Language of document : ECLI:EU:C:2024:396

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑8 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawża C126/23 [Burdene] (i)

UD,

QO,

VU,

LO,

CA

vs

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Interno

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Ordinario di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/80/KE – Artikolu 12(2) – Skemi nazzjonali ta’ kumpens għal vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti – Mewt tal-vittma – Kumpens lill-membri tal-familja viċini tal-vittma – Kunċett ta’ ‘vittma’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-ħlas ta’ kumpens lill-membri tal-familja viċini tal-vittma fil-preżenza ta’ konjuġi superstiti u ta’ wlied – Kumpens ‘ġust u xieraq’”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad‑29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta’ delitti (2), tal-Artikoli 20 u 21, tal-Artikolu 33(1) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3), kif ukoll tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (4).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-ġenituri, l-oħt u l-ulied ta’ vittma ta’ omiċidju u, min-naħa l-oħra, il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja) u l-Ministero dell’Interno (il-Ministeru għall-Intern, l-Italja) fir-rigward tal-kumpens għad-danni tagħhom mill-Istat Taljan, minħabba l-insolvenza tal-awtur ta’ dan l-omiċidju, li huwa baxx wisq jew ineżistenti.

3.        Ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena tal-opinjoni li ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kumpens għal vittmi tal-kriminalità, leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ mewt tal-vittma, teskludi awtomatikament il-ħlas ta’ kumpens lil ċerti membri tal-familja tagħha, b’applikazzjoni ta’ ordni ta’ prijorità ispirat mid-dritt tas-suċċessjoni.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva 2004/80

4.        Il-premessi 3, 5 sa 7 u 10 tad-Direttiva 2004/80 jistabbilixxu:

“(3)      Fil-laqgħa tiegħu f’Tampere fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew sejjaħ għat-tfassil ta’ livelli stabbiliti minimi dwar il-protezzjoni ta’ vittmi ta’ delitti, b’mod partikolari fuq l-aċċess ta’ vittmi tad-delitti għall-ġustizza u d-drittijiet tagħhom għal kumpens għal ħsarat, inkluż spejjeż legali.

[...]

(5)      Fil‑15 ta’ Marzu 2001 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA dwar the standing ta’ vittmi f’proċeduri kriminali [(5)]. Din id-Deċiżjoni, ibażata fuq it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea[, intitolat ‘Dispożizzjonijiet dwar koperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni’ (6)], tippermetti lill-vittmi tad-delitti li jippretendu kumpens minn min iwettaq id-delitt fil-kors ta’ proċeduri kriminali.

(6)      Vittmi tad-delitti fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ntitolati għal kumpens bil-fier u xieraq għall-ħsarat li jkunu soffrew, mingħajr ma jingħata każ ta’ fejn [fl-Unjoni] jkun ġie kommess id-delitt.

(7)      Din id-Direttiva tfassal sistema ta’ koperazzjoni biex jiġi faċiliat aċċess għal kumpens ta’ vittmi ta’ delitti f’sitwazzjonijiet tal-qsim tal-fruntieri, li għandha topera fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens ta’ vittmi ta’ delitti vjolenti u intenzjonali, kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom. Għalhekk, mekkaniżmu ta’ kumpens għandu jkun fis-seħħ fl-Istati Membri kollha.

[...]

(10)      Vittmi tad-delitti ħafna drabi ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens minn min iwettaq id-delitt, minħabba li dak li jwettaq id-delitt jista’ ma jkollux il-meżżi meħtieġa biex jissodisfa ġudizzju fuq ħsarat jew minħabba li dak l-jwettaq id-delitt ma jkunx jista’ jiġi identifikat jew mixli.”

5.        Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Skemi nazzjonali dwar il-kumpens”, jinkludi l-Artikolu 12, li jipprevedi:

“1.      Ir-regoli dwar aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet ta’ qsim il-fruntiera mfassla minn din id-Direttiva għandhom joperaw fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom.

2.      L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali tagħhom jipprovdu għall-eżistenza ta’ skema ta’ kumpens lil vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom, li tiggarantixxi kumpens bil-fier u xieraq għal vittmi.”

6.        Il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet ta’ implimentazzjoni”, jinkludi l-Artikoli 13 sa 21. L-Artikolu 17, dwar id-“[d]ispożizzjonijiet aktar favorevoli”, huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri, sakemm u safejn dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva, milli:

a)      jintroduċu jew iżżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għall-benefiċċju ta’ vittmi tad-delitt jew kull persuna oħra affettwata mid-delitt;

b)      jintroduċu jew iżżommu dispożizzjonijiet għall-għan ta’ kumpens ta’ vittmi tad-delitti kommessi barra mit-territorju tagħhom, jew kull persuna oħra affettwata minn dan id-delitt, bla ħsara għal kull kondizzjoni li l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw għal dak il-għan.”

