Language of document : ECLI:EU:T:2018:482

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

13 ta’ Lulju 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva Pallas Halloumi – Trade mark ta’ ċertifikazzjoni tar-Renju Unit verbali preċedenti HALLOUMI – Raġuni relattiva għal rifjut – Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑825/16,

Ir-Repubblika ta’ Ċipru, irrappreżentata minn S. Malynicz, QC, u V. Marsland, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija,

Papouis Dairies Ltd, stabbilita f’Nikosija (Ċipru), irrappreżentata minn N. Korogiannakis, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-22 ta’ Settembru 2016 (Każ R 2065/2014-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u Papouis Dairies,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, F. Schalin (Relatur) u J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Frar 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Marzu 2017,

wara li rat il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-14 ta’ Lulju u tal-25 ta’ Settembru 2017,

wara li rat id-deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2017 li tgħaqqad il-Kawżi T‑825/16 u T‑847/16 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura,

wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-12 ta’ Settembru 2012, l-intervenjenti, Papouis Dairies Ltd, li taġixxi taħt isem tal-kumpannija preċedenti, jiġifieri Halloumis POC Farmers Milk Industry Ltd jew Halloumis, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li jinkludi l-indikazzjonijiet ta’ kulur “isfar, aħmar, blu, abjad u griż” u li jikkorrispondu għar-rappreżentazzjoni sussegwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, wara l-limitazzjoni muri lill-EUIPO b’ittra tal-11 ta’ Ottubru 2016 u aċċettata minn dan tal-aħħar, mad-deskrizzjoni segwenti: “Ġobon elaborat minn ħalib tal-baqar u/jew minn ħalib tan-nagħaġ u/jew minn ħalib tal-mogħoż (fil-proporzjonijiet u kombinazzjonijiet kollha tal-ħalib) tames”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea Nru 190/2012, tal-4 ta’ Ottubru 2012.

5        Fit-3 ta’ Jannar 2013, ir-Repubblika ta’ Ċipru ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-trade mark ta’ ċertifikazzjoni tar-Renju Unit verbali preċedenti HALLOUMI, irreġistrata fit-22 ta’ Frar 2002 bin-numru 14511888 (iktar ’il quddiem, it-“trade mark preċedenti”), li tindika l-prodotti tal-klassi 29 u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: “Ġobon immanifatturat abbażi ta’ ħalib tan-nagħaġ u/jew minn ħalib tal-mogħoż; ġobon immanifatturat abbażi ta’ taħlitiet ta’ ħalib tal-baqar; dawn il-prodotti kollha huma inklużi fil-klassi 29”.

7        L-oppożizzjoni kienet ukoll ibbażata fuq it-trade marks ta’ ċertifikazzjoni Ċiprijotti verbali preċedenti XAΛΛOYMI u HALLOUMI, irreġistrati rispettivament bin-numri 36675 u 36766. Madankollu, dawn it-trade marks kienu ġew meqjusa bħala infondati kemm quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kif ukoll quddiem il-Bord tal-Appell u r-Repubblika ta’ Ċipru ma baqgħetx tinvokahom insostenn tal-oppożizzjoni, li ġie interpretat mill-Bord tal-Appell bħala rinunzja. Dawn it-trade marks ma ġewx ikkunsidrati f’dan il-każ u r-Repubblika ta’ Ċipru kkonfermat barra minn hekk fir-rikors li hija waqfet milli tinvokahom f’din il-proċedura.

8        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru, rispettivament, l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 2017/1001).

9        Fis-7 ta’ Lulju 2014, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni u kkundannat ir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż.

10      Fit-8 ta’ Awwissu 2014, ir-Repubblika ta’ Ċipru ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell u kkundanna lir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż sostnuti fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u tal-appell.

12      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell semma li, minkejja l-fatt li t-trade mark preċedenti kienet trade mark ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) (b), tar-Regolament Nru 207/2009, dwar ix-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, kellha tiġi ssodisfatta f’dak li jirrigwarda t-trade marks preċedenti kollha kif imsemmija fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2017/1001).

13      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma kienet teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Huwa qies li t-terminu “halloumi” kellu karattru distintiv intrinsiku dgħajjef, billi rrileva qabelxejn li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Ċipru vs UASI (XAΛΛOYMI u HALLOUMI) (T‑292/14 u T‑293/14, EU:T:2015:752), kienet ikkunsidrat li din kienet tindika f’għajnejn il-pubbliku Ċiprijott tip ta’ ġobon prodott f’Ċipru, partikolarment billi ddeċidiet li din il-konklużjoni kellha tiġi estiża lill-pubbliku tar-Renju Unit, rilevanti f’dan il-każ. L-imsemmija frażi hija eqdem mit-trade marks kollha inkwistjoni u, għall-pubbliku rilevanti, hija bħala tali deskrizzjoni tal-karatteristiċi u l-kompożizzjoni tal-prodott u ma tagħmilx riferiment għal sħubija eventwali tal-utent tat-trade mark preċedenti għal grupp ta’ ssensjati li jistgħu jużawh.

