Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2016 – Netflix International u Netflix vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-818/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Netflix International BV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Netflix, Inc. (Los Gatos, California, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: C. Alberdingk Thijm, S. van Schaik u S. van Velze, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1  ta’ Settembru 2016 li tiddikjara l-emenda tal-liġi Ġermaniża dwar il-miżuri għall-promozzjoni taċ-ċinema Ġermaniża fis-seba’ verżjoni tagħha hija kompatibbli mas-suq intern 1 ; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja awdjoviżiva 2 .

Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 13(1) DSMA meta ddeċidiet li l-miżura Ġermaniża hija kompatibbli ma’ dan l-artikolu interpretat fid-dawl tal-emenda proposta.

Il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 2(1), 2(2) u 3 DSMA meta ddeċidiet li l-miżura Ġermaniża ma tiksirx l-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 110 TFUE.

Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 110 TFUE meta kkonstatat li l-miżura Ġermaniża ma hijiex diskriminatorja fir-rigward ta’ fornituri tas-servizzi awdjoviżivi fuq talba stabbiliti barra mill-Ġermanja, iżda li huma immirati għall-pubbliku Ġermaniż.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 56 TFUE.

Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 56 billi naqset milli tevalwa jekk il-miżura Ġermaniża tiksirx il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, li hija hekk tagħmel.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 TFUE.

Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 49 TFUE billi naqset milli tevalwa jekk il-miżura Ġermaniża tiksirx il-libertà ta’ stabbiliment, li hija hekk tagħmel.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE.

Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107 TFUE meta kkonstatat li l-miżura Ġermaniża hija forma ta’ għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi ġġustifikata minn għan kulturali u hija kompatibbli mas-suq intern.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

Il-Kummissjoni kisret il-forom proċedurali sostanzjali billi ma ssodisfatx ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 296(2) TFUE u d-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2042 tal-1 ta’ Settembru 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.38418 — 2014/C (ex 2014/N) li l-Ġermanja qed tippjana li timplimenta għall-finanzjament tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-films (notifikata bid-dokument C(2016) 5551) (ĠU 2016, L 314, p. 63).

2 Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (“DSMA”) (ĠU 2010, L 95, p. 1)