Language of document : ECLI:EU:T:2018:133

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Marzu 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Reġistrazzjoni internazzjonali li tiddenota l-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva K – Trade mark Benelux figurattiva preċedenti K – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”

Fil-Kawża T-824/16,

Kiosked Oy Ab, stabbilita f’Espoo (il-Finlandja), irrappreżentata minn L. Laaksonen, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Fischer, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

De Vlaamse Radio- en Televisieomroeporganisatie (VRT), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn P.-Y. Thoumsin u E. Van Melkebeke, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-19 ta’ Settembru 2016 (Każ R 279/2016–4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn VRT u Kiosked,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

komposta minn D. Gratsias, President, A. Dittrich (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Novembru 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Frar 2017,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet f’terminu ta’ tliet ġimgħat b’effett min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-27 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti, Kiosked Oy Ab, kisbet mingħand il-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) reġistrazzjoni internazzjonali li tiddenota l-Unjoni Ewropea Nru 1112969.

2        Ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tiddenota lill-Unjoni Ewropea Nru 1112969 inkisbet għas-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom inkisbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 35 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 9: “Apparat u strumenti xjentifiċi, nawtiċi, ġeodesiċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, tal-użin, tal-kejl, tas-senjaletika, tal-kontroll, tal-emerġenza [salvataġġ] u tat-tagħlim; apparat u strumenti ta’ konduzzjoni, distribuzzjoni, trasformazzjoni, akkumulazzjoni, regolazzjoni jew kontroll tal-kurrent elettriku; apparat ta’ reġistrazzjoni, ta’ trażmissjoni u/jew ta’ riproduzzjoni ta’ ħsejjes u/jew ta’ stampi; mezzi ta’ reġistrazzjoni manjetiċi, diski akustiċi; diski kumpatti, DVDs u mezzi oħra ta’ reġistrazzjoni diġitali; mekkaniżmi għal apparat li jopera bil-muniti; cash registers, magni tal-kalkolu, tagħmir għall-ipproċessar ta’ data, kompjuters; softwer tal-kompjuter; tagħmir għat-tifi tan-nar”;

–        klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju”;

–        klassi 42: “Servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi kif ukoll servizzi ta’ riċerka u disinn relatati magħhom; riċerki u analiżijiet industrijali; disinn u żvilupp ta’ ħardwer u softwer tal-kompjuter”.

4        Ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tiddenota lill-Unjoni Ewropea Nru 1112969 ġiet innotifikata fit-3 ta’ Mejju 2012 lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat [issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)]. Din ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2012/085, tas-7 ta’ Mejju 2012. Fis-7 ta’ Frar 2013, l-intervenjenti, De Vlaamse Radio- en Televisieomroeporganisatie (VRT), ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2017/1001), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti minn din tal-aħħar.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq erba’ trade marks preċedenti, fosthom it-trade mark figurattiva rreġistrata fl-10 ta’ Awwissu 2010 fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali Benelux (UBPI) bin-numru 882400, riprodotta hawn taħt:

Image not found

6        It-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 kienet irreġistrata għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 14, 16, 18, 24, 25, 28, 35, 38 u 41 sa 43, u partikolarment għall-prodotti u s-servizzi segwenti:

–        klassi 9: “Apparat u strumenti fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi u senjaletiċi; apparat għar-reġistrazzjoni, għat-trażmissjoni jew għar-riproduzzjoni awdjo jew vidjo; mezzi ta’ informazzjoni manjetiċi; mezzi f’forma ta’ diski għar-reġistrazzjonijiet awdjo jew vidjo; tejps vidjo, CDs, CD-Is, CD-ROMs u DVDs; kards ta’ klabbs u ta’ sħubija manjetiċi jew kodifikati; apparat vidjo, awdjo u tal-informatika; tagħmir għal logħob maħsub sabiex jintuża biss ma’ riċevituri tat-televiżjoni”;

–        klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni, servizzi ta’ tagħlim, taħriġ u korsijiet”;

–        klassi 42: “Ipprogrammar tal-kompjuter; servizzi ta’ disinn u ta’ żvilupp ta’ siti tal-internet, li mhux kollha għandhom immaġni li jiċċaqilqu; disinn u żvilupp ta’ softwer għal applikazzjonijiet multimedjali”.

