Language of document : ECLI:EU:C:2016:114

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Frar 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 24(2) – Benefiċċji ta’ assistenza soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 4 u 70 – Benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji – Esklużjoni taċ-ċittadini ta’ Stat membru matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti”

Fil-Kawża C‑299/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt L-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (qorti superjuri tal-kontenzjuż soċjali ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

Vestische Arbeit Jobcenter Kreis Recklinghausen

vs

Jovanna García-Nieto,

Joel Peña Cuevas,

Jovanlis Peña García,

Joel Luis Peña Cruz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, E. Levits, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Jovanna García-Nieto, Joel Peña Cuevas, Jovanlis Peña García u Joel Luis Peña Cruz, minn M. Schmitz, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn B. Kennelly, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Kellerbauer kif ukoll C. Tufvesson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE u 45(2) TFUE, l-Artikoli 4 u 70 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010 tad-9 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 338, p. 35, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), kif ukoll l-Artikolu 24 tad-Direttiva Nru 2004/38/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE, 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46 kif ukoll rettifiki ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 94).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Vestische Arbeit jobcentere Kreis Recklinghausen (ċentru tal-impjiegi fid-distrett ta’ Recklinghausen, iktar ’il quddiem iċ-“ċentru tal-impjiegi”) u Joel Peña Cuevas u Jovanna García-Nieto, kif ukoll it-tifla tagħhom it-tnejn Jovanlis Peña García u l-iben ta’ Joel Peña Cuevas, Joel Luis Peña Cruz (iktar ’il quddiem, flimkien, il-familja “Peña García”, dwar ir-rifjut ta’ dan iċ-ċentru li jagħti benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika (“Grundsicherung”) prevista taħt il-liġi Ġermaniża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Soċjali u Medika, iffirmata f’Pariġi fil-11 ta’ Diċembru 1953 mill-membri tal-Kunsill tal-Ewropa u fis-seħħ fil-Ġermanja mill-1956 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-Assistenza”), jistabbilixxi prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ġej:

“Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti timpenja ruħha li ċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti l-oħra, li jirrisjedu regolarment f’kull parti tat-territorju tagħha li għalih tapplika din il-Konvenzjoni u li ma jkollhomx riżorsi biżżejjed, jibbenefikaw mill-assistenza soċjali u medika [...] prevista mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-parti tat-territorju inkwistjoni daqs kemm ikollhom dritt it-ċittadini tagħha stess, u bl-istess kundizzjonijiet.”

4        Skont l-Artikolu 16(b) tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza, “kull Parti Kontraenti għandha tinnotifika kull liġi ġdida jew kull regolament ġdid mhux kopert mill-Anness I lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Ma’ din in-notifika, il-Parti Kontraenti tista’ tagħmel xi riżervi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi l-ġdida jew ir-regolament il-ġdid għaċ-ċittadini ta’ Partijiet Kontraenti oħrajn”. Ir-riżerva magħmula mill-Gvern Ġermaniż, fid-19 ta’ Diċembru 2011, skont din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“Il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandux jagħti liċ-ċittadini tal-partijiet kontraenti l-oħra, bl-istess mod bħaċ-ċittadini tiegħu stess u taħt l-istess kundizzjonijiet, il-benefiċċji previsti fit-Tieni Ktieb tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali – Protezzjoni soċjali bażika għal dawk li qed ifittxu xogħol (Sozialgesetzbuch Zweites Buch – Grundsicherung für Arbeitsuchende) fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil-mument tal-applikazzjoni [(iktar ’il quddiem il-“Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali)]”.

5        Konformement mal-Artikolu 16(c) tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza, din ir-riżerva ġiet ikkomunikata lill-partijiet l-oħra għal din il-Konvenzjoni.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 883/2004

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Trattament ugwali” jipprovdi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

7        L-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Disposizzjonijiet Ġenerali”, jinsab fil-Kapitolu 9 tat-Titolu III tiegħu, u jirrigwarda l-“[b]enefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”. Dan l-artikolu jipprevedi:

“1.      Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.      Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

a)      li huma maħsuba biex jagħtu jew:

i)      protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien filwaqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

ii)      protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

u

b)      meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

c)      Kumpaniji elenkati fl-ANNESS X.

