiem b’figura ta’ żiemel. Fit-tieni lok, hija pproduċiet paġna ta’ quddiem intitolata “Marienfelder Tierfutter-Programm” (“Alimentazzjoni għall-annimali – il-programm Marienfelde”), flimkien ma’ formola ta’ l-ordni kif ukoll ktejjeb intitolat “Ich liebe Pferde von A-Z” (“ Inħobb iż-żwiemel mill-A saż-Ż”). Fit-tielet lok, hija ppreżentat dikjarazzjoni intitolata “Eidesstattliche Versicherung” (“dikjarazzjoni b’ġurament”) ta' l-amministratur tagħha, is-Sur Bode. Fih jindika li l-fatturat magħmul mill-bejgħ taħt it-trade mark preċedenti kien tela’, għall-perijodu minn Jannar sa Ġunju 1998, għal 12 5000 marka Ġermaniża (DEM) u, għall-perijodu bejn Jannar sa Diċembru 1998, għal 21000 DEM.

9        Wara bosta skambji ta’ noti bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti, l-UASI indirizzat lil dawn il-partijiet komunikazzjoni bil-miktub, bid-data ta’ l-24 ta’ Jannar 2000, li kienet ifformulata kif ġej :

“Il-[UASI] jinfurmakhom li ebda osservazzjoni addizzjonali ma tista’ tiġi ppreżentata.”

10      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Frar 2000, l-intervenjenti, b’mod partikolari, esponiet, minn naħa, li l-fatturat tar-rikorrenti magħmul mill-bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti kien jikkorrispondi għall-bejgħ ta’ 459 unitajiet u, min-naħa l-oħra, li l-fatturat annwali totali tar-rikorrenti kien tela’ għal 2.8 miljun DEM fl-1998.

11      B’komunikazzjoni bil-miktub tat-8 ta’ Marzu 2000, l-UASI, filwaqt li rrefera għall-komunikazzjoni bil-miktub tiegħu ta’ l-24 ta’ Jannar 2000, indika lir-rikorrenti u lill-intervenjenti li l-kontenut ta’ l-ittra ta’ l-intervenjenti tat-8 ta’ Frar 2000 ma kienx ser jiġi kkunsidrat fid-deċiżjoni tiegħu.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2000 (deċiżjoni Nru 601/2000), id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni ċaħad l-oppożizzjoni skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 għar-raġuni li r-rikorrenti ma kinitx ressqet prova li kien sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti skond din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li d-dikjarazzjoni magħmula taħt ġurament ippreżentata mir-rikorrenti, li ma kinitx ġejja minn persuna jew minn dipartiment newtru, kellha tiġi sostnuta minn provi oħra. In kwantu għall-elementi oħra ta’ prova mressqa mir-rikorrenti, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni osservat li dawn ma kien fihom ebda indikazzjoni dwar il-lok, it-tul ta’ żmien jew l-importanza ta’ l-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti.

13      F’Mejju 2000, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem il-UASI skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni.

14      Fl-anness għan-nota li tesponi l-motivi ta’ dan ir-rikors, bid-data tat-28 ta’ Lulju 2000, ir-rikorrenti ppreżentat diversi fatturi relatati mal-parteċipazzjoni għal fieri differenti fl-1999, għall-postijiet ta’ wirjiet u x-xiri ta’ fuljetti u ta’ materjal pubbliċitarju. Minbarra dan, hija ppreżentat ħames fatturi relatati ma’ bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti, li sar bejn is-6 ta’ Marzu 1998 u d-19 ta’ Mejju 1998. F’dawn il-fatturi, l-ismijiet tax-xerrejja tal-prodotti kienu tgħattew. Il-fatturat li jikkorrispondi għal dawn il-fatturi, safejn dan kien sar qabel il-11 ta’ 1998, kien ta’ 2753.84 DEM.     

15      F’nota tad-9 ta’ Ottubru 2000, l-intervenjenti, filwaqt li rreferiet għall-ittra tagħha tat-8 ta’ Frar 2000, irrepetiet l-allegazzjonijiet li kienu jinsabu fiha dwar il-fatturat tar-rikorrenti. L-ittra ta' l-UASI ta’ l-24 ta’ Ottubru 2000, li permezz tagħha dan ikkomunika din in-nota lir-rikorrenti, kienet tindika li din il-komunikazzjoni kienet biss bħala informazzjoni.