14      F’dak li jikkonċerna x-xebh tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa l-kelma “pallas”, jeżisti biss xebh viżiv dgħajjef, jeżisti xebh fonetiku medju u l-ebda xebh kunċettwali rilevanti. Fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa qies li r-Repubblika ta’ Ċipru ma rnexxilhiex iġġib prova tal-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade mark preċedenti, u lanqas li din tal-aħħar hija pperċepita mill-pubbliku tar-Renju Unit bħala riferiment għal kwalunkwe ċertifikazzjoni. Fid-dawl tal-evalwazzjoni tiegħu tal-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark preċedenti, huwa qies li d-differenzi bejniethom u l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, f’dan il-każ il-kelma “pallas”, kienu suffiċjenti sabiex ma jkunx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

15      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinux ġew issodisfatti. Ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti ma kienx ġie pprovat mir-Repubblika ta’ Ċipru. Il-ħsara għal din ir-reputazzjoni barra minn hekk ma tistax tiġi evalwata meta mqabbla mar-regoli maħruġa mis-sistema ta’ ċertifikazzjoni, iżda, fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009, biss meta mqabbla mal-perċezzjoni tal-prodotti mill-pubbliku rilevanti.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-Repubblika ta’ Ċipru titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

17      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

18      Skont l-Artikolu 177(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta r-rikorrent ma kienx l-unika parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikors għandu jinkludi wkoll l-ismijiet tal-partijiet kollha fl-imsemmija proċedimenti u l-indirizzi li dawn kienu indikaw għall-finijiet tan-notifiki.

19      F’dan il-każ, fir-rikors, ir-Repubblika ta’ Ċipru ħatret, bi żball, Pancyprian Organisation of Cattle Farmers (POCF) Ltd bħala proprjetarju tat-trade mark Pallas Halloumi u parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell. Tali ħatra żbaljata tal-parti intervenjenti f’din il-kawża ma twassalx madankollu għall-inammissibbiltà tar-rikors, peress li din tal-aħħar fiha elementi li jippermettu li tiġi identifikata mingħajr ambigwità l-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u li, bħala riżultat ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-25 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika ta’ Ċipru indikat li ma kellhiex oġġezzjoni għall-emenda ta’ din il-ħatra. F’każ bħal dan, għandu jiġi kkunsidrat bħala intervenjenti dik il-parti l-oħra, minkejja li isimha ma kienx inizjalment imsemmi fir-rikors.

 Fuq il-motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

20      Insostenn tar-rikors, ir-Repubblika ta’ Ċipru tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel lok, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell talli wettaq żball fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, b’mod partikolari peress li sostniet b’mod żbaljat li l-karattru distintiv intrinsiku tal-imsemmija trade mark kien dgħajjef. It-tieni nett, hija tqis li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod żbaljat ix-xebh viżiv u kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti. It-tielet nett, hija ssostni li din l-awla wettqet żbalji meta kkonkludiet, fit-tmiem ta’ analiżi globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari minħabba difett fl-analiżi tal-provi.

21      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika ta’ Ċipru.

22      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament (UE) 2017/1001), trade mark preċedenti għandha tfisser trade mark li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni fi Stat Membru, li tagħha d-data tal-preżentata tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, probabbiltà ta’ konfużjoni tikkostitwixxi l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi b’konnessjonijiet ekonomiċi. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi indikati (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-pubbliku rilevanti

24      Skont il-ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bejn żewġ trade marks kunfliġġenti, ma għandhiex tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ xebh, fl-astratt, tas-sinjali kunfliġġenti u tal-prodotti jew servizzi indikati minnhom. L-evalwazzjoni ta’ din il-probabbiltà għandha pjuttost tkun ibbażata fuq il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti ser ikollu tal-imsemmija sinjali, prodotti jew servizzi (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI - Delta Lingerie (Darjeeling), T‑624/13, EU:T:2015:743, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernata, normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonfermat, inkwantu dawn jidhru fondati tajjeb fid-dawl tal-elementi tal-proċess, il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, kif imniżżlin fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-pubbliku rilevanti fid-dawl tal-prodotti inkwistjoni. Peress li t-trade mark preċedenti hija trade mark tar-Renju Unit, jidher li l-pubbliku rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-pubbliku ġenerali tar-Renju Unit. It-trade marks inkwistjoni huma essenzjalment rreġistrata għal prodotti identiċi, f’dan il-każ tal-ġobon. Fir-rigward ta’ prodotti ta’ konsum ta’ kuljum, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn huma intiżi għall-konsumatur medju, li huwa meqjus bħala normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2006, Castell del Remei vs UASI - Bodegas Roda (ODA), T‑13/05, mhux ippubblikata, EU:T:2006:335, punt 46). Fil-kuntest tal-analiżi li tidher fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Lulju 2014, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni barra minn hekk evalwat li l-livell ta’ attenzjoni tal-imsemmi pubbliku kien medju peress li kien għażel dan it-tip ta’ prodott, din id-deċiżjoni kif ukoll l-motivazzjoni tagħha li kienu parti tal-kuntest li fih id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, b’mod li dan il-kuntest huwa magħruf mir-Repubblika ta’ Ċipru u jippermetti lill-qorti li teżerċita bis-sħiħ l-istħarriġ tagħha inkwantu għall-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2007, Wesergold Getränkeindustrie vs UASI - Lidl Stiftung (VITAL&FIT), T‑111/06, mhux ippubblikata, EU:T:2007:352, punt 64). Fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, dawn it-talbiet, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati mill-partijiet, jidhru fondati.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

27      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali tagħhom prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jitqabbel ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li l-paragun isir billi jsir eżami tat-trade marks inkwistjoni, fejn kull waħda titqies fl-intier tagħha, b’mod li ma jeskludix li l-impressjoni globali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenzi UASI vs Shaker, EU:C:2007:333, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, EU:C:2007:539, punt 43). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina waħdu l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta minnha (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:539, punt 43).

