Language of document : ECLI:EU:T:2014:752

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

3 ta’ Settembru 2014 (*)

“Rikors għal annullament – Reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta – ‘Edam Holland’ – Assenza ta’ interess ġuridiku – Nuqqas ta’ interess dirett – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑112/11,

Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse eV, stabbilita f’Berlin (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn M. Loschelder u V. Schoene, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn G. von Rintelen u M. Vollkommer, sussegwentement minn M. von Rintelen u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, J. Langer, M. Noort, B. Koopman u M. Bulterman, bħala aġenti,

u minn

Nederlandse Zuivelorganisatie, stabbilita f’Zoetermeer (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn P. van Ginneken, F. Gerritzen u C. van Veen, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1121/2010, tat-2 ta’ Diċembru 2010, li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Edam Holland (IĠP)] (ĠU L 317, p. 14),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippubblikat applikazzjoni għal reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (sunt fil-ĠU C 57, p. 39). Din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, imressqa min-Nederlandse Zuivelorganisatie (iktar ’il quddiem l-“NZO”) u ppreżentata quddiem il-Kummissjoni mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kienet tirrigwarda r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta (iktar ’il quddiem l-“IĠP”) “edam holland”.

2        Fis-26 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti, Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse eV, ippreżentat dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni quddiem awtoritajiet Ġermaniżi, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal‑20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 213).

3        Fil-kuntest ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti ppreżentat ruħha bħala assoċjazzjoni professjonali ta’ manifatturi u distributuri tal-edam, li fl-2007 l-impriżi membri tagħha kienu kkummerċjalizzaw 141 385 tunnellata ta’ edam (94 361 tunnellata kienet ġejja mill-produzzjoni tagħhom stess). Insostenn tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, kien indikat b’mod partikolari li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “edam holland”, mingħajr ebda preċiżazzjoni espressa, kienet tikkomprometti l-użu tal-isem ġeneriku “edam”.

4        Fit-18 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ippreżentat quddiem il-Kummissjoni dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tar-rikorrenti tas-26 ta’ Ġunju 2008 (punt 2 iktar ’il fuq) kienet annessa mad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

5        Fil-21 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni għarrfet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li hija qieset li l-oppożizzjoni ppreżentata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ammissibbli. Hija stiednet ukoll lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipproċedu għall-konsultazzjonijiet xierqa sabiex jilħqu ftehim, fis-sens tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 510/2006.

6        Fid-29 ta’ Mejju 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika lill-Kummissjoni li huwa ma setax jilħaq ftehim mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

7        Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 1121/2010, li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Edam Holland (IĠP)] (ĠU L 317, p. 14, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). L-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠP inkwistjoni kienu jipprovdu, b’mod partikolari, li l-ġobon “edam holland” huwa prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-ħalib tal-baqar li joriġina mill-bdiewa Olandiżi li jrabbu l-baqar li jipproduċu l-ħalib (punt 4.2 tal-ispeċifikazzjonijiet).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2011, il-kawża preżenti ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali.

10      Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġenerali tat-8 ta’ Novembru 2011, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u n-NZO ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2013, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid.

12      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

13      Fil-15 ta’ Novembru 2013, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu għal ċertu numru ta’ domandi. B’mod partikolari, il-partijiet ġew mistoqsija dwar il-kundizzjoni għall-ammissibbiltà tar-rikors dwar l-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Il-partijiet wieġbu fit-termini mogħtija.

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-NZO jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

16      Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar tista’, f’kull waqt, ex officio, u wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedi fuq l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Id-deċiżjoni għandha tittieħed skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 114(3) u (4) tal-istess regoli.

17      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi mingħajr ma tkompli l-proċedura.