7        It-tliet trade marks l-oħra li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni huma s-segwenti:

–        it-trade mark figurattiva rreġistrata fl-10 ta’ Awwissu 2010 mal-UBPI bin-numru 882402, għal prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 14, 16, 18, 24, 25, 28, 35, 38 u 41 sa 43 u riprodotta kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva rreġistrata fis-7 ta’ Ġunju 2006 mal-UBPI bin-numru 796522, għal prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 14, 16, 18, 24, 25, 28, 35, 38 u 41 sa 43 u riprodotta kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva rreġistrata fis-7 ta’ Ġunju 2006 mal-UBPI bin-numru 796523, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 14, 16, 18, 24, 25, 28, 35, 38 u 41 sa 43 u riprodotta kif ġej:

Image not found

8        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001]. L-oppożizzjoni kienet tikkonċerna l-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade marks preċedenti.

9        B’deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2015, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni, u dan, b’mod partikolari, għas-servizzi segwenti:

–        klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju”;

–        klassi 42: “Disinn u żvilupp ta’ softwer tal-kompjuter”.

10      Fid-9 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

11      B’deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad ir-rikors fir-rigward tas-servizzi msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq.

12      Billi ħa inkunsiderazzjoni, minn naħa, livell iktar baxx mill-medja fir-rigward tax-xebh viżiv, l-impossibbiltà li jsir paragun tat-trade marks fuq il-livell fonetiku u n-natura “newtrali” tal-paragun kunċettwali u, min naħa l-oħra, u fid-dawl tal-fatt li l-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 huwa “normali” jew “l-iktar l-iktar medju”, il-Bord tal-Appell ikkonstata, essenzjalment, li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 42 li huwa qies li kienu identiċi.

13      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies li kienet teżisti wkoll probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 9 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400, li jistgħu jitqiesu identiċi.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors tagħha fir-rigward tas-servizzi “reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju” li jaqgħu fil-klassi 35 u s-servizzi “disinn u żvilupp ta’ softwer tal-kompjuter”, li jaqgħu fil-klassi 42;

–        tippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal dawn is-servizzi;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż kollha li hija sostniet fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, inklużi l-ispejjeż ta’ rappreżentazzjoni legali, konformement mal-espożizzjoni tal-ispejjeż ippreżentati minnha fit-terminu previst fl-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 109 tar-Regolament Nru 2017/1001) u, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ tali espożizzjoni, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-kuntest ta’ din il-proċedura, konformement mal-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 207/2009.

15      L-EUIPO jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      L-intervenjenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha sostnuti minnha fil-kuntest tal-proċedura ta’ oppożizzjoni, kif ukoll matul din il-proċedura, inklużi l-ispejjeż tar-rappreżentanza legali, konformement mad-dettalji tal-ispejjeż li ser jiġu ppreżentati minnha fit-terminu msemmi fl-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 207/2009 u, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dettalji ta’ dawn l-ispejjeż, konformement mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

17      It-tieni paragrafu tal-punt 37 tar-risposta tal-intervenjenti jaqra kif ġej:

“Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rikors għandu jiġi miċħud u għandha tintlaqa’ l-oppożizzjoni mressqa mill-intervenjenti fl-intier tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti matul din il-proċedura, konformement mal-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 207/2009”.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet tal-intervenjenti

18      L-intervenjenti talbet li r-rikors jiġi miċħud u li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati ċerti spejjeż.

19      Min-naħa l-oħra, ma huwiex ċar mill-ewwel jekk il-frażi “għandha tintlaqa’ l-oppożizzjoni mressqa mill-intervenjenti fl-intier tagħha”, kif imsemmi fil-punt 17 iktar ’il fuq, għandhiex titqies bħala kap tat-talbiet. Jekk jitqies li din il-frażi għandha titqies bħala kap tat-talbiet, fi kwalunkwe każ, din hija inammissibbli.

20      Fil-fatt, l-imsemmija frażi tikkostitwixxi kap tat-talbiet li bih l-intervenjenti titlob lill-Qorti Ġenerali tilqa’ l-oppożizzjoni tagħha kif invokata inizjalment quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jew, minn tal-inqas, li tistabbilixxi mill-ġdid id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar punt mhux imqajjem fir-rikors, tali kap tat-talbiet għandu jiġi evalwat bħala appell inċidentali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2017, NRJ Group vs EUIPO – Sky International (SKY ENERGY), T-184/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:703, punt 31].