2.      IdDirettiva 2012/29/UE

7.        Il-premessa 19 tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (7), tistabbilixxi:

“Persuna għandha titqies li hija vittma irrispettivament minn jekk awtur ta’ ksur jiġix identifikat, maqbud, imressaq il-qorti jew jekk jinstabx ħati u irrispettivament mir-relazzjoni ta’ familja bejniethom. Huwa possibbli li anki l-membri tal-familja tal-vittmi jsofru d-danni b’riżultat tal-att kriminali. B’mod partikolari, il-membri tal-familja ta’ persuna li l-mewt tagħha tkun ġiet ikkawżata direttament minn reat kriminali jista’ jsirilhom ħsara b’riżultat tal-att kriminali. Għalhekk, tali membri tal-familja li huma vittmi indiretti tal-att kirminali għandhom ukoll igawdu mill-protezzjoni permezz ta’ din id-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jistabbilixxu proċeduri biex jillimitaw l-għadd ta’ membri tal-familja li jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva. Fil-każ tat-tfal, it-tfal jew, sakemm dan ma jkunx kontra l-aħjar interessi tat-tfal, id-detentur tar-responsabbiltà ta’ ġenitur f’isem it-tfal għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw id-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedura jew formalità amministrattiva nazzjonali meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li persuna hija vittma.”

8.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘vittma’ tfisser:

i)      persuna fiżika li ġarrbet ħsara, inkluż dannu fiżiku, mentali jew emozzjonali jew telf finanzjarju, li kien direttament ikkawżat minn reat kriminali;

ii)      membru tal-familja ta’ persuna li l-mewt tagħha kienet ikkawżata direttament minn reat kriminali u li jkun sofra ħsara b’riżultat tal-mewt ta’ dik il-persuna;

b)      ‘membri tal-familja’ tfisser wieħed mill-konjuġi, il-persuna li qed tgħix mal-vittma f’relazzjoni intima, f’dar konġuntau impenjata fuq bażi stabbli u kontinwa, il-qraba diretti, l-aħwa, u d-dipendenti tal-vittma;

[...]

2.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċeduri:

a)      biex jillimitaw l-għadd ta’ membri tal-familja li jistgħu jgawdu mid-drittijiet taħt din id-Direttiva b’kont meħud taċ-ċirkostanzi individwali ta’ kull każ; u

b)      fir-rigward tal-paragrafu 1(a)(ii), biex jiddeterminaw liema membri tal-familja għandhom prijorità fir-rigward tal-eżerċitar tad-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva.”

B.      Iddritt Taljan

9.        L-Artikolu 11 tal-legge n. 122 – Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea – Legge europea 2015‑2016 (il-Liġi Nru 122 dwar id-Dispożizzjonijiet għat-Twettiq tal-Obbligi li Jirriżultaw mill-Appartenenza tal-Italja fl-Unjoni Ewropea – Liġi Ewropea 2015‑2016) (8), tas‑7 ta’ Lulju 2016, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 122/2016”), jipprevedi:

“1.      Bla ħsara għall-miżuri favur vittmi ta’ reati previsti f’dispożizzjonijiet legali oħra iktar favorevoli, il-vittma ta’ reat intenzjonali mwettaq bi vjolenza fuq il-persuna tagħha, u fi kwalunkwe każ tar-reat previst fl-Artikolu 603a tal-codice penale [il-Kodiċi Kriminali], bl-eċċezzjoni tar-reati previsti fl-Artikoli 581 u 582, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi aggravanti previsti fl-Artikolu 583 tal-Kodiċi Kriminali, għandha d-dritt għall-kumpens mingħand l-Istat.

2.      Il-kumpens għar-reati ta’ omiċidju, ta’ aggressjoni sesswali jew ta’ grieħi u feriti gravi ħafna, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 583 tal-Kodiċi Kriminali, [...] jingħata lill-vittma jew lill-aventi kawża elenkati fil-paragrafu 2a, skont l-iskala ddeterminata bid-digriet previst fil-paragrafu 3. Għar-reati l-oħra għajr dawk li għadhom kemm issemmew, il-kumpens jingħata għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi u għal assistenza.

2a      Jekk il-vittma tmut b’riżultat tar-reat, il-kumpens jingħata lill-konjuġi superstiti u lill-ulied; jew fin-nuqqas ta’ konjuġi u ta’ wlied, lill-missier u lill-omm; jew, fin-nuqqas tal-missier jew tal-omm, lill-aħwa koabitanti dipendenti fuq il-vittma fil-mument li fih twettaq ir-reat [...]

2b      Jekk diversi aventi kawża jistgħu jitolbu l-kumpens, dan jinqasam skont l-ishma previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tat-Tieni Ktieb tal-codice civile [il-Kodiċi Ċivili].