16      B’deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2001, innotifikata lir-rikorrenti fil-15 ta’ Ottubru 2001 (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-raba’ Bord ta’ l-Appell ta' l-UASI ċaħad ir-rikors. Fis-sustanza, huwa qal li l-perijodu rilevanti, għall-finijiet li jeżamina l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, kien mit-12 ta’ Mejju 1993 sal-11 ta’ Mejju 1998 u li r-rikorrenti ma allegatx li użat din it-trade mark qabel l-1998. In kwantu għad-dikjarazzjoni magħmula taħt ġurament ta' l-amministratur tar-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell osserva li ma kienx neċessarju li jagħti deċiżjoni fuq il-forza probatorja tagħha. Fil-fatt, huwa qies li, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-fatturat magħmul fl-1998 mill-bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti, kif indikat f’din id-dikjarazzjoni, jiġi stabbilit, ma jirriżulatx li kien sar użu ġenwin minn din it-trade mark matul il-perijodu rilevanti. Skond il-Bord ta’ l-Appell, il-fatturat ta’ 125000 DEM, jekk jiġi kkunsidrat li kien magħmul matul il-perijodu rilevanti, minn naħa, ma jikkorrispondix ħlief għall-bejgħ ta’ bejn wieħed u ieħor 450 unitajiet ta’ prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, kien minimu meta mqabbel mal-fatturat annwali totali magħmul mir-rikorrenti, li kien tela’ għal 2.8 miljun DEM fl-1998. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord ta’ l-Appell osserva li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti, meta użat it-trade mark preċedenti taħt forma oħra minbarra dik li kienet irreġistrata taħtha, kinitx għamlet użu jew le minn din it-trade mark sabiex tissalvagwardja d-drittijiet tagħha.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta ‘ Oppożizzjoni tat-28 ta’ Marzu 2000;

–        tordna li l-UASI jbati l-ispejjeż.

18      Il-UASI u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors ;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni

19      F’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob ukoll l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li din it-talba hija ammissibbli. Hija titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza tieħu d-deċiżjoni li, skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell kellu legalment jieħu meta ntalab jieħu konjizzjoni ta' l-appell imressaq quddiem il-UASI. Madankollu, jirriżulta mit-tieni frażi ta’ l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 li l-Bord ta’ l-Appell jista’ jannulla d-deċiżjoni tad-dipartiment tal-UASI li kien iddeċieda fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, tali annullament jidher fost il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Qorti tal-Prim’Istanza skond is-setgħa tagħha li tbiddel id-deċiżjoni, stabbilit mill-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 [ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ talba intiża għar-rinviju ta’ kawża lill-eżaminatur, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 19, ikkonfermata mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2001, Streamserve vs UASI, C-150/02 P, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra].

 Fuq il-mertu

20      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssemmi ħames motivi. L-ewwel motiv jirrigwarda l-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikolu 43(2) u (3), u ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 40/94. Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti takkuża lill-Bord ta’ l-Appell li naqas li jieħu in kunsiderazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova li hija kienet ressqet matul il-proċedura ta’ rikors. It-tielet motiv jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-raba’ u l-ħames motivi jirrigwardaw ksur, rispettivament, tad-dritt li tinstema’ u ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq il-motiv li jirrgwarda ksur tad-dispożizzjonijiet flimkien ta’ l-Artikolu 53(2) u (3) u ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 40/94 u fuq il-motiv li jirrigwarda l-ksur tat-dritt li tinstema’.

–       L-argumenti tal-partijiet

21      Ir-rikorrenti tesponi, b’mod ġenerali, li l-kunċett ta’ “użu ġenwin” ta’ trade mark għandu jiġi nterpretat fis-sens li jkopri kull att li, għar-raġuni tan-natura tiegħu, ta’ l-importanza tiegħu u tat-tul ta’ żmien tiegħu, jikkostitwixxi oġġettivament użu normali tat-trade mark fis-suq ikkonċernat. Fir-rigward ta’ l-importanza li għandu jkollu tali użu, hija ssostni li din tiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ u, aktar preċiżament, mid-daqs ta’ l-impriża kkonċernata u mil-livell ta’ diversifikazzjoni ta’ l-attivitajiet tagħha.