29      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell ikkonkludiex ġustament għall-karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti u b’mod korrett ipparaguna s-sinjali kunfliġġenti.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegata evalwazzjoni żbaljata tal-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark preċedenti

30      F’dan il-każ, fir-rigward tal-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-ġobon, il-Bord tal-Appell, wara eżami li tidher fil-punti 18 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkluda, fil-punt 26 ta’ din l-istess deċiżjoni, li kien dgħajjef minħabba fis-sinjifikat deskrittiv ta’ din it-trade mark, peress li għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-imsemmi bord kellu wkoll l-eżami ta’ eventwali karattru distintiv ogħla marbut mal-użu, sabiex finalment jikkonkludi li ma kienx muri.

31      Ir-Repubblika ta’ Ċipru, skont osservazzjonijiet preċedenti, tesponi li hija tipprova tislet il-konsegwenzi tan-natura tat-trade marks ta’ ċertifikazzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-karattru distintiv ta’ tali trade marks. Hija l-ewwel nett issostni li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), it-trade marks nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni huma permessi mil-liġi tal-Unjoni u għalhekk għandhom jingħataw effett sħiħ. Skont din id-direttiva, il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar it-trade marks, kif tirriżulta mit-Trade Marks Act (il-Liġi tar-Renju Unit dwar it-trade marks), tintegra r-reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks. Skont din tal-aħħar, marka ta’ ċertifikazzjoni hija ddefinita bħala li tindika li l-prodotti jew is-servizzi li huma ċċertifikati mill-proprjetarju tat-trade mark u jippreżentaw ċerti karatteristiċi. Essenzjalment, il-funzjoni distintiva tat-trade marks ta’ ċertifikazzjoni għandha tinftiehem fis-sens li tippermetti li tiddistingwi l-prodotti li jaqgħu taħt ċerta klassi u li jirrispettaw standards ta’ ċertifikazzjoni, prodotti li jaqgħu taħt klassi oħra. Barra minn hekk ma huwiex neċessarju għall-pubbliku li jkun jaf li t-trade mark inkwistjoni hija trade mark ta’ ċertifikazzjoni, lanqas li għandu konjizzjoni tal-identità tal-organu ċertifikatur.

32      Skont ir-Repubblika ta’ Ċipru, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li t-trade marks ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali huma trade marks irreġistrati fi Stat Membru, huma jistgħu jkunu l-bażi ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti.

33      Fir-rigward tal-ilment li hija tagħmel fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika ta’ Ċipru l-ewwel nett tikkritika lill-Bord tal-Appell talli applikat f’din il-kawża, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, XAΛΛOYMI u HALLOUMI (T‑292/14 u T‑293/14, EU:T:2015:752), filwaqt li l-pubbliku rilevanti u n-natura tat-trade marks inkwistjoni kienu differenti. Din id-deċiżjoni tikkonċerna fil-fatt żewġ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks verbali tal-Unjoni Ewropea, f’dan il-każ XAΛΛOYMI u HALLOUMI, ippreżentati mir-Repubblika ta’ Ċipru u miċħuda abbażi ta’ raġuni assoluta għal rifjut skont l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c), tar-Regolament 2017/1001), peress li kienu deskrittivi.

34      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika ta’ Ċipru tinvoka żewġ sentenzi mogħtija fir-Renju Unit mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità) li tissostanzja l-interpretazzjoni tagħha tal-karattru distintiv ta’ trade mark ta’ ċertifikazzjoni tar-Renju Unit. Il-provi li hija pproduċiet jisħqu wkoll il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti u l-perċezzjoni tal-pubbliku tar-Renju Unit tat-terminu “halloumi” bħala li tiddistingwi klassi ta’ prodotti bħala klassi oħra, li l-imsemmi pubbliku jinkludi l-karatteristiċi, b’mod partikolari ingredjenti flimkien mal-oriġini.

35      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika ta’ Ċipru.

36      L-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark għandha importanza partikolari sa fejn l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni twettqet globalment u li timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi li jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI - Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33), b’mod li l-imsemmija probabbiltà hija iktar u iktar għolja milli huwa b’saħħtu l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti (sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon,C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 18). Għalhekk, il-livell dgħajjef ta’ karattru distintiv timplika grad ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, jew bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati iktar importanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Għalhekk, is-sottovalutazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti mill-Bord tal-Appell tista’ tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata bi żball fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

37      Meta l-oppożizzjoni hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, il-kontrolli fuq il-livell ta’ karattru distintiv ta’ din it-trade mark għandhom madankollu limiti, peress li dawn ma jistgħux iwasslu għall-konstatazzjoni ta’ waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri n-nuqqas ta’ karattru distintiv jew il-karattru purament deskrittiv ta’ din it-trade mark. B’hekk, sabiex ma jinkisirx l-Artikolu 8(1)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, irid jiġi rrikonoxxut ċertu livell ta’ karattru distintiv lit-trade mark nazzjonali invokata insostenn tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI, C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punti 43 sa 47).