3.      L-Artikolu 7 [u] l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.      Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Benefiċċji bħal dawn għandhom jingħataw minn, u a spejjeż ta’, l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

8        L-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji mogħtija fi flus”, jipprevedi, f’dak li jikkonċerna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-benefiċċji segwenti:

“[...]

b)      Benefiċċji li jkopru spejjeż ta’ sussistenza taħt id-dispożizzjoni bażika għal min ikun qed ifittex impjieg sakemm, fir-rigward ta’ dawn il-benefiċċji, il-ħtiġiet ta’ eliġibbiltà għal suppliment temporanju wara li jkunu rċivew il-benefiċċju tal-qgħad (l-Artikolu 24 (1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali) ma jkunux ġew sodisfatti.”

 Id-Direttiva 2004/38

9        Skont il-premessi 10, 16, u 21 tad-Direttiva 2004/38:

“(10) Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza.[...]

[...]

(16)      Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta’ l-għajnuna soċjali. L-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma [dewmien] tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta’ għajnuna soċjali u jipproċedi għat-tkeċċija tiegħu. Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

[...]

(21)      Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall-istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti minn dawn l-istess persuni.”

10      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur” jipprevedi:

“1.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

11      L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi:

“1. Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; […]

[...]”

12      Skont l-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”:

“1. Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż [mhux raġonevoli] fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2,      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

F’każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Din il-verika m’għandhiex titwettaq sistematikament.

3.      Miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

a)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew

b)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

13      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi:

“1. Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

 Id-dritt Ġermaniż

 Il-Kodiċi Soċjali

14      L-Artikolu 19a(1), li jinsab fil-Ktieb I tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch Erstes Buch), jipprevedi ż-żewġ tipi prinċipali ta’ benefiċċji għall-assigurazzjoni bażika għal persuni li qegħdin ifittxu xogħol, kif ġej:

“Taħt id-dritt għall-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol jistgħu jintalbu:

1.      benefiċċji li jinvolvu d-dħul f’xogħol,

2.      benefiċċji li jinvolvu li jiġi żgurat l-għajxien.”

15      L-Artikolu 1 tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali, intitolat “Funzjoni u għan tal-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

“(1)      L-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol hija intiża li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem.

[...]

(3)      L-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol tinvolvi benefiċċji

1.      intiżi li jtemmu jew li jnaqqsu l-istat ta’ bżonn, b’mod partikolari billi jinstab ix-xogħol u

2.      intiżi li jiżguraw l-għajxien.”

16      L-Artikolu 7 tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali intitolat “Benefiċjarji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“(1)       Il-benefiċċji skont dan il-ktieb huma intiżi għall-persuni li

1.      laħqu l-età ta’ 15-il sena u għadhom ma laħqux il-limitu tal-età msemmi fl-Artikolu 7a,

2.      huma kapaċi jaħdmu,

3.      jinsabu fil-bżonn u

4.      jirrisjedu abitwalment fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (benefiċjarji kapaċi li jaħdmu). Huma esklużi:

1.      Il-barranin, nisa u rġiel, li ma humiex impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li ma għandhomx id-dritt għall-moviment liberu skont l-Artikolu 2(3) tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni [(Freizügigkeitsgesetz/EU, iktar ’il quddiem il-‘FreizügG/EU’)] u l-membri tal-familja tagħhom, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom,

2.      il-barranin, nisa u rġiel, li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss minħabba li qegħdin ifittxu xogħol, u l-membri tal-familja tagħhom,

[...]

Il-punt 1 tat-tieni sentenza ma japplikax għall-barranin, nisa u rġiel, li jirrisjedu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħt permess ta’ residenza maħruġ skont it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar id dritt ta’ residenza [(Aufenthaltgesetz)]. Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ residenza jibqgħu japplikaw..”

17      Jirriżulta mill-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi Artikolu 7 li l-minaturi li ma jistgħux jaħdmu li jgħixu ma’ benefiċjarji li kapaċi jaħdmu u li b’hekk jiffurmaw magħhom “komunità ta’ bżonn”, għandhom id-dritt idderivat għall-benefiċċji previsti mill-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali.

18      L-Artikolu 8(1) tal-Ktieb II, intitolat “Kapaċità li taħdem”, huwa fformulat kif ġej:

“Hija kapaċi li taħdem kull persuna li, fil-futur prevedibbli, ma hijiex inkapaċi, minħabba mard jew diżabbiltà, li teżerċita attività professjonali tal-inqas tliet sigħat kuljum fil-kundizzjonijiet abitwali tas-suq tax-xogħol.”