22      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tafferma li, filwaqt li applika korrettament il-kriterji ta’ evalwazzjoni li hija kienet elenkat, il-Bord ta’ l-Appell kellu jikkonkludi fuq in-natura ġenwina ta’ l-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, matul il-perijodu rilevanti, hija effettwat bejgħ ta’ prodotti taħt din it-trade mark fit-territorju Ġermaniż kollu. Skond ir-rikorrenti, jirriżulta mid-dikjarazzjoni magħmula taħt ġurament ta' l-amministratur tagħha li l-fatturat magħmul mill-bejgħ tagħha, għalkemm kien relativament żgħir minħabba li kien fil-bidu tad-dħul tiegħu fis-suq tal-prodotti kkonċernati, juri użu normali tat-trade mark, li għandha bħala skop li tassigura suq għal dawn il-prodotti.

23      Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-fatturat ta’ 2.8 miljun DEM, li kien ġie aċċettat fid-deċiżjoni kkontestata għas-sena 1998, mhuwiex korrett.

24      Fil-kuntest tal-motiv dwar il-ksur tad-dritt li tinstema’, ir-rikorrenti takkuża lill-Bord ta’ l-Appell li ma infurmahiex, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bl-intenzjoni tiegħu li jibbaża din id-deċiżjoni fuq il-fatt li, matul il-perijodu rilevanti, hija kienet biegħet, taħt it-trade mark preċedenti, bejn wieħed u ieħor 450 unitajiet ta’ prodott biss. Fir-replika tagħha, hija tippreċiża li l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kontenut tan-nota ta’ l-intervenjenti tat-8 ta’ Frar 2000, għalkemm id-Diviżjoni ta’ Oppożizjoni kienet indikatilha li din in-nota ma kinitx ser tiġi kkunsidrata.

25      Il-UASI josserva li jirriżulta mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 40/94 li l-użu ġenwin jirrikjedi użu veru, awtentiku, effettiv jew reali. Għaldaqstant, skond il-UASI, tali użu għandu jkun ta’ natura li jiddistingwi l-prodotti jew servizzi indikati u mhux sempliċement intiż sabiex iżomm dritt tat-trade mark eżistenti.

26      Skond il-UASI, sabiex tiġi evalwata, f’każ bħal dan, in-natura serja ta’ l-użu li kien sar minn trade mark, għandha ssir evalwazzjoni totali, fid-dawl tas-suq ikkonċernat, il-mod kif il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati huma normalment imqiegħda fis-suq, il-kapaċitatjiet ta’ produzzjoni u ta’ tqegħid fis-suq tal-proprjetarju tat-trade mark u tal-parti tas-suq li huwa għandu.

27      Fir-rigward ta’ dan il-każ, il-UASI jfakkar, fl-ewwel lok, li, skond l-elementi ta’ prova mressqa mir-rikorrenti, l-użu tat-trade mark preċedenti ma beda biss fil-bidu tas-sena 1998, jiġifieri ftit aktar minn erba’ xhur qabel il-pubblikazzjoni tat-talba għat-trade mark. Fit-tieni lok, il-UASI jsostni li l-fatturat magħmul mill-bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti, matul il-perijodu rilevanti, huwa irrilevanti, ħaġa li ma tistax tiġi spjegata miċ-ċirkustanza li t-tqegħid is-suq tal-prodotti kkonċernati kien beda biss fil-bidu tas-sena 1998. Fil-fatt, il-bejgħ magħmul matul it-tieni semestru ta’ din is-sena kien inferjuri għal dak magħmul fil-bidu tagħha. Fit-tielet lok, il-UASI jafferma li l-fatturat magħmul mir-rikorrenti mill-bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti kellu importanza minuri meta mqabbel mal-fatturat annwali totali tagħha.