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 182(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li appell inċidentali għandu jiġi ppreżentat fl-istess terminu bħal dak previst għall-preżentata tar-risposta u għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ att separat, distint mir-risposta. Madankollu, anki jekk jitqies li l-imsemmija frażi tikkostitwixxi kap tat-talbiet, din ma tqajmitx b’att separat u għaldaqstant ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 182(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, tali kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2017, SKY ENERGY, T-184/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:703, punt 32).

 Fuq is-suġġett tal-kawża

22      Minħabba d-dispożittivi differenti tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, minn naħa, u tal-Bord tal-Appell, min-naħa l-oħra, u peress li l-intervenjenti rreferiet fir-risposta tagħha kollha għall-prodotti u għas-servizzi li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, filwaqt li r-rikorrenti ssemmi, fit-talbiet tagħha, biss parti mis-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat preliminarjament liema huma l-prodotti u s-servizzi li huma s-suġġett ta’ din il-kawża.

23      Kif jirriżulta mill-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti u mid-dettalji li hija tat fir-rikors, hija titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss fir-rigward tas-servizzi segwenti:

–        klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju”;

–        klassi 42: “Disinn u żvilupp ta’ softwer tal-kompjuter”.

24      Fid-dawl tal-limitazzjoni fit-talbiet tar-rikorrenti, l-uniku motiv ta’ din tal-aħħar jista’ biss jiġi eżaminat fir-rigward tas-servizzi msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq.

25      Min-naħa l-oħra, minħabba l-inammissibbiltà tar-rikors inċidentali possibbli tal-intervenjenti (ara l-punti 18 sa 21 iktar ’il fuq), l-argumenti tal-intervenjenti dwar il-prodotti u s-servizzi għajr dawk imsemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq, li ma humiex is-suġġett tar-rikors f’din il-kawża, ma għandhomx jiġu eżaminati.

 Fuq l-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

26      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn huwa kkonkluda, b’mod żbaljat, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni. B’mod partikolari, hija tikkonfuta l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell rigward il-kompożizzjoni u l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, il-livell ta’ xebh viżiv tat-trade marks u l-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400. Għalhekk, essenzjalment, fil-fehma tar-rikorrenti, ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni.

27      L-intervenjenti ssostni essenzjalment li l-Bord tal-Appell kellu jikkonkludi li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti fir-rigward tas-servizzi kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, peress li s-servizzi inkwistjoni huma indirizzati lill-pubbliku ġenerali li għandu livell ta’ attenzjoni medju, it-trade marks kunfliġġenti huma identiċi jew, minn tal-inqas, għandhom livell għoli ta’ xebh. Barra minn hekk, il-karattru distintiv tat-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 huwa medju.

28      L-EUIPO essenzjalment iqis li l-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkonkluda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

29      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 151(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 189(1) tar-Regolament Nru 2017/1001), kull reġistrazzjoni internazzjonali li tiddenota l-Unjoni Ewropea tipproduċi, b’effett mid-data tar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(4) tal-Protokoll dwar il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade marks adottat f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989 (ĠU 2003, L 296, p. 22), l-istess effetti bħal applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 156(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 196(1) tar-Regolament Nru 2017/1001) jipprovdi li kull reġistrazzjoni internazzjonali li tiddenota l-Unjoni Ewropea hija suġġetta għall-istess proċedura ta’ oppożizzjoni bħall-applikazzjonijiet għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ppubblikati.

30      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn hija protetta t-trade mark preċedenti. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, probabbiltà ta’ konfużjoni hija l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

32      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li huma jiddenotaw. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi [ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T-316/07, EU:T:2009:14, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq il-pubbliku rilevanti u l-livell ta’ attenzjoni tiegħu

33      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti inkwistjoni, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

34      Mill-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ essenzjalment jiġi dedott li, skont il-Bord tal-Appell, fid-dawl tal-fatt li t-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 hija trade mark irreġistrata mill-UBPI fil-Benelux, it-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni inkwistjoni huwa dak tal-Belġju, tal-Lussemburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi. Peress li din l-evalwazzjoni ma hijiex ivvizzjata bi żball, għandha tiġi kkonfermata.

