Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-2 ta’ Frar 2018 – Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid vs A et

(Kawża C-70/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Konvenuti: A, B, P

Domandi preliminari

a. L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 1 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’termini ġenerali, l-ipproċessar u l-ħażna ta’ data bijometrika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi Torok, f’sistema ta’ ħażna fis-sens tal-Artikolu 2, initio u (a) u b) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), peress li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan leġittimu, previst minn dan ir-regolament, ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali?

b. Il-fatt li t-tul ta’ ħażna ta’ data bijometrika jkun marbut ma’ dak tar-residenza legali u/jew illegali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi Torok, huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward?

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta l-effett tagħha fuq l-aċċess għall-impjieg kif previst minnhom huwa wisq inċert u indirett sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti ostakolu għal dan l-aċċess?

a. Jekk hemm lok li t-tieni domanda tiġi risposta fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terzi ta’ data bijometrika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi Torok, li tinsab f’sistema ta’ ħażna għal għanijiet ta’ prevenzjoni, ta’ sejbien u ta’ investigazzjoni ta’ ksur – terroristiċi jew mhux – tikkostitiwxxi restrizzjoni ġdida, l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 ta’ din il-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali?

b. Il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu fuqu, fil-mument meta jiġi miżmum bħala ssuspettat bit-twettiq ta’ ksur, dokument ta’ residenza li jinkludi d-data bijometrika tiegħu huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward?

____________

1 Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni imwaqqaf bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija.