Language of document : ECLI:EU:T:2013:634

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (2002/2006) — Kuntratti Dicoems u Cocoon — Nuqqas ta’ konformità mal-istipulazzjonijiet kuntrattwali ta’ parti mill-ispejjeż iddikjarati — Rexissjoni ta’ kuntratti — Rimbors ta’ parti mis-somom imħallsa — Danni — Kontrotalba — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Arrikkiment indebitu — Rikors għal annullament — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Att li jidħol fl-ambitu ta’ kuntest purament kuntrattwali li minnu huwa inseparabbli — Nota ta’ debitu — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑116/11,

Association médicale européenne (EMA), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn A. Franchi, L. Picciano u N. di Castelnuovo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Delaude u F. Moro, bħala aġenti, assistiti minn D. Gullo, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala għan, minn naħa, talba prinċipali intiża, l-ewwel nett, għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt Nru 507126 dwar il-proġett Cocoon u l-kuntratt Nru 507760 dwar il-proġett Dicoems, konklużi rispettivament fis-7 u d-19 ta’ Diċembru 2003 bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, it-tieni nett, sabiex tiġi ddikjarata illegali d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jiġu rexissi l-imsemmija kuntratti, it-tielet nett, sabiex tiġi annullata n-nota ta’ debitu korrispondenti u, r-raba’ nett, li jitħallas kumpens għad-dannu subit kif ukoll, min-naħa l-oħra, talba sussidjarja bbażata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Il-kuntest kuntrattwali

1        L-Artikolu 166(1) KE jipprevedi l-adozzjoni ta’ programm qafas multiannwali li jinkludi l-attivitajiet kollha Ewropej fl-oqsma tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku.

2        Fil-kuntest tas-Sitt Programm Qafas, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2002, li tikkonċerna s-sitt programm kwadru [Sitt Programm Qafas] tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (mill-2002 sa l-2006) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 576), kuntratt Nru 507126 dwar il-proġett Cocoon (iktar ʼil quddiem il-“kuntratt Cocoon”) u kuntratt Nru 507760 dwar il-proġett Dicoems (iktar ʼil quddiem il-“kuntratt Dicoems”) ġew konklużi, rispettivament fis-7 u fid-19 ta’ Diċembru 2003, mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn naħa, u mill-koordinaturi u mill-parteċipanti tal-proġetti, fosthom ir-rikorrenti, l-Association médicale européenne (EMA), min-naħa l-oħra.

3        Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti u ta’ entitajiet oħra magħżula għall-proġetti ta’ riċerka żvolġiet fil-kuntest ta’ konsorzji ffurmati skont id-dispożizzjonijiet tal-kuntratti Cocoon u Dicoems u magħmula, minn naħa, minn koordinatur, li lilu kienu fdati kompiti speċifiċi ta’ natura amministrattiva u ta’ ġestjoni u, min-naħa l-oħra, minn parteċipanti oħra fil-proġett.

4        L-Artikolu 5 tal-kuntratt Cocoon iffissa kontribuzzjoni finanzjarja Ewropea massima ta’ EUR 6.7 miljun. Il-kuntratt, b’tul totali ta’ 42 xahar, jistipula fl-Artikolu 6 li l-proġett huwa maqsum f’erba’ perijodi ta’ rappurtar. Minn din id-dispożizzjoni u l-formuli C mehmuża bħala anness mar-rikors jirriżulta li l-ewwel perijodu beda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2004, it-tieni mit-2 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2005, it-tielet mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2006 u r-raba’ mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2007.

5        L-Artikolu 5 tal-kuntratt Dicoems jistabbilixxi kontribuzzjoni finanzjarja Ewropea massima ta’ EUR 2 miljun. Il-kuntratt għandu tul totali ta’ 30 xahar, maqsum, skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi kuntratt, fi tliet perijodi ta’ rappurtar. Minn din id-dispożizzjoni u mill-formoli C mehmuża bħala anness mar-rikors jirriżulta li l-ewwel perijodu beda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2004, it-tieni mill-1 ta’ Lulju 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2005 u t-tielet mill-1 ta’ Lulju 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2006.

6        Skont l-Artikolu 7 taż-żewġ kuntratti, fir-rigward ta’ kull perijodu ta’ rappurtar, il-konsorzji jibagħtu, f’ċertu terminu, lill-Kummissjoni rapporti dwar l-attività mwettqa, il-progress li sar fil-proġetti, l-użu ta’ riżorsi kif ukoll il-“formola C-Financial Statement” redatt u pprovdut minn kull parti oħra fil-kuntratt, rigward l-ispejjeż li huma sostnew fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti u li qed jitolbu r-rimbors tagħhom.

7        Mekkaniżmu ta’ prefinanzjament huwa previst għal kull wieħed miż-żewġ proġetti u l-modalitajiet għall-għoti tal-kontribuzzjoni finanzjarja huma stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-kuntratt Cocoon u fl-Artikolu 8 tal- kuntratt Dicoems. Skont l-Artikolu 8(2)(d) tal-kuntratti inkwistjoni, kull ħlas magħmul fit-tmiem ta’ perjodu ta’ rappurtar akkumpanjat minn ċertifikat ta’ verifika ser jitqies li huwa finali taħt riżerva tar-riżultati ta’ kwalunkwe verifika jew kontroll li jistgħu jiġu implementati skont l-Artikolu II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali, li jinsabu fl-Anness II tal-imsemmija kuntratti (iktar ʼil quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali”).

8        Skont l-Artikolu 12 ta’ kull wieħed mill-kuntratti Cocoon u Dicoems, il-liġi Belġjana hija applikabbli għalihom.

9        L-Artikolu 13 tal-imsemmija kuntratti jipprevedi klawżola ta’ arbitraġġ li tispeċifika li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddeċiedi fuq il-kawżi bejn il-Kummissjoni u l-partijiet l-oħra fil-kuntratt dwar il-validità, l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-imsemmija kuntratti.

10      Il-kundizzjonijiet ġenerali li, skont l-Artikolu 14 ta’ kull kuntratt, huma parti integrali minnu, jinkludu l-ewwel parti dwar, b’mod partikolari, l-implementazzjoni tal-proġetti inkwistjoni, it-terminazzjoni tal-kuntratti u r-responsabbiltà (punti II.2 sa II.18), it-tieni parti dwar id-dispożizzjonijiet finanzjarji tal-arranġamenti finanzjarji u l-kontrolli, verifiki, rimborsi u sanzjonijiet (punti II.19 sa II.31) u t-tielet parti dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (punti II.32 sa II.36).

11      Il-punt II.6 tal-kundizzjonijiet ġenerali jistipula li s-subappalt huwa possibbli għal servizzi minuri li ma jirrappreżentawx il-qalba tal-proġett. Sabiex l-ispejjeż marbuta ma’ kuntratt ta’ subappalt jkunu eliġibbli, ċerti kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti.

12      Il-punt II.7 tal-kundizzjonijiet ġenerali jistipula li r-rapporti jiġu sottomessi lill-Kummissjoni fi żmien 45 jum wara t-tmiem tal-perijodi rilevanti. Il-punt II.7 jippreċiża li, għal kull perijodu ta’ rappurtar, il-konsorzju għandu jissottometti r-rapporti previsti mill-kuntratti (b’mod partikolari r-rapporti ta’ attività u ta’ ġestjoni), u dan jinkludi b’mod partikolari l-formoli C tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji pprovduti mill-partijiet l-oħra fil-kuntratt għal kull perijodu.

13      Il-punt II.8 tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedu li l-Kummissjoni timpenja ruħha li tevalwa r-rapporti sottomessi fi żmien 45 jum minn meta tirċevihom. L-assenza tagħha li tagħti risposta f’dan it-terminu ma jfissirx li hemm approvazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiċħad dawn ir-rapporti anki wara d-data ta’ skadenza għall-ħlas stabbilita mill-kuntratt. Il-punt II.8(4) jistipula li l-approvazzjoni tar-rapporti ma timplikax eżenzjoni mill-verifiki u mill-kontrolli mwettqa skont il-punt II.29.

14      Il-punt II.16 tal-kundizzjonijiet ġenerali jispjega s-sitwazzjonijiet li fihom il-parteċipazzjoni ta’ parti l-oħra fil-kuntratt tista’ tintemm.

15      Il-punt II.16(1) tal-kundizzjonijiet Ġenerali jistipula li, jekk il-parti l-oħra fil-kuntratt tonqos milli tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha, il-Kummissjoni tidderiġi l-konsorzju sabiex isib soluzzjoni xierqa f’terminu massimu ta’ 30 jum u, fl-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti f’dan it-terminu, il-Kummissjoni ttemm il-parteċipazzjoni tal-parti l-oħra fil-kuntratt ikkonċernata.

16      Il-punt II.16(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ immedjatament ittemm il-parteċipazzjoni tal-parti l-oħra fil-kuntratt:

“a)      jekk il-parti l-oħra fil-kuntratt deliberatament jew b’negliġenza tkun wettqet ‘irregolarità’ fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

b)       jekk il-parti l-oħra fil-kuntratt naqset mill-prinċipji etiċi fundamentali stabbiliti fir-regoli għal parteċipazzjoni [rules for participation].”

17      Il-punt II.1(11) tal-kundizzjonijiet ġenerali jiddefinixxi l-kunċett ta’ “irregolarità” bħala li tfisser “kull ksur ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju jew kull ksur ta’ obbligu kontrattwali li jirriżulta minn att jew omissjoni minn parti oħra fil-kuntratt, li għandu, jew ikollu, bi spiża mhux ġustifikata, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew il-baġits amministrati minnhom”.

18      Il-punt II.16(8) tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedi li, meta l-konsorzju jkompli l-proġett, il-Kummissjoni toħroġ ordni ta’ rkupru (recovery order) kontra l-parti l-oħra fil-kuntratt li tkun inadempjenti jew titlobha, b’kopja lill-konsorzju, li tittrasferixxi lill-konsorzju l-ammont dovut lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum. Jekk il-parti l-oħra fil-kuntratt ma teżegwixxix, hija toħroġ ordni ta’ rkupru għall-ammonti kollha dovuti. Ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt (u b’mod partikolari l-punti II.29, II.30 u II.31 li jikkonċernaw il-kontrolli, il-verifika u r-rimborsi) jibqgħu japplikaw għall-parti l-oħra fil-kuntratt li tkun inadempjenti wara t-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħha u tal-partijiet l-oħra fil-kuntratt fil-każ tat-tmiem tal-kuntratt.

19      Il-punt II.19(1) tal-kundizzjonijiet Ġenerali jiddefinixxi l-ispejjeż eliġibbli għall-finanzjament u jistipula kif ġej:

“L-ispejjeż eliġibbli sostnuti għall-implementazzjoni tal-proġett għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      huma għandhom ikunu reali, ekonomikament razzjonali u neċessarji għall-implementazzjoni tal-proġett;

b)      huma għandhom ikunu iddeterminati b’konformità mal-prinċipji normali tal-kontabbiltà tal-parti l-oħra fil-kuntratt;

c)      huma għandhom jiġu sostnuti għat-tul tal-proġett kif iddefinit fl-Artikolu 4(2) [...];

d)      għandhom ikunu rreġistrati fil-kontabbilità tal-parti l-oħra fil-kuntratt li tkun sostniethom, mhux iktar tard mid-data tar-redazzjoni taċ-ċertifikat ta’ verifika previst fl-Artikolu II.26. Il-proċeduri ta’ kontabbiltà użati sabiex jirreġistraw l-infiq u d-dħul għandhom josservaw ir-regoli tal-kontabbiltà tal-Istat ta’ stabbiliment tal-parti l-oħra fil-kuntratt kif ukoll jippermettu t-tqabbil dirett tal-ispejjeż u tad-dħul sostnuti għall-implementazzjoni tal-proġett u tad-dikjarazzjonijiet kollha tal-attività kollha tal-parti l-oħra fil-kuntratt.”

20      Il-punt II.19(2)(a) sa (h) tal-kundizzjonijiet ġenerali jsemmi tmien kategoriji ta’ spejjeż mhux eliġibbli. Il-punt II.19(2)(i) iżid li huma ineliġibbli l-ispejjeż kollha li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1.

21      Il-punti II.20 u II.21 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali jiddefinixxi żewġ tipi ta’ spejjeż eliġibbli fil-kundizzjonijiet previsti mill-punt II.19, jiġifieri, l-ewwel nett, l-ispejjeż diretti, direttament attribwibbli għall-proġetti u, it-tieni nett, l-ispejjeż indiretti, mhux direttament attribwibbli għall-proġetti, iżda li jistgħu jkunu identifikati u ġġustifikati mis-sistema ta’ kontabbiltà tal-parti l-oħra fil-kuntratt bħala li huma sostnuti b’konnessjoni mal-ispejjeż diretti.

22      Għall-finijiet tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż sostnuti għat-twettiq u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti korrispondenti, il-punt II.22 tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedi tliet mudelli ta’ dikjarazzjoni tal-ispejjeż (cost reporting models), fosthom il-mudell tal-ispejjeż addizzjonali (additional cost model) li jista’ jintuża mill-organizzazzjonijiet mhux kummerċjali u l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru rregolati taħt id-dritt pubbliku jew privat jew mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, li ma għandhomx sistema ta’ kontabbiltà li biha jiddistingwu l-parti tal-ispejjeż (diretti u indiretti) li huma jsostnu għat-twettiq tal-proġetti.

23      Il-punt II.2 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali jipprovdi li l-partijiet l-oħra fil-kuntratt li jużaw il-mudell tal-ispejjeż addizzjonali jistgħu jattribwixxi biss għall-proġett l-ispejjeż diretti addizzjonali għall-ispejjeż rikorrenti tagħhom. Huwa jistipula wkoll:

“L-ispejjeż diretti tal-persunal huma limitati għall-ispejjeż reali tal-persunal assenjat għall-proġett meta l-parti l-oħra fil-kuntratt ma tkunx ftehmet ma’ dan il-persunal:

kuntratt temporanju sabiex jaħdmu fuq proġetti ta’ RTD tal-Komunità ;

kuntratt temporanju sabiex jitkiseb dottorat;

kuntratt li jiddependi kompletament jew parzjalment fuq finanzjament estern addizzjonali li jiżdied mal-finanzjament rikorrenti normali tal-parti l-oħra fil-kuntratt. F’dan il-każ, l-ispejjeż attribwiti għall-preżenti kuntratt għandhom jeskludi l-ispejjeż kollha sostnuti mill-finanzjament normali rikorrenti.”

24      Il-punt II.26 tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedi l-istabbiliment ta’ ċertifikati ta’ ċertifikati ta’ verifika minn awditur estern. Din id-dispożizzjoni tgħid, in fine, li ċ-ċertifikazzjoni magħmula minn awdituri esterni bl-ebda mod ma tnaqqas ir-responsabbiltà tal-partijiet l-oħra fil-kuntratt skont it-termini tal-kuntratt, u lanqas id-drittijiet mogħtija mill-Unjoni Ewropea mill-punt II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

25      Mill-punt II.27 tal-kundizzjonijiet ġenerali jirriżulta li l-ħlas bil-quddiem mogħti lill-koordinatur f’isem il-konsorzju jibqa’ l-proprjetà tal-Unjoni.

26      Il-punt II.28(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali jistipula li, bla ħsara għall-kontrolli u għall-verifiki, l-ammont tal-ħlas finali lill-parti l-oħra fil-kuntratt jiġi adottat abbażi tar-rapporti msemmija fil-punt II.7 li l-Kummissjoni approvat.

27      Il-punt II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali huwa relatat mal-kontrolli u mal-verifiki li l-partijiet l-oħra fil-kuntratt jistgħu jkunu suġġetti għalihom. Huwa jistipula:

“1.      Il-Kummissjoni tista’, fi kwalunkwe żmien matul it-tul tal-kuntratt u sa ħames snin wara t-tmiem tal-proġett, torganizza verifiki, li jsiru jew minn reviżuri xjentifiċi jew tekniċi jew minn awdituri esterni jew mis-servizzi tal-Kummissjoni stess, inkluż l-OLAF. Tali verifiki jistgħu jirrigwardaw l-aspetti xjentifiċi, finanzjarji, teknoloġiċi jew aspetti oħra (inklużi l-prinċipji ta’ kontabbiltà u ta’ mmaniġġjar) relatati mal-eżekuzzjoni tajba tal-proġett u tal-kuntratt. Dawn il-verifki kollha għandhom isiru b’mod konformi mal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità. L-ammonti eventwalment dovuti lill-Kummissjoni bħala konsegwenza tal-konklużjonijiet ta’ dawn il-verifiki jistgħu jwasslu għall-irkupru kif ipprovdut fl-Artikolu II.31.

[…]

2.      Il-partijiet l-oħra fil-kuntratt huma obbligati li jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni d-data kollha ddettaljata li tista’ tintalab mill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-kuntratt huwa ġestit u eżegwiti korrettement.

3.      Il-partijiet l-oħra fil-kuntratt huma obbligati li jżommu l-oriġinal, jew, f’każijiet eċċezzjonali, debitament motivati, kopji awtentikati, tad-dokumenti kollha sa ħames snin wara t-tmiem tal-proġett. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni fuq talba mressqa matul it-twettiq ta’ kwalunkwe verifika prevista mill-kuntratt.

[…]” [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ottubru 2012, ELE.SI.A vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar ʼil fuq, punt 20]

28      Il-punt II.31tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedi l-irkupru, mill-Kummissjoni, tas-somom imħallsa indebitament lill-partijiet l-oħra fil-kuntratt jew tas-somom li r-rimbors tagħhom huwa ġġustifikat skont il-kuntratt. Il-punt II.31(5) jipprevedi li, skont l-Artikolu 256 KE, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv li tistabbilixxi ammont li għandu jitħallas minn persuni li ma humiex l-Istati.