3.      L-ammonti tal-kumpens huma ddeterminati minn digriet tal-Ministro dell’interno [il-Ministru għall-Intern, l-Italja] u tal-Ministro della giustizia [il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Italja], flimkien mal-Ministro dell’economia e delle finanze [il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja], li għandu jiġi adottat fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, fil-limiti tal-fondi li għandu l-[Fondo di rotazione per la solidarieta’ alle vittime dei reati di tipo mafioso, delle richieste estorsive, dell’usura e dei reati intenzionali violenti (il-Fond Rotanti għas-Solidarjetà lejn il-Vittmi ta’ Atti tal-Mafja, ta’ Atti ta’ Estorsjoni, ta’ Użura u ta’ Kriminalità Intenzjonali Vjolenti, l-Italja) (9)] previst fl-Artikolu 14, b’mod li jiġi żgurat l-ikbar kumpens għall-vittmi ta’ aggressjoni sesswali u ta’ omiċidju u, b’mod partikolari, lill-ulied tal-vittma fil-każ ta’ omiċidju mwettaq mill-konjuġi, anki sseparat jew iddivorzjat, jew minn persuna li hija jew kienet f’relazzjoni mal-vittma.”

10.      L-Artikolu 13(2) tal-Liġi Nru 122/2016 jistabbilixxi:

“It-talba għandha titressaq f’terminu ta’ 60 jum mid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza għar-raġuni li l-awtur tal-fatti baqa’ mhux magħruf jew mill-aħħar att ta’ proċedura mingħajr suċċess jew mid-data li fiha s-sentenza kriminali kisbet l-awtorità ta’ res judicata.”

11.      Adottat b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 122/2016, l-Artikolu 1(1)(b) tad-decreto ministeriale – Determinazione degli importi dell’indennizzo alle vittime dei reati intenzionali violenti (id-Digriet Ministerjali dwar id-Determinazzjoni tal-Ammonti tal-Kumpens għall-Vittimi ta’ Reati Intenzjonali Vjolenti) (10), tat‑22 ta’ Novembru 2019 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali ta’ Eżekuzzjoni”), jipprevedi, “fil-każ ta’ omiċidju mwettaq mill-konjuġi, anki sseparat jew iddivorzjat, jew minn persuna li hija jew kienet f’relazzjoni mal-vittma, ammont fiss ta’ EUR 60 000 esklużivament favur l-ulied tal-vittma”.

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

12.      Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2018, it-Tribunale di Padova (il-Qorti Distrettwali ta’ Padova, l-Italja) ikkundannat lill-awtur tal-omiċidju tal-ex sieħba tiegħu, imwettaq fl-Italja, għal piena ta’ priġunerija ta’ 30 sena u ordnat li huwa jħallas kumpens provviżorju lill-membri tal-familja tal-vittma li kienu partijiet ċivili. Għalhekk, hija allokat EUR 400 000 lil kull wieħed miż-żewġ ulied tal-vittma, EUR 120 000 lil missierha, lil ommha u lil oħtha kif ukoll EUR 30 000 lill-konjuġi tagħha li minnu hija kienet isseparata, iżda mhux iddivorzjata.

13.      Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, minħabba l-fatt li l-awtur tal-omiċidju la kellu patrimonju u lanqas dħul u kien ingħata għajnuna legali bla ħlas, l-Istat Taljan ħallas biss kumpens ta’ EUR 20 000 lil kull wild, filwaqt li l-konjuġi sseparat ingħata kumpens ta’ EUR 16 666.66.

14.      Fl‑1 ta’ Frar 2022, ir-rikorrenti, jiġifieri l-membri tal-familja tal-vittma, bl-eċċezzjoni tal-konjuġi tagħha, billi qiesu li l-Liġi Nru 122/2016 kienet introduċiet, bi ksur tad-Direttiva 2004/80, limitazzjonijiet sinjifikattivi dwar il-ħlas ta’ kumpens, ippreżentaw rikors quddiem it-Tribunale Ordinario di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia, l-Italja), il-qorti tar-rinviju. It-talbiet tagħhom huma intiżi, wara li l-applikazzjoni tad-Digriet Ministerjali ta’ Eżekuzzjoni kienet eskluża minħabba l-illegalità tiegħu, sabiex jiġu ffissati l-ammonti li għandhom jitħallsu lilhom bħala kumpens, minħabba r-rabta familjari tagħhom mal-vittma tal-omiċidju, b’mod “ġust u xieraq” fis-sens tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, billi jittieħed inkunsiderazzjoni – wara li jitnaqqas, għal dak li jirrigwarda l-ulied ta’ din il-vittma, l-ammont diġà mħallas lilhom – il-grad tad-dannu stabbilit mis-sentenza li tikkundanna lill-awtur ta’ dan l-omiċidju, u dan anki jekk il-Fond ta’ Solidarjetà ma għandux ir-riżorsi finanzjarji neċessarji. Sussidjarjament, ir-rikorrenti jitolbu l-kundanna tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, li tirrappreżenta lill-Istat Taljan, għall-ħlas tal-istess ammonti bħala kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-implimentazzjoni inkorretta tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tagħha.