38      F’dan il-każ, jekk ir-Regolament Nru 207/2009, li ġie applikat mill-Bord tal-Appell meta ħarġet id-deċiżjoni kkontestata, ma kienx jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tat-trade marks ta’ ċertifikazzjoni bħala tali, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-ġurisprudenza tagħha (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, XAΛΛOYMI u HALLOUMI, T‑292/14 u T‑293/14, EU:T:2015:752, punt 35), ir-Regolament 2017/1001, applikabbli b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017, issa jinkludi dispożizzjonijiet dwar trade mark ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni Ewropea li huwa jiddefinixxi, fl-Artikolu 83(1) tiegħu, bħala trade mark li “tkun kapaċi tiddistingwi l-oġġetti jew is-servizzi li huma ċertifikati mill-proprjetarju tal-marka fir-rigward tal-materjal, il-metodu ta’ manifattura ta’ oġġetti jew tat-twettiq tas-servizzi, il-kwalità, il-preċiżjoni jew karatteristiċi, bl-eċċezzjoni tal-oriġini ġeografika, minn oġġetti u servizzi li mhumiex ċertifikati b’dan il-mod”.

39      Ir-reġistrazzjoni tat-trade marks ta’ ċertifikazzjoni hija, barra minn hekk, prevista mid-Direttiva 2008/95. L-Istati Membri, bħar-Renju Unit bit-Trade Marks Act 1994, għandhom il-possibbiltà li jawtorizzaw ir-reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks li jikkostitwixxu għaldaqstant, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, “trade marks reġistrati fi Stati Membru”, li jistgħu jiġu invokati skont il-mertu ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, kif għamlet ir-Repubblika ta’ Ċipru meta hija invokat it-trade mark preċedenti.

40      Jekk it-trade mark preċedenti taqa’ fil-kategorija ta’ trade marks irreġistrati fi Stat Membru, għandu jiġi ppreċiżat, kif jirrileva l-EUIPO, li s-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li toħroġ mir-Regolament Nru 207/2009 hija indipendenti, awtosuffiċjenti u awtonoma minn kull sistema nazzjonali (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T‑32/00, EU:T:2000:283, punt 47). B’hekk, jidher fondat li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali sa fejn jippermetti li tiġi attestata l-validità tat-trade mark preċedenti. Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam mal-karattru distintiv intrinsiku ta’ din tal-aħħar, anki jekk, fid-dawl tas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI (C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punt 47), għandu jiġi rrikonoxxut lit-terminu “halloumi”, irreġistrat bħala trade mark ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali, ċertu karattru distintiv, dan ma jfissirx li hemm lok li jiġi rikonoxxut lilu nnifsu karattru distintiv ta’ livell li joħloq protezzjoni inkundizzjonat sabiex jopponi kull reġistrazzjoni ta’ trade mark sussegwenti b’din il-kelma.

41      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, darbtejn, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li t-terminu “halloumi” kien ipperċepit mill-pubbliku, b’mod partikolari Ċiprijott, bħala speċjalità tal-ġobon ta’ Ċipru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2012, Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias vs UASI - Garmo (HELLIM), T‑534/10, EU:T:2012:292, punt 41, u tas-7 ta’ Ottubru 2015, XAΛΛOYMI u HALLOUMI, T‑292/14 u T‑293/14, EU:T:2015:752, punti 20 u 21). Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma tagħmilx ħlief li tikkonstata li, fid-dawl tal-provi prodotti f’din il-kawża, il-konklużjonijiet li għalihom waslet il-Qorti Ġenerali f’dawn is-sentenzi jistgħu jiġu ttrasposti lill-pubbliku tar-Renju Unit.

42      Din il-konklużjoni għandha tiġi approvata. Fil-fatt, xejn fost il-provi prodotti mir-Repubblika ta’ Ċipru, quddiem il-Bord tal-Appell, kif ġew analizzati fil-punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkontradixxi din il-konstatazzjoni. Dawn l-elementi, li jikkonsistu b’mod partikolari minn data dwar il-volumi tal-bejgħ, fuq l-isforzi ta’ promozzjoni u kummerċjalizzazzjoni, l-estratti ta’ rivisti dwar l-ikel jew ta’ artikli tal-istampa kif ukoll diversi dikjarazzjonijiet bil-miktub, jikkonċernaw il-ġobon “halloumi” bħala speċjalità tal-ġobon ta’ Ċipru, iżda mingħajr ma huwa possibbli li t-terminu “halloumi”, użat b’mod ġeneriku, lil xi trade mark ta’ ċertifikazzjoni, u lanqas għal referenza għal ġobon iċċertifikat. Kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, jidher, fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, li dan it-terminu huwa pperċepit mill-pubbliku tar-Renju Unit bħala l-isem ta’ tip ta’ ġobon prodott f’Ċipru u “il-kwistjoni jekk ġobon jista’ jiġi kkwalifikat bħala ‘ġobon halloumi” jiddependi fuq il-karatteristiċi u l-kompożizzjoni tiegħu u mhux il-fatt li persuna li tikkummerċjalizza tappartjenix għal grupp partikolari ta’ persuni mkeċċija” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

