Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Novembru 2023 – Federcasse et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1070/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Federazione Italiana delle Banche di Credito Cooperativo e Casse Rurali (Federcasse) (Ruma, l-Italja) u 12-il rikorrenti ieħor (rappreżentanti: A. Pera u F. Salerno, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2023 (bi tweġiba għat-talba formali mressqa mill-Ministru Taljan għall-Ekonomija u l-Finanzi, Giancarlo Giorgetti, fil-15 ta’ Diċembru 2022) li tirrifjuta l-approvazzjoni meħtieġa sabiex jitnaqqas il-livell immirat tal-allokazzjoni finanzjarja proporzjonta mal-ammont ta’ depożiti protetti ta’ banek membri tal-Fondo di Garanzia dei Depositanti del Credito Cooperativo, iffirmata mill-Kummissarju Ewropew għas-Servizzi Finanzjarji, Mainread McGuinness (Referenza Ares(2023)1696845 – 08/03 /2023).

tikkundanna lill-Kummisjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ formalitajiet essenzjali.

Id-deċiżjoni tikkonsisti f’ittra u anness. Madankollu, dan tal-aħħar huwa kompletament nieqes minn data, firma u/jew kwalunkwe riferiment ieħor li jindika l-oriġini tagħha. Konsegwentement, id-deċiżjoni, sa fejn tinvolvi att li ma huwiex awtentikat u li l-oriġini u d-data tiegħu huma inċerti, tikser il-formalitajiet sostanzjaliessenzjali meħtieġa fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li fih innifsu jikkostitwixxi raġuni ta’ annullament.

It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

Id-deċiżjoni hija b’mod gravi kontradittorja u b’nuqqasijiet peress li, i) tippreżenta motivazzjoni li hija parzjalment ristretta u parzjalment tinsab f’att estern li ma huwiex awtentikat, ii) ma tispjegax għaliex is-sistema bankarja Taljana għandha tiġi kkunsidrata bħala ħaġa waħda, (iii) ma tispeċifikax għaliex il-kundizzjoni relatata mal-Fond, prevista fl-Artikolu 10(6)(b) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti 1 (iktar ʼil quddiem: id-“Direttiva”), ma tiġix osservata, iv) ma tispjegax għaliex il-verifika tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 10(6)(a) tad-Direttiva issir biss fir-rigward tas-sistema bankarja Taljana kollha kemm hi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni hija bbażata fuq metodoloġija li ma hijiex pubblika. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux isegwu r-raġunament tad-deċiżjoni.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu relatat li jiġu eżaminati l-elementi rilevanti kollha bir-reqqa u b’imparzjalità.

Fid-deċiżjoni, l-ebda wieħed mill-elementi ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani fit-talba ma ġie eżaminat u l-analiżi ffukat fuq is-sistema bankarja Taljana b’mod mhux differenzjat.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(6) tad-Direttiva.

Id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu10(6)(b), moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva, hija bbażata fuq analiżi fil-livell tas-suq/settur speċifiku li għalih jappartjenu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Fl-Italja, il-banek membri kollha tal-Fond huma fl-istess ħin parti minn settur distint ħafna b’mekkaniżmi ta’ kopertura tar-riskji li jifridhom kompletament mill-avvenimenti li jistgħu jaffettwaw banek oħra. Konsegwentement, il-Kummissjoni adottat interpretazzjoni żbaljata tar-regola inkwistjoni, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-analiżi skont is-suq/settur, injorat il-fatt li l-ħolqien ta’ settur separat għall-banek ta’ kreditu kooperattivi kien maħsub mil-leġiżlatur Taljan u li, mingħajr ebda bażi testwali jew sistemika, hija evalwat fil-livell tal-Istati Membri l-eżistenza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 10(6) tad-Direttiva.

____________

1 ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37.