28      Barra minn hekk, il-UASI josserva li d-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ kien ġie rrispettat mill-Bord ta’ l-Appell.

29      L-intervenjenti tesponi li r-rikorrenti m’għamlitx użu ġenwin mit­-trade mark preċedenti. F’dan ir-rigward, hija tafferma li l-fatturat magħmul mir-rikorrenti mill-bejgħ ta’ prodotti taħt din it­-trade mark jirrappreżenta mhux iktar minn 0.75% tal-fatturat annwali totali tagħha. Fis-seduta, hija ppreċiżat li, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-fatturat magħmul mill-bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti, imsemmi fid-dikjarazzjoni ta' l-amministratur tar-rikorrenti, huwa korrett, il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti tela' biss għal madwar 38 unitajiet kull xahar matul il-perijodu rilevanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      Kif joħroġ mid-disa’ premssa tar-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlatur qies li l-protezzjoni ta’ trade marki preċedenti mhijiex iġġustifikata ħlief fil-każ fejn din kienet effettivament użata. B’konformità ma’ din il-premessa, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-applikant għal trade mark jista’ jirrikjedi l-prova li kien sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fit-territorju li fiha hija protetta matul ħames snin li jippreċedu l-pubblikazzjoni ta’ talba għal trade mark li kienet is-suġġett ta’ oppożizzjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs UASI – Harrison (HIWATT), T-39/01, Ġabra p. II-5233, punt 34].

31      Skond ir-regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1), il-prova ta’ l-użu għandha jkollha indikazzjonijiet fuq il-post, il-ħin, il-limitu u n-natura ta’ użu tat-trade mark .

32      Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu ġenwin, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li r-ratio legis ta’ l-eżiġenza li trid li jkun sar użu ġenwin tat-trade mark preċedenti sabiex tkun tista’ tintuża f’oppożizzjoni għal talba għal trade mark jikkonsisti li jillimita l-kunflitti bejn żewġ trade marks sakemm ma jeżistix motiv ekonomiku ġust li joħroġ minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Marzu 2003, Goulbourn vs UASI – Redcats (Silk Cocoon), T-174/01, Ġabra p. II-789, punt 38]. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni mhijiex intiża la biex tevalwa s-suċċess kummerċjali u lanqas biex tikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża, jew ukoll biex tirriżerva l-protezzjoni tat-trade marks għal użu kummerċjali kwantitivament sinjifikattiv tagħhom biss.

33      Kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C-40/01, Ġabra p. I-2439), dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 140, p. 1), li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondi, fis-sustanza, għal dak ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94, ikun sar użu ġenwin minn trade mark meta tiġi użata skond il-funzjoni essenzjali tagħha, li hija dik li tiggarantixxi l-identità ta’ oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata, għall-finijiet li toħloq jew li tikkonserva suq għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li għandu bħala skop uniku ż-żamma tad-drittijiet maħluqa mit-trade mark (sentenza Ansul, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43). F’dan ir-rigward, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin tat-trade mark teżiġi li hija, kif protetta fit-territorju rilevanti, tiġi użata pubblikament u l-barra (sentenzi Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u Silk Cocoon V, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

34      L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina ta’ l-użu tat-trade mark għandha tistrieħ fuq il-fatti u ċirkustanzi proprji kollha sabiex tistabbilixxi r-realtà ta’ l-użu kummerċjali tagħha, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex iżżomm jew toħloq partijiet ta’ suq favur il-prodotti jew is-servizzi protetti mis-suq, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, l-ammont u l-frekwenza ta’ l-użu tat-trade mark (sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

35      In kwantu għall-importanza ta’ l-użu li kien sar tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali ta’ l-atti ta’ użu kollha, minn naħa, u mit-tul ta’ żmien tal-perijodu li matulu atti ta’ użu kienu saru kif ukoll il-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra.