18      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, peress li r-rikorrenti hija assoċjazzjoni, fil-prinċipju, hija ma hijiex intitolata tippreżenta rikors għal annullament ħlief fil-każ li tkun tista’ tinvoka ċerti ċirkustanzi partikolari, b’mod partikolari ta’ natura proċedurali, jew fil-każ li l-membri li hija tirrappreżenta jew uħud fosthom kienu jkunu f’sitwazzjoni li jippreżentaw rikors ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 50; id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 1999, Unione provinciale degli agricoltori di Firenze et vs Il‑Kummissjoni, T‑78/98, Ġabra p. II‑1377, punt 36, u tal-14 ta’ Frar 2012, Federcoopesca et vs Il‑Kummissjoni, T‑366/08, punt 34).

19      Il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-NZO jqisu li r-rikors huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku jew ta’ locus standi tar-rikorrenti jew tal-membri tagħha.

20      Ir‑rikorrenti ssostni li r‑rikors huwa ammissibbli. L-ewwel nett, hija tindika li, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni ċara f’dan ir-rigward fir-regolament ikkontestat, il-protezzjoni mogħtija lill-IĠP inkwistjoni tirrigwarda ż-żewġ elementi li jikkostitwixxu d-denominazzjoni protetta, inkluża l-kelma “edam”. L-attivitajiet kummerċjali tal-membri tar-rikorrenti huma, għaldaqstant, kompromessi. It-tieni nett, ir-regolament ikkontestat iwassal għal riskju li ċerti imballaġġi li jinkludu l-kelma “edam”, użati b’illustrazzjonijiet li jalludi għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jistgħu jitqies li jmorru kontra r-Regolament Nru 510/2006. It-tielet net, ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li l-impriżi li joperaw fis-settur tal-ħalib ma jistgħux iktar ibiegħu ħalib prodott fil-Ġermanja minħabba l-produzzjoni tal-edam holland. Dan huwa ostakolu għall-attivitajiet ekonomċi tal-membri tar-rikorrenti. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tinvoka interess proprju bbażat fuq il-fatt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ċaħdet l-oppożizzjoni tagħha. Il-ħames nett, fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti ssostni li hija għandha interess ġuridiku sa fejn ir-regolament ikkontestat jesponi lill-membri tagħha għar-riskju li jinġiebu azzjonijiet kontrihom għall-użu tal-kelma “edam” u sa fejn il-produtturi li għandhom id-dritt jużaw it-tikketta ta’ kwalità relatata mal-IĠP inkwistjoni għandhom vantaġġ kompetittiv fuq il-membri tagħha.

21      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna fiżika jew ġuridika li tkun l-awtur tiegħu jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess għandu jkun reali u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jitressaq ir-rikors (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra p. II‑1197, punt 25, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il‑Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra p. II‑4063, punt 34).

22      Tali interess jippresupponi li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’, minnu nnifsu, ikollu konsegwenzi legali jew, skont forma oħra ta’ formulazzjoni, li r-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Barra minn hekk, huwa l-obbligu tar-rikorrenti li tipproduċi prova tal-interess ġuridiku tagħha (digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni, 206/89 R, Ġabra p. 2841, punt 8; digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2003, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il‑Kummissjoni, T‑167/01, Ġabra p. II‑1873, punt 58, u tal-15 ta’ Mejju 2013, Post Invest Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑413/12, punt 23).

24      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni imposta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors teħtieġ, b’mod partikolari, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu.

25      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-fatt invokat mir-rikorrenti li l-attivitajiet tal-membri tagħha huma kompromessi sa fejn il-kelma “edam” ma tistax iktar tintuża liberament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jipprovdi:

“Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I għal dan ir-Regolament hija b’dan imdaħħla fir-Reġistru.

Minkejja l-ewwel paragrafu, l-isem “Edam” jista’ jkompli jintuża fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tagħha jitħarsu.”

26      Il-premessa 8 tar-regolament ikkontestat jippreċiża li, “[s]kont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament […] Nru 510/2006, it-terminu ‘Edam̕ jista’ jkompli jintuża sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tal-Unjoni jitħarsu”.

