Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2023 – UIC vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1120/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: International Union of Railways (UIC) (Pariġi, Franza) (rappreżentant: M. Roquette-Pfister, avukata)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Settembru 2023 li tipprevedi l-esklużjoni tal-UIC mill-proċedura ta’ sejħa għal proposti DIGITAL-ECCC-2022-CYBER-03-SOC;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni meta ddeċidiet li teskludi lill-UIC mill-proċedura ta’ sejħa għal proposti, għar-raġuni li din hija kkontrollata minn entitajiet ta’ Stati terzi mhux parti mill-Unjoni Ewropea, li ma huwiex korrett. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti b’mod partikolari tinvoka l-fatt li l-Assemblea Ġenerali tagħha huwa l-korp aħħari li jieħu d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw kwistjonijiet strateġiċi. Issa, il-membri tagħha stabbiliti fi Stati Membri għandhom 51.10% tad-drittijiet ta’ vot ta’ dan il-korp b’tali mod li l-UIC hija effettivament ikkontrollata minn membri stabbiliti fl-Unjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-natura manifestament sproporzjonata tal-esklużjoni tal-UIC mill-proċedura ta’ sejħa għal proposti u fuq l-assenza ta’ raġunijiet ta’ sigurtà debitament iġġustifikati li jsostnu din l-esklużjoni. Ir-rikorrenti ssostni li la fid-deċiżjoni kkontestata, la fil-kumplament tal-posta mibgħuta mill-Kummissjoni lill-UIC u lanqas fl-ebda dokument ieħor ma jissemmew raġunijiet ta’ sigurtà li wasslu għall-esklużjoni tagħha mis-sejħa għal proposti.

____________