19      L-Artikolu 9(1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali jipprovdi:

“Hija fil-bżonn kull persuna li ma tistax tiżgura l-għajxien tagħha, jew li tiżgurah b’mod suffiċjenti, abbażi tad-dħul jew tal-patrimonju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u ma tirċevix l-għajnuna neċessarja minn persuni oħra, b’mod partikolari mill-membri tal-familja tagħha jew minn korpi oħra ta’ benefiċċji soċjali.”

20      L-Artikolu 20 tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali fih dispożizzjonijiet addizzjonali għall-bżonnijiet ta’ għajxien bażiċi. L-Artikolu 21 tal-Ktieb II jipprevedi regoli dwar il-bżonnijiet addizzjonali u l-Artikolu 22 tal-Ktieb II jittratta l-bżonnijiet tal-akkomodazzjoni u l-provvista ta’ tisħin. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 28 sa 30 tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali jirrigwardaw il-benefiċċji ta’ taħriġ u parteċipazzjoni.

21      L-Artikolu 1 tal-Ktieb XII tal-Kodiċi Soċjali, li jirrigwarda l-għajnuna soċjali, huwa fformulat kif ġej:

“Il-funzjoni tal-għajnuna soċjali hija dik li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem. […]”

22      L-Artikolu 21 tal-Ktieb XII tal-Kodiċi Soċjali jipprevedi:

“Il-benefiċċji għall-għajxien ma jingħatawx lill-persuni li huma benefiċjarji ta’ benefiċċji skont [il-Ktieb II] sa fejn dawn ikunu kapaċi jaħdmu jew minħabba r-rabta familjari tagħhom. […]”

 Il-FreizügG/EU

23      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FreizügG/EU, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, huwa ppreċiżat fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi:

“Din il-liġi tirregola d-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (ċittadini tal-Unjoni) u tal-membri tal-familja tagħhom.”

24      L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprevedi, għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ dħul u residenza:

“(1)      Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju federali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

(2)      Għandhom jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni:

1.      Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu jixtiequ jirrisjedu bħala ħaddiema, sabiex ifittxu impjieg jew biex jieħdu taħriġ professjonali.

[...]

5.      Iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali, b’mod konformi għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4,

6.      Il-membri tal-familja, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4,

[...]

(3)      Għall-impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom, id-dritt previst fil-paragrafu 1 huwa bla ħsara

1.      għal inkapaċità temporanja għax-xogħol wara marda jew inċident,

2.      għall-qgħad involontarju kkonfermat mill-aġenzija għall-impjieg kompetenti jew għat-tmiem ta’ attività indipendenti wara ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu, wara perijodu ta’ iktar minn sena ta’ attività,

3.      għall-formazzjoni professjonali meta teżisti rabta bejn il-formazzjoni u l-attività professjonali preċedenti; ir-rabta ma hijiex meħtieġa jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun tilef l-impjieg tiegħu involontarjament.

Id-dritt li jirriżulta mill-paragrafu 1 għandu jinżamm għal sitt xhur fil-każ ta’ qgħad involontarju kkonfermat mill-aġenzija għax-xogħol kompetenti wara perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn sena.

[...]”

25      L-Artikolu 3 tal-FreizügG/EU, fir-rigward tal-membri tal-familja, jipprovdi:

“(1)      Il-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni msemmija fil-punti 1 sa 5 tal-Artikolu 2(2) jibbenefikaw mid-dritt abbażi tal-Artikolu 2(1) meta jakkumpanjaw l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jew meta jingħaqdu miegħu. Għall-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni msemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 2(2), dan japplika b’mod konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4.

(2)      Membri tal-familja huma

1.      il-konjuġi u l-ġenituri fil-linja dixxendenti tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 5 u 7 tal-Artikolu 2(2), jew tal-konjuġi tagħhom, li jkun għadhom ma laħqux l-età ta’ 21 sena.

2.      il-ġenituri fil-linja axxendenti jew dixxendenti tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 5 u 7 tal-Artikolu 2(2), jew tal-konjuġi tagħhom, li l-għajxien tagħhom huwa ggarantit minn dawn il-persuni jew mill-konjuġi tagħhom.

[...]”

26      L-Artikolu 5 tal-FreizügG/EU, intitolat “Karti ta’ residenza u ċ-ċertifikat relatat mad-dritt ta’ residenza permanenti”, jipprevedi:

“(1)      Ċertifikat ta’ dritt ta’ residenza għandu jingħata ex officio u immedjatament liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jkollhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li huma awtorizzati jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju.