15.      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-limitazzjoni stabbilita mill-Artikolu 11(2a) tal-Liġi Nru 122/2016, li jipprevedi r-rikonoxximent tal-kumpens, lill-ġenituri tal-vittma, fl-assenza ta’ konjuġi u ta’ wlied biss, u, lill-aħwa, fl-assenza ta’ persuni li jappartjenu lill-kategoriji msemmija preċedentement biss, tikser l-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/80, sa fejn hija tidentifika, fost il-persuni leżi li lilhom huwa rrikonoxxut b’mod astratt id-dritt għal kumpens, dawk li għandhom jiġu kkumpensati b’mod konkret, b’mod arbitrarju mingħajr referenza għall-kriterji adegwati u ekwi tal-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-kumpens kien ingħata wkoll lill-konjuġi tal-vittma tal-omiċidju li minnha kien ilu sseparat mis-sena 2006, kważi ħdax-il sena qabel il-mewt tagħha. Għalhekk, id-dritt għal kumpens ikun irrikonoxxut ukoll, minkejja li r-relazzjoni manifestament iddgħajfet sal-punt li tkun kważi ineżistenti.

16.      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont ta’ EUR 20 000 mogħti lill-ulied tal-vittma tal-omiċidju b’applikazzjoni tad-Digriet Ministerjali ta’ Eżekuzzjoni, li jikkorrispondi għal 5 % tal-ammont provviżorju mogħti mid-deċiżjoni ġudizzjarja, ma jidhirx li huwa konformi ma’ dak stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 69 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri (11).

17.      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija wkoll illegali sa fejn hija tissuġġetta l-ħlas tal-kumpens għall-kundizzjoni li l-Istat ikun irriżerva l-fondi li jippermettu li jingħata kumpens, li jmur kontra l-premessa 10 tad-Direttiva 2004/80.

18.      L-awtoritajiet Taljani konvenuti jenfasizzaw li l-iffissar tal-ammont tal-kumpens għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-ulied twettaq f’osservanza stretta tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, filwaqt li ttieħdu inkunsiderazzjoni l-mezzi ta’ għajxien tal-konjuġi superstiti. Huma jfakkru wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li indikat, fil-punt 58 tas-sentenza BV, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-kumpens previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, ikkunsidrat, fil-punt 65 ta’ dik is-sentenza, li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għal vittmi, iżda teħtieġ biss li dan il-kumpens ikun “ġust u xieraq”. Fil-punt 69 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfat meta l-kumpens, anki fil-forma ta’ somma f’daqqa, jirrappreżenta “kontribuzzjoni adegwata bħala kumpens għad-dannu materjali u morali mġarrab” mill-vittma.

19.      Il-konvenuti jargumentaw ukoll li t-talbiet mressqa mill-missier, mill-omm u mill-oħt tal-vittma tal-omiċidju huma inammissibbli. Fil-fatt, it-terminu ta’ dekadenza ta’ 60 jum previst għall-preżentazzjoni b’mezz amministrattiv ta’ talba għal kumpens kien skada, peress li s-sentenza kriminali saret definittiva fis‑6 ta’ Mejju 2021, peress li l-proċedura pendenti kienet bdiet fl‑1 ta’ Frar 2022 u peress li t-talba tagħhom għal medjazzjoni ma tinterrompix il-preskrizzjoni.

20.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tat-talba għad-danni li biha hija adita, ibbażata fuq it-traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 2004/80, għandu, preliminarjament, jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif tirriżulta mill-Artikolu 11(2a), (2b) u (3) tal-Liġi Nru 122/2016, hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

21.      Dik il-qorti tirrileva li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tissuġġetta, anki meta sentenza definittiva tistabbilixxi, favur ċerti membri tal-familja, dritt għall-kumpens tad-danni tagħhom u l-ammont tiegħu, il-ħlas tal-kumpens, għal dak li jirrigwarda l-ġenituri tal-vittma tar-reat ta’ omiċidju, għall-assenza ta’ konjuġi u ta’ wlied ta’ din il-vittma u, għal dak li jirrigwarda l-aħwa tal-vittma, għall-assenza tal-missier u tal-omm, u barra minn hekk li kienu jikkoabitaw mal-vittma u kienu dipendenti fuqha fil-mument li fih twettaq ir-reat, tinjora l-aspett mhux pekunjarju tat-tbatija marbuta mat-telfa vjolenti tal-vittma.