29      Il-punt II.32 tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedi li l-għarfien (“knowledge”), iddefinit fil-punt II.1(14) tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali bħala li jkopru r-riżultati tal-proġetti inkwistjoni kif ukoll id-drittijiet marbuta magħhom, huwa l-proprjetà tal-persuni l-oħra fil-kuntratt mal-Kummissjoni li jkunu kkontribwixxew għall-kisba tagħha.

2.     Id-dritt Belġjan

30      L-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan (code civil belge) jipprovdi li “Il-kuntratti magħmula skont il-liġi għandhom saħħa ta’ liġi għal dawk li jkunu għamluhom” (l-ewwel paragrafu) u ma “jistgħux jitħassru ħlief bil-kunsens ta’ xulxin tal-partijiet, jew għal raġunijiet magħrufin mil-liġi” (tieni paragrafu).

31      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 1134 jipprovdi li l-kuntratti għandhom jiġu eżegwiti bil-bona fide. L-Artikolu 1135 tal-istess kodiċi jipprevedi li “l-kuntratti jobbligaw mhux biss għal dak li jingħad fihom, iżda wkoll għall-konsegwenzi kollha li ġġib magħha l-obbligazzjoni skont ix-xorta tagħha, bl-ekwità, bl-użu jew bil-liġi” u jesprimi għaldaqstant ukoll il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni bil-bona fide tal-kuntratti.

32      Meta tqum kwistjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, l-oneru tal-prova jkun irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li jipprovdi:

“Kull min jitlob l-eżekuzzjoni ta’ obbligu għandu jipproduċi prova tiegħu.

Min-naħa l-oħra, min jallega li ma huwiex obbligat għandu jiġġustifika l-ħlas jew il-fatt li pproduċa l-estinzjoni tal-obbligu tiegħu.”

33      L-Artikolu 1341 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jipprovdi li, dwar prova, “għandu jsir att quddiem nutar jew taħt firma privata, ta’ kull oġġett li jeċċedi s-somma jew il-valur ta’ EUR 375, anki għal depożiti volontarji”. Huwa jippreċiża li “ma hija aċċettata ebda prova b’xhieda kontra jew barra l-kontenut tal-atti, la fuq dak li huwa allegat li kien intqal qabel, matul jew wara l-atti, anki jekk tirrigwarda somma jew il-valur ta’ inqas minnn EUR 375”. Huwa jżid:

“Dan kollu huwa mingħajr preġudizzju għal dak li huwa preskritt fil-liġijiet relatati mal-kummerċ.”

34      L-Artikolu 1347 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Ir-regoli ta’ hawn fuq jingħataw eċċezzjoni meta hemm prova prima facie bil-miktub.

Dan huwa kif jissejjaħ kull att bil-miktub li ġej minn min kontra tiegħu tkun saret it-talba, jew ta’ min jirrappreżentah, u li jagħmel plawsibbli l-fatt allegat.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

35      Ir-rikorrenti hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata taħt id-dritt Belġjan stabbilita fi Brussell (il-Belġju).

36      Hija tindika li pparteċipat fl-ammont ta’ EUR 166 410.50 fil-proġett Dicoems u għal ammont ta’ EUR 260 756.53 fil-proġett Cocoon, jiġifieri EUR 427 167.03 b’kollox. Hija tindika li rċeviet is-somma ta’ EUR 176 167.87 u għaldaqstant hija għadha kreditriċi ta’ EUR 250 999.16 fil-kuntest taż-żewġ proġetti.

37      Wara l-falliment tal-koordinatur fil-kuntest tal-kuntratt Dicoems, hija inħatret minfloku b’effett mid-19 ta’ Jannar 2007. Fil-kuntest tal-kuntratt Cocoon, il-koordinatur, li tneħħa mir-reġistru tal-kummerċ, ġie ssostitwit minn ħaddieħor.

38      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet iddeċidiet li tissottomettiha għal verifika, skont il-punt II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali, sabiex tivverifika l- eżekuzzjoni korretta tal-kuntratti Dicoems u Cocoon fuq il-pjanijiet ta’ kontabbiltà u finanzjarji. Il-verifika seħħet fit-3 u fl-4 ta’ Marzu 2009 u fis-7 ta’ April 2009.

39      B’ittra tad-19 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni ressqet abbozz ta’ rapport ta’ verifika (iktar ʼil quddiem l-“abbozz tar-rapport ta’ verifika”) lir-rikorrenti, li fiha talbitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ 30 jum wara li tirċevih.

40      B’ittra tat-18 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tagħtiha estensjoni tat-terminu ta’ erba’ xhur sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet imsemmija hawn fuq, billi invokat b’mod partikolari rilokazzjoni fl-2004 u n-neċessità ta’ reviżjoni kompleta tad-dokumenti relevanti kif ukoll it-tfittxija ta’ dokumenti utli u/jew neqsin.

41      B’ittra tat-23 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti terminu ta’ 30 jum addizzjonali sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, u spjegat li l-estensjoni ta’ erba’ xhur inizjalment mitluba mir-rikorrenti kienet irraġonevoli, peress li, skont il-punt II.29(3) tal-kundizzjonijiet ġenerali, il-persuni l-oħra fil-kuntratt kienu marbuta sabiex iżommu l-oriġinali (jew, f’xi każijiet, il-kopji awtentikati konformi) tad-dokumenti kollha relatati mal-kuntratti sa ħames snin wara t-tlestija tal-proġetti u li, skont l-istess klawżola, dawn id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni meta din titlobhom fil-kuntest ta’ proċedura eventwali ta’ verifika.

42      Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet ġenerali, l-ispejjeż mġarrba eliġibbli għat-twettiq tal-proġetti għandhom jiġu rreġistrati fid-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-parti l-oħra fil-kuntratt sa mhux iktar tard mid-data tal-istabbiliment taċ-ċertifikat ta’ verifika msemmi fil-punt II.26 tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali. Il-Kummissjoni għaldaqstant irrilevat li, fir-realtà, id-dokumenti kollha relatati mal-ispejjeż sostnuti kellhom ikunu diġà fil-pussess tar-rikorrenti fil-jum li l-verifika twettqet fl-uffiċċji tagħha.

43      Permezz ta’ messaġġi elettroniċi tat-3 u tas-6 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti indikat li d-dokumenti kienu l-Italja u li, għall-kuntratt Cocoon, kien neċessarju l-awtorizzazzjoni ta’ qorti. Hija talbet lill-Kummissjoni kopja tal-kuntratti Dicoems u Cocoon, inkluża deskrizzjoni sħiħa tal-proġetti korrispondenti u tal-obbligi tal-partijiet l-oħra fil-kuntratt kif ukoll kopja tad-dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż mibgħuta mill-koordinaturi tal-proġetti, li jispjegaw li hija xtaqet tivverifika li d-dokumenti li kienu disponibbli lill-Kummissjoni kienu jikkorrispondu għal dawk li hija kienet bagħtet.

44      B’messaġġ elettroniku tal-10 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-kopja tal-kuntratti u l-annessi tagħhom rispettivi kif ukoll id-dokumenti finanzjarji li rċeviet f’isem ir-rikorrenti.

45      B’ittra tad-19 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar l-abbozz tar-rapport ta’ verifika kif ukoll id-dokumenti.

46      Fit-30 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-għeluq tal-verifika u bagħtitilha r-rapport ta’ verifika finali (iktar ʼil quddiem ir-“rapport ta’ verifika finali”).

47      Fil-kuntest tar-rapport ta’ verifika finali, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet kisret id-dispożizzjonijiet kuntrattwali u wettqet irregolaritajiet gravi, fis-sens tal-punt II.1(11) tal-kundizzjonijiet ġenerali, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti Dicoems u Cocoon. Hija b’mod partikolari rrilevat li ma kienx hemm traċċabbiltà, fil-kontijiet tar-rikorrenti, ta’ spejjeż li din tal-aħħar talbet ir-rimbors tagħhom, l-assenza ta’ oriġinali (jew ta’ kopji awtentikati konformi, meta kienu ammessi) ta’ dokumenti relatati mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti, il-fatt li ċerti spejjeż li r-rikorrenti talbet ir-rimbors tagħhom ma kinux reali u ma kinux jikkorrispondu għad-dokumenti ġustifikattivi relatati mal-proġetti, il-fatt li r-rikorrenti, meta ffirmat id-dokumenti finanzjarji mibgħuta lill-Kummissjoni, iċċertifikat ċirkustanzi mhux konformi mar-realtà fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti u d-dokumenti relatati magħhom u l-fatt li l-kuntratti ta’ subappalt ġew konklużi bi ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali. Huwa għaldaqstant ikkunsidrat li, fuq l-ammont ta’ EUR 329 140.69 mitluba bħala spejjeż eliġibbli, is-somma ta’ EUR 315 739.99 kellu tkun miċħuda u hija kkonkludiet li hemm in-neċessità li tintemm il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proġetti skont il-punt II.16 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

48      Saret laqgħa fit-3 ta’ Diċembru 2009 bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.

49      B’messaġġ elettroniku tal-11 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti tar-rikorrenti u indikatilha li n-nuqqas ta’ għarfien tar-regoli finanzjarji u tal-kontabbiltà li jirregolaw il-proġetti Dicoems u Cocoon b’ebda mod ma seta’ jeħlisha mir-responsabbiltà tagħha għall-irregolaritajiet li kienet wettqet.

50      B’ittra tal-20 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li ttemm il-parteċipazzjoni tagħha fil-proġetti Dicoems u Cocoon, skont il-punt II.16(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali, u għalhekk talbitha l-ħlas lura tas-somom irċevuti indebitament għal total ta’ EUR 165 302.15, jiġifieri ammont ta’ EUR 121 261.06 għall-proġett Cocoon u EUR 44 041.09 għall-proġett Dicoems.

51      B’ittra tal-24 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar 2010.

52      B’ittra tal-21 ta’ April 2010. Il-Kummissjoni rrispondiet għal dawn l-osservazzjonijiet.

53      Ir-rikorrenti għamlet ukoll talba għal aċċess, b’mod partikolari b’ittri tal-24 ta’ Frar, tat-3 u l-10 ta’ Mejju 2010, għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-membri oħra tal-konsorzji taż-żewġ proġetti. Fl-1 ta’ Lulju 2010, saret laqgħa bejn rappreżentanti tar-rikorrenti u l-Kummissjoni. Fid-9 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti rrestrinġiet il-lista ta’ dokumenti li kienet qed titlob talbet aċċess għalihom. Id-dokumenti mitluba ntbagħtulha fil-5 ta’ Awwissu 2010.

54      B’ittra tal-15 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni osservazzjonijiet dwar ir-rapport ta’ verifika finali.

55      Fit-22 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni rrispondiet għal dawn l-osservazzjonijiet u kkonkludiet, wara li għamlet analiżi ġdida tal-ispejjeż li r-rikorrenti kienet talbet ir-rimbors u l-motivi tal-ineliġibbiltà tagħhom fis-sens tal-arranġamenti kuntrattwali, li l-elementi u l-argumenti ppreżentati ma kinux tali li jqiegħdu f’dubju l-konklużjonijiet magħmula fi tmiem il-proċedura ta’ verifika.

56      B’ittra tal-4 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti talbet terminu ġdid sabiex tirrispondi għall-ittra tat-22 ta’ Ottubru.

57      B’ittra tal-5 ta’ Novembru 2010 l-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti bit-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġetti Cocoon u Dicoems abbażi tal-punt II.16(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali għar-raġunijiet imsemmija fl-ittra tagħha tal-20 ta’ Jannar 2010. Hija indikat ukoll li, skont il-punt II.16(8) tal-kundizzjonijiet ġenerali, hija pproċediet għall-irkupru b’nota ta’ debitu tas-somma ta’ EUR 164 080.03 indebitament imħallsa lir-rikorrenti (jiġifieri EUR 121 098.51 relatati mal-kuntratt Cocoon u EUR 42 981.52 relatati mal-kuntratt Dicoems).

58      Fl-1 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew dwar amministrazzjoni ħażina mill-Kummissjoni. L-Ombudsman ċaħad dan l-ilment fl-1 ta’ Frar 2011.

59      Fis-7 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti bagħtet osservazzjonijiet finali fejn talbet, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-irkupru tal-ammont indikat fl-ittra tal-5 ta’ Novembru 2010 sakemm tingħata deċiżjoni mill-Ombudsman.

60      Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti nota ta’ debitu f’ammont ta’ EUR 164 080.03 (iktar ʼil quddiem in-“nota ta’ debitu”), li tispeċifika għal kull kuntratt, l-ammont meqjus eliġibbli, is-somom diġà mħallsa u l-ammont li għandu jiġi rkuprat.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

61      B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. It-talba tagħha għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rexissjoni tal-kuntratti relatati mal-proġetti Cocoon u Dicoems u n-nota ta’ debitu, ippreżentata b’att separat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2011, ġiet miċħuda b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 2011, EMA vs Il-Kummissjoni (T‑116/11 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra).

62      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet, li l-partijiet għamlu dan fit-terminu previst.

63      Waqt is-seduta tas-27 ta’ Frar 2013, il-partijiet instemgħu fit-trattazzjonijiet orali u fir-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali.

64      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        prinċipalment:

–        tikkonstata u tiddikjara li hija eżegwiet, b’mod korrett, l-obbligi kuntrattwali li hija għandha taħt il-kuntratti Dicoems u Cocoon u li għaldaqstant għandha dritt għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti minħabba l-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti kif jirriżultaw mill-formoli C mibgħuta lill-Kummissjoni, inklużi l-formola C dwar ir-raba’ perijodu tal-kuntratt Cocoon;

–        tikkonstata u tiddikjara l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ rexissjoni tal-imsemmija kuntratti, fl-ittra tal-5 ta’ Novembru 2010;

–        konsegwentement, tiddikjara t-talba tal-Kummissjoni għar-rimbors tas-somma ta’ EUR 164 080.10 infondata u għaldaqstant tannulla n-nota ta’ debitu bil-ħruġ ta’ nota ta’ kreditu korrispondenti jew, fi kwalunkwe każ, tiddikjara lil din it-talba illegali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-bqija tas-somma dovuta lilha, abbażi tal-formoli C mibgħuta lill-Kummissjoni, ta’ ammont ta’ EUR 250 999.16;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas kumpens ġust għad-dannu li sofriet minħabba l-assenza tagħha ta’ kontroll;

–        sussidjarjament:

–        tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-arrikkiment indebitu u billi wettqet fatt illegali;

–        konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens tad-dannu patrimonjali u morali subit mir-rikorrenti, li għandhom jiġu kkwantifikati f’din il-kawża;

–        f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

65      Il-Kummissjoni qiegħda titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tiċħad it-talba għad-danni bħala inammissibbli u infondata;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

66      Fil-kuntest tal-kontroreplika, il-Kummissjoni ppreżentat kontrotalba. Hija talbet li l-Qorti Ġenerali tikkonferma n-nota ta’ debitu u t-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntratti u, konsegwentement, tikkundanna lir-rikorrenti għar-rimbors tas-somma ta’ EUR 164 080.03, miżjuda bl-interessi skont il-punt II.31(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali.

 Id-dritt

1.     Osservazzjonijiet preliminari

67      L-ewwel nett, għandu jiġi nnutat li, fl-20 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat, minbarra r-replika, ittra li ddaħħlet fil-proċess u li fuqha l-Kummissjoni ġiet mistiedna tirrispondi fil-kontroreplika. Fl-ittra tal-20 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti lmentat li d-difiża tal-Kummissjoni kien fiha ħafna riferimenti għall-argumenti u d-dokumenti relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji, li jikkostitwixxu proċeduri separati. Dan joħloq, skont hija, konfużjoni u tfisser żieda indiretta fin-numru ta’ paġni tad-difiża, li jeċċedi l-għadd ta’ paġni stabbilit mill-istruzzjonijiet lill-partijiet.

68      Il-Qorti Ġenerali tosserva li dan ma huwiex motiv fih innifsu u li l-ebda argument ma jista’ jinsilet fir-rigward tal-kap tat-talbiet tar-rikorrenti. Jekk wieħed jassumi li dan huwa argument imqajjem insostenn tal-preżenti rikors, għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala irrilevanti.

69      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ġew riprodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali b’mod awtonomu u indipendenti minn dawk imqajma fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji u li huma ma jikkostitwixxux sempliċi riferimenti. Huma għaldaqstant ma setgħux jikkontribwixxu sabiex jiżdied l-għadd tal-paġni stabbiliti mill-istruzzjonijiet lill-partijiet. Barra minn hekk, huma żvolti b’mod komprensiv u strutturat. Fl-aħħar nett, id-dokumenti marbuta magħhom ġew iċċitati b’mod ċar fid-difiża, mingħajr ebda possibbiltà ta’ konfużjoni, u huma mehmuża mill-ġdid mal-kontroreplika.

70      F’kull każ, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

71      It-tieni nett, mir-rikors, u b’mod partikolari mir-raba’ kap tat-talbiet, jirriżulta li r-rikorrenti titlob, essenzjalment, l-annullament tan-nota ta’ debitu, intiża għar-rimbors mir-rikorrenti tas-somma inkwistjoni.

