Language of document : ECLI:EU:T:2024:296

Kawża T375/22

Luisa Izuzquiza et

vs

IlParlament Ewropew

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat8 ta’ Mejju 2024

“Aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti dwar l-allowances u l-ispejjeż imħallsa lil Membru tal-Parlament kif ukoll dwar is-salarji u l-allowances tal-assistenti parlamentari tiegħu – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Artikolu 4(1)(b) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data – Neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku – Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725”

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Applikabbiltà sħiħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2018/1725 – Obbligu għall-applikant li juri n-natura neċessarja tat-trasferiment tad-data personali inkwistjoni – Obbligu għall-istituzzjoni li tivverifika ex officio l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b), u 2018/1725, Artikoli 3(1), 5 u 9(1)(b))

(ara l-punti 22 sa 28)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2018/1725 – Talba għal aċċess għal data personali – Obbligu li tiġi stabbilita n-neċessità tat-trasferiment tal-imsemmija data – Portata – Interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tad-data – Neċessità li jkunu magħrufa l-ammonti tas-somom imħallsa lil Membru tal-Parlament Ewropew u l-użu tagħhom fl-eżerċizzju tal-mandat tiegħu – Ċirkustanzi fattwali ta’ natura eċċezzjonali

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b), u 2018/1725, Artikolu 9(1)(b))

(ara l-punti 41 sa 44)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2018/1725 – Talba għal aċċess għal data personali – Data dwar l-allowance għall-ispejjeż ġenerali u s-salarju mħallsa lil Membru tal-Parlament Ewropew fl-eżerċizzju tal-mandat tiegħu – Obbligu li tiġi stabbilita n-neċessità tat-trasferiment ta’ din id-data – Informazzjoni disponibbli pubblikament – Ksur tal-imsemmi obbligu

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b), u 2018/1725, Artikolu 9(1)(b))

(ara l-punti 49 sa 55)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2018/1725 – Talba għal aċċess għal data personali – Data dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ soġġorn imħallsa lil Membru tal-Parlament Ewropew fl-eżerċizzju tal-mandat tiegħu kif ukoll dwar is-salarji u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-assistenti parlamentari tiegħu – Obbligu li tiġi stabbilita n-neċessità tat-trasferiment ta’ din id-data – Portata

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b), u 2018/1725, Artikolu 9(1)(b); Deċiżjoni tal-Parlament Ewroepw 2005/684, Artikolu 21(1) sa (3); Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Artikolu 33)

(ara l-punti 56 sa 60, 63, 64, 67 sa 70, u 72 sa 78)

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Portata – Rifjut ta’ żvelar ta’ dokumenti dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ soġġorn imħallsa lil Membru tal-Parlament Ewropew fl-eżerċizzju tal-mandat tiegħu kif ukoll dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-assistenti parlamentari tiegħu – Żbalji ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b), u 2018/1725, Artikolu 9(1)(b))

(ara l-punti 65, 79, 96, 97, 111 u 112)

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2018/1725 – Talba għal aċċess għal data personali – Data dwar l-allowances u l-ispejjeż imħallsa lil Membru tal-Parlament Ewropew fl-eżerċizzju tal-mandat tiegħu kif ukoll dwar is-salarji u l-allowances tal-assistenti parlamentari tiegħu – Obbligu għall-istituzzjoni li tivverifika ex officio l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data – Interessi marbuta mal-protezzjoni tal-eżerċizzju liberu tal-mandat ta’ membru parlamentari kif ukoll mas-sigurtà ta’ dan tal-aħħar – Preġudizzju għall-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data – Assenza

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b), u 2018/1725, Artikolu 9(1)(b))

(ara l-punti 87, u 89 sa 94)

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu li jingħata aċċess parzjali għad-data mhux koperta mill-eċċezzjonijiet – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Dokumenti dwar l-allowances u l-ispejjeż imħalllsa lil Membru tal-Parlament Ewropew fl-eżerċizzju tal-mandat tiegħu kif ukoll dwar is-salarji u l-allowances tal-assistenti parlamentari tiegħu – Rifjut ta’ aċċess parzjali – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(6))

(ara l-punti 105 sa 109)


Sunt

Adita b’rikors għal annullament ippreżentat minn tliet persuni fiżiċi, il-Qorti Ġenerali, li ddeċidiet bħala kulleġġ ġudikanti estiż, annullat id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat‑8 ta’ April 2022 (1) li permezz tagħha din l-istituzzjoni rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti aċċess għal dokumenti dwar l-ammonti mħallsa minn din l-istituzzjoni lil Ioannis Lagos, Membru tal-Parlament, kif ukoll lill-assistenti parlamentari tiegħu, fil-kuntest tal-mandat ta’ dan il-membru parlamentari. Bid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat l-eċċezzjoni dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti, ibbażata fuq il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, prevista fir-Regolament Nru 1049/2001 (2). Hija kkonstatat li l-Parlament kien imissu awtorizza l-aċċess għad-dokumenti li kien fihom data personali li tikkonċerna lil I. Lagos u lill-assistenti parlamentari tiegħu u li kienu jikkonċernaw, b’mod iktar partikolari, ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ soġġorn imħallsa lil I. Lagos minn din l-istituzzjoni u r-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-assistenti tiegħu.

