Language of document : ECLI:EU:T:2013:446

Kawża T‑396/10

Zucchetti Rubinetteria SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Kunċett ta’ ksur — Ksur uniku — Suq rilevanti — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Gravità — Koeffiċjenti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-16 ta’ Settembru 2013

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni — Portata — Teħid inkunsiderazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Limiti — Osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt

(Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

2.      Akkordji — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Kunċett — Akkordju globali — Kriterji — Għan uniku — Modalitajiet tat-twettiq tal-ksur — Assenza ta’ effett

(Artikolu 101(1) TFUE)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Obbligu li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni — Portata

(Artikolu 101(1) TFUE)

4.      Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Koordinazzjoni u kooperazzjoni inkompatibbli mal-obbligu ta’ kull impriża li tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq — Skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri — Għan jew riżultat antikompetittiv — Preżunzjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101(1) TFUE)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju — Parteċipazzjoni minima — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, it-tielet inċiż tal-punt 29)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa — Teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-ksur fil-globalità tiegħu

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 9 sa 11 u 21 sa 23)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Iffissar tal-multa proporzjonalment għall-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża — Distinzjoni — Akkordju li jinkludi bosta oqsma

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 17, 143-145)

2.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn ftehimiet jew minn prattiki miftiehma li huma iżolati u li għandhom jiġu ppenalizzati bħala diversi ksur separati, iżda wkoll minn sensiela ta’ ftehimiet jew ta’ prattiki miftiehma li huma marbuta ma’ xulxin b’tali mod li għandhom jitqiesu li huma elementi kostituttivi ta’ ksur uniku. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-ftehimiet jew il-prattiki miftiehma, għalkemm jirrigwardaw oġġetti, servizzi jew territorji separati, jifformaw parti minn pjan ġenerali implementat intenzjonalment mill-impriżi kkonċernati għat-twettiq ta’ għan antikompetittiv uniku.

Fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-prattiki illegali inkwistjoni jikkostitwixxux diversi ksur jew ksur uniku, għandu jiġi eżaminat jekk l-impriżi stess iqisux dawn il-prattiki bħala li jifformaw parti minn tali pjan ġenerali u mhux jekk il-prattiki inkwistjoni jirrigwardawx prodotti li jaqgħu taħt suq wieħed.

Il-Kummissjoni ma twettaq l-ebda żball ta’ liġi meta tikkonstata li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti kkonċernati huma s-suġġett ta’ ksur uniku, anki jekk jaqgħu taħt swieq ta’ prodotti distinti.

Il-konstatazzjoni li tgħid li s-sottogruppi ta’ prodotti kkonċernati ma jagħmlux parti minn suq wieħed ta’ prodotti peress li ma humiex sostitwibbli la mill-perspettiva tal-offerta u lanqas minn dik tad-domanda u peress li huma differenti mill-perspettiva tat-teknoloġija, kummerċjali u tal-estetika ma tikkontestax il-punti ta’ fatt li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tqis li l-prattiki inkwistjoni kellhom jitqiesu li jagħmlu parti minn ksur uniku, meta jiġu kkunsidrati r-rabtiet ta’ interdipendenza li jeżistu bejniethom u l-eżistenza tal-pjan ġenerali implementat.

(ara l-punti 25, 26, 30, 31, 36)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28, 38)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 53-59, 89-92, 95)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 84, 132, 133)

6.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif jirriżulta mill-punti 9 sa 11 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-multi tinvolvi żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, il-Kummissjoni tistabbilixxi ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi. Fit-tieni stadju, hija tista’ żżid jew tnaqqas dan l-ammont bażiku, u dan fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati.

Fir-rigward, iktar preċiżament, tal-ewwel fażi tal-metodu għall-iffissar tal-multi, skont il-punti 21 sa 23 tal-linji gwida tal-2006, il-proporzjon meħud inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ (il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur”) huwa ffissat għal-livell li jvarja minn 0 % sa 30 %, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem globali tas-suq tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur, filwaqt li huwa miftiehem li l-ftehimiet ta’ ffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni, huma inklużi, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Skont il-punt 25 tal-linji gwida, huwa ppreċiżat li, b’għan ta’ dissważjoni, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku proporzjon, li jippermetti li jiġi kkalkolat ammont addizzjonali (il-“koeffiċjenti ‘ammont addizzjonali’”), li s-somma tiegħu tkun tvarja bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi ċċitati iktar ʼil fuq.

Għaldaqstant, id-differenza fil-portata ġeografika li tirriżulta mill-parteċipazzjoni ta’ impriżi, minn naħa, fil-ksur uniku fil-globalità tiegħu li jkopri sitt territorji tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss tiġġustifika l-applikazzjoni distinta tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”. Fil-fatt, ksur li jkopri sitt territorji tal-Unjoni u li jirrigwarda tliet sottogruppi ta’ prodotti ma jistax jitqies b’mod validu gravi daqs ksur fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss u li jirrigwarda żewġ sottogruppi ta’ prodotti. Fid-dawl tal-portata tal-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni fl-Unjoni, l-ewwel ksur għandu jitqies li huwa iktar gravi mit-tieni wieħed.

(ara l-punti 103, 104, 118)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 111)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 120, 121)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 123)