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jidħlu f’kuntest purament kuntrattwali u li ma jistgħux jiġu separati minnu ma humiex imsemmija, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-atti msemmija fl-Artikolu 2878 TFUE, li l-annullament tagħhom jista’ jintalab mingħand il-qorti tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 2011, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, T‑353/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Issa, f’din il-kawża, bin-nota tagħha ta’ debitu, li tirreferi għall-ittra tagħha tal-5 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni titlob lir-rikorrenti l-ħlas ta’ dejn, li hija tqis li għandha dritt, ikkostitwit minn somom imħallsa li jikkorrispondu għal spejjeż li hija kkunsidrat bħala mhux eliġibbli skont il-kuntratti inkwistjoni u li hija ma aċċettatx. Hija, b’dan il-mod, baqgħet fil-qafas kuntrattwali u b’mod partikolari bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt II.29(1) u tal-punt II.31 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

74      In-nota ta’ debitu taqa’ għaldaqstant fil-kuntest tal-kuntratti li jorbtu lill-Kummissjoni mar-rikorrenti, sa fejn huma intiżi għall-irkupru ta’ dejn ibbażat fuq il-klawżoli kuntrattwali stipulati u sa fejn b’mod partikolari għandha l-għan li ssostni d-drittijiet li l-Kummissjoni tiġbed mill-imsemmija dispożizzjonijiet kuntrattwali stipulati li jorbtu lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il-Kummissjoni, T‑428/07 u T‑455/07, Ġabra p. II‑2431, punt 53; id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Awwissus 2011, IEM vs Il-Kummissjoni, T‑435/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 44, u Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 26).

75      Peress li n-nota ta’ debitu ma hijiex separabbli mill-kuntest kuntrattwali, ir-raba’ kap tat-talbiet għall-annullament tagħha jew għall-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha għandu għaldaqstant jitqies li huwa inammissibbli. L-argumenti insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda peress li saru insostenn ta’ kap tat-talbiet inammissibbli. Barra minn hekk, jekk wieħed jassumi li l-kap tat-talbiet għall-annullament tan-nota ta’ debitu jista’ jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala li huwa intiż għar-rimbors tas-somom inkwistjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (ara d-digriet Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar ʼil fuq, punti 34 u 35, u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-motivi mqajma kontra n-nota ta’ debitu huma simili għal dawk invokati insostenn tat-talba għal rimbors.

76      Fil-kuntest tar-rikors, ibbażat fuq l-Artikoli 268, 272 u 340 TFUE, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel erbgħa huma mqajma taħt it-talba prinċipali u l-ħames wieħed, li jikkonċerna r-responsabbiltà tal-Kummissjoni bħala riżultat ta’ arrikkiment indebitu u aġir illegali, huwa taħt it-talba sussidjarja.

2.     Fuq it-talba prinċipali, ibbażata fuq l-ewwel erba’ motivi

77      Ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-punti II.19, II.20, II.21 u II.25 tal-kundizzjonijiet ġenerali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi tagħha ta’ sorveljanza, tal-prinċipju ta’ bona fide u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità u r-raba’ motiv fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-punti II.19, II.20, II.21 u II.25 tal-kundizzjonijiet ġenerali

78      Qabel kollox għandha tiġi deċiża t-talba tar-rikorrenti rigward l-ammont relatat mar-raba’ perjodu tal-proġett Cocoon li ma tħallsitx lilha u li ma hijiex koperta mill-verifika. Sussegwentement ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ għażla tal-mudell tal-ispejjeż, l-ilment dwar l-assenza ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż mitluba li għadhom ma tħallsux, l-ilment dwar l-ispejjeż diretti tal-persunal, dak dwar l-ispejjeż indiretti tal-persunal u finalment dak ibbażat fuq l-inkonsistenza tar-rapport ta’ verifika finali, li għandu jiġu eżaminati suċċessivament.

 Fuq it-talba ta’ rimbors dwar ir-raba’ perijodu

79      Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tinkludi fit-talba tagħha għal rimbors l-ammont ta’ EUR 98 030.42 fir-rigward tar-raba’ perijodu tal-proġett Cocoon. Hija ssostni li mir-rapport ta’ verifika finali jirriżulta li l-Kummissjoni kellha d-dettalji relatati mal-ispejjeż u li hija ma’ tista’ tkun responsabbli għal ebda dewmien fit-trażmissjoni tad-dokumenti. Hija żżid, fir-risposti tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-perijodu ta’ ħames snin previst fil-punt II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali skada u li l-ebda verifika ma tista’ ssir iktar.

80      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ammont korrispondenti għar-raba’ perijodu, li jinsab bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2007, ma tħallasx lir-rikorrenti u ma huwiex suġġett għal verifika. Fil-fatt, mir-risposti għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li d-dokumenti finanzjarji relatati ma’ dan il-perijodu huma attwalment eżaminati mill-Kummissjoni.

81      Għandu jitfakkar li, għalkemm it-twettiq ta’ verifika ma huwiex minnu nnifsu rikjest mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli f’din il-kawża, mill-Artikolu 8(2) tal-kuntratti u mill-punt II.28(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali jirriżulta li l-ammont tal-pagament finali lill-parti l-oħra fil-kuntratt sar abbażi tar-rapporti previsti fl-Artikolu II.7 tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali li l-Kummissjoni approvat. Barra minn hekk, mill-punt II.8(3) tal-kundizzjonijiet ġenerali jirriżulta li s-silenzju tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxix approvazzjoni tar-rapporti inkwistjoni.

82      F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li, irrispettivament mill-kwistjoni dwar min huwa responsabbli għad-dewmien tal-komunikazzjoni tad-dokumenti tar-raba’ perijodu tal-kuntratt Cocoon, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq l-eliġibbiltà tas-somom inkwistjoni u ma approvatx ir-rapporti relatati ma’ dan ir-raba’ perijodu. Is-sempliċi fatt li s-somom inkwistjoni ma kinux is-suġġett ta’ kritika min-naħa tal-Kummissjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li hija kienet approvathom u li l-ammonti rilevanti huma eliġibbli.

83      Barra minn hekk, ir-rekwiżit imsemmi fil-punt II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali, ta’ ħames snin wara t-tmiem tal-proġett, invokat mir-rikorrenti ma huwiex rilevanti, peress li jikkonċerna l-possibbiltà li titwettaq verifika jew kontroll u mhux l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapporti finanzjarji.

84      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tirreferi għal ebda dokument jew dokument ta’ sostenn dwar l-ammont li hija ssemmi u l-ispejjeż relatati mar-raba’ perijodu inkwistjoni.

85      Konsegwentement, it-talba tar-rikorrenti dwar is-somma ta’ EUR 98 030.42 li tikkorrispondi għar-raba’ perjodu tal-kuntratt Cocoon, li ma ġiex miċħud mill-Kummissjoni u li l-ammont u l-mertu tagħha lanqas biss huma sostnuti mir-rikorrenti, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ilment tal-assenza ta’ mudell tal-ispejjeż

86      Ir-rikorrenti tenfasizza li, bħala assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, hija kienet obbligata li tagħżel il-mudell tal-ispejjeż addizzjonali. F’din il-kawża, hija għażlet dan il-mudell peress li l-kompatibbiltà tagħha ma kinitx tippermettilha li tiżola l-ispejjeż diretti, iżda ppermettiet li jiġu identifikati l-ispejjeż addizzjonali magħżula għall-proġett. Din is-sistema kienet, għaldaqstant, skont hija, “għażla obbligatorja”.

87      Għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li r-rikorrenti għażlet il-mudell tal-ispejjeż addizzjonali skont il-punt II.22(3) tal-kundizzjonijiet ġenerali.

88      Il-fatt li din l-għażla kienet neċessarja minħabba s-sistema ta’ kontabbiltà tagħha jikkostitwixxi biss l-applikazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali stipulati li r-rikorrenti aċċettat. Għaldaqstant hija ma tistax għalhekk tilmenta li kellha tagħżel il-mudell tal-ispejjeż mudelli.

89      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment dwar l-assenza ta’ eliġibbiltà ta’ spejjeż iffatturati li għadhom ma tħallsux

90      Ir-rikorrenti ssostni li l-ispejjeż tal-persunal li jinsabu fil-kontabbiltà tagħha jikkorrispondu għal servizzi diġà mogħtija u sostnuti minn fatturi maħruġa mill-konsulenti u skedi tal-ħin u huma spejjeż eliġibbli, anki jekk il-kontijiet għadhom ma tħallsux. Li tiġi rikjesta likwidità jmur kontra l-punt II.19(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali u jikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba r-regoli ta’ kontabbiltà applikabbli.

91      Għandu jiġi nnutat li l-punt II.19(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprovdi, essenzjalment, li, sabiex ikun eliġibbli, l-ispejjeż għandhom jissodisfaw bosta kundizzjonijiet. B’mod partikolari, huma għandhom jiġu sostnuti għat-tul tal-proġett ħlief għall-ispejjeż marbuta mar-redazzjoni tar-rapport finali [punt II.19(1)(c)] u għandhom jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà tal-persuna l-oħra fil-kuntratt li ssostnihom, l-iktar tard mid-data tar-redazzjoni taċ-ċertifikat ta’ verifika previst fil-punt II.26 tal-kundizzjonijiet ġenerali. Il-proċeduri tal-kontabbiltà użati sabiex jirreġistraw l-ispejjeż u d-dħul għandhom josservaw ir-regoli tal-kontabbiltà tal-Istat ta’ stabbiliment tal-persuna l-oħra fil-kuntratt kif ukoll jippermettu l-konfront dirett bejn l-ispejjeż u d-dħul sostnuti għall-implementazzjoni tal-proġett u d-dikjarazzjonijiet dwar l-attività kollha tal-persuna l-oħra fil-kuntratt.

92      F’din il-kawża, mir-rapport finali ta’ verifika jirriżulta li ċerti spejjeż ma kinux irreġistrati fil-kontabbiltà tar-rikorrenti pprovduti waqt il-verifika u li huma ma kinux iktar sostnuti mir-rikorrenti, li applikat kontabbiltà ta’ flus kontanti. Din il-konklużjoni ġiet ikkonfermata fid-dawl tal-kontabbiltà u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji ppreżentati fid-19 ta’ Awwissu 2009.

93      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Awwissu 2009 indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti kkontestat li tiġi applikata kontabbiltà “ta’ flus kontanti”. Madankollu, quddiem il-Qorti Ġenerali, u kif hija ammettiet waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li hija tapplika tali kontabbiltà “ta’ flus kontanti”, u dan kien irreġistrat fil-verbal tas-seduta. Fi kliem ieħor, dan id-dħul u dawn l-ispejjeż huma mniżżla fil-kontijiet fil-mument rispettiv tal-ħlas bi flus kontanti tal-prodotti u bil-ħlas effettiv tal-ispejjeż.

94      Issa, mid-dokumenti prodotti fid-19 ta’ Awwissu 2009 jirriżulta li ċerti spejjeż tal-persunal jinsabu fil-formoli C bħala “li għandhom jitħallsu”.

95      Dawn l-ispejjeż għaldaqstant ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li kienu irreġistrati fil-kontabbiltà mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kontabbiltà ta’ flus kontanti tagħha.

96      Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Kummissjoni kkonkludiet li ċerti spejjeż ma kinux sostnuti mir-rikorrenti u li dawn ma kinux “irreġistrati” fil-kontijiet tagħha mhux iktar tard mid-data tar-redazzjoni taċ-ċertifikat ta’ verifika, kif rikjest mill-punt II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet ġenerali.

97      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma wrietx li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-kontabbiltà mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli fil-qasam tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż, b’mod partikolari mill-punt II.19(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali, kienu infondati.

98      L-argumenti imqajma mir-rikorrenti ma jinvalidawx din il-konklużjoni.

99      Fil-fatt, hija ssostni li l-ispejjeż inkwistjoni jirrigwardaw spejjeż reali, effettivi, u mhux eċċessivi. Madankollu, dan l-argument ma jirrispondix għall-kritika tal-Kummissjoni rigward l-assenza ta’ reġistrazzjoni fil-kontabbiltà tagħha.

100    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li tiġi rikjesta likwidità jmur kontra l-punt II.19(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali. Għandu jitfakkar li l-punt II.19(a) sa (h) isemmi tmien kategoriji ta’ spejjeż ineliġibbli. Il-punt II.19(2)(i) iżid li huma ineliġibbli l-ispejjeż kollha li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1. Peress li, f’din il-kawża, l-ispejjeż huma, ġustament, ikkunsidrati li ma jissodisfawx ċerti kundizzjonijiet stabbiliti mill-punt II.19(1) tal-Kundizzjonijiet Ġenerali (punt 97 hawn fuq), l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud skont il-punt II.19(2)(i) tal-kundizzjonijiet ġenerali.

101    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli l-ispejjeż effettivament imħallsa jikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba r-regoli ta’ kontabbiltà applikabbli.

102    Madankollu, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, il-Kummissjoni applikat biss, f’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet kuntrattwali dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni r-regoli tal-kontabbiltà applikabbli għar-rikorrenti, li f’din il-kawża jimplika li l-ispejjeż li jkunu għadhom ma tħallsux ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala rreġistrati fil-kontabbiltà u għalhekk bħala eliġibbli. Barra minn hekk, mill-proċess u b’mod partikolari mill-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ottubru 2010 jirriżulta li l-ħlas bil-quddiem imħallas lir-rikorrenti kienu tali li jkopri l-ispejjeż tagħhom sostnuti għall-implementazzjoni tal-proġetti kkonċernati.

103    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, Ġabra p. I‑7907, punt 65). Għaldaqstant, anki jekk, kif tindika r-rikorrenti, għal kumpanniji kummerċjali suġġetti għal regoli differenti ta’ kontabbiltà jiġu applikati regoli kuntrattwali differenti minn dawk applikabbli għar-rikorrenti, tali konstatazzjoni, fiha nnifisha, ma hijiex kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

104    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment dwar l-ispejjeż diretti tal-persunal

105    Ir-rikorrenti ssostni li pproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ kuntratti ta’ xogħol għall-persunal impjegat fil-kuntest tal-kuntratti Cocoon u Dicoems, permezz ta’ dikjarazzjonijiet miktuba relatati mas-servizzi mwettqa u mas-somom riċevuti, fatturi maħruġa mill-konsulenti u affidavits. Skont hija, l-ispejjeż tal-persunal għaldaqstant għandhom jiġu ammessi anki fl-assenza ta’ kuntratti bil-miktub, peress li d-dritt Belġjan jippermetti l-possibbiltà ta’ kuntratti verbali.

106    Għandu jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat li d-dritt Belġjan jippermetti l-possibbiltà ta’ kuntratti mhux miktuba. Il-Kummissjoni stess ammettiet dan fil-kuntest tal-verifika (paġna 43 tar-rapport ta’ verifika finali) kif ukoll fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2010 indirizzata lir-rikorrenti.

107    Barra minn hekk, il-punt II.20(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedi, b’mod partikolari, li l-ispejjeż diretti tal-persunal għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż attwali tal-persunal assenjat għall-proġett meta l-persuna l-oħra fil-kuntratt ikkonkludiet kuntratt ma’ dan il-persunal.

108    B’hekk din id-dispożizzjoni tipprevedi l-eżistenza ta’ kuntratti, iżda mhux il-forma bil-miktub tagħhom.

109    F’din il-kawża, fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Awwissu 2009, dokumenti dwar diversi persuni fil-kuntest tal-proġetti Cocoon u Dicoems.

110    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni eżaminat id-dokumenti b’hekk ikkomunikati u kkunsidrathom fil-kuntest tal-verifika. Fil-fatt, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tad-19 ta’ Awwissu 2009 huma speċifikament imsemmija fir-rapport ta’ verifika finali. Mill-paġni 2 u 42 tal-imsemmi rapport jirriżulta b’mod partikolari li dawn l-osservazzjonijiet kienu eżaminati b’attenzjoni u li, fejn jixraq, bħal fil-każ tal-ispejjeż diretti relatati mal-ivvjaġġar u l-ispejjeż indiretti relatati magħhom, il-konklużjonijiet tal-verifika ġew irriveduti u emendati u l-ammonti eliġibbli kkalkolati mill-ġdid. Il-punt 12 tar-rapport ta’ verifika finali b’hekk ġabar fil-qosor l-osservazzjonijiet tad-19 ta’ Awwissu 2009 (paġna 42 tar-rapport ta’ verifika finali) u spjega r-raġunijiet għaliex l-informazzjoni li fih kienet jew ma kinitx ikkunsidrata, u dan għaż-żewġ kuntratti u għall-kategoriji tal-ispejjeż.

111    Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ kuntratti bejnha u l-persuni differenti inkwistjoni fil-kuntratti Cocoon u Dicoems kellha tiġi kkonstatata fil-kuntest tal-verifika u jekk l-ispejjeż tal-persunal marbuta magħhom kellhomx jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli, u dan fil-kuntest taż-żewġ kuntratti inkwistjoni.

112    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi l-prova tal-fondatezza fid-dritt u fil-fatt tat-talba tagħha, li tallega u, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li turi li l-ispejjeż li tagħhom titlob ir-rimbors huma eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni fid-dawl tar-regoli applikabbli f’dan il-qasam (sentenza tal-25 ta’ April 2012, Movimondo Onlus vs Il-Kummissjoni, T‑329/05, punt 31).

–       Fuq l-ispejjeż tal-persunal mitluba fil-kuntest tal-kuntratt Cocoon

113    Fil-kuntest tal-kuntratt Cocoon, ir-rikorrenti bagħtet, fid-19 ta’ Awwissu 2009, id-dokumenti li jikkonċernaw disa’ persuni.

