Appell ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2021 minn Vincent Thunus, Jaime Barragán, Marc D’hooge, Alexandra Felten, Christophe Nègre, Patrick Vanhoudt mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-2 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-318/19, Thunus et vs BEI
(Kawża C-91/21 P)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Vincent Thunus, Jaime Barragán, Marc D’hooge, Alexandra Felten, Christophe Nègre, Patrick Vanhoudt (rappreżentant: L. Levi, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ewropew tal-Investiment
Talbiet
Tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-318/19;
konsegwentement, tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u, għaldaqstant:
tiddikkjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat, inkluż l-eċċezzjoni ta’ illegalità inkluża fih;
konsegwentement:
tannulla d-deċiżjoni li tinsab fir-rendikonti tas-salarju tar-rikorrenti fi Frar 2019, deċiżjoni li tiffissa l-aġġustament annwali tas-salarju bażiku limitat għal 0.8 % għas-sena 2019, u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjonijiet simili li jinsabu fir-rendikonti tas-salarju suċċessivi;
għaldaqstant, tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas, bħala kumpens għad-dannu materjali, (i) tal-bqija tas-salarju li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tal-aġġustament annwali għall-2019, jiġifieri żieda ta’ 1.2 % għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019; (ii) tal-bqija tas-salarju korrispondenti għall-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-aġġustament annwali ta’ 0.8 % għall-2019 fuq l-ammont ta’ salarji li għandhom jitħallsu minn Jannar 2019; (iii) tal-interessi moratorji fuq il-bqija tas-salarju dovuti sal-ħlas komplet tas-somom dovuti, fejn ir-rati ta’ interessi moratorji li għandhom jiġu applikati għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rati stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda bi tliet punti;
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ksur tar-regoli ta’ kompetenza tal-awtur tal-att – Ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Intern – Żnaturament tal-proċess – Ksur mill-imħallef tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu
Ksur tad-dritt ta’ konsultazzjoni tal-kulleġġ – Żnaturament tal-proċess
Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Żnaturament tal-proċess – Ksur mill-imħallef tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu
Ksur tad-dmir ta’ diliġenza u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
____________