35      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, il-Bord tal-Appell qies fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata li “parti mill-prodotti u servizzi kunfliġġenti [kienet] indirizzata lill-pubbliku ġenerali u parti oħra lill-kummerċjanti”.

36      Ir-rikorrenti ssostni li s-servizzi inkwistjoni huma intiżi għall-kummerċjanti. Dan huwa partikolarment il-każ ta’ servizzi ta’ reklamar, peress li dawn tal-aħħar huma maħsuba sabiex jirreklamaw prodott jew servizz ieħor. Ebda konsumatur ma għandu bżonn jirrikorri għal servizzi ta’ reklamar.

37      Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 27 iktar ’il fuq, l-intervenjenti tqis li s-servizzi inkwistjoni huma indirizzati lill-pubbliku ġenerali.

38      Skont il-ġurisprudenza, il-pubbliku rilevanti huwa magħmul minn persuni li jistgħu jużaw kemm is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti kif ukoll dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Apple Computer vs UASI – TKS-Teknosoft (QUARTZ), T-328/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:238, punt 23, u tat-30 ta’ Settembru 2010, PVS vs UASI – MeDiTA Medizinische Kurierdienst (medidata), T-270/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:419, punt 28].

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-servizzi inkwistjoni jintużaw minn numru kbir ta’ kummerċjanti u mhux mill-pubbliku ġenerali, u dan huwa rrikonoxxut mill-EUIPO nnifsu fir-risposta tiegħu. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ servizzi ta’ “reklamar” li jaqgħu taħt il-klassi 35, li ssemmew mir-rikorrenti (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

40      Fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva wkoll li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti kien ivarja minn medju għal għoli.

41      Skont ir-rikorrenti, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti, magħmul minn kummerċjanti, għandu livell ta’ attenzjoni għoli.

42      Fil-fehma tal-intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat livell ta’ attenzjoni medju.

43      F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li, kif ġie rrilevat fil-punt 39 iktar ’il fuq, il-pubbliku rilevanti huwa, fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni, magħmul minn kummerċjanti, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, livell għoli ta’ attenzjoni.

 Fuq il-paragun tas-servizzi

44      Il-Bord tal-Appell, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonferma l-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li s-servizzi msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq kienu identiċi għal ċerti servizzi koperti mit-trade marks preċedenti.

45      Skont ir-rikorrenti, essenzjalment, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 ikopru prodotti jew servizzi simili sa ċertu punt, iżda din it-trade mark tal-aħħar ma tkoprix il-prodotti jew is-servizzi kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. B’hekk, is-“servizzi inkwistjoni” għandhom “jitqiesu bħala simili”.

46      L-intervenjenti hija tal-fehma li l-parti l-kbira tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti huma identiċi jew, minn tal-inqas, simili ħafna għal dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 invokati mir-rikorrenti insostenn tal-motiv imqajjem jinsabu kemm fil-lista ta’ servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kif ukoll fil-lista ta’ servizzi koperti mit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400. Id-deskrizzjonijiet tagħhom tfasslu f’termini identiċi.

48      Fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42, għandu jiġi ċċarat li servizzi marbuta mad-“disinn u [mal-]iżvilupp ta’ softwer” koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma inklużi fil-kategorija iktar wiesgħa ta’ servizzi marbuta mal-“ipprogrammar ta’ kompjuters” koperti mit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li hemm identiċità bejn dawn is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li kkonkluda li hemm identiċità bejn is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u s-servizzi koperti mit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 (ara l-punt 44 iktar ’il fuq).

 Fuq il-paragun tas-sinjali

50      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali tagħhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni ġenerali ta’ din il-probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq ix-xebh viżiv

51      Il-Bord tal-Appell ipparaguna t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mat-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 mill-perspettiva viżiva.

52      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali kunfliġġenti, li huma t-tnejn trade marks “purament figurattivi” (ara l-punti 18, 19 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata), kellhom livell ta’ xebh inqas mill-medja. B’mod partikolari, dawn is-sinjali għandhom inkomuni element figurattiv abjad fuq sfond iswed u t-tnejn huma magħmula minn parti vertikali, ta’ forma differenti, li tinkludi fuq in-naħa tal-lemin element, ta’ forma differenti, li huwa marbut mal-element vertikali fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u indipendenti fit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400.