36      Sabiex tiġi eżaminata, f’każ bħal dan, in-natura ġenwina ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti ta’ dan il-każ. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati. Għaldaqstant, volum żgħir ta’ prodotti mqiegħda fis-suq taħt l-imsemmija trade mark jista’ jiġi kkumpensat minn intensità qawwija jew minn ċerta kostanza, matul iż-żmien, ta’ l-użu ta’ din it-trade mark u bl-invers. Minbarra dan, il-fatturat magħmul kif ukoll il-kwantità ta’ bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti ma jistgħux jiġu evalwati fl-assolut, imma għandhom jiġu evalwati f’relazzjoni ma’ fatturi rilevanti oħra, bħall-volum ta’ l-attività kummerċjali, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew it-tqegħid fis-suq jew il-livell ta’ diversifikazzjoni ta’ l-impriża li tuża’ t-trade mark kif ukoll il-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi fis-suq ikkonċernat. Minħabba dan il-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li mhuwiex neċessarju li l-użu tat-trade mark preċedenti jkun dejjem kwantitivament sinjifikattiv sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin (sentenza Ansul, iċċitata iktar ’ il fuq, punt 39).

37      Madankollu, aktar ma l-volum kummerċjali ta’ l-użu tat-trade mark jkun limitat, aktar ikun neċessarju li l-parti li tkun għamlet l-oppożizzjoni tressaq indikazzjonijiet addizzjonali li jippermettu li jwarrbu dubji eventwali fir-rigward tan-natura ġenwina ta’ l-użu tat-trade mark ikkonċernata.

38      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata.

39      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li t-talba għal trade mark Komunitarja kienet ġiet ippubblikata fil-11 ta’ Mejju 1998, il-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 imur mill-11 ta’ Mejju, 1993 sa l-10 ta’ Mejju, 1998 (iktar ‘il quddiem il-“perijodu rilevanti”).

40      Issa, jirriżulta mill-Artikolu 15(1) ta’ l-istess Regolament li huma biss dawk it-trade marks li l-użu ġenwin tagħhom ġie sospiż għall-perijodu mhux interrott ta’ ħames snin li huma suġġetti għas-sanzjonijiet previsti mir-Regolament. Għaldaqstant, ikun biżżejjed li kien sar użu ġenwin mit-trade mark matul parti mill-perijodu rilevanti sabiex jiġu evitati l-imsemmija sanzjonijiet.

41      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti ma tallegax li użat it-trade mark preċedenti ħlief minn Jannar 1998. Għaldaqstant il-Bord ta’ l-Appell ġustament ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-evalwazzjoni ta’ l-użu allegat mir-rikorrenti matul il-perijodu bejn il-bidu tas-sena 1998 sa l-10 ta’ Mejju 1998.

42      Mingħajr ma ġie espliċitatament imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell ħax in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tiegħu, biss il-materjal stampat u d-dikjarazzjoni magħmula taħt ġurament ippreżentata mir-rikorrenti matul il-proċedura ta’ oppożizzjoni kif ukoll l-osservazzjonijiet imressqa mill-intervenjenti fin-noti tagħha tat-8 ta’ Frar u tad-9 ta’ Ottubru 2000.

43      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni magħmula taħt ġurament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-Bord ta’ l-Appell espliċitament ħalla miftuħa l-kwistjoni ta’ x’kien il-valur konklużiv tagħha. Hija mandankollu bbażat l-analiżi tagħha fuq is-suppożizzjoni li l-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni kien eżatt. Għall-bżonnijiet ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis opportun li titlaq mill-istess premessa.

44      Fir-rigward, sussegwentement, tal-materjal stampat ippreżentat mir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata, ġustament, li dan ma jagħti ebda indikazzjoni tat-tul ta’ żmien jew tad-data ta’ użu tat-trade mark preċedenti. Madankollu huwa qies li kien possibbli li n-natura u l-lok ta’ dan l-użu jiġu dedotti, peress illi l-formola ta’ l-ordni li tidher fost dan il-materjal stampat kienet b’mod ċar iddestinata għas-suq Ġermaniż.