43      B’hekk, it-terminu “halloumi” huwa mifhum direttament mill-pubbliku tar-Renju Unit bħala li jiddeskrivi l-karatteristiċi jew l-oriġini tal-prodott, u mhux bħala indikazzjoni ta’ kwalità ċċertifikata tiegħu, u lanqas bħala indikazzjoni ta’ din il-kwalità. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li t-trade mark preċedenti, li tikkonsisti esklużivament mill-kelma “halloumi”, li hija deskrittiva tal-karatteristiċi u l-provenjenza tal-prodott li hija tindika, għandu biss karattru distintiv intrinsiku dgħajjef u li l-eżistenza ta’ karattru distintiv miżjuda ma tidhirx lanqas ippruvata.

44      L-argument tar-Repubblika ta’ Ċipru dwar is-sinjifikat partikolari li għandu jiġi rrikonoxxut lill-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark preċedenti, fid-dawl tan-natura tagħha ta’ trade mark ta’ ċertifikazzjoni, tippreżenta wkoll karattru ineffettiv u jista’ biss jiġi miċħud.

45      Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-funzjoni distintiva tat-trade marks ta’ ċertifikazzjoni tar-Renju Unit għandha tinftiehem bħala l-kapaċità li tiddistingwi klassi ta’ prodotti ta’ klassi oħra, hemm lok li jiġi rrilevat, kif jenfasizza l-EUIPO, li, fid-dawl tal-provi prodotti fid-diskussjonijiet mir-Repubblika ta’ Ċipru, ma ġiex ipprovat li t-trade mark preċedenti bħala trade mark ta’ ċertifikazzjoni tar-Renju Unit, huwa adattat li jikkostitwixxi indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni. Issa, tali dimostrazzjoni tikkundizzjona l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Din il-konstatazzjoni, xierqa għall-każ inkwistjoni, madankollu ma tippermettix li jiġi eskluż, fir-rigward tat-trade mark ta’ ċertifikazzjoni, li ċertifikazzjoni tal-kwalità, pereżempju tal-materja prima użata, tista’ tkun suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li din it-trade mark tissodisfa l-funzjoni tagħha tal-indikazzjoni tal-oriġini sa fejn tiggarantixxi lill-konsumaturi li l-prodotti indikati ġejjin minn impriża unika, ikkostitwita mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark u tal-affiljati tiegħu, li taħt l-istħarriġ tiegħu l-imsemmija prodotti huma mmanifatturati u li għaliha tista’ tingħata r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punti 49 u 50).

46      Il-kwistjoni dwar jekk ir-rispett effettiv mill-applikant ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tal-karatteristiċi ggarantiti mill-proprjetarju tat-trade mark ta’ ċertifikazzjoni preċedenti taqa’ taħt il-funzjoni essenzjali tal-imsemmija trade mark min-naħa l-oħra taqa’ barra mill-kamp tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Kif isostni l-EUIPO, din il-kwistjoni hija l-iktar dwar l-użu ta’ trade mark li tista’ tippreġudika l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark ta’ ċertifikazzjoni u tista’ tqarraq lill-pubbliku dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott.

47      F’dan il-każ, bħal fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2012, HELLIM (T‑534/10, EU:T:2012:292, punti 48 sa 55), hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv dgħajjef minħabba s-sinjifikat deskrittiv tagħha.

48      Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni allegatament żbaljata tax-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti

49      L-ewwel nett, sabiex isir il-paragun tas-sinjali kunfliġġenti fuq il-pjan viżiv, fonetiku u kunċettwali, l-ewwel għandha ssir reviżjoni tal-elementi li jikkomponu t-trade mark li tiddetermina l-element jew l-elementi dominanti, abbażi tal-linji gwida stabbiliti mill-ġurisprudenza, kif imsemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq.

50      Fuq din il-bażi, b’mod partikolari, hemm lok li jitfakkar li, fir-rigward ta’ trade mark kumplessa, ma huwiex eskluż li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn din it-trade mark tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew diversi mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li l-komponenti l-oħra kollha huma negliġibbli fl-impressjoni globali li jirriżulta minnha (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:539, punt 43).

51      Fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ element jew l-elementi dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jiġi osservat li s-sinjal huwa kompost mill-kliem “pallas” u “halloumi”. It-terminu “Pallas” huwa miktub bl-abjad, b’tipa grassa fuq sfond ovali ta’ lewn aħmar li jifforma l-parti ta’ fuq tal-imsemmi sinjal. Il-kelma “halloumi” huwa wkoll miktub bl-abjad, b’tipa grassa, ta’ daqs iżgħar, dejjem fuq sfond ovali u kulur aħmar, imqiegħed f’livell iktar baxx filwaqt li fl-istess ħin jirkupraw ftit l-isfond ovali li fih il-kelma “pallas”.