[...]

(3)      L-uffiċċju tal-barranin kompetenti jista’ jeżiġi li l-kundizzjonijiet tad-dritt previsti fl-Artikolu 2(1) jintwerew b’mod kredibbli fi żmien tliet xhur li jsegwu d-dħul fit-territorju Federali. L-indikazzjonijiet u l-provi neċessarji għall-ġustifikazzjoni jistgħu jiġu rċevuti, waqt ir-reġistrazzjoni amministrattiva, mill-awtorità ta’ reġistrazzjoni kompetenti, li għandha tibgħat l-indikazzjonijiet u l-provi lill-uffiċċju tal-barranin kompetenti. [...]

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Il-membri tal-familja Peňa-García huma kollha ċittadini Spanjoli. Jovanna García-Nieto u Joel Peňa Cuevas għexu għal bosta snin bħala koppja f’dar komuni fi Spanja u kienu jifformaw unità ekonomika mingħajr ma huma miżżewġin jew mingħajr ma ffirmaw sħubija rreġistrata, flimkien mat-tifla tagħhom it-tnejn Jovanlis Peňa García, u l-iben minuri ta’ Joel Peňa Cuevas, Joel Luis Peňa Cruz.

28      Fix-xahar ta’ April 2012 Jovanna García-Nieto daħlet fil-Ġermanja flimkien mat-tifla tagħha Jovanlis u rreġistrat lilha nnifisha, fl-1 ta’ Ġunju 2012, bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol. Mit-12 ta’ Ġunju 2012, hija eżerċitat il-professjoni ta’ assistenta tal-kċina, li għaliha rreġistrat lilha nnifisha, mill-1 ta’ Lulju 2012, b’mod obbligatorju, mas-sigurtà soċjali Ġermaniża u rċeviet remunerazzjoni ta’ EUR 600 fix-xahar.

29      Fit-23 ta’ Ġunju 2012, Joel Peña Cuevas u t-tifel tiegħu ngħaqdu ma’ Jovanna García-Nieto u Jovanlis. Sa mill-1 ta’ Novembru 2012, il-familja Peña -García għexet ma’ omm Jovanna García-Nieto u sostniet l-għajxien tagħha mid-dħul tas-Sinjura García-Nieto. Barra minn hekk, mix-xahar ta’ Lulju 2012, Jovanna García-Nieto u Joel Peña Cuevas irċevew allowances tal-familja għat-tfal tagħhom Jovanlis u Luis Joel, li attendew l-iskola mit-22 ta’ Awwissu 2012.

30      Fit-30 ta’ Lulju 2012, il-familja Peña-García ppreżentat talba għal benefiċċji ta’ sussistenza taħt il-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali maċ-ċentru tal-impjiegi (iktar ‘il quddiem il-“benefiċċji inkwistjoni”). Madankollu, dan tal-aħħar irrifjuta li jagħti dawn il-benefiċċji sa fejn dawn jikkonċernaw lil Joel Peña Cuevas u ibnu għax-xhur ta’ Awwissu u ta’ Settembru 2012, liema benefiċċji, madankollu, ingħatawlhom mix-xahar ta’ Ottubru 2012.

31      Id-deċiżjoni ta’ rifjut mogħtija miċ-ċentru tal-impjiegi kienet ibbażata fuq il-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali, minħabba l-fatt li, fil-mument tat-talba, Joel Peña Cuevas u ibnu kienu għexu inqas minn tliet xhur fil-Ġermanja u li Joel Peña Cuevas, barra minn hekk, ma kienx ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu. Skont iċ-ċentru tal-impjiegi, l-esklużjoni tal-għoti tal-imsemmija benefiċċji inkwistjoni kienet tapplika wkoll għat-tifel ta’ Joel Peña Cuevas. Fil-fatt, wara r-riżerva maħruġa mill-Gvern Ġermaniż fid-19 ta’ Diċembru 2011 fid-dawl tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza, din tal-aħħar ma setgħetx tnissel iktar drittijiet.

32      Ir-rikors imressaq mill-familja Peña-García kontra d-deċiżjoni taċ-ċentru tal-impjiegi ntlaqa’ mis-Sozialgericht Gelsenkirchen (qorti tal-kontenzjuż soċjali ta’ Gelsenkirchen), li ċaħdet ir-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-ewwel punt tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali għal raġunijiet relatati mal-istruttura tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Iċ-ċentru tal-impjiegi appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (qorti superjuri tal-kontenzjuż soċjali ta’ Nordrhein-Westfalen).