114    L-ewwel nett, għal waħda minn dawn il-persuni (S.G.), l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-uniċi kkonċernati, ġew iddikjarati eliġibbli, kif enfasizzat il-Kummissjoni b’risposta għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, u għaldaqstant ma humiex inkwistjoni f’din il-kawża.

115    It-tieni nett, għal ħamsa minn dawn il-persuni (J.M., M.D., L‑Y.H, I.A. u L.P.), il-curriculum vitae tagħhom biss kienu prodotti. Issa, l-eżistenza ta’ kuntratt ma tistax tiġi ammessa biss abbażi ta’ dan biss u n-natura żbaljata tal-verifika għaldaqstant ma ntwerietx sa fejn tikkonċernahom.

116    It-tielet nett, għall-president tar-rikorrenti (V.C.), il-curriculum vitae kien prodott kif ukoll il-fatturi. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-ispejjeż mitluba kienu wkoll ikkunsidrati ineliġibbli għar-raġuni li dawn l-ispejjeż ma kinux irreġistrati fil-kontabbiltà l-iktar tard fil-mument taċ-ċertifikat tal-verifika skont il-punt II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet ġenerali. Il-formola C ippreżentata mir-rikorrenti tindika fil-fatt li huma elenkati bħala “li għandhom jitħallsu”.

117    Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni ta’ jekk kien jeżisti kuntratt, għandu jiġi kkunsidrat li huwa ġustament li s-somom mitluba li jikkonċernah ġew iddikjarati ineliġibbli.

118    Ir-raba’ nett, għal żewġ persuni oħra (L.S. u F.M.), ir-rikorrenti pproduċiet, barra l-curriculum vitae, affidavits, li jindikaw in-natura tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-proġett Cocoon, il-perijodu kkonċernat, ir-rata fis-siegħa u n-numru ta’ sigħat maħduma kif ukoll fatturi jew noti ta’ miżati korrispondenti. Barra minn hekk, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li ċerti somom b’hekk iffatturati tħallsu lill-persuni inkwistjoni u ġew irreġistrati fil-kontabbiltà. Barra minn hekk, it-twettiq tal-proġett ma huwiex ikkontestat.

119    Fil-kuntest ta’ din il-kawża, li hija kkaratterizzata mill-fatt li l-forma bil-miktub tal-kuntratt ma hijiex espliċitament rikjesta la għall-kuntratt Cocoon u lanqas mid-dritt Belġjan, għandu jiġi kkunsidrat li tali dokumenti, meta meħuda flimkien, jikkostitwixxu numru ta’ elementi tali li jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ kuntratt fis-sens fil-punt II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

120    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix forom speċifiċi. B’mod partikolari, it-termini ta’ din id-dispożizzjoni ma jirrikjedux kuntratt bil-miktub, kif ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta.

121    Barra minn hekk, l-Artikolu 1347 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jippermetti l-prova permezz ta’ kitbiet li ġejjin mill-persuna li kontriha hija indirizzata t-talba u li jagħmlu kredibbli l-fatt allegat. Issa, id-dokumenti ta’ sostenn pprovduti mir-rikorrenti jikkostitwixxu tali provi bil-miktub prima facie fis-sens tal-artikolu tal-imsemmi kodiċi li, meħuda flimkien, jagħmlu kredibbli l-eżistenza ta’ kuntratt bejn ir-rikorrenti u l-persuni inkwistjoni.

122    Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-verifika jaslu għall-konklużjoni tal-assenza ta’ kuntratt bejn ir-rikorrenti u dawn iż-żewġ persuni, minkejja d-dokumenti prodotti matul il-proċess kontenzjuż, huma żbaljati.

123    L-argumenti tal-Kummissjoni ma jikkontestawx din il-konklużjoni. Fil-fatt, hija ssostni, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, li l-Artikolu 1347 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan ma huwiex rilevanti peress li ma huwiex il-każ li tiġi prodotta l-prova tal-eżistenza ta’ obbligu monetarja, iżda l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż fil-forom rikjesti mill-puntu II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

124    Madankollu, kif tfakkar preċedentement (punt 120 iktar ʼil fuq), il-punt II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprovdi għall-eżistenza ta’ kuntratt mingħajr ma jispeċifika l-forma.

125    Barra minn hekk, l-Artikolu 1347 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jinsab fit-Taqsima II, relatata mal-prova ta’ xhieda, li tagħmel parti mill-Kapitolu VI intitolat “Fuq il-prova tal-obbligazzjonijiet u tal-ħlas” li huwa stess inkluż fit-Titolu III, intitolat “Fuq il-kuntratti jew l-obbligi kuntrattwali inġenerali.” L-Artikolu 1347 tal-imsemmi kodiċi huwa għaldaqstant rilevanti f’din il-kawża.

126    Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 1347 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan ma huwiex applikabbli, peress li jirreferi għall-atti bil-miktub li ġejjin mill-persuna li kontriha tkun saret it-talba (id-debitur). Issa, skont hija, ir-rikorrenti hija d-debitur minkejja li l-fatturi u l-affidavits ġejjin mill-kollaboraturi allegatament kredituri tar-rikorrenti u mhux mir-rikorrenti stess.

127    Madankollu, f’din il-kawża huwa l-każ li jiġu ddeterminati l-ispejjeż eliġibbli tal-persunal u għaldaqstant li tiġi prodotta l-prova tal-eżistenza ta’ kuntratti konklużi mir-rikorrenti mal-persunal tagħha. L-atti prodotti mir-rikorrenti huma għaldaqstant rilevanti sabiex tiġi prodotta l-prova tal-eżistenza ta’ kuntratt kif rikjesta mill-punt II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

128    L-argumenti tal-Kummissjoni li tqajmu fil-kuntest tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub mill-Qorti għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

129    Minn dan isegwi li, fid-dawl tad-dokumenti prodotti matul il-proċedura kontenzjuża, l-eżistenza ta’ kuntratt fis-sens tal-punt II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali kellha tiġi ammessa fil-każ ta’ L. S. u ta’ F. M, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-verifika f’dan ir-rigward.

130    Hemm lok, għaldaqstant, li jiġi eżaminat jekk l-ispejjeż tal-persunal ta’ dawn iż-żewġ persuni kinux ineliġibbli għal raġunijiet oħra għajr l-assenza ta’ kuntratt.

131    Fl-ewwel lok, fil-każ ta’ L. S., il-verifika ssemmi li l-ispejjeż mitluba u rrifjutati jitilgħu, fil-kuntest tal-ewwel perijodu (mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2004), għal ammont ta’ EUR 6 000 (168 siegħa għal rata fis-siegħa ta’ EUR 35.71). Il-verifika tirrileva wkoll, barra l-assenza ta’ kuntratt, li r-reġistrazzjoni tal-kontabbiltà tas-somom hija korretta, li hemm l-iskedi tal-ħin, iżda l-ispejjeż ma humiex konsistenti mal-ammonti u l-perijodi indikati fuq il-fatturi.

132    Mid-dokumenti mehmuża mal-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2009 indirizzati lill-Kummissjoni jirriżulta li, fl-affidavit tiegħu tal-14 ta’ Awwissu 2009, L. S. jiċċertifika li pprovda servizzi intellettwali lir-rikorrenti fil-kuntest tal-proġett Cocoon mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-“31 ta’ Ġunju 2007”, li għandhom l-għan tas-segwitu amministrattiv u l-kuntatti għall-organizzazzjoni ta’ diversi laqgħat dwar il-proġett. Ir-rata fis-siegħa ta’ EUR 50 hija indikata kif ukoll l-ammont totali ta’ remunerazzjoni ta’ EUR 4 500 ġiet iffatturata fi tliet noti ta’ miżati tal-1 ta’ Jannar u s-27 ta’ Diċembru 2006 u l-25 ta’ Ġunju 2007. Hija tindika li l-ħlasijiet ta’ EUR 1 500, 2 000 u 1 000 saru fit-2 ta’ Jannar 2006, fit-18 ta’ Jannar u fil-25 ta’ Ġunju 2007.

133    Ir-rikorrenti pprovdiet ukoll lill-Kummissjoni bin-noti ta’ miżati ta’ L. S., li jistabbilixxu rata fis-siegħa ta’ EUR 30 mill-1 ta’ Jannar 2006 (EUR 1 500) u tas-27 ta’ Diċembru 2006 (EUR 2 000) li jikkonċernaw il-proġett Cocoon.

134    L-iskeda tal-ħin tindika rata fis-siegħa ta’ EUR 30 u ssemmi b’mod partikolari ż-żewġ noti ta’ miżati tal-1 ta’ Jannar u tas-27 ta’ Diċembru 2006.

135    Barra minn hekk, l-ammont ta’ EUR 3 500 li jinsab fil-formoli C mibgħuta lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Awwissu 2009 fir-rigward tat-tielet perijodu li tħallas. Fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni barra minn hekk ammettiet li l-ammont ta’ EUR 3 500 kien diġà tħallas u rreġistrat fil-kontijiet.

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża li wasslet għar-rapport ta’ verifika finali, ir-rikorrenti ppreżentat dokumenti ta’ sostenn li jistabbilixxu li, fir-rigward għal dak li jirrigwarda s-somma ta’ EUR 3 500, l-ispejjeż tal-persunal iddikjarati li jikkonċernaw L. S. ikkorrispondew għas-servizzi realment imwettqa, iddedikati għall-proġett, imħallsa u rreġistrati fil-kontabbiltà fir-rigward tat-tielet perijodu. Hija b’hekk uriet, sal-ammont ta’ EUR 3 500, l-eżistenza ta’ spejjeż reali tal-persunal assenjati għall-proġett li għandhom ikunu kkunsidrati bħala eliġibbli skont l-Artikoli II.19 u II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

137    Minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ hawn imfakkra (punti 132 sa 136 iktar ʼil fuq), l-argumenti tal-Kummissjoni dwar id-diskrepanzi tal-ammonti u tal-perijodi kkonstatati bejn id-dokumenti sottomessi waqt il-verifika u dawk sottomessi fid-19 ta’ Awwissu 2009 jiġifieri qabel it-tmiem tal-verifika tat-30 ta’ Settembru 2009, ma huwiex biżżejjed li jiġi kkunsidrat li dan l-ammont ta’ EUR 3 500 ma kienx iktar eliġibbli.

138    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-ammont ta’ EUR 3 500 tħallas u ġie rreġistrat fil-kontabbiltà. Hija sostnuta min-noti ta’ miżati tal-1 ta’ Jannar 2006, għal somma ta’ EUR 1 500, u tas-27 ta’ Diċembru 2006, għal somma ta’ ammont ta’ EUR 2 000, li jindikaw rata fis-siegħa ta’ EUR 30, li kienu mibgħuta lill-Kummissjoni. Id-differenza fir-rata fis-siegħa indikata fl-affidavit u fin-noti tat-tariffi tirriżulta minn żball fl-abbozzar tal-affidavit, kif indikat mir-rikorrenti bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u hija għaldaqstant ir-rata fis-siegħa ta’ EUR 30 li hija applikabbli.

139    Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk inkwistjoni fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ottubru 2012, ELE.SI.A vs Il-Kummissjoni (T‑312/10, punti 113 u 114), imsemmija fis-seduta. Fil-fatt, f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma kinitx iġġustifikat in-natura reali u eliġibbli tal-ispejjeż inkwistjoni la waqt il-kontroll u lanqas waqt il-proċedura kontenzjuża.

140    Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ L. S., il-verifika għandha titqies li hija żbaljata sa fejn hija ssemmi l-assenza ta’ kuntratt u tikkunsidra bħala ineliġibbli l-ispejjeż tal-persunal sa EUR 3 5000.

141    Fit-tieni lok, fil-każ ta’ F. M., il-verifika ssemmi li l-ispejjeż mitluba u rrifjutati jitilgħu għat-tieni perjodu għas-somma ta’ EUR 6 540 (174 siegħa b’rata fis-siegħa ta’ EUR 37.59) u għat-tielet perijodu għas-somma ta’ EUR 1 224 (27.20 siegħa b’rata fis-siegħa ta’ EUR 50). Il-verifika tirrileva wkoll, minbarra l-assenza tal-kuntratt, reġistrazzjoni tal-kontabbiltà ta’ somom għal EUR 6 540, l-assenza ta’ skedi tal-ħin u ammonti mhux konsistenti mal-fatturi (paġna 22 tar-rapport finali).

142    Mid-dokumenti mehmuża mal-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2009, indirizzata lill-Kummissjoni jirriżulta li, fl-affidavit tiegħu tal-14 ta’ Awwissu 2009, F. M. jiċċertifika li hija pprovda servizzi intellettwali lir-rikorrenti fil-kuntest tal-proġett Cocoon fl-1 ta’ Jannar 2004 sal-“31 ta’ Ġunju 2006”, li għandha bħala suġġett is-segwitu tal-aspetti ġuridiċi tal-proġett. Ir-rati ta’ EUR 37.50 għal kull siegħa hija indikata ukoll kif ukoll il-fatt li s-servizzi tagħha kienu mogħtija mingħajr ħlas ħlief għal attività li teċċedi ħamest ijiem.

143    Nota ta’ miżati bid-data tat-30 ta’ April 2006 hija mehmuża wkoll u indikata għall-proġett Cocoon b’ammont iffatturat ta’ EUR 481.28, li jikkorrispondi għal 119.5 sigħat b’rata fis-siegħa ta’ EUR 37.50 għall-perijodu Jannar 2004 sa Diċembru 2005.

144    Diversi dokumenti jindikaw li s-somma ta’ EUR 4 481.28, li tinsab fil-kontabbiltà, ġiet iffatturata u mħallsa għat-tieni perijodu.

145    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabel kollox, li l-ispejjeż li jikkorrispondu għat-tielet perijodu (EUR 1 224) la kien sostnuti u lanqas irreġistrati fil-kontabbiltà qabel il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ verifika, kif il-Kummissjoni indikat b’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali.

146    Ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda prova tar-realtà ta’ dawn l-ispejjeż relatati mat-tielet perijodu jew mar-reġistrazzjoni tagħhom fil-kontabbiltà.

147    Huwa għalhekk ġustament li dawn l-ispejjeż ma ġewx iddikjarati eliġibbli.

148    Rigward l-ispejjeż korrispondenti għat-tieni perijodu, għandu jiġi rrilevat li l-ammont ta’ EUR 4 481.28 tħallas u ġie rreġistrat fil-kontabbiltà. Dan huwa sostnut min-nota ta’ miżati tat-30 ta’ April 2006, mibgħuta lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ammettiet li l-ammont ta’ EUR 4 481.28 tħallas u ġie rreġistrat fil-kontijiet.

149    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ppreżentat, fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża qabel l-għeluq tal-verifika, dokumenti ta’ sostenn li jistabbilixxu li l-ispejjeż tal-persunal ta’ EUR 4 481.28 li hija ddikjarat dwar F. M. kienu jikkorrispondu għal servizzi realment imwettqa għat-tieni perijodu, iddedikati għall-proġett, imħallsa u rreġistrati fil-kontabbiltà. Hija b’hekk uriet, sa EUR 4 481.28, l-eżistenza ta’ spejjeż reali tal-persunal assenjati lill-proġett Cocoon, li għandhom jiġu kkunsidrati eliġibbli fis-sens tal-punti II.19 u II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

150    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża mfakkra hawn fuq (punti 142 sa 144), l-argument tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ korrispondenza bejn l-ammonti mitluba u l-ammonti li jinsabu fuq il-fatturi ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-ammont ta’ EUR 4 481.28 ma kienx eliġibbli. F’dan ir-rigward, kif indikat preċedentement (punt 139 iktar ʼil fuq), il-preżenti sitwazzjoni hija differenti minn dik inkwistjoni fis-sentenza ELE.SI.A vs Il-Kummissjoni, imsemmija waqt is-seduta, peress li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma kinitx iġġustifikat in-natura reali u eliġibbli tal-ispejjeż inkwistjoni la waqt il-kontroll u lanqas matul il-proċedura kontradittorja.

151    Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ F. M., il-verifika għandha titqies li hija żbaljata sa fejn issemmi l-assenza ta’ kuntratt u sa fejn tqis bħala ineliġibbli l-ispejjeż tal-persunal sa EUR 4 481.28.

–       Fuq l-ispejjeż tal-persunal mitluba fil-kuntest tal-kuntratt Dicoems

152    Fil-kuntest tal-kuntratt Dicoems, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni, fid-19 ta’ Awwissu 2009, id-dokumenti li jikkonċernaw disa’ persuni ġodda.

153    L-ewwel, għal ħamsa minn dawn il-persuni (F.G., S.R., F.S., N.A. u M.R.), ir-rikorrenti tenfasizza li pproduċiet kuntratti ta’ kollaborazzjoni għas-servizzi mogħtija. Hija ssostni li huwa b’mod żbaljat li dawn l-ispejjeż tal-persunal ġew ikkunsidrati bħala ineliġibbli minħabba li kienu relatati ma’ kuntratti ta’ subappalt, li ma humiex approvati minn qabel mill-Kummissjoni.

154    Huwa paċifiku li jeżistu kuntratti ta’ kollaborazzjoni bejn ir-rikorrenti u dawn il-konsulenti għal servizzi mogħtija fil-kuntest tal-kuntratt Dicoems.

155    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-persuni ġew ikkunsidrati ineliġibbli fil-kuntest tal-verifika għal raġunijiet oħra milli l-assenza ta’ kuntratti. B’hekk, ir-rapport finali ta’ verifika jindika li dawn l-ispejjeż ma kinux irreġistrati fil-kontabbiltà. Barra minn hekk, mill-verifika jirriżulta wkoll li l-kundizzjonijiet sabiex dawn il-persuni jiġu kkunsidrati bħala konsulenti interni ma kinux sodisfatti, li l-ispejjeż li jikkonċernawhom kellhom għaldaqstant jitqiesu bħala spejjeż ta’ subappalt u li l-kundizzjonijiet previsti f’din il-materja ma kinux sodisfatti.