22.      Fir-rigward tal-konjuġi u tal-ulied, l-imsemmija qorti tosserva li l-portata tad-dannu mġarrab ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni. Għalhekk, f’dan il-każ, ma tingħata ebda importanza lill-fatt li l-konjuġi kien ilu ċertu żmien isseparat mill-vittma, peress li kien previst biss tqassim tal-kumpens abbażi tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-suċċessjoni, suġġett għal fondi suffiċjenti tal-Fond ta’ Solidarjetà. Għalhekk, ma hijiex meħuda inkunsiderazzjoni l-gravità tal-konsegwenzi tal-att għall-vittmi, bi ksur tas-sentenza BV. Barra minn hekk, il-kumpens favur l-ulied kien iffissat għal ammont li jikkorrispondi ħafna mal-ammont mogħti lill-konjuġi, li ma huwa proporzjonat xejn mal-ammont tal-kumpens provviżorju ffissat fil-kuntest tal-proċedura kriminali u ma kien jieħu inkunsiderazzjoni ebda wieħed mill-kriterji normalment applikati fil-qasam ta’ telf tar-rabta familjari, bħall-età tal-vittma, l-età tas-superstiti, il-grad ta’ qrubija u ta’ koabitazzjoni, bil-possibbiltà li jiġu applikati korrezzjonijiet għall-ammont finali skont il-partikolaritajiet tas-sitwazzjoni. Għalhekk, l-ammont mogħti lill-ulied f’dan il-każ ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa “ġust u xieraq”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80.

23.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li t-terminu ta’ dekadenza għall-preżentazzjoni ta’ talba għal kumpens quddiem l-amministrazzjoni, iffissat fl-Artikolu 13(2) tal-Liġi Nru 122/2016, li huwa applikabbli għat-talba tal-ġenituri u ta’ oħt il-vittma tal-omiċidju, huwa eċċessivament qasir, u jidher li jmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale Ordinario di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [I]l-fatt li l-ħlas ta’ kumpens stabbilit favur il-ġenituri u oħt vittma tar-reati vjolenti intenzjonali jkun issuġġettat għan-nuqqas ta’ wlied u ta’ konjuġi ta’ din tal-aħħar (fir-rigward tal-ġenituri) u għan-nuqqas ta’ ġenituri (fir-rigward tal-aħwa), kif jipprovdi, fil-każ ta’ omiċidju, l-Artikolu 11(2 bis) tal-[Liġi Nru 122/2016] huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 kif ukoll mal-Artikoli 20 (ugwaljanza) u 21 (nondiskriminazzjoni), mal-Artikolu 33(1) (protezzjoni tal-familja) u mal-Artikolu 47 (dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq) tal-[Karta] u mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (nondiskriminazzjoni)?

2)      [K]umpens li mal-ħlas tiegħu hemm marbuta r-riżerva stabbilita fl-Artikolu 11(3) tal-[Liġi Nru 122/2016], li tikkonsisti fil-formola ‘fil-limiti tal-fondi li jiddisponi minnhom il-[Fond ta’ Solidarjetà]’, mingħajr ebda dispożizzjoni li timponi fuq l-Istat Taljan li jirriżerva somom li jkunu konkretament suffiċjenti biex jippermettu l-kumpens, anki determinati fuq bażi statistika u li f’kull każ ikunu konkretament suffiċjenti biex jippermettu l-kumpens tal-aventi kawża f’terminu raġjonevoli, jista’ jitqies bħala ‘kumpens bil-fier u xieraq għal vittmi’ fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80?”

25.      Il-ġenituri u oħt il-vittma tal-omiċidju kif ukoll uliedha, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Huwa wieġbu għall-mistoqsijiet għal risposta orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta li nżammet fil‑21 ta’ Frar 2024.

IV.    Analiżi

A.      Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja u lammissibbiltà tarrinviju għal deċiżjoni preliminari

26.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan iqis li għandha tiġi diskussa l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari għar-raġuni li l-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/80.

27.      Dan l-argument ma huwiex ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti li jikkritikaw il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fir-rigward tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jirrisjedu kollha fl-Italja, jiġifieri t-territorju li fih twettaq l-att ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti. Madankollu, jidhirli li għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza BV, fil-punt 52, li din id-dispożizzjoni “[t]obbliga lil kull Stat Membru li jkollu skema ta’ kumpens li tkopri lill-vittmi kollha ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorji tagħhom” u, fil-punt 55, li l-imsemmija dispożizzjoni “[t]agħti d-dritt li jinkiseb kumpens ġust u xieraq mhux biss lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru li jinsabu f’sitwazzjoni transkonfinali, fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, iżda wkoll lill-vittmi li jirrisjedu abitwalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru”.

28.      Il-Gvern Taljan jargumenta, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju ma staqsietx dwar il-klassifikazzjoni bħala vittma tar-rikorrenti fis-sens tad-Direttiva 2004/80 u, min-naħa l-oħra, li l-kelma “vittma” għandha tinftiehem li tidentifika l-persuna leża direttament. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Taljana kkritikata taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, li jiġġustifika l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari.