53      Sussidjarjament, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku rilevanti seta’, wara eżami bir-reqqa u bi ftit immaġinazzjoni, jirrikonoxxi, fiż-żewġ trade marks, forma li setgħet tixbah l-ittra kapitali “K”.

54      Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li ma jeżisti ebda xebh viżiv bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400, iżda tirrikonoxxi li r-rappreżentazzjoni grafika ta’ dawn is-sinjali tirreferi għall-ittra kapitali “K”.

55      Billi titlaq mill-premessa li tgħid li s-sinjali inkwistjoni huma komposti mill-ittra kapitali “K” irrappreżentata bl-iswed u bl-abjad, l-intervenjenti, min-naħa tagħha, issostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 għandhom jitqiesu bħala identiċi fuq il-livell viżiv. Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tagħha, jekk id-differenzi eżistenti bejn dawn it-trade marks ma setgħux jitqiesu bħala “sempliċi differenzi insinjifikattivi”, ikun hemm lok, minn tal-inqas, li jiġi konkluż li huma simili ħafna.

56      Sabiex tingħata risposta għal dawn l-argumenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti bejniethom ugwaljanza għall-inqas parzjali fir-rigward ta’ aspett rilevanti wieħed jew iktar [sentenza tal-11 ta’ Mejju 2010, Wessang vs UASI - Greinwald (star foods), T-492/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:186, punt 41].

57      B’kuntrast mal-kunċett ta’ xebh, il-kunċett ta’ identità jimplika, fil-prinċipju, li ż-żewġ elementi pparagunati jkunu l-istess f’kull aspett. Madankollu, peress li, minn naħa, il-perċezzjoni ta’ identità għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat u, min-naħa l-oħra, il-perċezzjoni ta’ identità ma hijiex ir-riżultat ta’ paragun dirett tal-karatteristiċi kollha tal-elementi pparagunati, il-preżenza ta’ differenzi insinjifikattivi li jistgħu ma jiġux innotati mill-konsumatur medju ma teskludix l-eżistenza ta’ identiċità bejn is-sinjali pparagunati. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, sinjal ikun identiku għal trade mark meta jirriproduċi, mingħajr ebda modifika jew żieda, l-elementi kollha li jikkostitwixxu din it-trade mark jew meta, meqjus fl-intier tiegħu, ikollu differenzi tant insinjifikattivi li jistgħu ma jiġux innotati mill-konsumatur medju (ara, b’analoġija u f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2003, LTJ Diffusion, C-291/00, EU:C:2003:169, punti 50 sa 54).

58      F’dan il-każ, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta minn element li jista’ jiġi pperċepit bħala l-ittra kapitali “K” miktuba b’tipa ħoxna, li t-truf tagħha huma parzjalment arrotondati. Din l-ittra qiegħda fiċ-ċentru ta’ element figurattiv rettangolari iswed usa’, li ż-żewġ kantunieri ta’ fuq u l-kantuniera ta’ isfel tal-lemin huma wkoll arrotondati. It-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 tista’, min-naħa tagħha, tiġi pperċepita bħala l-ittra kapitali “K” ta’ kulur abjad li l-linji kollha kostitwenti tagħha, jiġifieri l-linja vertikali u l-linji dijagonali konverġenti li qegħdin fuq il-lemin tal-linja vertikali, huma arrotondati. Din l-ittra qiegħda fuq sfond iswed li jieħu l-forma tal-bordura tiegħu, mingħajr madankollu ma tifforma forma ġeometrika li tista’ tiġi deskritta b’mod preċiż.