156    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti fid-19 ta’ Awwissu 2009 jirriżulta li, skont dak li ġie kkonstatat fil-kuntest tal-verifika, l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-persuni ma kinux ġew irreġistrati fil-kontabbiltà. Is-somom inkwistjoni jinsabu fil-fatt fuq il-formola C bħala li ma kinux għadhom tħallsu (to be paid).

157    Għaldaqstant, din il-konstatazzjoni waħedha hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li huwa ġustament li r-rapport finali ta’ verifika kkonkluda li l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-persuni huma ineliġibbli minħabba nuqqas ta’ reġistrazzjoni fil-kontabbiltà.

158    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-ispejjeż huma ineliġibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti, relatat man-natura żbaljata tal-verifika dwar is-subappalt.

159    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li l-ammonti inkwistjoni kienu ġew iċċertifikati bħala eliġibbli minn awditur indipendenti ma jistax jinvalida din il-konklużjoni.

160    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8(2)(d) tal-kuntratti inkwistjoni, kull ħlas magħmul fit-tmiem ta’ perijodu ta’ rappurtar akkumpanjat minn ċertifikat ta’ verifika ser jitqies li huwa finali b’riżerva ta’ kull verifika jew kontroll li jistgħu jiġu implementati skont il-punt II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat fil-punt II.26 fl-aħħar li ċ-ċertifikazzjoni magħmula minn awdituri esterni ma taffettwax ir-responsabbiltà tal-persuni l-oħra kuntratt taħt it-termini tal-kuntratt, lanqas id-drittijiet mogħtija lill-Unjoni mill-punt II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali. Issa, skont il-punt II.29(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali, fi kwalunkwe mument matul il-kuntratt u sa ħames snin wara t-tmiem tal-proġett, il-Kummissjoni tista’ tagħmel verifiki. Dawn il-verifiki jistgħu jkopru aspetti xjentifiċi, finanzjarji, teknoloġiċi, u oħrajn, bħall-prinċipji ta’ kontabbiltà u ta’ amministrazzjoni, li jirrelataw mal-eżekuzzjoni tajba tal-proġett u tal-kuntratt. Minn dan isegwi li l-produzzjoni ta’ ċertifikati ta’ verifika esterna tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż addizzjonali kollha ddikjarati mir-rikorrenti ma tneħħix lill-Kummissjoni l-opportunità li twettaq verifika u li fit-tmiem tagħha, hija tista’ tikkontesta l-eliġibbiltà tal-ispejjeż ddikjarati mir-rikorrenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2012, Fondation IDIAP vs Il-Kummissjoni, T‑286/10, punts 80 sa 84).

161    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li huwa żbaljat li l-ispejjeż tal-persunal ta’ dawn il-konsulenti kienu kkunsidrati bħala li ma humiex eliġibbli.

162    It-tieni nett, għall-president tar-rikorrenti (V.C.), mill-verifika jirriżulta ċar li l-ispejjeż mitluba ġew ikkunsidrati bħala ineliġibbli peress li ma kienx hemm kuntratt u li dawn l-ispejjeż ma kinux ġew irreġistrati fil-kontabbiltà mhux iktar tard mill-mument taċ-ċertifikat ta’ verifika skont il-punt II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet ġenerali.

163    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata l-ewwel nett li l-argument tar-rikorrenti, li ma jistax ikun rikjest kuntratt ta’ xogħol bejnha u l-president tagħha, peress li dan jimplika li dan tal-aħħar iffirma kuntratt miegħu nnifsu għandu jiġi miċħud. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, il-president tar-rikorrenti aġixxa bħala suġġett ġuridiku distint minn din tal-aħħar, kif enfasizzat il-Kummissjoni, u kif jikkonfermaw in-noti ta’ miżati noti mibgħuta lir-rikorrenti.

164    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tirrileva li mid-dokumenti mibgħuta fid-19 ta’ Awwissu 2009 mir-rikorrenti lill-Kummissjoni jirriżulta li, ħlief għal ammont ta’ EUR 3 250 relatat mal-ewwel perijodu tal-kuntratt Dicoems, is-somom inkwistjoni jinsabu kollha fuq il-formula C bħala “li għandhom jitħallsu”.

165    Għaldaqstant, huwa ġustament li dawn is-somom, mhux irreġistrati fil-kontabbiltà l-iktar tard sal-mument taċ-ċertifikat ta’ verifika, kienu kkunsidrati ineliġibbli (punti 90 sa 104 iktar ʼil fuq). Id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jistabbilixxux in-natura żbaljata ta’ dawn il-konstatazzjonijiet.

166    Madankollu, rigward l-ammont ta’ EUR 3 250, għandu jiġi kkonstatat li dan jinsab bħala li tħallas fid-dokument dwar l-ispejjeż relatati ma’ V. C. kif ukoll fil-forma C relatata mal-ewwel perijodu mibgħuta lill-Kummissjoni matul il-proċedura kontenzjuża fid-19 ta’ Awwissu 2009.

167    Barra minn hekk, dan l-ammont jikkorrispondi għal dak fatturat bin-nota ta’ miżati tas-16 ta’ Marzu 2004, li jindika bħala suġġett “Konsulta għall-proġett Dicoems”. Din in-nota ta’ miżati tippreċiża wkoll in-numru ta’ sigħat maħduma f’xahar (12-il siegħa f’Jannar2004, 12-il siegħa fi Frar 2004 u 12.1-il siegħa f’Marzu 2004) u r-rati bis-siegħa (EUR 90).

168    Barra minn hekk, skeda ta’ preżentazzjoni tiddikjara li t-tariffi ta’ V. C. jinkludu l-ħin iddedikat għall-preparazzjoni u l-parteċipazzjoni għall-laqgħat u l-preżentazzjoni tal-proġett waqt diversi konferenzi.

169    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-kuntest tal-verifika, dan l-ammont ġie kkunsidrat bħala rreġistrat fil-kontabbiltà taħt l-ewwel perijodu ta’ kuntratt Dicoems (mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2004) u bħala konsistenti mal-fattura pprovduta (linja 1 tat-tabella paġna 23 tar-rapport ta’ verifika finali). Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-ispejjeż kienu rreġistrati fil-kontabbiltà taħt l-ewwel perijodu u għaldaqstant l-iktar tard sal-mument taċ-ċertifikat ta’ verifika tat-2 ta’ Awwissu 2004 (ara anness 3 għar-rapport ta’ verifika finali, p. 65), konformi mal-punt II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet ġenerali.

170    Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-assenza ta’ kuntratt bil-miktub, tali dokumenti, meħuda flimkien, jikkostitwixxu numru ta’ elementi tali li jippruvaw, minn naħa, l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u l-president tagħha u tali li jistabbilixxu, min-naħa l-oħra, li l-ispejjeż tal-persunal ta’ EUR 3 250 rigward V. C. kienu jikkorrispondu għas-servizzi ddedikati għall-proġett Dicoems proġett imwettaq taħt l-ewwel perijodu, imħallsa u rreġistrati fil-kontabbiltà. Ir-rikorrenti b’hekk uriet, sa EUR 3 250, l-eżistenza ta’ spejjeż reali tal-persunal assenjati mal-proġett Dicoems, li kellhom jiġu kkunsidrati eliġibbli fis-sens tal-punti II.19 u II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

171    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-verifika għaldaqstant kellha titqies li hija żbaljata sa fejn issemmi l-assenza ta’ kuntratt u tqis ineliġibbli l-ispejjeż tal-persunal rigward V. C. sa EUR 3 250.

172    It-tielet nett, għal persuna oħra (E.C.), ir-rapport ta’ verifika finali jindika li l-ispejjeż tal-persunal huma ineliġibbli. Barra mill-assenza ta’ kuntratt fis-sens tal-punt II.20(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali, ir-rapport finali ta’ verifika jindika wkoll li l-kundizzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ konsulenza interna (in-house) fis-sens tal-Artikolu 6.1.1 tal-gwida fuq il-kwistjonijiet finanzjarji relatati mal-azzjonijiet indiretti tas-Sitt Programm Qafas ma humiex sodisfatti. Huwa jżid li l-ispejjeż relatati ma’ E. C. għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż ta’ subappalt u ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt II.6 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

173    Issa, ir-rikorrenti ma wrietx li l-konstatazzjonijiet tal-verifika kienu żbaljati f’dan ir-rigward. Fil-fatt, hija bl-ebda mod ma tikkontesta li l-kundizzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ konsulenza ma humiex sodisfatti, lanqas li l-ispejjeż relatati ma’ E.C. kellhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż ta’ subappalt mingħajr b’hekk ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt II.6 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

174    Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti rigward E. C., mingħajr il-ħtieġa li teżamina l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ kuntratt fis-sens tal-punt II.20.2 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

175    Ir-raba’ nett, fil-każ ta’ persuna oħra (J. G.), minbarra l-assenza ta’ kuntratt, il-verifika ssemmi wkoll raġunijiet oħra ta’ ineliġibbiltà. B’mod partikolari, tenfasizza l-assenza ta’ indikazzjonijiet fuq l-ispejjeż eventwalment sostnuti u l-assenza ta’ rikonoxximent ta’ dawn fil-kontabbiltà tar-rikorrenti qabel il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ verifika msemmi fil-punt II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet ġenerali. Barra minn hekk, il-verifika tirreferi għall-inkonsistenza tat-talba għal rimbors ippreżentata fil-kuntest tal-proġett Dicoems mal-fatt li J. G. kien bħala membru permanenti tal-persunal tal-proġett Cocoon.

176    Issa, madankollu, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-konstatazzjonijiet tal-verifika f’dan ir-rigward u, b’mod partikolari, l-inkonsistenza tat-talba għal rimbors mal-fatt li din il-persuna dehret bħala membru permanenti tal-persunal tal-proġett Cocoon. Ir-rikorrenti għaldaqstant ma wrietx in-natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-verifika.

177    Minn dan isegwi li t-talba tagħha għandha tiġi miċħuda rigward dawn l-ispejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-kwistjoni tal-eżistenza ta’ kuntratt.

178    Fl-aħħar, il-ħames nett, fl-ittra ta’ L.S., il-verifika ssemmi li l-ispejjeż mitluba u rrifjutati li jikkonċernaw din il-persuna jitilgħu, fil-kuntest tal-ewwel perijodu, għas-somma ta’ EUR 4 000 (127 siegħa b’rata fis-siegħa ta’ EUR 31.50) u, fil-kuntest tat-tieni perijodu, is-somma ta’ EUR 3 500 (116-il siegħa b’rata fis-siegħa ta’ EUR 30.17). L-unika raġuni ta’ ineliġibbiltà msemmija fil-verifika hija l-assenza ta’ kuntratt fis-sens tal-punt II.20(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali.

179    Mid-dokumenti mehmuża mal-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2009 indirizzata lill-Kummissjoni, f’affidavit tal-14 ta’ Awwissu 2009, L. S. jikkonferma li pprovda servizzi intellettwali lir-rikorrenti fil-kuntest tal-proġett Dicoems mill-1 ta’ Jannar 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2006, li għandha bħala suġġett is-superviżjoni amministrattiva u l-kuntatti għall-organizzazzjoni ta’ laqgħat relatati mal-proġett. Ir-rata ta’ EUR 50 għal kull siegħa huwa indikat. L-ammont totali tar-remunerazzjoni tiegħu ta’ EUR 7 500 hija wkoll indikata bħala li tqassam skont in-noti ta’ miżati mehmuża.

180    Ir-rikorrenti ukoll pprovdiet noti ta’ miżati ta’ L. S., li jikkonfermaw rata fis-siegħa ta’ EUR 30, tat-2 ta’ Jannar 2004 (EUR 1 500), tal-1 ta’ Marzu 2004 (EUR 520), tal-1 ta’ Ġunju 2004 (EUR 2 000) u tat-30 ta’ Ġunju 2004 (EUR 3 480) u għaldaqstant ammont totali ta’ EUR 7 500.

181    Hemm mehmuża wkoll skeda tal-ħin, li tindika r-rata fis-siegħa ta’ EUR 30, kif ukoll dokument li jindika li l-ammonti ffatturati tħallsu. Dan id-dokument f’forma ta’ tabella jispeċifika li l-ewwel tliet noti ta’ miżati jikkonċernaw l-ewwel perijodu u dik tat-30 ta’ Ġunju 2004 tikkonċerna t-tieni perjodu, u l-ammont totali huwa ta’ EUR 7 500.

182    Barra minn hekk, mill-formoli C prodotti fid-19 ta’ Awwissu 2009 jirriżulta li l-ammonti rispettivament ta’ EUR 4 000 għall-ewwel perijodu u ta’ EUR 3 500 għat-tieni perijodu tħallsu, jiġifieri total ta’ EUR 7 500, li jikkorrispondi għall-ammont totali ffatturat.

183    Barra minn hekk, it-twettiq tal-proġett ma huwiex ikkontestat.

184    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ppreżentat, fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża qabel it-tmiem tal-verifika, id-dokumenti ta’ sostenn tali li jistabbilixxu l- eżistenza ta’ kuntratt fis-sens tal-punt II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali. Il-fatt li r-rata fis-siegħa, indikata bħala EUR 50 fl-affidavit filwaqt li hija EUR 30 fin-noti tal-miżati, huwa minħabba żball, kif ir-rikorrenti indikat b’risposta għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, ma huwiex biżżejjed sabiex jirribatti din il-konklużjoni.

185    Fir-rigward tal-ammonti inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-ammont totali jikkorrispondi għan-noti ta’ miżati u għall-formoli C, u li ġie rreġistrat fil-kontabbiltà.

186    Madankollu, mill-iskeda tal-ħin prodotta mir-rikorrenti jirriżulta li n-nota ta’ miżati ta’ EUR 1 500 tat-2 ta’ Jannar 2004, li tirrigwarda l-ewwel proġett Dicoems, tikkorrispondi għas-sigħat maħduma f’Diċembru, mingħajr ma hija speċifikata s-sena msemmija. Madankollu jista jkun biss ix-xahar ta’ Diċembru 2003, peress li l-ewwel perjodu tal-proġett Dicoems jestendi mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2004. Issa, il-punt II.19(1)(c) tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprovdi li l-ispejjeż huma eliġibbli jekk ikunu saru matul it-tul tal-proġett. Għaldaqstant, l-ammont ta’ EUR 1 500, li jikkorrispondi għas-sigħat maħduma f’Diċembru 2003 u għalhekk qabel il-bidu tal-proġett Dicoems, ma huwiex eliġibbli.

187    Minn dan isegwi li r-rikorrent ikun stabbilixxa li l-ispejjeż tal-persunal relatati ma’ L. S. jikkorrispondu, sa EUR 6 000, għal servizzi realment effettwati, iddedikati għall-proġett, imħallsa u rreġistrati korrettement fil-kontabbiltà u għaldaqstant jikkostitwixxi spejjeż reali tal-persunal li għandhom jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli fis-sens tal-punti II.19 u II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali.

188    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-verifika għandha għaldaqstant titqies li hija żbaljata sa fejn issemmi l-assenza ta’ kuntratt u tikkunsidra ineliġibbli l-ispejjeż tal-persunal rigward L. S. sa EUR 6 000.

189    Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq li l-ispejjeż tal-persunal kellhom jiġu aċċettati bħala eliġibbli, għandhom jintlaqgħu sa fejn jikkonċernaw, fil-kuntest tal-kuntratt Cocoon, is-somom ta’ EUR 3 500 rigward L. S. u EUR 4 481.28 rigward F. M. kif ukoll, fil-kuntest tal-kuntratt Dicoems, s-somom ta’ EUR 3 250 rigward V. C. u EUR 6 000 rigward L. S. 

190    Għaldaqstant, it-talba tagħha għandha tintlaqa’ rigward l-ispejjeż diretti tal-persunal sa ammont ta’ EUR 7 981.28 għall-kuntratt Cocoon u ta’ EUR 9 250 għall-kuntratt Dicoems, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 17 231.28.

 Fuq l-ilment dwar l-ispejjeż indiretti

191    Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li ħafna mill-ispejjeż diretti ġew ikkunsidrati bħala mhux eliġibbli rriżulta, b’mod żbaljat, minn tnaqqis proporzjonali tal-ispejjeż indiretti eliġibbli.

192    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li t-tielet inċiż tal-punt II.22(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedi li, fil-kuntest tal-mudell ta’ spejjeż addizzjonali, l-ispejjeż indiretti huma evalwati għal 20 % tal-ispejjeż addizzjonali diretti inqas mill-ispejjeż ta’ subappalt.

193    Issa, kif ġie kkonstatat preċedentement (punti 189 u 190 iktar ʼil fuq), ir-rapport finali ta’ verifika għandu jitqies li huwa żbaljat sa fejn jikkonċerna l-kalkolu tal-ispejjeż diretti tal-persunal sa EUR 7 981.28 għall-kuntratt Cocoon u EUR 9 250 għall-kuntratt Dicoems.

194    Minn dan isegwi li l-kalkolu tal-ispejjeż indiretti għandu jkun evalwat mill-ġdid sabiex jieħu inkunsiderazzjoni ż-żieda fl-ispejjeż diretti eliġibbli, b’riżerva tal-ispejjeż ta’ subappalt.