29.      Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “vittma” ta’ att intenzjonali ta’ vjolenza, fis-sens tad-Direttiva 2004/80, jinkludix, fil-każ ta’ omiċidju, l-aventi kawża tal-vittma, bħall-konjuġi superstiti, l-ulied, il-ġenituri jew l-aħwa tagħha, tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

30.      Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li ma hemmx dubju dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

B.      Fuq lammissibbiltà tattieni domanda preliminari

31.      Fil-fehma tiegħi, din it-tieni domanda, li tirrigwarda l-limitazzjoni tal-kumpens previst mil-leġiżlazzjoni Taljana skont il-limitu li jirriżulta mill-baġit allokat lill-Fond ta’ Solidarjetà previst għal dan il-għan, ma hijiex ammissibbli.

32.      Kif kien ikkonfermat waqt is-seduta, tali limitazzjoni ma kellhiex effett fuq l-ammonti ta’ kumpens mogħtija mill-Istat Taljan fil-kawża prinċipali. Għalhekk, naqbel mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Gvern Taljan li d-domanda tal-qorti tar-rinviju ma għandhiex effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima. Barra minn hekk, tista’ titqajjem l-assenza ta’ preċiżjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju dwar il-finanzjament jew il-funzjonament tal-Fond ta’ Solidarjetà (12).

33.      Barra minn hekk, nikkonstata li ebda domanda preliminari ma tirrigwarda diffikultajiet oħra mqajma mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-ammont eċċessivament imnaqqas tal-kumpens li ngħataw l-ulied tal-vittma tal-omiċidju (13) kif ukoll it-tul qasir tat-terminu għat-tressiq ta’ talba għal kumpens.

C.      Fuq lewwel domanda preliminari

34.      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi skema ta’ kumpens għal vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti li tissuġġetta d-dritt għall-kumpens tal-ġenituri tal-vittma mejta għall-assenza ta’ wlied u ta’ konjuġi superstiti kif ukoll id-dritt tal-aħwa ta’ din il-vittma għall-assenza tal-ġenituri tagħhom.

35.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara l-kunċett ta’ “vittma” u tikkompleta l-interpretazzjoni li hija tat lil “kumpens ġust u xieraq” fis-sentenza BV.

1.      Fuq ilkunċett ta’ “vittma”

36.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn hija tidentifika l-membri tal-familja li jistgħu jibbenefikaw minn kumpens fil-każ ta’ mewt tal-vittma, taqax taħt id-Direttiva 2004/80. Fl-opinjoni tiegħi din l-identifikazzjoni ma titħalliex għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri, kif jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva (14).

37.      Fil-fatt, l-ewwel nett, fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “vittma” fid-Direttiva 2004/80 u ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali, għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa intiż sabiex jiżgura, b’konformità mal-għan ta’ din id-direttiva, li ma jkunx hemm diskrepanza bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-persuni li jibbenefikaw mill-iskema nazzjonali ta’ kumpens għal vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti fit-territorji rispettivi tagħhom.

38.      It-tieni nett, l-interpretazzjoni kuntrarja sostnuta mill-Gvern Taljan ibbażata fuq l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/80 għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi eskluża. Huwa minnu li dan l-artikolu jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli fl-interess tal-vittmi tar-reat billi jwessgħu ċ-ċirku ta’ benefiċjarji għal “kull persuna oħra affettwata mid-delitt”. Madankollu, l-imsemmi artikolu jinsab fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet ta’ implimentazzjoni”, u għalhekk huwa intiż biss għall-implimentazzjoni tal-iskema adottata mill-Istati Membri abbażi tal-bażi minima stabbilita fil-kapitoli preċedenti. Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat bħala limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva biss għall-vittmi li jkunu ssopravivew reat li jaqa’ taħt il-“kriminalità intenzjonali vjolenti”, dan ikollu l-effett li jeskludi l-omiċidji mil-lista ta’ dawn ir-reati peress li f’dan il-każ, ma jkunx għad hemm vittma diretta li tiġi kkumpensata. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ kumpens għal vittmi ma jistax jiġi limitat għal uħud biss mir-reati li jaqgħu taħt il-kriminalità intenzjonali vjolenti (15).

39.      It-tielet nett, għandha tiġi żgurata l-koerenza tal-interpretazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, mill-premessa 5 tad-Direttiva 2004/80 jirriżulta li hija taqa’ fl-estensjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, li kienet issostitwita mid-Direttiva 2012/29.