45      Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-użu setax jiġi kkwalifikat bħala ġenwin, il-Bord ta’ l-Appell, fis-sustanza, strieħ fuq żewġ elementi distinti. Huwa mal-ewwel ikkunsidra li l-fatturat ta’ 12500 DEM, dejjem jekk wieħed jippreżupponi li kien magħmul mill-1 ta’ Jannar sal-11 ta’ Mejju 1998, u mhux mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 1998, kif ukoll il-kwantità ta’ bejgħ magħmul, meqjus għal madwar 450 unitajiet, kien żgħir wisq fir-rigward ta’ prodott bi prezz medju. Huwa sussegwentement ikkonstatata li l-fatturat magħmul mill-bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti, li jikkorrispondi għal madwar 0.75% tal-fatturat annwali totali tar-rikorrenti, stmat għal 2.8 miljun ta’ DEM, kien insuffiċjenti.

46      Jirriżulta mill-elementi fattwali kkunsidrati mill-Bord ta’ l-Appell li, minħabba l-bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti, ir-rikorrenti għamlet ċertu fatturat. Għaldaqstant, saru atti ta’ użu tat-trade mark preċedenti li, fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-settur ekonomiku kkonċernat, kienu oġġettivament proprji sabiex joħolqu jew jikkonservaw suq għall-prodotti li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata.

47      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li dan huwa fatturat żgħir, magħmul matul perijodu relativament qasir ta’ erba’ xhur u nofs, perijodu li direttament jippreċedi d-data ta’ pubblikazzjoni tat-talba għal trade mark Komunitarja.

48      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk dubji fuq in-natura ġenwina ta’ dan l-użu, li jirriżultaw mill-importanza minima tiegħu jew it-tkomplija tiegħu qabel il-pubblikazzjoni tat-talba għal trade mark, kienux iġġustifikati fuq il-bażi tal-fatti u provi invokati mill-partijiet.

49      Fir-rigard tar-relazzjoni bejn il-fatturat magħmul mill-bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti u l-fatturat annwali tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-livell ta’ diversifikazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-impriżi li joperaw fl-istess suq huwa varjabbli. Minbarra dan, l-obbligu li tressaq il-prova ta’ użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti mhuwiex intiż sabiex tiġi kkontrollata l-istrateġija kummerċjali ta’ impriża. Mhuwiex eskluż li jkun ekonomikament u oġġettivament iġġustifikat għal impriża li tqiegħed fis-suq prodott jew sensiela ta’ prodotti anki jekk il-parti tagħhom fil-fatturat annwali ta’ l-impriża in kawża hija minima. Minbarra dan, f’impriża ta’ daqs modest, perċentwali żgħira tal-fatturat annwali tikkorrispondi għal ammont żgħir espress f' valur assolut.

50      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, ir-relazzjoni bejn il-fatturat totali tar-rikorrenti u dak magħmul mill-bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti, ikkunsidrat waħdu, għandux biss valur żgħir indikattiv u ma jistax, għaldaqstant, ikun deċiżiv fl-evalwazzjoni tan-natura ġenwina ta’ l-użu ta’ din it-trade mark.

51      Fir-rigard tal-volum tal-bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti u tal-fatturat magħmul minnhom, espress f'valur assolut, il-UASI spjegat, matul is-seduta, li l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-prodotti bi prezz medju ser ikunu, bħala regola ġenerali, mibjugħa fi kwantitajiet akbar milli l-prodotti bi prezz għoli ħafna. B'hekk, huwa indikat fid-deċiżjoni kkontestata li fatturati u ammont ta’ bejgħ, espressi f'valur assolut, ta’ prodotti ta’ prezz medju jew ftit għoli jippermetti li jiġi konkluż użu mhux ġenwin tat-trade mark in kwistjoni. Jekk din il-kunsiderazzjoni mhijiex minnha nfisha żbaljata, hija tibqa’ mhux kompluta meta l-kartteristiċi tas-suq ikkonċernat mhumiex ikkunsidrati.

52      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell, li l-prodotti mibjugħa taħt it-trade mark preċedenti mhumiex użati ħlief fi kwantità żgħira. Din l-affermazzjoni ma kinitx ġiet ikkontestata mill-intervenjenti matul din il-proċedura. Barra minn hekk, hija sostnuta mill-fuljetti pubbliċitarji ppreżentati mir-rikorrenti li fihom indikazzjonijijet ta' l-ammont tal-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, din l-indikazzjoni mhijiex imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li hija setgħet tispjega l-volum żgħir ta’ bejgħ magħmul taħt it-trade mark preċedenti.