 Fuq l-ilment fuq l-inkonsistenza tar-rapport ta’ verifika finali

195    Ir-rikorrenti ssostni li r-rapport ta’ verifika finali huwa inkonsistenti u li ma jippreċiżax b’mod ċar fuq liema bażi ċerti ammonti kienu kkunsidrati bħala eliġibbli. Skont hija, għalkemm xi kuntratti ta’ xogħol ġew ikkunsidrati bħala invalidi jew ineżistenti, xi spejjeż tal-persunal ġew ikkunsidrati eliġibbli.

196    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li mir-rapport ta’ verifika finali jirriżulta li xi spejjeż ġew irrikonoxxuti bħala eliġibbli meta kienu rreġistrati fid-dokumenti tal-kontabbiltà u sostanzjati suffiċjentement. Pereżempju, il-punt 5.3.3 tar-rapport finali tal-verifika (paġna 28 tal-imsemmi rapport) jindika li l-ammont ta’ EUR 250 mitlub għat-tieni perijodu tal-kuntratt Cocoon jikkorrispondi għall-ispejjeż magħmula għaċ-ċertifikat ta’ verifika rigward l-ewwel perijodu, li dan l-ammont tħallas u jinsab fil-kontabbiltà. Għaldaqstant huwa eliġibbli, kuntrarjament għal dak li jikkorrispondi għall-ispejjeż magħmula għaċ-ċertifikat ta’ verifika tat-tieni perijodu li ma ġiex irreġistrat fil-kontabbiltà. L-istess raġunament ġie applikat għall-kuntratt Dicoems.

197    Bl-istess mod, il-punt 5.4.3 tar-rapport finali tal-verifika (paġna 31 tal-imsemmi rapport) jispjega għaliex ċerti spejjeż diretti, marbuta mal-proġett, debitament iġġustifikati u mniżżla fil-kontabbiltà tar-rikorrenti, ġew aċċettati bħala eliġibbli fil-kuntest tal-proġett Cocoon anki jekk dawn ma kinux intalbu.

198    Għandu jiġi kkonstatat li l-verifika tispjega r-raġunijiet għaliex xi spejjeż kienu kkunsidrati eliġibbli. Ir-rikorrenti ma ssostanzjatx kif din il-konstatazzjoni hija inkonsistenti mal-fatt li kkwalifikat spejjeż oħra bħala li huma ineliġibbli. L-osservazzjonijiet orali tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jinvalidax din il-konklużjoni.

199    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq l-inkonsistenza tar-rapport ta’ verifika finali għandu jiġi miċħud.

 Konklużjoni fuq l-ewwel motiv

200    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ sa fejn jikkonċerna l-ispejjeż diretti tal-persunal li għandhom jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli sa EUR 17 231.28 u f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż indiretti u relatati, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kuntratti. Il-kumplament ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi tagħha ta’ sorveljanza, tal-prinċipju ta’ bona fide u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti

201    Ir-rikorrenti tallega l-ksur tad-dmir ta’ viġilanza tal-Kummissjoni u tinvoka f’dan ir-rigward ċerti dispożizzjonijiet kuntrattwali. Hija ssostni li l-kundizzjonijiet tax-xoljiment immedjat ma kinux sodisfatti. Barra minn hekk, hija tallega ksur tal-prinċipji ta’ bona fide u ta’ kollaborazzjoni leali tad-dritt ċivili Belġjan. Hija titlob ukoll il-ħlas ta’ kumpens ekwu għad-dannu li hija sofriet minħabba l-assenza tagħha ta’ kontroll.

202    L-ewwel nett, hija tinvoka diversi dispożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet ġenerali u tallega l-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza tal-Kummissjoni waqt il-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-proġetti Cocoon u Dicoems.

203    Għandu jiġi rrilevat li l-punt II.3(4)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprovdi li l-Kummissjoni tissorvelja l-eżekuzzjonijiet xjentifika, teknoloġika u finanzjarja tal-proġett.

204    Madankollu, ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma juri li l-Kummissjoni naqset minn waħda mill-obbligi kuntrattwali tagħha li tissorvelja f’din il-kawża.

205    Fil-fatt, il-punt II.8 tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tevalwa r-rapporti li hija tirċievi f’terminu ta’ 45 jum mill-wasla tagħhom. Madankollu, rigward rapporti ta’ ġestjoni, b’mod partikolari dokumenti finanzjarji previsti fil-punt II.7(2)(b), il-punt II.8(3) jipprevedi l-assenza ta’ risposta mill-Kummissjoni f’dan it-terminu ma jimplikax li dawn id-dokumenti jkunu approvati u ma jwaqqafx lill-Kummissjoni li tiċħadhom, inkluż wara t-terminu għall-ħlas. F’din il-każ, l-assenza ta’ intervent waqt il-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-proġetti għaldaqstant ma hijiex kuntrarja għal din l-istipulazzjoni kuntrattwali.

206    Bl-istess mod, mill-punt II.28(8) tal-kundizzjonijiet ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tissospendi l-ħlasijiet jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ma humiex aċċettabbli jew fil-każ ta’ irregolarità, iżda ma jimponi l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

207    Konsegwentement, l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kellha tipproċedi iktar malajr u titlobha sabiex tirrimedja l-irregolaritajiet tal-kontabbiltà qabel il-konklużjoni tal-proġetti u t-tlestija tal-verifika, ma hija bbażata fuq ebda klawżola kuntrattwali applikabbli f’din il-kawża.

208    Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-fatt li hija wettqet proċedura ta’ verifika ta’ kontabbiltà u finanzjarja, li ppermettielha li tiskopri l-irregolaritajiet inkwistjoni f’dan il-każ, juri li hija osservat l-obbligu tagħha ta’ sorveljanza billi applikat il-punt II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali, li jipprovdi li tista’ twettaq verifiki fi kwalunkwe mument u sa ħames snin wara t-tmiem tal-proġett.

209    Fl-aħħarnett, l-affermazzjoni li l-Kummissjoni għandha teżerċita viġilanza ikbar, peress li kienet mgħarrfa bil-falliment tal-koordinatur tal-proġett Dicoems u bl-eżistenza ta’ frodi ma tikkontestax din il-konklużjoni u għandha tiġi miċħuda peress li hija, barra minn hekk, ma għandha l-ebda rabta mal-irregolaritajiet imwettqa mir-rikorrenti.

210    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali għal nuqqas ta’ viġilanza għandu jiġi miċħud.

211    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet tar-rexissjoni immedjata tal-punt II.16(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali ma kinux sodisfatti f’dan il-każ. Il-Kummissjoni kellha, skont hija, tiftaħ il-fażi kontenzjuża, prevista mill-punt II.16(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali, qabel ma tirrexindi l-kuntratt. Hija b’hekk kisret id-dispożizzjonijiet kuntrattwali kif ukoll il-prinċipju ta’ bona fide u ta’ kollaborazzjoni leali.

212    Għandu jitfakkar li l-punt II.16(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ minnufih ittemm il-parteċipazzjoni tal-parti l-oħra fil-kuntratt jekk hija tkun intenzjonalment jew b’negliġenza wettqet irregolarità fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt [punt II.16(2)(a)] jew jekk kisret ir-regoli ta’ kondotta stabbiliti fir-regoli ta’ parteċipazzjoni [punt II.16(2)(b)].

213    It-terminu “irregolarità” huwa ddefinit fil-punt II.1(11) tal-kundizzjonijiet ġenerali bħala li jfisser “kull ksur ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju jew kwalunkwe ksur ta’ obbligu kontrattwali li jirriżulta minn att jew omissjoni min-naħa tal-parti l-oħra fil-kuntratt, li għandu jew jista’ jkollu l-effett li joħloq preġudizzju, għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew għall-baġits amministrati mill-Komunitajiet Ewropej, li jwasslu għal spiża inġustifikata”.

214    F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat preċedentement fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti wettqet irregolaritajiet, irrilevati fir-rapport ta’ verifika finali, u huwa stabbilit li dawn l-irregolaritajiet jikkorrispondu mad-definizzjoni mogħtija mill-punt II.1(11) tal-kundizzjonijiet ġenerali.

215    Fil-fatt, il-verifika b’mod partikolari rrilevat in-nuqqas ta’ traċċabbiltà, fil-kontabbiltà tar-rikorrenti, ta’ ċerti spejjeż fosthom dawk li din tal-aħħar talbet ir-rimbors tagħhom, l-assenza ta’ oriġinali (jew ta’ kopji awtentikati konformi, meta kienu ammessi) ta’ dokumenti relatati mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti, il-fatt li ċerti spejjeż li r-rikorrenti talbet ir-rimbors tagħhom ma kinux reali u ma jikkorrispondux għad-dokumenti ta’ sostenn relatati mal-proġetti, il-fatt li r-rikorrenti, billi ffirmat id-dokumenti finanzjarji li ntbagħtu lill-Kummissjoni, iċċertifikat ċirkustanzi li ma jikkonformawx mar-realtà fir-rigward ta’ ċerti spejjeż imġarrba u d-dokumenti relatati magħhom u l-fatt li l-kuntratti ta’ subappalt kienu pew konklużi bi ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali (punt 4, paġni 10 u 11, tar-rapport ta’ verifika finali).

216    Barra minn hekk, dawn il-ksur mir-rikorrenti tal-obbligi kuntrattwali tagħha, u b’mod partikolari tal-punt II.9 et seq tal-kundizzjonijiet ġenerali, li jaffettwaw il-baġit tal-Unjoni, peress li l-kontribuzzjoni Ewropea għall-baġit tal-proġetti Cocoon u Dicoems hija bbażata fuq l- eliġibbiltà tal-ispejjeż ddikjarati mill-parti l-oħra fil-kuntratt, f’dan il-każ mir-rikorrenti, u fuq l-osservanza tal-obbligi kuntrattwali tagħha.

217    Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-punt II.1(2) tal-Kundizzjonijiet Ġenerali ma jimplikax neċessarjament l-eżistenza ta’ intenzjoni frawdolenti tar-rikorrenti sabiex tipproċedi għar-rexissjoni tal-kuntratt.

218    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti fir-replika, il-fatt li tikkunsidra li l-irregolaritajiet inkwistjoni kienu ġew identifikati biss wara verifika ma jfissirx li dawn l-irregolaritajiet kienu ta’ importanza żgħira. Fi kwalunkwe każ, id-definizzjoni ta’ irregolaritajiet kif tirriżulta mill-punt II.I(11) tal-kundizzjonijiet ġenerali ma għandha l-ebda limitu ta’ gravità (sentenza ELE.SI.A vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ʼil fuq, punt 107). Għaldaqstant ma hemm ebda kontradizzjoni meta jiġi kkunsidrat li l-irregolaritajiet f’dan il-każ jiġġustifikaw ir-rexissjoni immedjata tal-kuntratt fir-rigward tar- rikorrenti, skont il-punt II.16(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali.

219    Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet tal-punt II.16(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali kienu sodisfatti f’din il-kawża. Il-fatt li ċerti somom mwarrba mill-verifika kellhom jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli (punt 200 iktar ʼil fuq) ma jikkontestax din il-konklużjoni.

220    Għaldaqstant, meta temmet il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti mingħajr ma għamlet il-proċedura kontenzjuża prevista fil-punt II.16(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali, il-Kummissjoni ma kisritx id-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli.

221    It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega l-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide u ta’ kooperazzjoni leali.

222    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1134(3) tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jipprovdi li l-ftehim għandhom jiġu eżegwiti bil-bona fide u l-Artikolu 1135 tal-istess kodiċi jipprovdi li “kuntratti jobbligaw mhux biss għal dak li jingħad fihom, iżda wkoll għall-konsegwenzi kollha li ġġib magħha l-obbligazzjoni skont ix-xorta tagħha, bl-ekwità, bl-użu jew bil-liġi”.

223    Madankollu, minn naħa, il-fatt li l-Kummissjoni ma għamlitx kummenti jew kritika dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tar-rikorrenti ma jaffettwax l-obbligi imposti fuqha skont il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2001, Toditec vs Il-Kummissjoni, T‑68/99, Ġabra p. II‑1443, punt 98).

224    Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni tenfasizza, jekk hija ma għamlitx djalogu mar-rikorrenti sabiex tirrimedja l-irregolaritajiet finanzjarji u ta’ kontabbiltà u jekk hija ma ġibditx l-attenzjoni tal-koordinatur ta’ kull proġett jew tar-rikorrenti qabel il-verifika, dan huwa spjegat mill-fatt li l-proċedura ta’ verifiki finanzjarji u ta’ kontabbiltà kienu meħtieġa sabiex jinkixfu l-irregolaritajiet inkwistjoni.

225    F’dan ir-rigward, mill-konstatazzjonijiet tar-rapport ta’ verifika finali, u b’mod partikolari mill-irregolaritajiet tal-kontabbiltà rrilevati (assenza ta’ traċċabbiltà tal-ispejjeż mitluba mir-rikorrenti, diskrepanza bejn l-ispejjeż mitluba u d-dokumenti pprovduti, ineliġibbiltà ta’ xi spejjeż ddikjarati b’mod żbaljat bħala eliġibbli), jirriżulta li huwa biss eżami bir-reqqa permezz ta’ verifiki ta’ kontabbiltà u finanzjarji seta’ jidentifika l-irregolaritajiet inkwistjoni.

226    L-argumenti tar-rikorrenti, imqajma fir-replika, li skonthom il-Kummissjoni kienet mgħarrfa bil-falliment tal-koordinatur tal-proġett Dicoems, li dwaru saru investigazzjonijiet, u bl-eżistenza ta’ frodi, hekk li hija kellha teżerċita viġilanza ikbar, ma jikkontestawx din il-konklużjoni, speċjalment peress li, kif ġie mfakkar fil-punt 209 iktar ʼil fuq, dawn il-fatti ma għandhom l-ebda rabta mal-irregolaritajiet inkwistjoni f’dan il-każ, imwettqa mir-rikorrenti. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, id-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni ma jitlifx l-utilità kollha, anki jekk il-verifiki jseħħu fit-tmiem tal-programm, peress li tali kontrolli jippermettu preċiżament lill-Kummissjoni li tivverifika jekk l-obbligi kuntrattwali ġewx sodisfatti mill-partijiet l-oħra fil-kuntratt.

227    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide u ta’ kooperazzjoni leali għandu jiġi miċħud.

228    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ kontroll tal-Kummissjoni kkawżatilha preġudizzju, peress li l-ammonti kienu kkunsidrati bħala mhux eliġibbli minkejja li l-irregolaritajiet setgħu jiġu rrimedjati qabel l-għeluq tal-verifika kieku huma kienu ġew ikkontestati fil-ħin. Hija titlob kumpens ekwu għas-servizzi pprovduti fil-kuntest tas-Sitt Programm Wafas. Hija tinvoka sussidjarjament l-arrikkiment indebitu.

229    Ir-rikorrenti, meta ġiet mistoqsija matul is-seduta, indikat li, għal din it-talba, hija kienet tinsab fil-kuntest kuntrattwali u li l-argument ibbażat fuq l-arrikkiment indebitu kien marbut mal-ħames motiv (punti 281 sa 290 iktar ʼil quddiem), u dan ġie rreġistrat fil-verbal tas-seduta.

230    Għandu jitfakkar li, rigward ir-responsabbiltà kuntrattwali, l-Artikolu 1142 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li jaqa’ taħt it-Titolu III tal-Ktieb III, intitolat “kuntratti jew obbligi kuntrattwali b’mod ġenerali” jipprovdi li “[k]ull obbligu li tagħmel jew li ma tagħmilx xi ħaġa jirrisolvi f’danni u imgħaxijiet, fil-każ ta’ inadempjenza mid-debitur”.

231    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1147 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, “[i]d- debitur huwa kkundannat, jekk ikun il-każ, għal-ħlas tad-danni li jkun dovut għall-ineżekuzzjoni tal-obbligu, jew minħabba d-dewmien fl-eżekuzzjoni, kull meta ma jiġġustifikax l-ineżekuzzjoni minn kawża esterna li ma tistax tiġi attribwita lilu, għalkemm ma hemm l-ebda mala fide min-naħa tiegħu”.

232    Minn dan jirriżulta li tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti sabiex dannu ta’ oriġini kuntrattwali jkun ikkumpensat, jiġifieri li kuntratt ma jkunx eżegwit, id-dannu u rabta kawżali bejn l-ineżekuzzjoni u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

233    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif ġie kkonstatat qabel, il-Kummissjoni la naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza kif previst mill-istipulazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni u lanqas mill-prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew ta’ kooperazzjoni leali, kif invokat mir-rikorrenti (punti 201 sa 227 iktar ʼil fuq).

234    L-ewwel kundizzjoni għaldaqstant ma ġietx sodisfatta.

235    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-proġetti saru u hija pprovdiet servizzi li għalihom l-ispejjeż ġew sostnuti. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

236    Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali, għandu jitfakkar li, ma huwiex biżżejjed li jintwera li proġett twettaq sabiex ikun iġġustifikat l-għoti ta’ sussidju partikolari. Minbarra dan, il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jġib prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata, peress li huma biss l-ispejjeż iġġustifikati tajjeb li jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli. L-obbligu tiegħu li jitħarsu l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti huwa anki wieħed mill-impenji essenzjali tiegħu u, minħabba f’hekk, jiddetermina l-għoti tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs IIC, T‑500/04, Ġabra p. II‑1443, punt 94, u tas-17 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs EU Research Projects, T‑220/10, punt 29).

237    Issa, f’dan il-każ, kif ġie kkonstatat preċedentement, ir-rikorrenti ma osservatx l-obbligi finanzjarji u ta’ kontabbiltà kollha imposti fuqha (punt 200 iktar ʼil fuq).