52      Fid-dawl tal-konfigurazzjoni grafika tat-trade mark mitluba, jidher li t-terminu “pallas” ser jinqara fl-ewwel lok mill-pubbliku rilevanti. Fil-fatt, l-imsemmi pubbliku ġeneralment jagħti iktar attenzjoni lill-bidu ta’ trade mark milli lit-tmiem tagħha (sentenzi tas-25 ta’ Marzu 2009, L’Oréal vs UASI - SpA Monopole (SPA THERAPY), T‑109/07, EU:T:2009:81, punt 30, u tat-13 ta’ Mejju 2015, Deutsche Post vs UASI - PostNL Holding (TPG POST), T‑102/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:279, punt 42). Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrilevat li, minħabba l-pożizzjoni tiegħu u r-rwol tiegħu fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li dan il-pubbliku ser jagħti aktar attenzjoni lill-element ikkostitwit tal-imsemmi terminu, u dan irrispettivament mit-tifsira partikolari għalih. Il-Bord tal-Appell għaldaqstant ġustament ikkonkluda, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan it-terminu huwa pperċepit bħala l-element dominanti fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell li jgħidu li, minn naħa, l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa l-element “pallas”, u, min-naħa l-oħra, l-element “halloumi” għandu rwol sekondarju fil-perċezzjoni tas-sinjal Pallas Halloumi mill-pubbliku rilevanti, għandhom jiġu approvati.

54      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-eżami tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 27 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li x-xebh viżiv kien dgħajjef, ix-xebh fonetiku medju u x-xebh kunċettwali ineżistenti. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hija kkunsidrat il-grad tal-karattru distintiv kif ukoll l-elementi dominanti tas-sinjali msemmija, f’dan il-każ l-element “pallas”, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

55      Ir-Repubblika ta’ Ċipru ssostni fir-rikors li x-xebh viżiv tas-sinjali kunfliġġenti hija totali, peress li t-trade mark preċedenti tidher kollha kemm hi bħala element viżiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija tilmenta, barra minn hekk, lill-Bord tal-Appell li ħa inkunsiderazzjoni l-istilizzazzjoni grafika tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha minkejja li din l-istilizzazzjoni ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ paragun ma’ trade mark verbali. Il-Bord tal-Appell kien ukoll injora l-importanza tal-element “halloumi” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, filwaqt li kien tqiegħed quddiem l-element “pallas”, fl-istess kulur u tipa identika, b’tali mod li ż-żewġ elementi li jifformaw din it-trade mark huma ta’ importanza ugwali. Għar-Repubblika ta’ Ċipru, l-imsemmi xebh viżiv huwa għalhekk għoli jew tal-inqas medju.

56      Fuq livell kunċettwali, ir-Repubblika ta’ Ċipru ttenni l-argument li l-pubbliku tar-Renju Unit jifhem it-trade mark preċedenti bħala li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi ta’ dawk li jaqgħu taħt klassi oħra. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija pperċepita għalhekk mill-pubbliku rilevanti bħala li tikkonsisti, minn naħa, mill-element verbali “halloumi”, li tippreżenta livell għoli ta’ xebh kunċettwali mat-trade mark preċedenti, u, min-naħa l-oħra, l-element verbali “pallas”, li jindika utent partikolari awtorizzat mill-proprjetarju tagħha li juża t-trade mark ta’ ċertifikazzjoni filwaqt li jirrispetta l-karatteristiċi ta’ din il-klassi ta’ prodotti. Il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-prattiki tas-suq fir-rigward tat-trade marks ta’ ċertifikazzjoni u, b’mod partikolari, l-assoċjazzjoni regolari ta’ trade mark ta’ ċertifikazzjoni, bħal HALLOUMI, flimkien ma’ elementi oħra, dan l-element “pallas”, li jirreferi għal utent partikolari li jibbenefika minn awtorizzazzjoni ta’ użu mogħtija mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark.

57      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika ta’ Ċipru.

58      L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-paragun viżiv, għandu jitfakkar li ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva, peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ toħloq impressjoni viżiva (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2005, Chum vs UASI – Star TV (STAR TV), T‑359/02, EU:T:2005:156, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Kif ġie indikat fil-punt 51 iktar ’il fuq, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trade mark figurattiva komposta mill-kliem “pallas” u “halloumi”, miktub b’tipa grassa u bajda. Kull terminu huwa miktub ġewwa sfond ovali aħmar. It-terminu “pallas” jidher fl-isfond ovali fil-parti ta’ fuq tas-sinjal inkwistjoni u f’tipa ta’ daqs ikbar mid-daqs tal-kelma “halloumi”, u huwa nnifsu jinsab fl-isfond ovali fil-parti ta’ isfel. It-trade mark preċedenti, bħala trade mark verbali hija komposta mill-kelma “halloumi”.

60      Hekk kif issemma fil-punt 52 iktar ’il fuq, il-pubbliku rilevanti ser jagħti l-ikbar attenzjoni lill-element “pallas” li jidher bħala l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika ta’ Ċipru, li skontu jeżisti xebh viżiv totali tas-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom minħabba li l-element li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti jidher kompletament fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita li tfakkar il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni globali tad-diversi elementi li jikkostitwixxu s-sinjali kunfliġġenti, b’mod partikolari l-elementi dominanti u distintivi (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jsir l-paragun viżiv fid-dawl tal-fatt li l-element “pallas” jikkostitwixxi l-parti ta’ fuq tas-sinjal, li barra minn hekk huwa ta’ daqs ikbar mit-tieni wieħed, li huwa, minkejja li tqiegħed grafikament fl-ewwel livell, madankollu jinsab relegat fit-tieni livell fl-impressjoni viżiv globali. B’hekk, hemm lok li tiġi rrikonoxxuta l-ewwel differenza sinjifikattiv fuq livell viżiv, tan-nuqqas tal-kelma “pallas” fit-trade mark preċedenti.