27      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 510/8 li għalih tirreferi l-premessa 8 tar-regolament ikkontestat jipprovdi li “[f]ejn isem reġistrat ikun fih l-isem ta’ prodott agrikolu jew oġġett ta’ l-ikel li huwa kkunsidrat ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku fuq il-prodott agrikolu jew l-oġġett ta’ likel xieraq m/għandux ikun ikkunsidrat li huwa kuntrarju għall-punti (a) jew (b) fl-ewwel subparagrafu”.

28      Fl-aħħar nett, il-punt 4.8 tas-sunt tal-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠP inkwistjoni, riprodott fl-anness tar-regolament ikkontestat, jindika li, grazzi b’mod partikolari għall-użu tad-denominazzjoni “edam holland”, il-konsumatur ser jidhirlu li l-edam holland huwa prodott differenti mill-“ġobnijiet ‘Edam’ l-oħrajn”.

29      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-regolament ikkontestat jipprovdi ċarament li d-denominazzjoni “edam” tista tkompli tintuża, b’mod partikolari għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon, sakemm jibqgħu jitħarsu l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea.

30      Għaldaqstant, annullament possibbli tar-regolament ikkontestat ma jagħti ebda benefiċċju lill-membri tar-rikorrenti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda IĠP oħra, id-digriet Unione provinciale degli agricoltori di Firenze et vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 33). Dawk ikunu dejjem jistgħu jużaw id-denominazzjoni “edam” u għandhom, fi kwalunkwe ipoteżi, ikomplu josservaw il-prinċipju u r-regoli applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

31      Barra minn hekk, peress li r-regolament ikkontestat jipprovdi li l-kelma “edam” tista’ titkompli tintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon, l-imsemmi regolament ma jaffettwax direttament is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda IĠP oħra, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, Ġabra p. I‑5491, punti 41 sa 45).

32      Għal dak li jirrigwarda l-fatt invokat mir-rikorrenti, b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li r-regolament ikkontestat jesponi lill-membri tagħha għar-riskju li jinġiebu azzjonijiet kontrihom għall-użu tal-kelma “edam”, għandu jitfakkar li rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu sabiex jitlob l-annullament tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2010, Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, T‑189/08, Ġabra p. II‑1039, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-kuntest, l-interess ġuridiku jista’ jiġi dedott mill-eżistenza ta’ riskju ġenwin li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tintlaqat minn azzjonijiet ġudizzjarji jew anki mill-fatt li r-riskju ta’ azzjonijiet ġudizzjarji huwa reali u attwali fid-data tal-preżentata tar-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti tipproċedi, f’dan ir-rigward, permezz ta’ sempliċi dikjarazzjonijiet u mingħajr ma tipproduċi ebda prova li l-allegat riskju huwa ġenwin jew reali u attwali fid-data tal-preżentata tar-rikors. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

35      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-fatt li r-regolament ikkontestat iwassal għal riskju li ċerti imballaġġi li jinkludu l-kelma “edam”, użati b’illustrazzjonijiet li jalludu għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jistgħu jitqiesu li jmorru kontra r-Regolament Nru 510/2006, ir-rikorrenti hawn ukoll tipproċedi permezz ta’ sempliċi dikjarazzjonijiet li ma jistgħux juru li l-allegat riskju huwa ġenwin, reali u attwali fid-data tal-preżentata tar-rikors.

36      Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li l-imballaġġ ta’ oġġett tal-ikel jista’ jkun tali li jqarraq bil-konsumatur, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-oriġini jew minn fejn ikun ġej dan l-oġġett tal-ikel [ara, f’dan ir-rigward, il-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 4631); ara wkoll b’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75)].

37      Barra minn hekk, fir-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq kienu intiżi sabiex “jipprevjenu milli l-konsumatur jiġi mqarraq, minħabba b’mod partikolari, l-użu tal-kelma ‘Edam’ b’riferimenti [għall-Pajjiżi l-Baxxi]ˮ.