33      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-esklużjoni totali mill-benefiċċji inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni fl-ipoteżi prevista mill-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tal-kodiċi Soċjali.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (qorti superjuri tal-kontenzjuż soċjali ta’ Nordrhein-Westfalen), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, japplika wkoll – bl-eċċezzjoni tal-esklużjoni tal-esportazzjoni tal-benefiċċji prevista fl-Artikolu 70(4) tal-imsemmi regolament – għall-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, restrizzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 883/2004] permezz tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva [2004/38] li bis-saħħa tagħhom l-aċċess għal dawn il-benefiċċji ma jeżisti taħt l-ebda ċirkustanza matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza meta ċ-ċittadini tal-Unjoni fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la għandhom l-istatus ta’ ħaddiem impjegat jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu u lanqas id-dritt ta’ moviment liberu taħt l-Artikolu 2(3) tal-liġi fuq il-moviment liberu, huma possibbli u skont il-każ sa liema estent?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fid-dritt primarju – b’mod partikolari fid-disposżizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 45(2) [TFUE] u tal-Artikolu 18 TFUE – jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tirrifjuta, mingħajr eċċezzjoni, lil ċittadini tal-Unjoni, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom, benefiċċju soċjali li jservi sabiex jiġu ggarantiti l-mezzi tal-għajxien u fl-istess waqt jiffaċilita wkoll l-aċċess għas-suq tax-xogħol, meta dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la għandhom l-istatus ta’ ħaddiem impjegat jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu u lanqas id-dritt ta’ moviment liberu taħt l-Artikolu 2(3) tal-FreizüG/EU, iżda li jistgħu jinvokaw rabta reali mal-Istat [Membru] ospitanti u, b’mod partikolari, mas-suq tax-xogħol tal-Istat [Membru] ospitanti?”

35      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2015, il-qorti tar-rinviju, madankollu, iddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda peress li domanda bl-istess kontenut kienet saret fil-kawża li wasslet għas-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358) u li l-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta pożittiva billi ddeċidiet li “r-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus’ fis-sens tal-Artikoli 3(3) u 70 ta’ dan ir-regolament jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-regolament imsemmi”.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

36      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiċħad ċerti “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”, fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, u li huma wkoll jikkostitwixxu “benefiċċju ta’ assistenza soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597, punti 44 sa 46), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-benefiċċji bħal dawk inkwistjoni ma jistgħux jiġu deskritti bħala benefiċċji finanzjarji biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, iżda għandhom jitqiesu li huma “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

38      Fir-rigward tal-aċċess għal dawn il-benefiċċji, ċittadin tal-Unjoni jista’ jippretendi trattament ugwali bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti taħt l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 biss jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 (sentenzi Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 69, u Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 49).

39      Fil-fatt, jekk wieħed jaċċetta li persuni li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza bis-saħħa tad-Direttiva 2004/38 ikunu jistgħu jinvokaw dritt għal benefiċċji tal-assistenza soċjali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali, ikun qed imur kontra wieħed mill-għanijiet tal-imsemmija direttiva, imsemmi fil-premessa 10 tagħha, li huwa intiż li jevita li ċ-ċittadini tal-Unjoni ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn isiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti (sentenzi Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, u Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 50).

40      Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk benefiċċji ta’ assistenza soċjali, bħall-benefiċċji inkwistjoni, jistgħux jiġu miċħuda abbażi tad-deroga tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, għandha konsegwentement tiġi vverifikata, preliminarjament, l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imfakkar fl-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva u, b’hekk, il-legalità tar-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (sentenza Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 51).

41      Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, kif jirriżulta mill-proċess issottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, Joel Peña Cuevas jista’ jibbaża dritt ta’ residenza fuq l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/38.

42      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ tliet xhur, mingħajr ebda kundizzjonijiet jew formalitajiet minbarra r-rekwiżit li wieħed ikun fil-pussess ta’ karta ta’ identità jew passaport validu u l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jżomm dan id-dritt sakemm iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti (sentenzi Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 39, kif ukoll Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 70).

43      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’każ bħal dan, l-Istat Membru ospitanti jista’ jinvoka d-deroga tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 sabiex jirrifjuta li jagħti l-benefiċċju ta’ assistenza soċjali mitlub mill-imsemmi ċittadin (sentenza Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 70).