40.      Fil-Proposta għal Direttiva tagħha, ippreżentata fit‑12 ta’ Lulju 2023 (16), il-Kummissjoni tqis li din id-direttiva hija “l-istrument orizzontali ewlieni għad-drittijiet tal-vittmi” (17). Hija tenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi tinkludi wkoll id-Direttiva 2004/80 dwar il-kumpens u r-regoli tal-Unjoni dwar id-deċiżjonijiet ta’ protezzjoni (18). Dik l-istituzzjoni tenfasizza li l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/29 ikkostitwixxiet żvilupp sinjifikattiv fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi u tal-ġustizzja ffokata fuq il-vittmi fl-Unjoni u li hija kellha rwol primordjali fl-istabbiliment ta’ spazju Ewropew ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (19). Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi d-Direttiva 2004/80, li tirrigwarda l-kwistjoni partikolari tal-kumpens għall-vittmi, għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-Direttiva 2012/29 li stabbilixxiet qafas ġenerali, “orizzontali”, sabiex nuża l-espressjoni użata mill-Kummissjoni, minkejja li hija kellha bażi legali differenti, jiġifieri l-Artikolu 82(2) TFUE (20), filwaqt li d-Direttiva 2004/80 kellha bħala bażi legali l-Artikolu 308 KE, li sar l-Artikolu 352 TFUE.

41.      Għalhekk, il-kunċett ta’ “vittma” li jinsab fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2012/29 (21). Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Taljana li tiddefinixxi l-membri tal-familja li jistgħu jibbenefikaw minn kumpens fil-każ ta’ mewt tal-vittma hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, li barra minn hekk, permezz tiegħu, in-numru ta’ persuni kkonċernati huwa limitat (22).

2.      Fuq ilkunċett ta’ “kumpens ġust u xieraq”

42.      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni li tipprevedi li d-dritt għall-kumpens tal-membri tal-familja ta’ vittma mejta jiddependi fuq ordni ta’ prijorità ispirat mir-regoli tas-suċċessjoni li għandu l-effett li, fil-preżenza ta’ konjuġi superstiti u ta’ wlied tal-vittma, il-membri tal-familja viċini l-oħra tagħha, f’dan il-każ, il-ġenituri tagħha u ħutha, ikunu, minħabba dan il-fatt waħdu, imċaħħda minn kwalunkwe kumpens.

43.      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jagħti lill-vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru d-dritt li jingħataw kumpens ġust u xieraq (23).

44.      Fis-sentenza BV, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “kumpens ġust u xieraq” peress li hija kienet mistoqsija dwar l-ammont tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 4 800 mogħti lill-vittmi ta’ aggressjoni sesswali skont l-iskema Taljana ta’ kumpens għal vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti.

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet elementi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 li, fil-fehma tiegħi, huma rilevanti sabiex tingħata tweġiba lill-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-benefiċjarji ta’ kumpens “ġust u xieraq”.

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens dovut lill-vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti għandu jiġi ffissat billi tittieħed inkunsiderazzjoni “l-gravità tal-konsegwenzi, għall-vittmi, tad-delitt imwettaq” u li, fin-nuqqas ta’ dan, huwa ma jirrappreżentax “kontribuzzjoni adegwata bħala kumpens għad-dannu materjali u morali mġarrab” (24).

47.      Fil-fehma tiegħi, minn dan jista’ jiġi dedott li skema ta’ kumpens li fiha jiġu esklużi vittmi mingħajr ebda kunsiderazzjoni tal-portata tad-danni tagħhom, minħabba ordni ta’ prijorità astratt (25) bejn il-vittmi differenti li għandhom dritt għal kumpens, u bbażata biss fuq in-natura tar-rabtiet familjari li minnhom jinġibdu sempliċi preżunzjonijiet dwar l-eżistenza jew l-importanza tad-danni, ma tistax tirriżulta f’“kumpens ġust u xieraq”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80.

48.      Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-konstatazzjoni, ikkonfermata waqt is-seduta, li, minkejja li tali metodu ta’ esklużjoni ta’ ċerti vittmi huwa mmudellat fuq ir-regoli tas-suċċessjoni, huwa ma japplikahomx kompletament. Għalhekk, il-preżenza ta’ legatarju universali jew ta’ kawża ta’ diżeredazzjoni ma ċċaħħadx, fl-iskema Taljana ta’ kumpens, l-eredi eskluż mid-dritt li jingħata kumpens. Minn dan jirriżulta li, minkejja li l-għan tal-leġiżlazzjoni Taljana huwa li timplimenta mezz issimplifikat għall-identifikazzjoni tal-vittmi li jingħataw kumpens (26), xorta jibqa’ l-fatt li r-rekwiżit leġittimu li jinkiseb kumpens sempliċi u rapidu għal vittmi ma għandux jieħu post l-obbligu ta’ kumpens, b’mod adegwat, tat-tbatija li għaliha kienu esposti minħabba r-reat li jaqa’ taħt il-kriminalità intenzjonali vjolenti li kkawża l-mewt ta’ membru tal-familja tagħhom (27).

V.      Konklużjoni

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi biss għall-ewwel domanda preliminari magħmula mit-Tribunale Ordinario di Venezia (il-Qorti Distrettwali ta’ Venezia, l-Italja) kif ġej:

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad‑29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta’ delitti,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi skema ta’ kumpens għal vittmi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti li tissuġġetta d-dritt għall-kumpens tal-ġenituri tal-vittma mejta għall-assenza ta’ wlied u ta’ konjuġi superstiti kif ukoll id-dritt tal-aħwa ta’ din il-vittma għall-assenza tal-imsemmija ġenituri.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65.