61      Barra minn hekk, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tinkludi elementi figurattivi, bħal biċċtejn ovali ħomor u stilizzazzjoni grafika partikolari, li jikkostitwixxu t-tieni differenza sinjifikattiva bejn is-sinjali kunfliġġenti. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li dawn is-sinjali jaqblu biss mill-element “halloumi”. Għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward ta’ dan l-element, minħabba d-daqs tat-tipa u tal-post tagħha fi ħdan itt-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-pubbliku jirrikonoxxi biss importanza sekondarja.

62      Il-Bord tal-Appell għalhekk ma wettaqx żball meta kkonkluda, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li hemm livell baxx ta’ xebh tas-sinjali kunfliġġenti fuq il-livell viżiv.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-paragun fonetiku, hemm lok li jiġi kkonstatat li s-sinjali kunfliġġenti għandhom biss inkomuni t-terminu “halloumi”, li jinsab fit-tieni pożizzjoni fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għalhekk, teżisti differenza sinjifikattiva bejn dawn is-sinjali minħabba l-preżenza tal-kelma “pallas” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

64      Għaldaqstant hemm lok li tiġi aċċettata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li x-xebh fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti hija medja. Barra minn hekk, din il-konklużjoni tidher bħala mhux ikkontestata mill-partijiet.

65      It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-paragun fuq il-livell kunċettwali, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika ta’ Ċipru li jgħid li l-Bord tal-Appell naqas milli jqis il-prattika tal-utenti tat-trade mark preċedenti, li hija l-assoċjazzjoni tat-terminu “halloumi” u l-isem kummerċjali tal-utent awtorizzat għall-użu tal-imsemmija trade mark. Fil-fatt, kif din diġà ssemmiet fil-punt 42 iktar ’il fuq, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-terminu “halloumi” bħala indikazzjoni ta’ tip ta’ ġobon prodott f’Ċipru. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika ta’ Ċipru, li t-terminu “halloumi” għandu karattru deskrittiv fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. Il-kliem tagħha fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tikkostitwixxix għalhekk element sinjifikattiv fuq il-livell kunċettwali. Fil-fatt, ma ġiex stabbilit li l-pubbliku jifhem dan it-terminu bħala referenza għal proċess ta’ ċertifikazzjoni li għalih l-utent tat-trade mark kien issottomess.

66      Barra minn hekk, peress li t-terminu “pallas” ma għandux sinjifikat partikolari għall-pubbliku rilevanti u li huwa barrani għal trade mark preċedenti, joħloq differenza sinjifikattiva bejn is-sinjali kunfliġġenti fuq livell kunċettwali. Il-pubbliku rilevanti ser jifhem bħala indikazzjoni l-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni.

67      B’hekk jidher li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonkluda li kien hemm nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti fuq livell kunċettwali li jista’ jwassal għal probabbiltà ta’ konfużjoni.

68      Minn dan isegwi li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni

69      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-konklużjoni li, fid-dawl tal-preżenza fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tal-element “pallas”, id-differenzi bejn is-sinjali kunfliġġenti huma biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fid-dawl tal-karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti, u dan anki jekk it-trade marks kunfliġġenti jindikaw prodotti identiċi.

70      Ir-Repubblika ta’ Ċipru ssostni li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni mill-Bord ta’ l-Appell hija żbaljata, sa fejn din għamlet analiżi żbaljata tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti matul il-paragun tas-sinjali kunfliġġenti.

71      Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ Ċipru tallega li l-Bord tal-Appell ma analizzax b’mod korrett il-provi prodotti. Qabel kollox, il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta qies li ebda prova prodotta ma tiddokumenta l-allegazzjoni li tgħid li l-pubbliku kien jipperċepixxi t-terminu “halloumi” bħala referenza għal ċertifikazzjoni. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali ma jeżiġix li l-pubbliku jipperċepixxi t-trade mark preċedenti bħala tali riferiment jew li effettivament issir xi ċertifikazzjoni. L-uniku rekwiżit tal-liġi nazzjonali huwa li l-pubbliku jipperċepixxi s-sinjal inkwistjoni bħala li jiddistingwi bejn klassi waħda ta’ prodott b’karatteristiċi uniformi minn dawk ta’ klassi oħra.

72      Sussegwentement, id-dritt nazzjonali ma jeħtieġx lanqas trade mark li hija tippreċiża li hija trade mark ta’ ċertifikazzjoni, b’mod partikolari fuq l-imballaġġ tal-prodotti. Ma hemmx iktar rekwiżit fir-rigward tal-għarfien mill-pubbliku tal-korp ta’ ċertifikazzjoni minn proprjetarju ta’ tali trade mark.