38      Minn dan jirriżulta li, f’dan ir-rigward, l-annullament tar-regolament ikkontestat ma jagħti ebda benefiċċju lill-membri tar-rikorrenti, fis-sens li tali annullament ma jeliminax l-obbligu li jeżisti taħt id-dritt tal-Unjoni li l-konsumatur ma jiġix imqarraq rigward l-oriġini jew minn fejn ġejjin l-oġġetti tal-ikel (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-obbligu legali eżistenti, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2007, Commune de Champagne et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑212/02, Ġabra p. II‑2017, punt 132).

39      It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-argument imressaq li jipprovdi li l-attivitajiet ekonomiċi tal-membri tal-rikorrenti huma ostakolati sa fejn l-impriżi li joperaw fis-settur tal-ħalib ma jkunux jistgħu iktar ibiegħu ħalib prodott fil-Ġermanja minħabba l-produzzjoni tal-edam holland, dan huwa bbażat fuq sempliċi dikjarazzjonijiet li ma humiex sostnuti. B’mod partikolari, meta kienet mistoqsija f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti essenzjalment irrikonoxxiet li, anki jekk effettivament jinbiegħ ħalib mill-membri tagħha lill-Pajjiżi l-Baxxi, ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat b’mod preċiż liema użu kien ser isir minnu. Għaldaqstant, l-argument imressaq f’dan ir-rigward ma għandu ebda bażi fattwali.

40      Għal dak li jirrigwarda t-talba tar-rikorrenti, inkluża fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti għandhom jiġu obbligati jipproduċu l-prova li l-ħalib Ġermaniż mibjugħ lill-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex użat sabiex jiġi prodott l-edam, din għandha tiġi miċħuda inkwantu huwa l-obbligu tar-rikorrenti nnifisha li tipproduċi prova tal-interess ġuridiku tagħha.

41      Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 2 tal-Istatuti tar-rikorrenti, l-għan tagħha huwa, fl-interess tal-impriżi li jittrasformaw il-ħalib u prodotti tal-ħalib li huma membri tagħha, li twettaq u ssostni azzjonijiet kontenzjużi u mhux kontenzjużi li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini abbażi tar-regoli tal-Unjoni. Il-punt 3 tar-regoli interni tar-rikorrenti, li ġie adottat wara l-imsemmija Statuti, jippreċiża li r-rikorrenti “ma tintervjenix ħlief jekk il-membri tagħha jippreżentaw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni jew talbiet għal ċaħda/rifjut ta’ reġistrazzjoniˮ. Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-membri tar-rikorrenti li ppreżentaw talbiet għal ċaħda jew għal rifjut ta’ reġistrazzjoni permezz tagħha, huma produtturi jew distributuri tal-edam, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ppreżentata quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi u mill-preżentazzjoni magħmula mir-rikorrenti tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-produtturi tal-ħalib, li huma membri tar-rikorrenti, ma opponewx, bħala tali, ir-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax, fi kwalunkwe każ, tintervjeni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tirrappreżenta l-interessi ta’ wħud mill-membri tagħha li ma ppreżentawx talbiet għal ċaħda jew rifjut tar-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni.

42      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument imressaq mir-rikorrenti li jipprovdi li hija għandha interess proprju minħabba ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni tagħha mill-Kummissjoni, dan huwa bbażat fuq premessa żbaljata. B’mod partikolari, mid-dokumenti mdaħħla fil-proċess jirriżulta b’mod ċar li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja biss – u mhux ir-rikorrenti – ġiet irrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala li ppreżentat oppożizzjoni ammissibbli (premessa 2 tar-regolament ikkontestat). Ir-rikorrenti ma kkontestatx din il-konklużjoni fil-kuntest tar-rikors. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biss – u mhux ir-rikorrenti – ġiet mistiedna mill-Kummissjoni għal konsultazzjonijiet xierqa sabiex jintlaħaq ftehim, fis-sens tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 510/2006. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma ġietx rikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala li hija “parti interessataˮ, fis-sens tal-imsemmi artikolu. Ir-rikorrenti ma kkontestatx din il-konklużjoni fil-kuntest tar-rikors. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-fatt li f’dan il-każ il-Kummissjoni ċaħdet l-oppożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 510/2006 jipprevedi li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu u li huma stabbiliti jew residenti fi Stat Membru, jistgħu joġġezzjonaw għar-reġistrazzjoni proposta billi jippreżentaw dikjarazzjoni debitament motivata quddiem l-imsemmi Stat Membru f’terminu li jippermetti li ssir oppożizzjoni skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 510/2006 jipprovdi, min-naħa tiegħu, b’mod partikolari li “kwalunkwe Stat Membruˮ jista’ joġġezzjona għar-reġistrazzjoni proposta billi jippreżenta dikjarazzjoni debitament motivata lill-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, essenzjalment fl-atti tagħha bil-miktub, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu u li huma stabbiliti jew residenti fi Stat Membru ma għandhomx il-possibbiltà li jippreżentaw oppożizzjoni direttament quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2007, Honig-Verband vs Il-Kummissjoni, T‑35/06, Ġabra p. II‑2865, punt 51).

43      Il-ħames nett, għal dak li jirrigwarda l-fatt imressaq mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l-produtturi li għandhom id-dritt jużaw it-tikketta ta’ kwalità relatata mal-IĠP inkwistjoni għandhom vantaġġ kompetittiv fuq il-membri tagħha, dan huwa bbażat ukoll fuq sempliċi dikjarazzjoni mingħajr ma hija sostnuta mkien. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda element li jippermetti li jitqies li l-prodotti tal-membri tagħha huma effettivament f’kompetizzjoni mal-prodotti li jistgħu jużaw l-IĠP inkwistjoni jew li l-prodotti li r-rikorrenti tqis li huma kompetittivi jibbenefikaw neċessarjament, minħabba li għandhom it-tabella msemmija iktar ’il fuq mwaħħla fuqhom, vantaġġ kompetittiv.

44      Barra minn hekk, ma jistax jiġi dedott mir-Regolament Nru 510/2006 li dan kellu bħala għan li jagħti vantaġġ kompetittiv lill-produtturi li jistgħu jużaw IĠP. B’mod partikolari, ir-Regolament Nru 510/2006 kellu biss, fost għanijiet oħrajn, li jistabbilixxi “kompetizzjoni ġustaˮ bejn il-produtturi ta’ prodotti li jkollhom indikazzjonijiet tal-oriġini (premessa 6 tal-imsemmi regolament). Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta’ elementi iktar iddettaljati, l-argument imressaq mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

45      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat ma huwiex intiż li jelimina d-dritt li għandhom il-membri tar-rikorrenti, iżda li jagħti dritt ġdid lill-operaturi kollha, inklużi lill-membri tar-rikorrenti jekk huma jkunu jixtiequ dan, li l-prodotti tagħhom jirrispettaw l-ispeċifikazzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti tikkostitwixxi ċirkustanza purament ta’ fatt li minnha ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza ta’ kwalunkwe effett negattiv tar-regolament ikkontestat fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2013, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni, T‑13/12, mingħajr appell, punti 38 u 39).

46      Barra minn hekk, il-fatt invokat mir-rikorrenti ma huwiex tali, ħlief f’ċirkustanzi speċifiċi, li juri li l-kundizzjoni dwar l-interess dirett tal-imsemmija membri hija sodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il‑Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7; id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Frar 1998, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, T‑189/97, Ġabra p. II‑335, punt 48, u tal-21 ta’ Settembru 2011, Etimine u Etiproducts vs ECHA, T‑343/10, Ġabra p. II‑6611, punt 41). Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi speċifiċi mressqa mir-rikorrenti, l-argument inkwistjoni ma jippermettix li jitqies li l-membri tar-rikorrenti huma direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat.

47      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

48      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

49      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-NZO għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse eV għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u n-Nederlandse Zuivelorganisatie għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Settembru 2014.

E. Coulon

 

      S. Frimodt Nielsen

Ir-Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.