59      Ċertament, sa fejn dawn jistgħu jiġu pperċepiti bħala l-ittra kapitali “K”, iż-żewġ sinjali kunfliġġenti jinkludu element identiku. Barra minn hekk, dawn is-sinjali huma tal-istess kuluri, abjad u iswed. Min-naħa l-oħra, ir-rappreżentazzjoni grafika tal-ittra kapitali “K” fiż-żewġ trade marks ma hijiex l-istess. Fil-fatt, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-linja vertikali u ż-żewġ linji dijagonali li jinfetħu lejn il-lemin, li huma karatteristiċi tal-ittra kapitali “K”, huma marbuta mill-qrib. Fit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400, il-linja vertikali li tikkostitwixxi n-naħa tax-xellug tal-ittra kapitali “K” hija ftit imbiegħda mil-linji dijagonali li jinsabu fuq in-naħa tal-lemin ta’ din l-ittra. Il-forom arrotondati tal-linji li jifformaw l-ittra kapitali “K”, min-naħa tagħhom, huma differenti. It-truf tal-ittra kapitali “K”, kif irrappreżentata fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma parzjalment arrotondati, filwaqt li dawk tal-ittra kapitali “K” fit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400, huma kompletament arrotondati. Kif jirriżulta diġà mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, il-forma ta’ sfond iswed fiż-żewġ trade marks hija wkoll differenti. Fil-fatt, l-isfond tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tixbah kemxejn lil bużżieqa tal-komiks li f’nofsha hemm l-ittra kapitali “K”, filwaqt li l-isfond tat-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 ma għandux forma ġeometrika eżatta.

60      Dawn id-differenzi ma humiex insinjifikattivi sal-punt li jistgħu ma jiġux innotati minn kummerċjanti li għandhom livell għoli ta’ attenzjoni.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400, ma jistax jiġi konkluż li hemm identiċità bejn dawn iż-żewġ trade marks.

62      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma hemmx lok li jitqies, kuntrarjament għal dak li sostna l-Bord tal-Appell fil-punti 20 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-grad ta’ xebh viżiv huwa inqas mill-medja. Fir-realtà, il-grad ta’ xebh viżiv għandu jitqies, minn tal-inqas, li huwa medju.

–       Fuq ix-xebh fonetiku

63      Fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li kien impossibbli li jsir paragun fonetiku bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell telaq mill-premessa li dawn it-trade marks huma purament figurattivi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li dawn it-trade marks jistgħu t-tnejn li huma jiġu ppronunzjati bħala l-ittra “k”. Skont l-intervenjenti, dawn it-trade marks huma identiċi minn perspettiva fonetika.

64      Fil-każ inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-pubbliku rilevanti jista’, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u tat-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400, jiddistingwi l-ittra “k”, dawn iż-żewġ trade marks huma ppronunzjati bl-istess mod. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li osserva l-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward, it-trade marks kunfliġġenti huma identiċi mill-perspettiva fonetika.

–       Fuq ix-xebh kunċettwali

65      Il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li la t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u lanqas it-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 ma jirreferu għal kunċett. Għaldaqstant, il-paragun kunċettwali bejn dawn iż-żewġ trade marks huwa “newtrali”. Skont ir-rikorrenti, dawn it-trade marks ma għandhomx tifsira kunċettwali. L-intervenjenti ssostni, min-naħa tagħha, li r-referenza għall-ittra “k” trendi dawn is-sinjali identiċi minn perspettiva kunċettwali.

66      Fir-rigward tal-paragun kunċettwali taż-żewġ trade marks ikkostitwiti minn ittra waħda, għandu jiġi kkonstatat li r-rappreżentazzjoni grafika ta’ ittra tista’ tfakkar, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, aspett distint ħafna, jiġifieri fonema partikolari. F’dan ir-rigward, ittra tirreferi għal kunċett.

67      Isegwi li jista’ jkun hemm identità kunċettwali bejn sinjali meta dawn jirreferu għall-istess ittra tal-alfabett [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2011, Emram vs UASI – Guccio Gucci (G), T-187/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:202, punti 60 u 61; tal-10 ta’ Novembru 2011, Esprit International vs UASI – Marc O’Polo International (Rappreżentazzjoni ta’ ittra fuq but), T-22/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:651, punt 99, u tat-8 ta’ Mejju 2012, Mizuno vs UASI – Golfino (G), T-101/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:223, punt 56].

68      F’dan il-każ, peress li l-ittra “k” tinsab kemm fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kif ukoll fit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400, hemm lok li jiġi konkluż li hemm identiċità kunċettwali bejn is-sinjali.

 Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni

69      Għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi ddenotati. B’hekk, livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi ddenotati jista’ jiġi kkumpensat bi grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċe versa [sentenza tal-28 ta’ Settembru 2016, The Art Company B & S vs EUIPO - G-Star Raw (THE ART OF RAW), T-593/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:572, punt 37].