73      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika ta’ Ċipru ssostni li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li l-atti biex jintlaħqu standards ta’ ċertifikazzjoni, sabiex jiġi evitat li l-karattru distintiv tagħhom ma jonqosx minn użu fir-rigward ta’ prodotti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, ma għandhomx impatt fuq il-perċezzjoni tas-sinjal mill-pubbliku. Il-fatt li l-partijiet l-oħra ma jipproduċu ebda prova intiża sabiex turi li partijiet terzi jużaw it-terminu “halloumi” għal użu differenti minn dak li jindika prodotti li jirrispettaw standards ta’ ċertifikazzjoni jiġġustifika li jiġi kkunsidrat li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv bħala trade mark ta’ ċertifikazzjoni tar-Renju Unit.

74      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika ta’ Ċipru.

75      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u tal-prodotti jew tas-servizzi indikati. Għalhekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi indikati jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċe versa (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 17, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO bil-kuntest et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 74).

76      Kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar il-premessa 11 tar-Regolament Nru 2017/1001), l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tiddependi minn numru ta’ fatturi, u b’mod partikolari mill-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade mark fis-suq inkwistjoni. Billi l-probabbiltà ta’ konfużjoni hija iktar u iktar estiża mill-karattru distintiv tat-trade mark juri li huwa sinjifikattiv, it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin lill-pubbliku, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra, EU:C:1997:528, punt 24; tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 18, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, EU:C:1999:323, punt 20).

77      Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti ma jostakolax li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, għalkemm il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni, dan ma huwiex ħlief element wieħed fost oħrajn li huma involuti f’din l-evalwazzjoni. Għalhekk, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru distintiv dgħajjef, jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, minħabba xebh bejn is-sinjali u bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI — Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, Ġabra, EU:T:2007:387, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ April 2011, Sociedad Agricola Requinga vs UASI - Consejo Regulador de la Denominación de Origen Toro (TORO DE PIEDRA), T‑358/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:174, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li ġie kkonstatat li s-sinjali kunfliġġenti kellhom xebh dgħajjef fuq il-livell viżiv u xebh medju fuq il-livell fonetiku. Fuq livell kunċettwali, il-pubbliku jipperċepixxi t-terminu “halloumi” bħala l-indikazzjoni ta’ tip ta’ ġobon f’kull wieħed mis-sinjali f’kunflitt. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlu suċċessivament id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell, li dawn is-sinjali mhumiex simili f’dak li jikkonċerna l-element ta’ natura deskrittiva “halloumi”. B’hekk, jidher li x-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti hija insuffiċjenti biex tibbilanċja d-differenzi tagħhom. Is-sinjali kunfliġġenti għaldaqstant huma biss vagament jixxiebhu.

79      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, ġie stabbilit fil-punt 47 iktar ’il fuq li dan tal-aħħar kien dgħajjef minħabba s-sinjifikat deskrittiv ta’ din it-trade mark f’għajnejn il-pubbliku rilevanti.

80      L-argument tar-Repubblika ta’ Ċipru li jgħid li n-natura partikolari tat-trade mark preċedenti ma tteħditx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha mill-Bord tal-Appell lanqas ma tista’ tintlaqa’. Fil-fatt, ir-Repubblika ta’ Ċipru tinvoka insostenn ta’ dan l-argument żewġ deċiżjonijiet li ġejjin mill-ġurisprudenza nazzjonali li hija tislet il-konklużjoni li l-karattru distintiv ta’ trade mark ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali tinsab fil-kapaċità tagħha li tiġi pperċepita mill-pubbliku bħala kategorija differenti ta’ klassi oħra ta’ prodotti (ara l-punt 34 iktar ’il fuq). Madankollu, kif ġie osservat fil-punti 40 u 45 iktar ’il fuq, dan il-kunċett tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti ma jidhirx rilevanti u, f’dan il-każ, instab bil-kontra li l-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix l-imsemmija trade mark bħala indikazzjoni ta’ xi ċertifikazzjoni kwalunkwe.

81      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza nazzjonali invokata mir-Repubblika ta’ Ċipru, ġie enfasizzat fil-punt 40 iktar ’il fuq li s-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea hija sistema awtonoma li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. L-interpretazzjoni li r-Repubblika ta’ Ċipru tixtieq iżżomm tas-sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali mhijiex għaldaqstant rilevanti f’dan il-każ.

82      Fit-tielet lok, hekk kif ġie indikat fil-punt 77 iktar ’il fuq, għandu madankollu jiġi mfakkar li, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru distintiv dgħajjef, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, speċjalment meta l-prodotti inkwistjoni jkunu identiċi u s-sinjali kunfliġġenti jixxiebhu.

83      Madankollu, minkejja li, f’dan il-każ, il-prodotti inkwistjoni jkunu identiċi, minħabba l-karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti u mis-sinjifikat deskrittiv, is-sempliċi identità ta’ dawn il-prodotti u x-xebh tas-sinjali kunfliġġenti li jirrigwardaw il-preżenza komuni tal-kelma “halloumi” ta’ natura deskrittiva, mhuwiex biżżejjed sabiex joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni.

84      Minn dan isegwi li l-Bord ta’ l-Appell ġustament iddeċieda li hemm assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

85      Għalhekk, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, il-motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

87      Peress li r-Repubblika ta’ Ċipru tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika ta’ Ċipru hija kkundannata għall-ispejjeż.

Prek

Schalin

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.