Language of document : ECLI:EU:T:2014:756

Kawża T‑113/11

Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse eV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta –– ‘Gouda Holland’ – Assenza ta’ interess ġuridiku – Nuqqas ta’ interess dirett – Inammissibbiltà”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-3 ta’ Settembru 2014

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Leġiżlazzjoni dwar l-elenkar ta’ ċerti denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti – Protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Gouda Hollandˮ – Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali ta’ manifatturi u distributuri tal-gouda – Membri tal-assoċjazzjoni li huma stess ma għandhomx interess ġuridiku – Inammissibbiltà

(ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1122/2010)

2.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors – Interess relatat ma’ sitwazzjonijiet futuri u inċerti – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1122/2010)

3.      Agrikoltura – Leġiżlazzjonijiet uniformi – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Regolament Nru 510/2006 – Possibbiltà għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti jew li jirrisjedu fi Stat Membru li jopponu r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika jew ta’ denominazzjoni ta’ oriġini quddiem il-Kummissjoni – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 510/2006, Artikolu 7(1) u (2))

1.      Assoċjazzjoni, fil-prinċipju, ma hijiex intitolata tippreżenta rikors għal annullament ħlief fil-każ li tkun tista’ tinvoka ċerti ċirkustanzi partikolari, b’mod partikolari ta’ natura proċedurali, jew fil-każ li l-membri li hija tirrappreżenta jew uħud fosthom kienu jkunu f’sitwazzjoni li jippreżentaw rikors ammissibbli. Madankollu, ir-rikors għandu jkun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. Barra minn hekk, il-kundizzjoni imposta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ, b’mod partikolari, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu.

Dan ma huwiex il-każ ta’ rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali ta’ manifatturi u produtturi tal-gouda kontra r-Regolament Nruº1121/2010, li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Gouda Holland (IĠP)]. Fil-fatt, peress li l-imsemmi regolament jipprovdi ċarament li d-denominazzjoni “gouda” tista’ titkompli tintuża, annullament possibbli ma jagħti ebda benefiċċju lill-membri tal-assoċjazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, peress li r-Regolament Nru 1121/2010 jipprovdi li l-kelma “gouda” tista’ titkompli tintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon, l-imsemmi regolament ma jaffettwax direttament is-sitwazzjoni legali tal-membri tal-imsemmija assoċjazzjoni.

Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda l-fatt li l-imsemmi regolament iwassal għal riskju li ċerti imballaġġi li jinkludu l-kelma “gouda”, użati b’illustrazzjonijiet li jalludu għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jistgħu jitqiesu li jmorru kontra r-Regolament Nru 510/2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, l-annullament tar-Regolament Nru 1121/2010 ma jagħti ebda benefiċċju lill-membri tal-assoċjazzjoni, fis-sens li tali annullament ma jeliminax l-obbligu li jeżisti taħt id-dritt tal-Unjoni li l-konsumatur ma jiġix imqarraq rigward l-oriġini jew minn fejn ġejjin l-oġġetti tal-ikel.

Fl-aħħar nett, ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza ta’ kwalunkwe effett negattiv tar-Regolament Nru 1121/2010 fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tal-assoċjazzjoni mill-fatt li l-produtturi li għandhom id-dritt jużaw it-tikketta ta’ kwalità relatata mal-indikazzjoni ġeografika protetta “Gouda Hollandˮ għandhom vantaġġ kompetittiv. Fil-fatt, l-imsemmi regolament ma huwiex intiż li jelimina d-dritt li għandhom il-membri tal-imsemmija assoċjazzjoni, iżda li jagħti dritt ġdid lill-operaturi kollha, inklużi l-imsemmi membri, jekk huma jkunu jixtiequ dan, li l-prodotti tagħhom jirrispettaw l-ispeċifikazzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament.

(ara l-punti 18, 22, 24, 29-31, 38, 43, 45)

2.      L-interess ġuridiku fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jista’ jiġi dedott mill-eżistenza ta’ riskju ġenwin li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tintlaqat minn azzjonijiet ġudizzjarji jew anki mill-fatt li r-riskju ta’ azzjonijiet ġudizzjarji huwa reali u attwali fid-data tal-preżentata tar-rikors. Madankollu, peress li parti ma tistax tinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex tiġġustifika l-interess tagħha sabiex titlob l-annullament tal-att ikkontestat, argument li jipprovdi li r-Regolament Nru 1121/2010, li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Gouda Holland (IĠP)], jesponi lill-membri ta’ assoċjazzjoni professjonali ta’ manifatturi u produtturi tal-edam għar-riskju li jinġiebu azzjonijiet kontrihom għall-użu tal-kelma “gouda” għandu jiġi miċħud fl-assenza ta’ provi li l-allegat riskju huwa ġenwin jew reali u attwali fid-data tal-preżentata tar-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 32-34)

3.      Mill-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 510/2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, jirriżulta li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu u li huma stabbiliti jew residenti fi Stat Membru ma għandhomx il-possibbiltà li jippreżentaw oppożizzjoni għal talba ta’ reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew ta’ indikazzjoni ġeografika protetta direttament quddiem il-Kummissjoni.

(ara l-punt 42)