I. Lagos kien ġie elett fil-Greċja u daħal fil-kariga tiegħu bħala Membru tal-Parlament fit‑2 ta’ Lulju 2019. Fis‑7 ta’ Ottubru 2020, huwa ġie kkundannat mill-qrati Griegi għal piena ta’ priġunerija ta’ tlettax-il sena u tmien xhur kif ukoll għall-ħlas ta’ multa minħabba s-sħubija fi u t-tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali kif ukoll minħabba żewġ reati minuri. Wara t-tneħħija tal-immunità parlamentari tiegħu, fis‑27 ta’ April 2021, I. Lagos ġie arrestat mill-awtoritajiet Belġjani u kkonsenjat lill-awtoritajiet Griegi. Fil-mument tal-għoti tas-sentenza, huwa kien qiegħed jiskonta l-piena ta’ priġunerija tiegħu fil-Greċja.

Wara l-kundanna kriminali tiegħu, it-tneħħija tal-immunità tiegħu u l-priġunerija tiegħu, I. Lagos ma rriżenjax mill-mandat tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-kundanna tiegħu ma tatx lok għal komunikazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Griegi lill-Parlament dwar l-iskwalifika mill-mandat tiegħu.

Fis‑7 ta’ Diċembru 2021, ir-rikorrenti ressqu quddiem il-Parlament talba għal aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw lil I. Lagos, li kienet ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 u li kienet tikkonċerna d-dokumenti kollha dwar l-allowances mogħtija lil dan tal-aħħar kif ukoll dwar l-ispejjeż marbuta mas-salarji tal-assistenti parlamentari akkreditati u lokali tiegħu. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2022, il-Parlament irrifjuta li jagħti lir-rikorrenti l-aċċess għal dawn id-dokumenti. Fuq talba konfermatorja min-naħa tar-rikorrenti, il-Parlament adotta d-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha kkonferma r-rifjut inizjali tiegħu li jagħtihom l-aċċess għad-dokumenti mitluba billi invoka l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti marbuta mal-protezzjoni tad-data personali, prevista fir-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll l-obbligu tar-rikorrenti li jistabbilixxu n-neċessità tat-trażmissjoni tad-data personali għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku, skont ir-Regolament 2018/1725 (3).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725 jissuġġetta t-trażmissjoni ta’ data personali għar-rekwiżit li jkunu stabbiliti diversi kundizzjonijiet kumulattivi. B’hekk, min jitlob l-aċċess għandu juri n-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku, u mbagħad għandu jistabbilixxi l-fatt li din it-trażmissjoni hija l-iktar miżura xierqa fost il-miżuri l-oħra possibbli sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li hija proporzjonata għal dan l-għan. Ladarba dan jiġi stabbilit, l-istituzzjoni kkonċernata hija meħtieġa tivverifika jekk hemmx xi raġuni li tippermetti li wieħed jaħseb li din it-trażmissjoni ser tkun tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data u, jekk dan ikun il-każ, għandha twettaq ibbilanċjar, b’mod li jkun jista’ jiġi vverifikat, bejn id-diversi interessi kompetituri sabiex tevalwa l-proporzjonalità tat-trażmissjoni tad-data personali mitluba.

Għalhekk, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-kuntest tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti marbuta mal-protezzjoni tad-data personali (4), jekk ir-rikorrenti ssodisfawx l-obbligu li jipprovaw in-neċessità tat-trażmissjoni tad-data personali għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku (5).