70      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar’ il fuq, jirriżulta li l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, u mit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400, min-naħa l-oħra, hija dik ta’ żewġ trade marks li huma moderatament simili mill-aspett viżwali (ara l-punt 62 iktar ’il fuq), iżda identiċi mill-aspett fonetiku u mill-aspett kunċettwali (ara l-punti 64 u 68 iktar ’il fuq).

71      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u peress li s-servizzi inkwistjoni huma identiċi (ara l-punti 47 u 48 iktar ’il fuq), għandu jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks kunfliġġenti fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-kummerċjanti, u dan minkejja l-livell ta’ attenzjoni għoli tagħhom.

72      F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti jikkostitwixxi, ċertament, element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, ma jistax jiġi aċċettat li hemm każijiet fejn, minħabba l-livell ta’ attenzjoni min-naħa tal-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni, u b’hekk, kwalunkwe possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu, a priori, jiġu esklużi [sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Equinix (Germany) vs UASI– Acotel (ancotel.), T-443/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:605, punti 52 u 53]

73      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti waqt l-eżami tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni. Il-fatt li l-pubbliku rilevanti jkun iktar attent għall-identità tal-produttur jew tal-fornitur tal-prodott jew tas-servizz li jkun jixtieq jikseb ma jfissirx, min-naħa l-oħra, li ser jeżamina f’kull dettall it-trade mark li jiġi kkonfrontat biha, jew li ser jipparagunaha b’attenzjoni ma’ trade mark oħra. Fil-fatt, anki għall-pubbliku li juri livell ta’ attenzjoni għoli, xorta jibqa’ l-fatt li l-membri tal-pubbliku rilevanti rarament ikollhom il-possibbiltà li jwettqu paragun dirett tat-trade marks differenti, iżda għandhom jafdaw fl-immaġni imperfetta tat-trade mark li jkollhom fil-memorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, ancotel., T-443/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:605, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan il-każ, huwa biss fuq il-livell viżiv li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400, ma humiex identiċi. Fil-fatt, hemm differenzi bejn l-elementi figurattivi ta’ dawn it-trade marks. F’dan ir-rigward, ma jistax madankollu jiġi eskluż li għadd sinjifikattiv ta’ membri tal-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja tiegħu biss immaġni imperfetta tat-trade mark preċedenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa possibbli, fid-dawl tal-identiċità fonetika u kunċettwali tas-sinjali, li, ikkonfrontat bl-immaġni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi lil din tal-aħħar bħala verżjoni aġġornata u mmodernizzata tal-imsemmija trade mark preċedenti, iktar milli bħala trade mark distinta, li jkollha oriġini kummerċjali differenti. Minn dan isegwi li d-differenzi, fuq il-livell viżiv, bejn l-elementi figurattivi taż-żewġ trade marks inkwistjoni ma humiex suffiċjenti sabiex jeskludu probabbiltà ta’ konfużjoni.

75      Il-konklużjoni misluta fil-punt 71 iktar ’il fuq, ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

76      Ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 għandha biss karattru distintiv intrinsiku dgħajjef u konsegwentement, għandha tibbenefika minn protezzjoni limitata ħafna. Dan huwa l-każ, peress li din it-trade mark tikkonsisti f’sinjal ferm ordinarju u komuni, jiġifieri l-ittra kapitali “K” jew forma li tista’ titqies li hija l-ittra kapitali “K” imdawra b’sempliċi bordura sewda. Bħala regola ġenerali, ittra tal-alfabett individwali hija element distintiv intrinsikament dgħajjef ta’ sinjal peress li din ma tattirax l-attenzjoni tal-konsumaturi, u lanqas ma tista’ titqies bħala innovattiva. Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, it-trade marks komposti minn ittra waħda għandhom jitqiesu li għandhom karattru distintiv dgħajjef, li ma jistax jissaħħaħ bil-fatt li din l-ittra ġeneralment ma għandhiex sinjifikat f’ċertu settur. Fil-fehma tagħha, id-disinn ftit innovattiv tat-trade mark preċedenti ma jistax iżid il-karattru distintiv. Barra minn hekk, l-użu ta’ borduri suwed għall-ittri huwa pjuttost komuni fit-trade marks figurattivi.