53      Il-Bord ta’ l-Appell ma kkunsidrax aktar l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li tinsab kemm fil-motivazzjoni tan-nota ta’ oppożizzjoni tagħha, kif ukoll fin-nota tagħha ppreżentata quddiem il-Bord ta’ l-Appell, fejn skond din in-nota hija kienet reġgħet qiegħdet fis-suq prodotti kkonċernati u li, għaldaqstant, il-volum kummerċjali rrappreżentat minnhom kien żgħir. Madankollu, din l-indikazzjoni setgħet tkun rilevanti fl-evalwazzjoni tan-natura ġenwina ta’ l-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti, u dan minkejja l-fatt li l-fatturat allegatament magħmul matul it-tieni semestru tas-sena 1998 kien inqas għoli minn dak ta’ l-ewwel semestru. Huwa fil-fatt possibbli li l-fażi tal-bidu ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti huwa superjuri għal aktar minn ftit xhur.

54      Madankollu, ir-rikorrenti naqset li tressaq il-prova li l-prodotti mqegħda fis-suq taħt it-trade mark preċedenti kienu f’fażi ta’ bidu ta’ tqegħid fis-suq tagħhom, għalkemm l-intervenjenti kienet ikkontestat din l-affermazzjoni – għall-ewwel darba – fir-risposta tagħha quddiem il-Bord ta’ l-Appell tad-9 ta’ Ottubru 2000. Madankollu, din l-omissjoni ma setgħetx tiġi imputata lir-rikorrenti ħlief jekk din kienet korrettament fil-pożizzjoni li tirreaġixxi għan-nota ta’ l-intervenjenti tad-9 ta’ Ottubru 2000. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li jirriżulta mill-inkaratment li l-UASI kkomunika l-imsemmija nota lir-rikorrenti, premezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Ottubru 2000, li fiha indikalha li din il-komunikazzjoni kienet saret biss bħala informazzjoni. Minbarra dan, għal dak li jikkonċerna n-nota ta’ l-intervenjenti tat-8 ta’ Frar 2000 li rreferiet għan-nota tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2000, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tal-UASI kjienet informat lir-rikorrenti, permezz ta’ komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2000, li l-kontenut ta’ din in-nota tat-8 ta’ Frar 2000 ma kienx ser jiġi kkunsidrat. Minn dan isegwi li, peress illi r-rikorrenti ma kinitx ġiet mistiedna tieħu pożizzjoni fuq in-nota tad-9 ta’ Ottubru 2000, hija kienet ġiet mċaħħda mill-possibbiltà li tevalwa l-utilità li tressaq elementi ta’ prova addizzjonali.

55      Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll għal dawk li huma indikazzjonijiet dwar in-numru ta’ prodotti mibjugħa, espressi f'valur assolut, u għall-allegat fatturat annwali totali tar-rikorrenti li jidher fin-nota ta’ l-intervenjenti tat-8 ta’ Frar 2000 (punt 10 iktar ‘il fuq), indikazzjonijiet li għalihom l-intervenjenti rreferiet fin-nota tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2000 u li l-Bord ta’ l-Appell kien aċċetta fid-deċiżjoni kkontestata.

56      Għandu jingħad ukoll li r-regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95, li tipprovdi li l-prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti għandha tiġi ppreżentata fit-terminu mogħti mill-UASI għal min jopponi, l-oppożizzjoni tiġi miċħuda jekk din il-prova mhijiex ippreżentata fl-imsemmi terminu, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-kunsiderazzjoni ta’ elementi ta’ prova addizzjonali, fir-rigward ta' l-eżistenza ta’ elementi ġodda, anki jekk huma ppreżentati wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

57      Fil-fatt, peress illi r-Regolament Nru 2868/95 kien ġie adottat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 140(1) tar-Regolament Nru 40/94, id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar Regolament. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, l-Artikolu 43(1) u l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. Minn naħa, l-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 40/94 jgħid li, matul l-eżami ta’ l-oppożizzjoni, il-UASI jistieden il-partijiet, safejn ikun neċessarju, sabiex jippreżentaw, fit-terminu mogħti lilhom, osservazzjonijiet fuq il-komunikazzjonijiet li ġejjin minn partijiet l-oħra jew minnha stess. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, li jipprovdi li l-UASI ma jistax jieħu in kunsiderazzjoni tal-fatti li l-partijiet ma kinux invokaw jew provi li huma ma kinux ressqu fiż-żmien stipulat, jagħti lill-awtoritajiet tal-UASI setgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ta’ elementi mressqa wara l-iskadenza ta’ terminu.