L-ewwel nett, hija wettqet analiżi dwar jekk l-għan invokat mir-rikorrenti għat-trażmissjoni tad-data ta’ natura personali inkwistjoni kienx jikkostitwixxi għan speċifiku ta’ interess pubbliku.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li din it-trażmissjoni tista’ tkun ibbażata fuq għan ġenerali, bħalma huwa d-dritt għall-informazzjoni tal-pubbliku dwar l-aġir tal-Membri tal-Parlament fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. F’dan il-każ, l-għan invokat mir-rikorrenti kien li jkunu magħrufa l-ammonti konkreti tas-somom mogħtija mill-Parlament lil I. Lagos matul il-perijodu kkonċernat u l-mod kif dawn is-somom kienu ntużaw fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-mandat tiegħu bħala membru parlamentari sabiex jiġi ffaċilitat kontroll pubbliku, fir-rigward tal-aċċess ta’ I. Lagos għal fondi pubbliċi. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Parlament, dan l-għan ma kienx għan ġenerali, iżda kien speċifikament marbut maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, li kienu ta’ natura kompletament eċċezzjonali. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi kienu jikkonċernaw Membru tal-Parlament li, wara li ġie kkundannat, fost oħrajn, għal piena ta’ tlettax-il sena u tmien xhur priġunerija u arrestat fil-ħabs, talli, b’mod partikolari, wettaq reati serji, bħalma huma s-sħubija f’organizzazzjoni kriminali u t-tmexxija tagħha, baqa’ Membru tal-Parlament u kompla jirċievi allowances li jikkorrispondu għall-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament żbalja meta rrifjuta li jirrikonoxxi l-għan invokat mir-rikorrenti bħala għan speċifiku ta’ interess pubbliku.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali analizzat jekk ir-rikorrenti wrewx in-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali, u b’mod iktar partikolari, jekk din it-trażmissjoni kinitx l-iktar miżura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan speċifiku ta’ interess pubbliku mfittex mir-rikorrenti u jekk kinitx proporzjonata għal dan l-għan.

Minn naħa, fir-rigward tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali (6) u tas-salarju mensili (7) ta’ I. Lagos, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-informazzjoni dwar dawn id-drittijiet hija aċċessibbli għall-pubbliku b’mod liberu u mingħajr ħlas fuq is-sit internet tal-Parlament. Peress li għalhekk l-iżvelar tad-data personali inkwistjoni ma kienx l-iktar miżura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mir-rikorrenti, dawn tal-aħħar ma rnexxilhomx juru n-neċessità ta’ tali trażmissjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, is-sitwazzjoni kienet differenti f’dak li jirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ħlas tal-allowance ta’ soġġorn tal-membri parlamentari sa fejn l-informazzjoni pubblikament disponibbli f’dan ir-rigward ma kinitx tippermetti li jkunu magħrufa l-ammonti tas-somom imħallsa mill-Parlament lil I. Lagos, fl-eżerċizzju tal-mandat tiegħu bħala membru parlamentari, matul il-perijodu kkonċernat, u lanqas ma kienet tippermetti li jkunu magħrufa l-għan tal-vjaġġ, id-destinazzjoni jew il-vjaġġ li huwa wettaq. Għalhekk, sa fejn it-trażmissjoni ta’ din id-data tippermetti lill-pubbliku jkollu aċċess għall-imsemmija informazzjoni, l-iżvelar tagħha kien miżura iktar xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mir-rikorrenti milli kien l-aċċess għall-informazzjoni li diġà hija fid-dominju pubbliku. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-trażmissjoni tad-data li tikkonċerna lil I. Lagos kienet tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan speċifiku ta’ interess pubbliku invokat mir-rikorrenti sabiex jiġġustifikaw it-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni u li l-Parlament żbalja meta qies li dawn ma kinux issodisfaw l-obbligu li juru n-neċessità ta’ din it-trażmissjoni għal tali għan.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-salarji tal-assistenti akkreditati u lokali ta’ I. Lagos, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li dawn jitħallsu lilhom indipendentement mill-attivitajiet konkreti tagħhom fil-kuntest tal-assistenza parlamentari mogħtija lil I. Lagos. Għaldaqstant, sa fejn it-trażmissjoni ta’ dokumenti dwar il-ħlas ta’ dawn is-salarji ma setgħetx tipprovdi lir-rikorrenti informazzjoni dwar eventwali kontribuzzjoni, diretta jew indiretta, għall-finanzjament jew għat-twettiq ta’ attività kriminali jew illegali eżerċitata minn I. Lagos, ir-rikorrenti ma kienx irnexxielhom juru n-neċessità ta’ tali trażmissjoni. Madankollu, l-ispejjeż li jikkonċernaw il-vjaġġi tal-assistenti parlamentari ta’ I. Lagos kienu marbuta mill-qrib mal-attivitajiet ta’ dan tal-aħħar u setgħu jagħtu indikazzjonijiet dwar eventwali rabta, anki jekk indiretta, ma’ attivitajiet illegali li setgħu ġew eżerċiti minn I. Lagos. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-trażmissjoni tad-data personali li tinsab fid-dokumenti dwar ir-rimborsi ta’ dawn l-ispejjeż kienet miżura neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan invokat mir-rikorrenti u li l-Parlament żbalja meta qies li r-rikorrenti ma kinux wettqu l-obbligu li juru n-neċessità tat-trażmissjoni ta’ data personali għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar l-eventwali preġudizzju għall-interessi leġittimi ta’ I. Lagos u tal-assistenti tiegħu, ikkawżat mit-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni. F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità ta’ din it-trażmissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet ibbilanċjar tad-diversi interessi kompetituri (8). B’hekk, fir-rigward, minn naħa, tal-interess li jiġi protett l-eżerċizzju liberu tal-mandat bħala membru parlamentari, sa fejn kienet ikkonċernata t-talba għal aċċess għall-informazzjoni dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ soġġorn li rċieva I. Lagos, l-għarfien mill-pubbliku ta’ tali vjaġġi ma kienx ta’ natura li jillimita, b’xi mod jew ieħor, l-eżerċizzju liberu tal-mandat tiegħu. Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit b’liema mod l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-vjaġġi mwettqa kien ser ikun ta’ natura li jaffettwa l-eżerċizzju liberu tal-mandat bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-interess li tiġi ggarantita s-sigurtà ta’ I. Lagos, sa fejn kienu kkonċernati dokumenti dwar l-allowances ta’ soġġorn u dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li rċieva fil-passat, is-sigurtà ta’ membru parlamentari, bħala prinċipju, ma tkunx għadha tista’ titqies li hija mhedda mit-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni sa fejn dawn huma vjaġġi li kienu diġà seħħew fil-mument li fih tressqet it-talba tar-rikorrenti. Għalkemm kien minnu li l-iżvelar lill-pubbliku ta’ vjaġġi rikorrenti ta’ I. Lagos, b’mod partikolari lejn residenza privata fil-Greċja, seta’ jkun ta’ preġudizzju għas-sigurtà tiegħu, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li kien il-Parlament, fl-ibbilanċjar tal-interessi kompetituri, li kellu jiżgura l-protezzjoni tad-data personali indispensabbli għas-sigurtà ta’ I. Lagos, bħalma huwa l-indirizz personali tiegħu. Barra minn hekk, fir-rigward tas-sigurtà ta’ I. Lagos waqt il-vjaġġi futuri tiegħu fl-eżerċizzju tal-mandat tiegħu, il-kwistjoni ma tqumx sa fejn I. Lagos kien jinsab il-ħabs fid-data tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma setax jivvjaġġa. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, peress li l-vjaġġi inkwistjoni kienu seħħew matul perijodu li fih I. Lagos kien diġà ġie kkundannat għal reati serji, kien għalhekk leġittimu li r-rikorrenti jkunu jistgħu jiksbu elementi ta’ informazzjoni dwar l-għan u d-destinazzjonijiet ta’ dawn il-vjaġġi. Peress li r-riskji ta’ eventwali preġudizzju għall-eżerċizzju liberu tal-mandat ta’ I. Lagos bħala membru parlamentari u għas-sigurtà tiegħu ma kinux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-data personali inkwistjoni, il-Parlament żbalja meta qies li t-trażmissjoni ta’ din id-data kienet ser tippreġudika l-interessi leġittimi ta’ I. Lagos u tal-assistenti tiegħu u meta, wara li bbilanċja d-diversi interessi kompetituri, qies li tali trażmissjoni ma kinitx proporzjonata.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Parlament irrifjuta li jagħti aċċess għad-dokumenti, li kien fihom data personali li tikkonċerna lil I. Lagos, dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-allowances ta’ soġġorn imħallsa lil dan tal-aħħar mill-Parlament kif ukoll għad-dokumenti, li kien fihom data personali li tikkonċerna lill-assistenti personali ta’ I. Lagos, dwar ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li rċevew dawn tal-aħħar.