3      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


4      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 72.


6      Li sar it-Titolu V TFUE, intitolat “L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”.


7      ĠU 2012, L 315, p. 57.


8      GURI Nru 158, tat‑8 ta’ Lulju 2016, p. 1.


9      Iktar ’il quddiem il-“Fond ta’ Solidarjetà”.


10      GURI Nru 18, tat‑23 ta’ Jannar 2020, p. 9.


11      C‑129/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza BV”, EU:C:2020:566.


12      Ara, barra minn hekk, dwar il-kwistjoni tal-vijabbiltà tal-iskema nazzjonali ta’ kumpens, is-sentenza BV (punt 59).


13      Dwar il-kwistjoni ta’ konkordanza bejn il-kumpens “ġust u xieraq”, previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, u d-danni li l-awtur ta’ reat li jaqa’ taħt il-kriminalità intenzjonali vjolenti ġie kkundannat iħallas lill-vittma tiegħu, ara s-sentenza BV (punt 60).


14      Ara, dwar il-metodi abitwali ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza BV (punt 38).


15      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑601/14, EU:C:2016:759, punt 46).


16      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (COM(2023) 424 final).


17      Ara p. 1 ta’ din il-proposta għal direttiva.


18      Ara p. 4 tal-imsemmija proposta għal direttiva. Il-Kummissjoni tiċċita d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni (ĠU 2011, L 338, p. 2), u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili (ĠU 2013, L 181, p. 4). Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi tinkludi, barra minn hekk, leġiżlazzjoni settorjali kkostitwita minn diversi strumenti intiżi sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi tal-vittmi ta’ ċerti kategoriji ta’ reati.


19      Ara p. 1 tal-istess proposta għal direttiva. Hawnhekk huwa ppreċiżat li “[d]in tistabbilixxi d-drittijiet għall-vittmi kollha tal-kriminalità kollha, inkluż id-dritt għall-informazzjoni, id-dritt għall-appoġġ u l-protezzjoni bbażati fuq il-ħtiġijiet individwali, id-drittijiet proċedurali tal-vittmi, u d-dritt li jirċievu deċiżjoni dwar il-kumpens mill-awtur tar-reat fi tmiem il-proċedimenti kriminali. Il-VRD[, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, jiġifieri d-Direttiva 2012/29,] ilha applikabbli minn Novembru 2015 fl-Istati Membri kollha tal-[Unjoni], ħlief fid-Danimarka, li ma hijiex marbuta bid-Direttiva”.


20      Il-Proposta għal Direttiva ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet hija bbażata fuq l-Artikolu 82(2)(c) TFUE (ara l-punt 2, p. 7, ta’ din il-proposta). Dwar il-kwistjoni tal-limitazzjoni tal-interpretazzjoni ta’ strumenti tad-dritt sekondarju b’riferiment għall-bażi legali tagħhom, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża BV (C‑129/19, EU:C:2020:375, punt 89). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Federatie Nederlandse Vakbeweging (C‑815/18, EU:C:2020:976, punt 40).


21      Skont l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, imħassra bid-Direttiva 2012/29, intitolat “Definizzjonijiet”, “vittma” tfisser “persuna fiżika li tkun sofriet danni, inkluż ħsara fiżika jew mentali, tbatija emozzjonali jew telf ekonomiku, kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet li bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru”.


22      Ara, għal evalwazzjoni tal-applikazzjoni prattika tad-Direttiva 2012/29 fis‑26 Stat Membru u b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tagħha, ir-Rapport ta’ Sinteżi tal-Proġett VOCIARE: Victims of Crime Implementation Analysis of Rights in Europe, li għalih tirreferi l-Kummissjoni fil-Proposta għal Direttiva ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 2.


23      Ara s-sentenza BV (punt 55).


24      Ara s-sentenza BV (punt 69). Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma jipprekludux il-provvediment ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li l-ammont tiegħu jista’ jvarja skont in-natura tal-vjolenzi mġarrba peress li l-iskala tal-kumpens hija suffiċjentement iddettaljata (ara s-sentenza BV (punti 65 u 66)).


25      Dan għandu jiġi distint mill-fakultà tal-Istati Membri li jistabbilixxu proċeduri sabiex jillimitaw in-numru tal-membri tal-familja li jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet stabbiliti fid-Direttiva 2012/29, ara l-premessa 19 u l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva.


26      Skont ir-riċerki tiegħi mwettqa fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja, “Si ma demande doit être examinée dans ce pays (europa.eu)”, ebda Stat Membru ieħor ma adotta leġiżlazzjoni analoga.


27      Ara s-sentenza BV (punt 64).