238    It-talba għad-danni kuntrattwali għaldaqstant għandha tiġi miċħuda.

239    Sa fejn ir-rikorrenti tibbaża fuq l-arrikkiment indebitu, għandu jsir riferiment għar-raġunament li sar fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ħames motiv (punti 281 sa 290 iktar ʼil quddiem).

240    Fl-aħħar nett, sa fejn jikkonċerna l-argumenti mqajma għall-annullament tan-nota ta’ debitu, dawn għandhom jiġu miċħuda peress li tressqu insostenn ta’ kap tat-talbiet inammissibbli (punt 75 iktar ʼil fuq).

241    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità

242    Ir-rikorrenti ssostni żewġ ilmenti insostenn ta’ dan il-motiv, wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-ieħor ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

243    Hija tippreċiża li dan il-motiv jsostni t-tielet u r-raba’ kapi tat-talbiet. Sa fejn dan il-motiv huwa intiż għall-annullament tan-nota ta’ debitu, huwa għandu jiġi miċħud peress li tressaq insostenn ta’ kap tal-konklużjonijiet inammissibbli (punt 75 iktar ʼil fuq). Għaldaqstant huwa eżaminat iktar ʼil quddiem sa fejn tqajjem insostenn tat-tielet kap tat-talbiet, intiż sabiex jikkontesta d-deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratti inkwistjoni u tar-raba’ kap tal-konklużjonijiet, sa fejn huwa intiż li jikkontesta t-talba ta’ rimbors tal-Kummissjoni.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

244    Ir-rikorrenti tinvoka l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, b’attenzjoni, imparzjalità u diliġenza, l-elementi rilevanti. L-ewwel nett, hija tilmenta mill-assenza ta’ kontroll mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti. Hija tenfasizza f’dan ir-rigward l-aċċettazzjoni taċita mill-Kummissjoni tal-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti minkejja t-talbiet tagħha intiżi li jiksbu intervent mill-uffiċjali tal-Kummissjoni quddiem xi irregolaritajiet imwettqa mill-koordinatur ta’ wieħed miż-żewġ proġetti kontenzjużi u minkejja l-ittri tagħha lill-Kummissjoni. Bl-istess mod, hija tenfasizza li, wara l-falliment tal-koordinatur tal-proġett Dicoems dan il-proġett tkompla għal 18-il xahar mingħajr ebda koordinatur. It-tieni nett, hija tilmenta mill-assenza ta’ laqgħat qabel ir-rapport ta’ verifika finali. It-tielet nett, hija tilmenta mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dokumenti prodotti fid-19 ta’ Awwissu 2009.

245    Għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma suġġetti għall-obbligi li jaqgħu taħt il-prinċipju ġenerali tal-amministrazzjoni tajba fir-rigward ta’ dawk amministrati esklużivament fil-kuntest tal-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet amministrattivi tagħhom. Min-naħa l-oħra, meta r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti hija b’mod ċar ta’ natura kuntrattwali, din tal-aħħar tista’ tikkritika lill-Kummissjoni biss għal ksur ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali jew għal ksur ad-dritt applikabbli għall-kuntratt (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Burie Onderzoek en advies, T‑179/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 118, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Frar 2010, Alisei vs Il-Kummissjoni, T‑481/08, Ġabra p. II‑117, punti 95 u 96).

246    F’dan il-każ, ma hemmx dubju dwar in-natura kuntrattwali ta’ din il-kawża u dan huwa aċċettat mir-rikorrenti stess.

247    L-argumenti tagħha li skonthom il-Kummissjoni għandha funzjonijiet u prerogattivi partikolari fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda.

248    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għad-Deċiżjoni Nru 1513/2002. Din id-deċiżjoni tipprevedi fl-Artikolu 6.1 li “[i]l-Kummissjoni għandha tissorvelja kontinwament u b’mod sistematiku, bl-għajnuna ta’ esperti kwalifikati indipendenti l-implimentazzjoni tas-sitt programm kwadru u l-programmi speċifiċi tiegħu”. Fl-Anness III, il-punt 2 jipprevedi wkoll li “[i]l-Kummissjoni twettaq l-attiviatjiet ta’ riċerka b’tali mod li tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Komunità permezz ta’ kontrolli effettii [effettivi] u jekk jinkixfu l-irregolaritajiet, permmezz ta’ miżuri [sanzjonijiet] dissważivi u proporzjonati”.

249    Bl-istess mod, fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tirreferi għas-setgħa tal-Kummissjoni li twettaq verifiki, is-setgħa tagħha ta’ rexissjoni unilaterali jew is-setgħa tagħha li tirkupra s-somom ikkontestati b’nota ta’ debitu. Hija tallega b’hekk l-eżistenza ta’ prerogattivi li jaqgħu taħt il-kompetenzi amministrattivi tal-Kummissjoni.

250    Madankollu, l-elementi invokati mir-rikorrenti ma jibdlu xejn min-natura kuntrattwali ta’ din il-kawża u mill-fatt li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni aġixxiet skont il-kuntratti inkwistjoni, mingħajr ma eżerċitat il-prerogattivi tas-setgħa pubblika mogħtija lilha meta hija aġixxiet bħala awtorità amministrattiva (ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il-Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 83, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2008, Imelios vs Il-Kummissjoni, T‑97/07, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 28).

251    Għaldaqstant, ir-rikorrenti tista’ tikkritika lill-Kummissjoni biss dwar il-ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali jew il-ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt.

252    Issa, f’dan il-każ, insostenn tal-ilment tagħha bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-rikorrenti tinvoka nuqqasijiet dwar l-assenza ta’ kontroll waqt il-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti u l-assenza ta’ laqgħat qabel ir-rapport ta’ verifika finali. Madankollu, anki jekk dan huwa l-każ, tali nuqqasijiet ma jaffettwawx l-obbligi li għandha r-rikorrenti skont il-kuntratti inkwistjoni u fuq ir-riżoluzzjoni tal-imsemmija kuntratti inkwistjoni f’din il-kawża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il-Kummissjoni, T‑246/09, punt 274).

253    Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala ineffettivi f’dan il-kuntest.

254    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, sakemm ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sabiex tiġi ddikjarata illegali r-rexissjoni tal-kuntratti inkwistjoni (it-tielet kap tat-talbiet), għandu jiġi mfakkar, kif ġie kkonstatat preċedentement, li din ir-rexissjoni kienet konformi mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli kif ukoll mal-prinċipji ta’ bona fide u ta’ kooperazzjoni leali (punti 211 sa 227 iktar ʼil fuq). L-argumenti mqajma mir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-ilment ma humiex tali li jikkontestaw dawn il-konstatazzjonijiet.

255    Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dokumenti prodotti fid-19 ta’ Awwissu 2009 għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, dawn id-dokumenti ġew meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (punt 110 iktar ʼil fuq). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx kif l-allegat nuqqasijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kellhom iwasslu għal konsegwenzi differenti minn dawk diġà kkonstatati fil-kuntest tal-ewwel motiv (punt 200 iktar ʼil fuq).

256    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sabiex tiġi ddikjarata infondata t-talba għal rimbors tal-Kummissjoni (raba’ kap tat-talbiet), għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx kif l-allegati nuqqasijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandhom iwasslu għal konsegwenzi differenti minn dawk ikkonstatati fil-kuntest tal-ewwel motiv (punt 200 iktar ʼil fuq).

257    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

258    Ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li jkun rexiss il-kuntratt b’mod immedjat, jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tan-natura purament ta’ kontabbiltà dwar l-irregolaritajiet li ġew ikkritikati.

259    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, previst fl-Artikolu 5 TUE, huwa intiż sabiex jirregola kull tip ta’ azzjoni tal-Komunità, kemm kuntrattwali kemm le (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Mejju 2004, Distilleria Palma vs Il-Kummissjoni, T‑154/01, Ġabra p. II‑1493, punt 44). Dan il-prinċipju jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 25, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 1999, Conserve Italia vs Il-Kummissjoni, T‑216/96, Ġabra p. II‑3139, punt 101).

260    F’din il-kawża, mir-rapport ta’ verifika finali jirriżulta li l-irregolaritajiet li r-rikorrenti hija kkritikata bihom kienu ħafna u varjati. B’mod partikolari, ir-rapport ta’ verifika kkonstata nuqqas ta’ traċċabbiltà fil-kontabbiltà tal-ispejjeż li r-rikorrenti talbet ir-rimbors tagħhom, kif ukoll l-assenza ta’ dokumenti oriġinali (jew kopji awtentikati konformi, meta kienu ammessi) rigward l-eżekuzzjoni tal-kuntratti. L-imsemmi rapport jirrileva wkoll li xi wħud mill-ispejjeż li għalihom intalab ir-rimbors ma kinux reali u ma jikkorrispondux mad-dokumenti ta’ sostenn relatati mal-proġetti. Barra minn hekk, jinnota wkoll li, meta ffirmat id-dokumenti finanzjarji mibgħuta lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienet iċċertifikat ċirkustanzi mhux konformi mar-realtà fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti u d-dokumenti ta’ sostenn. Ikkonstata wkoll li l-kuntratti ta’ subappalt kienu ġew konklużi bi ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

261    Dawn il-konstatazzjonijiet tar-rapport ta’ verifika finali kienu kkunsidrati bħala żbaljati fil-kuntest tal-ewwel motiv għal dak li jirrigwarda parti mill-ispejjeż diretti tal-persunal, li kellhom ikunu kkunsidrati bħala eliġibbli sa ammont ta’ EUR 17 231.28 u għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż indiretti u relatati, li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kuntratti (punt 200 iktar ʼ il fuq).

262    Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-konstatazzjonijiet tar-rapport ta’ verifika finali tal-verifika jibqgħu fondati għall-kumplament.

263    Issa, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-Kummissjoni li tħares l-amministrazzjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi tal-Unjoni, skont l-Artikolu 317 TFUE, u l-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-frodi għall-finanzjamenti tal-Unjoni jagħtu importanza fundamentali għall-impenji relatati mal-kundizzjonijiet finanzjarji (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il-Kummissjoni, T‑428/07 u T‑455/07, Ġabra p. II‑2431, punt 126, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, l-obbligu tar-rikorrenti li tosserva l-obbligi tagħha b’mod partikolari fil-qasam tat-traċċabbiltà tal-ispejjeż u tal-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn li jikkonċernaw l-ispejjeż imġarrba, jikkostitwixxi għaldaqstant wieħed mill-impenji essenzjali tagħha, intiżi li l-Kummissjoni tipprovdi d-data neċessarja sabiex tivverifika jekk il-kontribuzzjonijiet inkwistjoni kinux użati b’mod konformi mal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt.

264    Minn dan jirriżulta li huwa ġustament li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet wettqet irregolaritajiet serji li jistgħu jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tal-punt II.1(11) tal-kundizzjonijiet ġenerali, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti Dicoems u Cocoon.

265    Minn dan isegwi li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li jiġi rexiss immedjatament il-kuntratt, skont il-punt II.16(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali, li barra minn hekk jikkostitwixxi wkoll l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti kif ġie kkonstatat preċedentement (punti 211 sa 220 iktar ʼil fuq), ma jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

266    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

267    Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u nuqqas ta’ motivazzjoni

268    Ir-rikorrenti tallega l-ksur tad-drittijiet tad-difiża u, fir-replika, in-nuqqas ta’ motivazzjoni. Hija indikat, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub, li dan il-motiv huwa insostenn tat-tielet u r-raba’ kapijiet tal-konklużjonijiet. Sa fejn dan il-motiv huwa intiż għall-annullament tan-nota ta’ debitu, huwa għandu jiġi miċħud peress li huwa tressaq insostenn ta’ kap tat-talbiet inammissibbli (punt 75 iktar ʼil fuq).

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

269    Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li hija ma setgħetx tagħti l-opinjoni tagħha b’mod effettiv matul il-verifika jew wara l-abbozz tar-rapport ta’ verifika u, fit-tieni lok, li l-laqgħat tat-3 ta’ Diċembru 2009 u tal-1 ta’ Lulju 2010 fuq ir-rapport ta’ verifika finali seħħew fl-assenza ta’ uffiċjali li wettqu l-verifika.

270    Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li r-rikorrenti ma tallegax il-ksur ta’ xi dispożizzjoni speċifika tal-kuntratti inkwistjoni, lanqas ta’ xi dispożizzjoni jew kull dispożizzjoni ta’ dritt applikabbli għall-imsemmija kuntratti.

271    Insegwitu, anki jekk wieħed jista’ jikkunsidra li d-dritt applikabbli għall-kuntratt jimplika l-eżistenza ta’ obbligi kuntrattwali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx kif il-konsegwenzi kienu jkunu differenti minn dawk diġà kkonstatati (punt 200 iktar ʼil fuq).

272    Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, miċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jirriżulta li dan l-ilment ma huwiex fondat. Fil-fatt, mid-dokumenti fil-proċess preċedentement imfakkra (punti 38 sa 46 iktar ʼil fuq) jirriżulta li r-rikorrenti setgħet tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod effettiv wara l-abbozz tar-rapport ta’ verifika u b’mod partikolari b’ittra tad-19 ta’ Awwissu 2009 li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti affermat, din ġiet meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rapport ta’ verifika finali (punt 110 iktar ʼil fuq). Is-sempliċi fatt li ma ntlaqgħux għal kollox it-talbiet tagħha ma jfissirx li dawn id-dokumenti ma ġewx eżaminati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, wara r-rapport finali tal-verifika, l-iskambji bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti żdiedu (punti 48 sa 59 iktar ʼil fuq).

273    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

274    Ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, li l-Kummissjoni ma tatx raġunijiet għall-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dokumenti addizzjonali u ma indikatx għaliex l-ammonti meħuda inkunsiderazzjoni mill- Kummissjoni kienu differenti minn dawk li jirriżultaw mill-kontabbiltà tagħha.

275    Mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment imqajjem fir-replika, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-obbligu huma impost fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 296 TFUE. Dan madankollu jirrigwarda biss il-modi ta’ azzjoni unilaterali ta’ din l-istituzzjoni. Għaldaqstant dan ma huwiex impost fuq il-Kummissjoni skont il-kuntratt li jorbot din l-istituzzjoni lir-rikorrenti. Konsegwentement, dan l-obbligu ma jistax, jekk ikun il-każ, jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Distilleria Palma vs Il-Kummissjoni, punt 259 iktar ʼil fuq, punt 46). Issa, la mir-rikors u lanqas mit-tweġibiet tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali ma jirriżulta li hija kellha l-intenzjoni li tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

276    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx fejn il-konsegwenzi ta’ tali ksur huma differenti minn dawk diġà kkonstatati fil-kuntest tal-ewwel motiv (punt 200 iktar ʼil fuq).

277    Dan l-ilment għaldaqstant għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, dan il-motiv kollu kemm hu.

 Konklużjoni fuq id-domanda prinċipali

278    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba prinċipali għandha tkun parzjalment milqugħa. B’hekk ġie kkonstatat li l-ispejjeż eliġibbli li għandha tittieħed responsabbiltà tagħhom mill-Kummissjoni, fis-sens tal-kuntratti kontenzjużi, li jinkludu wkoll l-ispejjeż diretti tal-persunal sa ammont ta’ EUR 17 231.28 kif ukoll l-ispejjeż indiretti u relatati, jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kuntratti.

279    It-talba prinċipali għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma hemm ħtieġa li jiġi ordnat rapport addizzjonali ta’ espert, kif issuġġerit mir-rikorrenti fis-seduta.

3.     Fuq it-talba sussidjarja, ibbażata fuq il-ħames motiv

280    Ir-rikorrenti tinvoka l-ħames motiv, insostenn tat-talba sussidjarja tagħha intiża għal-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni u interessi bħala kumpens għad-dannu allegatament subit. Dan il-motiv itendi li jikkonstata r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, minn naħa, għal arrikkiment indebitu u, min-naħa l-oħra, minħabba att illegali.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu

281    Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbenefikat mir-riżultati xjentifiċi tal-proġetti inkwistjoni u, fid-dawl tar-rexissjoni tal-kuntratti, hija tallega l-arrikkiment indebitu.

282    Għandu jitfakkar li l‑azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu kif prevista fil-biċċa l-kbira tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali ma tinkludix kundizzjoni marbuta ma’ illegalità jew ħtija fl‑aġir tal-konvenut. Bil-kontra, sabiex din l-azzjoni tintlaqa’, huwa essenzjali li l-arrikkiment ma jkollu l-ebda bażi legali valida. Din il-kundizzjoni ma hijiex sodisfatta, b’mod partikolari, meta l-arrikkiment huwa bbażat fuq obbligi kuntrattwali [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C‑47/07 P, Ġabra p. I‑9761, punti 45 u 46].

283    Issa, f’dan il-każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, huwa abbażi ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet li l-allegat vantaġġ li hija kisbet isib il-kawża tiegħu.

284    Minn dan isegwi li eventwali arrikkiment tal-Kummissjoni jew tifqir tar-rikorrenti ma jistax jitqies li huwa indebitu, peress li dawn għandhom l-oriġini tagħhom fil-kuntest kuntrattwali eżistenti.

285    Barra minn hekk, il-fatt li l-kuntratti inkwistjoni ġew rexissi b’ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 2010, kif ir-rikorrenti tenfasizza, ma jibdilx din il-konklużjoni.

286    Fil-fatt, is-suġġett ta’ dan l-ilment jikkonsisti, fir-realtà, f’talba għad-danni ta’ oriġini kuntrattwali, minkejja din ir-rexissjoni. Barra minn hekk, mill-kuntratti inkwistjoni jirriżulta li ċerti dispożizzjonijiet kuntrattwali jibqgħu applikabbli fir-rigward ta’ parteċipant anki wara r-rexissjoni tal-kuntratti, u b’mod partikolari l-punti II.29, II.30 u II.31 li jikkonċernaw il-verifika, il-kumpens u l-irkupru ta’ ammonti mħallsin indebitament.