58      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-Bord ta’ l-Appell ma kienx ikkunsidra l-fatturi rilevanti kollha sabiex jevalwa jekk l-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti setax jiġi kkunsidrat bħala ġenwin. Minbarra dan, huwa mexa fuq bażi fattwali mhux kompluta, peress li naqas li istieden lir-rikorrenti tieħu pożizzjoni fuq il-fatti u l-argumenti ġodda evokati fin-nota ta’ l-intervenjenti tad-9 ta’ Ottubru 2000, jiġifieri l-allegat fatturat annwali totali tar-rikorrenti, l-argumenti dwar il-kwantità ta’ prodotti mibjugħa u l-konstatazzjoni, mill-intervenjenti, ta’ l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-prodotti rrapreżentati mit-trade mark preċedenti kienu fil-fażi tal-bidu.

59      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Fuq it-talba għall-bdil tad-deċiżjoni kkontestata.

60      In sostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti takkuża lill-Bord ta’ l-Appell li ma annullax id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni safejn din kienet ikkunsidrat li dikjarazzjoni, magħmula taħt ġurament minn amministratur tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, ma tistax tikkostitwixxi element ta’ prova suffiċjenti.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kontinwità funzjonali fi ħdan il-UASI timplika li l-Bord ta’ l-Appell għandu l-obbligu li jipproċedi għal evalwazzjoni ġdida tal-provi mressqa mir-rikorrenti. Meta dan l-eżami jwassal għal riżultat differenti minn dak tad-dipartiment li jiddeċiedi fl-ewwel istanza, il-Bord ta’ l-Appell jista’, skond l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94, jew jiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni jew jirrinvija l-kawża quddiem id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni.

62      Minn dan isegwi li, anki jekk wieħed jaċċetta l-argument tar-rikorrenti kif espost fil-punt 60 iktar ‘il fuq, il-Bord ta’ l-Appell seta’ huwa stess jiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni kif ukoll jirrinvija l-kawża quddiem id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni.

63      Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, tkun qed tibdel id-deċiżjoni kkontestata. Din il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94, bħala prinċipju hija limitata għal sitwazzjonijiet li fihom il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 2002, SAT.1/UASI (SAT.2), T-323/00, Ġabra p. II-2839, taħt l-appell, punt 18]. Dan jimplika li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ l-elementi ta’ prova li jiġu mressqa quddiemha, id-deċiżjoni li l-Bord ta’ l-Appell kellu l-obbligu li jieħu, skond id-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ. Jirriżulta mill-punt preċedenti li, f’dan il-każ, din il-kundizzjoni mhijiex sodisfatta.

64      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, m'hemmx lok għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tibdel id-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

65      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond it-tielet subinċiż ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tordna li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha.

66      F’dan il-każ, l-intervenjenti tilfet bħall-UASI. Madankollu r-rikorrenti ma kinitx talbet li r-rikorrenti tiġi ordnata tbati l-iżpejjeż u l-UASI ma kkontestax it-talba tar-rikorrenti li huwa jiġi esklużivament ikkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minnha.

Konsegwentement, il-Qorti tordna li l-UASI, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, ibati l-ispejjeż sostunti mir-rikorrenti u li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha

Ghal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA  (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeciedi :

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) tas-26 ta’ Settembru 2001 (kawża R 578/2000-4) hija annullata.

2)      L-Appell huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

4)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Forwood

Pirrung

Meij

Moghtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-8 ta' Lulju 2004.

Registratur

 

       il-President

H. Jung

 

       J. Pirrung


* Lingwa tal-kawża: il-Germaniż.