1      Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew bir-referenza A(2021) 10718C, tat 8 ta’ April 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


2      B’mod partikolari fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Skont din id-dispożizzjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jkun ser jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, b’mod partikolari konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.


3      Skont l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), data personali għandha tiġi trażmessa lil destinatarji stabbiliti fl-Unjoni li ma jkunux istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni fil-każ biss jekk id-destinatarju jistabbilixxi li huwa neċessarju li din id-data tiġi trażmessa għal għan speċifiku ta’ interess pubbliku u jekk il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar jistabbilixxi, fil-każ li jkun hemm raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li din it-trażmissjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, li t-trażmissjoni tad-data personali għal dan il-għan speċifiku hija proporzjonata, u dan wara li jkun wettaq ibbilanċjar, b’mod li jkun jista’ jiġi vverifikat, bejn id-diversi interessi kompetituri.


4      Kif prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.


5      Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725.


6      Mill-Artikoli 25 u 26 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew 2009/C 159/01 tad 19 ta’ Mejju u tad 9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2009, C 159, p. 1) jirriżulta li l-Membri tal-Parlament għandhom jirċievu, kull xahar, allowance fissa għall-ispejjeż ġenerali, wara talba unika mressqa fil-bidu tal-mandat tagħhom.


7      Skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom tat‑28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 262, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Membri tal-Parlament”), is-salarju ta’ kull xahar tal-Membri jitħallas awtomatikament.


8      Kif previst fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725.