287    Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma għandhiex bażi sabiex tallega li Kummissjoni ġiet arrikkita minħabba dawn il-kuntratti.

288    Fil-fatt, skont il-punt II.27 tal-kundizzjonijiet ġenerali, skont ir-Regolament Finanzjarju, il-ħlas bil-quddiem mogħti lill-koordinatur f’isem il-konsorzju jibqa’ l-proprjetà tal-Unjoni.

289    Barra minn hekk, mit-termini stess tal-punt II.32 tal-kundizzjonijiet ġenerali, moqri flimkien mal-punt II.1(14) tal-istess kundizzjonijiet ġenerali, jirriżulta li r-riżultati tal-proġetti inkwistjoni kif ukoll id-drittijiet relatati magħhom huma esklużivament il-proprjetà tal-partijiet l-oħra fil-kuntratt mal-Kummissjoni li kkontribwixxew għall-ksib tagħhom (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Insula vs Il-Kummissjoni, punt 252 iktar ʼil fuq, punt 264).

290    L-ewwel parti tal-ħames motiv għaldaqstant għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ir-responsabbiltà għal ħtija tal-Kummissjoni

291    Ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest ta’ proġett ieħor ta’ finanzjament tal-Unjoni (Pasodoble), il-Kummissjoni, permezz tal-Kap tal-Unità tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), bagħtet fis-16 ta’ April 2010, jiġifieri immedjatament wara l-verifiki tal-kontijiet, ittra lill-koordinatur ta’ dan il-proġett l-ieħor, u wissietu fuq il-kapaċità operattiva tar-rikorrenti u rrakkomandat li jqassam biss parti mill-prefinanzjament. Ir-rikorrenti ssostni li din l-ittra tikkostitwixxi ħtija tal-Kummissjoni, li l-REA tiddependi minnha, li wasslet għal dannu ekonomiku u morali.

292    Għandu jitfakkar li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, tad-19 ta’ Diċembru 2002, li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235), jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tistabbilixxi aġenziji eżekuttivi u tagħmilhom responsabbli sabiex iwettaq ċerti kompiti relatati mal-ġestjoni ta’ wieħed jew iktar programmi Komunitarji. Għalkemm il-Kummissjoni tkompli twettaq il-kompiti li jimplikaw marġni ta’ diskrezzjoni tali li jittraduċu għażliet politiċi, l-aġenzija tista’ tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-fażijiet tal-proġett, għall-adozzjoni ta’ atti li jeżegwixxu l-baġit u, abbażi tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni, it-tranżazzjonijiet meħtieġa għall-implementazzjoni tal-programm Komunitarju, inklużi dawk marbuta mal-għoti ta’ kuntratti u sussidji (Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Nru 58/2003).

293    Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 58/2003 jipprevedi li l-aġenzija eżekuttiva għandha l-personalità ġuridika. Mill-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament jirriżulta li aġenzija eżekuttiva għandha tkun irregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni u li, fil-każ li ma jkunx hemm responsabbiltà kuntrattwali, hija għandha tagħmel tajjeb għal kwalunkwe danni kkaġunati mill-aġenzija jew mill-aġenti tagħha fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni fuq kawżi dwar il-kumpens għal tali danni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, kwalunkwe att ta’ aġenzija eżekuttiva li jikkawża preġudizzju lil parti terza, jista’ jiġi riferit lill-Kummissjoni minn kwalunkwe persuna direttament u individwalment ikkonċernat, jew minn Stat Membru, għall-istħarriġ dwar il-legalità tiegħu. Ir-rikors amministrattiv huwa ppreżentat lill-Kummissjoni u d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

294    B’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament Nru 58/2003, il-Kummissjoni waqqfet ir-REA bid-Deċiżjoni 2008/46/KE, tal-14 ta’ Diċembru 2007, li tistabbilixxi l-“Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka” għall-ġestjoni ta’ ċerti oqsma tal-programmi Komunitarji speċifiċi Nies, Kapaċitajiet u Kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka (ĠU 2008, L 11, p. 9).

295    L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/46 jipprevedi li l-istatut tar-REA huwa rregolat mir-Regolament Nru 58/2003.

296    Minn dan isegwi li r-REA għandha l-personalità ġuridika. Bl-istess mod, mid-Deċiżjoni 2008/46 flimkien mal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 58/2003 jirriżulta li, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, ir-REA għandha tikkumpensa d-danni kkawżati minnha jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

297    Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni 2008/46 jirriżulta li r-REA għandha, b’mod partikolari bħala kompiti, il-ġestjoni ta’ fażijiet ta’ proġetti speċifiċi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ ċerti oqsma tal-Programmi Nies, Kapaċitajiet u Kooperazzjoni, il-ġestjoni tal-programm ta’ xogħol adottat mill-Kummissjoni kif ukoll il-kontrolli meħtieġa għal dan il-għan. Hija responsabbli wkoll li tadotta l-istrumenti għall-eżekuzzjoni tal-baġit għat-tmexxija tal-programmi inkwistjoni, b’mod partikolari, dawk marbuta mal-għoti ta’ sussidji u ta’ kuntratti (Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2008/46).

298    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni li l-ittra mibgħuta mill-kap tal-Unità tar-REA lill-koordinatur ta’ proġett ieħor tinvolvi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

299    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra tas-16 ta’ April 2010 għandha l-intestatura tar-REA u hija ffirmata mill-Kap tal-Unità tar-REA, li għandha personalità ġuridika. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-ittra taqa’ fil-kompetenzi tar-REA li twettaq kompiti ta’ ġestjoni u ta’ eżekuzzjoni tal-baġit, u b’mod partikolari dawk marbuta mal-għoti ta’ sussidji u ta’ kuntratti. Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, r-REA għandha tikkumpensa għad-danni kkawżati minnha jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha (punt 296 iktar ʼil fuq).

300    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, din l-ittra ma tistax titqies li hija ntbagħtet mill-Kummissjoni jew bħala li hija responsabbli tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Novembru 2011, Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u EACEA, C‑626/10 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 27 sa 30 u 52 sa 55, u s-sentenza tal-Qorti ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER, T‑411/06, Ġabra p. II‑2771, punti 50 sa 57).

301    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-affermazzjoni tar-rikorrenti, barra minn hekk mhux sostanzjata, li l-fatti spjegati f’din l-ittra kienu “evidentement” issuġġeriti mill-uffiċjali tal-Kummissjoni. Fil-fatt, għalkemm ir-REA kienet informata mill-Kummissjoni bir-riżultati tal-verifika, l-ittra tas-16 ta Jannar 2010 hija responsabbiltà biss tar-REA.

302    Għaldaqstant, l-ittra inkwistjoni, attribwita lir-REA, ma hijiex tali li tinvolvi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, u t-tieni parti ta’ dan il-motiv, diretta kontra l-Kummissjoni, hija inammissibbli.

303    Fi kwalunkwe każ, għalkemm jekk l-ittra inkwistjoni tiġi attribwita lill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu subit, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, meta l-kundizzjonijiet kollha dwar l-illegalità tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat ikunu sodisfatti (ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 106). Sa fejn dawn it-tliet kundizzjonijiet għandhom ikunu kumulattivament sodisfatti, il-fatt li waħda minnhom tkun nieqsa huwa biżżejjed biex jiġi miċħud rikors għad-danni (ara sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest andel et Makarov vs Il-Kunsill, C‑419/08 P, Ġabra p. I‑2259, punt 41).

304    Issa, f’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma wrietx li l-ittra tas-16 ta’ April 2010 hija vvizzjata minn illegalità li hija ħtija. Fil-fatt, l-awtur tal-imsemmija ittra jindika li d-dubji tiegħu dwar il-kapaċità operattiva tar-rikorrenti fl-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilu fil-kuntest tal-proġett kienu reċentement ikkonfermati fit-tmiem tal-verifika tal-kontabbiltà mill-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, huwa jirrakkomanda lill-koordinatur li jassenja lir-rikorrenti parti biss mill-prefinanzjament, peress li l-bilanċ jitħallas biss wara li r-rikorrenti tkun bdiet twettaq l-attivitajiet tagħha b’mod sodisfaċenti, kif previst fid-deskrizzjoni tal-kompiti. Barra minn hekk, l-awtur tal-ittra jirriżerva d-dritt li fi kwalunkwe mument jagħmel verifika fuq il-post tar-rikorrenti, sabiex jiżgura li l-ispejjeż sostnuti huwa effettivament identifikabbli u eliġibbli.

305    B’dan il-mod, l-awtur tal-ittra jinsab fil-kuntest tal-kompiti tiegħu ta’ ġestjoni baġitarja u r-rikorrenti ma tistabbilixxix li huwa kiser regola ta’ dritt jew wettaq xi irregolarità tkun xi tkun. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-kontenut ta’ din l-ittra ma jidhirx malafamanti, peress li, minkejja l-fatt li wħud mill-ispejjeż tal-persunal kienu inġustament ikkunsidrati b’mod żbaljat bħala ineliġibbli, ir-rapport ta’ verifika finali ġustament jikkonkludi li hemm irregolaritajiet li ġġustifikaw ir-rexissjoni tal-kuntratti Cocoon u Dicoems.

306    Minn dan isegwi li t-tieni parti ta’ dan il-motiv hija, fi kwalunkwe każ, infondat.

307    Il-ħames motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq it-talba tar-rikorrenti sabiex il-Kummissjoni tipproduċi dokumenti li bihom jista’ jiġi evalwat id-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet b’riżultat li ntbagħtet din l-ittra.

 Konklużjoni dwar it-talba sussidjarja

308    Fid-dawl tal-premess, it-talba sussidjarja għandha tiġi miċħuda.

4.     Fuq il-kontrotalba tal-Kummissjoni

309    Il-Kummissjoni ssostni li r-rexissjoni tal-kuntratti Dicoems u Cocoon u l-ħruġ tan-nota ta’ debitu seħħew b’osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli. Fil-kontroreplika, l-ewwel nett, hija tippreżenta kontrotalba sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata tagħmillha rimbors tas-somma ta’ EUR 164 080.03 indikata fin-nota ta’ debitu, miżjuda bl-interessi moratorji kif previst fil-punt II.31(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali. It-tieni nett, hija titlob li jiġi kkonfermat it-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proġetti Dicoems u Cocoon imsemmija fl-ittra tal-5 ta’ Novembru 2010.

310    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi l-kawża abbażi tad-dritt materjali nazzjonali applikabbli għall-kuntratt (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, Ġabra p. 4057, punt 4), jiġifieri f’din il-kawża, id-dritt Belġjan, li jirregola l-kuntratti inkwistjoni skont l-Artikolu 12 ta’ kull wieħed miż-żewġ kuntratti.

311    Għall-kuntrarju, skont prinċipju ta’ dritt ġeneralment ammess li bih kull qorti tapplika r-regoli tagħha ta’ proċedura, il-ġurisdizzjoni kif ukoll l-ammissibbiltà tat-talbiet għandhom jiġu evalwati biss abbażi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Zoubek, punt 310 iktar ʼil fuq, punt 10, u tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il-Kummissjoni, T‑110/10, punti 29 u 30).

312    F’din il-kawża, il-kontrotalba tal-Kummissjoni hija magħmula fil-kuntest tal-kontroreplika.

313    Issa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura jipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-proċeduri.

314    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, l-introduzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-proċeduri, din id-dispożizzjoni ma tistax, f’ebda każ, tiġi interpretata bħala li tawtorizza parti sabiex temenda, matul il-proċeduri, l-oġġett stess tal-kawża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 278/85, Ġabra p. 4069, punti 37 u 38, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1992, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑28/90, Ġabra p. II‑2285, punt 43).

315    L-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura ma jaffettwawx id-distinzjoni skont jekk hemmx ir-rikorrent jew il-konvenut.

316    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni, abbażi tad-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-proċeduri, li tikkunsidra bħala inammissibbli eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew motiv imressaq għall-ewwel darba fil-kontroreplika u mhux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt ġew magħrufa waqt il-proċedura (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑471/98, Ġabra p. I‑9681, punti 42 u 43, u tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑519/03, Ġabra p. I‑3067, punti 22 u 23).

317    F’din il-kawża, il-kontrotalba ppreżentata fil-kontroreplika hija ġdida mqabbla mat-talbiet tad-difiża tal-Kummissjoni. Fil-fatt, din it-talba hija intiża, l-ewwel nett, sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata tirrimborsa lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 164 080.03 indikata fin-nota ta’ debitu, flimkien ma’ interessi moratorji u, it-tieni nett, sabiex jiġi kkonfermat it-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proġetti Dicoems u Cocoon.

318    Għalkemm it-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntratti huwa ipso facto kkonfermat mill-eżitu ta’ dan ir-rikors, it-talba għal rimbors miżjuda bl-interessi moratorji tikkostitwixxi, fl-istadju tal-kontroreplika, kap tal-konklużjonijiet supplimentari meta mqabbel ma’ dawk spjegati fid-difiża. Barra minn hekk, kif ippreċiżat il-Kummissjoni waqt is-seduta, din il-kontrotalba żżid mar-risposta talba intiża għall-ksib ta’ titolu eżekuttiv.

319    Għaldaqstant, il-kontrotalba, sa fejn tinkludi talba għal rimbors miżjuda bl-interessi moratorji, tista’ titqies li hija talba ġdida, li tbiddel billi twessa’ l-oġġett tar-risposta tagħha.

320    Mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni sostniet li, fis-sistema tal-Unjoni, il-kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq rikors tal-kawża prinċipali jimplika dik li tiddeċiedi fuq kwalunkwe kontrotalba ippreżentata matul l-istess proċedura li hija dderivata mill-istess att jew mill-istess fatt li jikkostitwixxi s-suġġett tar-rikors (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2004, Il-Kummissjoni vs IAMA Consulting, C‑517/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 17). Madankollu, il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-talba mill-Kummissjoni bħala kontrotalba ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża. Dan l-argument ma jikkontestax il-konklużjoni li biha l-kontrotalba f’dan il-każ hija talba ġdida li twessa’ s-suġġett tat-talbiet tad-difiża.

321    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-prinċipji tar-rispett tal-kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża jimplikaw li tali talba ssir fir-risposta, anki fil-każ fejn, bħal f’din il-kawża, il-kontrotalba ġġedded it-talba għal rimbors li tinsabu fin-nota ta’ debitu.

322    Għaldaqstant tali talba għandha tkun kkunsidrata bħala tardiva u għaldaqstant inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura.

323    Finalment, għandu jiżdied ukoll li tali tardività ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tirkupra s-somom inkwistjoni, skont l-Artikolu 299 TFUE, li jgħid li l-atti li jimponu, fuq persuni ma humiex Stati, obbligi pekunjarji, ikollhom forza eżekuttiva. Fil-fatt, kif barra minn hekk jipprevedi l-punt II.31(5) tal-kundizzjonijiet ġenerali, il-Kummissjoni tista’ dejjem tadotta deċiżjoni infurzabbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1) (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il-Kummissjoni, T‑246/09, punt 252 iktar ʼil fuq, punti 95 sa 99), peress li formula eżekuttiva hija sussegwentement applikata mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

324    Minn dan isegwi li l-kontrotalba ppreżentata mill-Kummissjoni hija inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

325    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet ikunu telliefa, bħal f’dan il-każ, rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

326    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑116/11 R.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors tal-Association médicale européenne (EMA) huwa milqugħ sa fejn jirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż diretti tal-persunal marbuta mal-kuntratti Cocoon u Dicoems ta’ ammont ta’ EUR 17 231.28 kif ukoll l-ispejjeż indiretti u relatati li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-imsemmija kuntratti.

2)      Il-kumplament tar-rikors tal-EMA huwa miċħud.

3)      Il-kontrotalba tal-Kummissjoni Ewropea hija miċħuda.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża 116/11 R.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2013.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

1.  Il-kuntest kuntrattwali

2.  Id-dritt Belġjan

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq it-talba prinċipali, ibbażata fuq l-ewwel erba’ motivi

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-punti II.19, II.20, II.21 u II.25 tal-kundizzjonijiet ġenerali

Fuq it-talba ta’ rimbors dwar ir-raba’ perijodu

Fuq l-ilment tal-assenza ta’ mudell tal-ispejjeż

Fuq l-ilment dwar l-assenza ta’ eliġibbiltà ta’ spejjeż iffatturati li għadhom ma tħallsux

Fuq l-ilment dwar l-ispejjeż diretti tal-persunal

–  Fuq l-ispejjeż tal-persunal mitluba fil-kuntest tal-kuntratt Cocoon

–  Fuq l-ispejjeż tal-persunal mitluba fil-kuntest tal-kuntratt Dicoems

Fuq l-ilment dwar l-ispejjeż indiretti

Fuq l-ilment fuq l-inkonsistenza tar-rapport ta’ verifika finali

Konklużjoni fuq l-ewwel motiv

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi tagħha ta’ sorveljanza, tal-prinċipju ta’ bona fide u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalitŕ

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u nuqqas ta’ motivazzjoni

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Konklużjoni fuq id-domanda prinċipali

3.  Fuq it-talba sussidjarja, ibbażata fuq il-ħames motiv

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ir-responsabbiltŕ għal ħtija tal-Kummissjoni

Konklużjoni dwar it-talba sussidjarja

4.  Fuq il-kontrotalba tal-Kummissjoni

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.