77      Fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, minħabba n-nuqqas ta’ sinjifikat tat-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 42, li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, il-karattru distintiv intrinsiku tagħha kien “normali”. Mill-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, essenzjalment, fil-fehma tal-Bord tal-Appell, li l-kelma “normali” hija, f’dan il-kuntest, ekwivalenti għal “l-iktar l-iktar medju”.

78      Skont l-intervenjenti, għandu jiġi konkluż li l-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 huwa medju.

79      Fost il-fatturi rilevanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm ukoll il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti (sentenza tal-28 ta’ Settembru 2016, THE ART OF RAW, T-593/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:572, punt 39). Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li trade mark preċedenti ma għandhiex karattru distintiv intrinsiku ta’ livell iktar baxx mill-medja, dan il-karattru distintiv possibbilment dgħajjef ma jipprekludix, bħala tali, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI, C-235/05 P, mhux ippubblikat, EU:C:2006:271, punti 42 sa 45).

80      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ trade mark jew element li jikkostitwixxi trade mark, hemm lok li tiġi eżaminata l-kapaċità ftit jew wisq kbira ta’ din it-trade mark jew ta’ dan l-element li jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark bħala li toriġina minn impriża speċifika u għalhekk tiddistingwi dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi minn dawk ta’ impriżi oħra. F’din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kwalitajiet intrinsiċi tat-trade mark jew tal-element inkwistjoni fid-dawl ta’ jekk dawn humiex neqsin jew le minn kull karattru deskrittiv tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Sun Cali vs EUIPO – Abercrombie & Fitch Europe (SUN CALI), T-512/15, EU:T:2016:527, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata].

81      F’dan ir-rigward, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, għandu jitqies li ittra tal-alfabett għandha karattru distintiv intrinsiku inġenerali, huwa biżżejjed, f’dan il-każ, li jiġi rrilevat dan li ġej.

82      It-truf arrotondati tal-linji bojod tal-ittra kapitali “K” huma elementi li ma jistgħux jitqiesu bħala komuni jew ordinarji. Ma’ dan jiżdied il-fatt li l-linja vertikali bajda u l-element li jixbah lil vleġġa huma separati. Bħala regola ġenerali, dan ma huwiex il-każ ta’ rappreżentazzjoni grafika abitwali tal-ittra kapitali “K”. Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-użu ta’ borduri suwed għall-ittri huwa pjuttost komuni fit-trade marks figurattivi, għandu jitfakkar l-isfond iswed użat fit-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa ma jikkostitwixxix element ġeometriku komuni, iżda rappreżentazzjoni grafika inabitwali. Fl-aħħar nett, hekk kif sostniet l-intervenjenti fir-rigward tax-xebh viżiv tas-sinjali, l-impressjoni tat-trade mark Benelux preċedenti Nru 882400 hija dinamika u divertenti. Dawn l-elementi jimmilitaw favur l-eżistenza ta’ karattru distintiv intrinsiku medju ta’ din it-trade mark.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni li saret mill-Bord tal-Appell fil-punti 45 u 47 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark Benelux preċedenti Nruo882400 (ara l-punt 77 iktar ’il fuq) tidher li hija fondata, filwaqt li l-argumenti kollha tar-rikorrenti msemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda.

84      Fi kwalunkwe każ, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru distintiv dgħajjef, jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari minħabba xebh bejn is-sinjali u bejn il-prodotti u s-servizzi koperti [sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T-112/03, EU:T:2005:102, punt 61, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T-134/06, EU:T:2007:387, punt 70].

85      Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors tagħha fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

87      F’dan il-każ, l-EUIPO u l-intervenjenti talbu sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

88      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-EUIPO u mill-intervenjenti f’din il-proċedura, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

89      Barra minn hekk, l-intervenjenti talbet li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti tal-oppożizzjoni quddiem l-EUIPO.

90      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, peress li din is-sentenza tiċħad ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, huwa l-punt 3 tad-dispożittiv tagħha li jirregola l-ispejjeż sostnuti fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kiosked Oy Ab għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u minn De Vlaamse Radio- en Televisieomroeporganisatie (VRT).

Gratsias

Dittrich

Xuereb

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Marzu 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.