44      Fil-fatt, jirriżulta espressament mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li l-Istat Membru ospitanti, matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jista’ jirrifjuta li jagħti lill-persuni li ma humiex ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom jew dawk li jżommu tali status kwalunkwe għoti ta’ għajnuna soċjali.

45      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija dispożizzjoni hija konformi mal-għan tal-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istati Membri mfittex mid-Direttiva 2004/38, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 10 tagħha. Peress li l-Istati Membri ma jistgħux jeżiġu mingħand iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza u l-kopertura medika personali meta jirrisjedu għal massimu ta’ tliet xhur fit-territorji rispettivi tagħhom, huwa leġittimu li ma jiġix impost fuq l-Istati Membri li jieħdu ħsieb dawn iċ-ċittadini matul dan il-perijodu.

46      F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi speċifikat li, għalkemm id-Direttiva 2004/38 teżiġi li l-Istat Membru ospitanti jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali ta’ persuna kkonċernata meta jkun ser jadotta miżura ta’ tkeċċija jew meta jkun ser jikkonstata li din il-persuna tikkostitwixxi piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali fil-kuntest tar-residenza tagħha (sentenza Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 64, 69 u 78), tali eżami individwali ma huwiex neċessarju madankollu fil-każ bħal dak fil-kawża prinċipali.

47      Fil-fatt, fis-sentenza Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 60), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà affermat li d-Direttiva 2004/38, li tistabbilixxi sistema gradwali ta’ żamma tal-istatus ta’ ħaddiem intiża li tiżgura d-dritt ta’ residenza u l-aċċess għall-benefiċċji soċjali, hija stess tieħu inkunsiderazzjoni diversi fatturi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni individwali ta’ kull applikant għal benefiċċju soċjali u, b’mod partikolari, it-tul tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

48      Għaldaqstant, jekk tali eżami ma huwiex meħtieġ fil-każ ta’ ċittadin li qed ifittex xogħol u li ma jkollux għad l-istatus ta’ ħaddiem, dan japplika iktar u iktar fil-każ ta’ persuni li jinsabu fis-sitwazzjoni bħal dik ta’ Joel Peña Cuevas, fil-kawża prinċipali.

49      Fil-fatt, billi jippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, l-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel punt tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali, moqrija flimkien mal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, li tgħid li r-Repubblika Federali Ġermaniża ma hijiex obbligata li tattribwixxi d-dritt għall-għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tagħha, hija tali li tiżgura livell għoli ta’ ċertezza legali u trasparenza fil-kuntest tal-għoti ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali ta’ assigurazzjoni bażika, filwaqt li hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 61).

50      Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżami individwali sabiex titwettaq evalwazzjoni globali tal-piż konkret li jirrappreżenta l-għoti ta’ benefiċċju fuq is-sistema nazzjonali kollu tal-għajnuna soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-għajnuna mogħtija lil applikant wieħed diffiċilment tista’ tiġi deskritta bħala “piż mhux raġonevoli” għall-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2004/38, peress li tista’ tkun ta’ piż fuq l-Istat Membru kkonċernat mhux wara li jkun irċieva applikazzjoni individwali, iżda neċessarjament wara li jingħaddu l-applikazzjonijiet individwali kollha li jkunu ġew issottomessi lilu (ara s-sentenza Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 62).

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn hija tiċħad ċerti “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus”, fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

52      L-istess konklużjoni hija neċessarja f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, il-benefiċċji inkwistjoni, li jikkostitwixxu “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-regolament imsemmi, jingħataw, bis-saħħa tal-paragrafu (4) ta’ dan l-istess artikolu, esklużivament fl-Istat Membru li fih tirrisjedi l-persuna kkonċernata u konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat. Minn dan isegwi li xejn ma jipprekludi li tali benefiċċji jiġu miċħuda lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ma jkunux ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu tali status matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom fl-Istat ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Brey, C‑140/12, EU:C:2013:965, punt 44, u Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358., punt 83).

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiċħad ċerti “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, li wkoll jikkostitwixxu “benefiċċju ta’ assistenza soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkunu fl-istess sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tielet domanda

54      Peress li t-tielet domanda saret fuq is-suppożizzjoni li kienet ser tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda u l-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta pożittiva għal domanda bl-istess kontenut fil-kawża li wasslet għas-sentenzi Dano (C‑333/13, EU:C:2015:2358) u Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597), ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010 tad-9 ta’ Diċembru 2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiċħad ċerti “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, li wkoll jikkostitwixxu “benefiċċju ta’ assistenza soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkunu fl-istess sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.