Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2022 – Rotenberg vs Il-Kunsill

(Kawża T-738/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Igor Rotenberg (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: D. Rovetta, M. Campa, M. Moretto u V. Villante, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 1 tal-14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 1 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;

tannulla d-deċiżjoni li r-rikorrent jinżamm fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK 1 , kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 2 , kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2022;

sa fejn dawn l-atti jinkludu lir-rikorrent fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq in-nuqqas li jiġi ssodisfatt l-oneru tal-prova, fuq ksur tal-kriterji ta’ inklużjoni stabbiliti fl-Artikoli 1(1)(b) u (d) u fl-Artikolu 2(1)(d) u (f) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 u fl-Artikolu 3(1)(d) u (f) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014, li t-tnejn li huma jirrigwardaw miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għall-proprjetà u għal-libertà ta’ intrapriża u fuq ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal-14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149).

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1).

1 Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).

1 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).