Language of document : ECLI:EU:C:2020:791

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2020 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Novembru 2020]

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 95/46

Id-Direttiva 97/66

Id-Direttiva 2000/31

Id-Direttiva 2002/21

Id-Direttiva 2002/58

Ir-Regolament 2016/679

Id-dritt Franċiż

Il-Kodiċi tas-Sigurtà Interna

Il- KPKE

Il-loi n o 2004575, du 21 juin 2004, pour la confiance dans l’économie numérique (il-Liġi Nru 2004575 tal-21 ta’ Ġunju 2004 għall-Fiduċja flEkonomija Diġitali)

Id-Digriet Nru 2011-219

Id-dritt Belġjan

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C 511/18

Il-Kaw ża C512/18

Il-Kawża C 520/18

Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domandi fil-Kawżi C 511/18 u C512/18 u fuq l-ewwel u ttieni domanda fil-Kawża C520/18

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58

– Fuq il-miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma preventiva taddata dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali

– Fuq il-miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma preventiva taddata dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u s-salvagwardja tas-sigurtà pubblika

– Fuq il-miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma preventiva talindirizzi IP u tad-data relatata mal-identità ċivili għall-finijiet talġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika

– Fuq il-miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja

Fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C 511/18

Fuq l-analiżi awtomatizzata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il lokalizzazzjoni

Fuq il-ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il lokalizzazzjoni

Fuq l-informazzjoni tal-persuni li d-data tagħhom inġabret jew ġiet analizzata

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C 512/18

Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C 520/18

Fuq l-ispejjeż


“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis‑settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u fornituri ta’ aċċess għall-internet – Żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni – Analiżi awtomatizzata ta’ data – Aċċess f’ħin reali għad-data – Salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu – Ġlieda kontra l-kriminalità – Direttiva 2002/58/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(3) u Artikolu 3 – Kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Artikolu 5 u Artikolu 15(1) – Direttiva 2000/31/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 4, 6 sa 8 u 11 u Artikolu 52(1) – Artikolu 4(2) TUE”

Fil-Kawżi magħquda C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Lulju 2018, li waslu fil‑Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2018 (C‑511/18 u C‑512/18), u mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Awwissu 2018 (C‑520/18), fil-proċeduri

La Quadrature du Net (C‑511/18 u C‑512/18),

French Data Network (C‑511/18 u C‑512/18),

Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs (C‑511/18 u C‑512/18),

Igwan.net (C‑511/18),

vs

Premier ministre (C‑511/18 u C‑512/18),

Garde des Sceaux, ministre de la Justice (C‑511/18 u C‑512/18),

Ministre de l’Intérieur (C‑511/18),

Ministre des Armées (C‑511/18),

fil-preżenza ta’:

Privacy International (C‑512/18),

Center for Democracy and Technology (C‑512/18),

u

Ordre des barreaux francophones et germanophone,

Académie Fiscale ASBL,

UA,

Liga voor Mensenrechten ASBL,

Ligue des Droits de l’Homme ASBL,

VZ,

WY,

XX

vs

Conseil des ministres,

fil-preżenza ta’:

Child Focus (C‑520/18),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Safjan, P. G. Xuereb u L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz (Relatur), C. Toader, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 u tal-10 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal La Quadrature du Net, Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, Igwan.net u Center for Democracy and Technology, minn A. Fitzjean Ò Cobhthaigh, avocat,

–        għal French Data Network, minn Y. Padova, avocat,

–        għal Privacy International, minn H. Roy, avocat,

–        għal Ordre des barreaux francophones et germanophone, minn E. Kiehl, P. Limbrée, E. Lemmens, A. Cassart u J.‑F. Henrotte, avocats,

–        għal Académie Fiscale ASBL u UA, minn J.‑P. Riquet,

–        għal Liga voor Mensenrechten ASBL, minn J. Vander Velpen, avocat,

–        għal Ligue des Droits de l’Homme ASBL, minn R. Jespers u J. Fermon, avocats,

–        għal VZ, WY u XX, minn D. Pattyn, avocat,

–        għal Child Focus, minn N. Buisseret, K. De Meester u J. Van Cauter, avocats,

–        għall-Gvern Franċiż, inizjalment minn D. Dubois, F. Alabrune, D. Colas, E. de Moustier u A.‑L. Desjonquères, sussegwentement minn D. Dubois, F. Alabrune, E. de Moustier u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn J. Vanpraet, Y. Peeters, S. Depré u E. de Lophem, avocats,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, inizjalment minn J. Nymann‑Lindegren, M. Wolff u P. Ngo, sussegwentement minn J. Nymann-Lindegren u M. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn J. Möller, M. Hellmann, E. Lankenau, R. Kanitz u T. Henze, sussegwentement minn J. Möller, M. Hellmann, E. Lankenau u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg u A. Kalbus, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Irlandiż, minn A. Joyce, M. Browne u G. Hodge, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn L. Aguilera Ruiz u A. Rubio González, sussegwentement minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Neofytou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Litwan, minn V. Soņeca, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, inizjalment minn M. Z. Fehér u Z. Wagner, sussegwentement minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. A. M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, J. Sawicka u M. Pawlicka, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, inizjalment minn H. Shev, H. Eklinder, C. Meyer‑Seitz u A. Falk, sussegwentement minn H. Shev, H. Eklinder, C. Meyer‑Seitz u J. Lundberg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn G. Facenna, QC, u minn C. Knight, barrister,

–        [inċiż imħassar permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Novembru 2020],

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn H. Kranenborg, M. Wasmeier u P. Costa de Oliveira, sussegwentement minn H. Kranenborg u M. Wasmeier, bħala aġenti,

–        għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minn T. Zerdick u A. Buchta, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis‑seduta tal-15 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni, minn naħa waħda, tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l‑ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l‑komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), moqrija fid-dawl tal-Artikoli 4, 6 sa 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”) u tal-Artikolu 4(2) TUE.

2        It-talba fil-Kawża C‑511/18 ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn La Quadrature du Net, French Data Network, il-Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs u Igwan.net, u l-Prim Ministru (Franza), il-Garde des Sceaux, il-Ministru tal-Ġustizzja (Franza), il‑Ministru tal-Intern (Franza) u l-Ministru tad-Difiża (Franza) dwar il‑legalità tad-Décret nº 2015-1885, du 28 septembre 2015, portant désignation des services spécialisés de renseignement (id-Digriet Nru 2015‑1185 tat‑28 ta’ Settembru 2015 dwar il-Ħatra ta’ Servizzi Speċjalizzati ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni (JORF tad-29 ta’ Settembru 2015, test 1 minn 97, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2015‑1185”), tad-Décret nº 2015‑1211, du 1er octobre 2015, relatif au contentieux de la mise en oeuvre des techniques de renseignement soumises à autorisation et des fichiers intéressant la sûreté de l’État (id-Digriet Nru 2015‑1211 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-Kawżi Relatati mal-Implimentazzjoni ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni Suġġetti għal Awtorizzazzjoni u ta’ Fajls li Jaffettwaw is‑Sigurtà tal-Istat (JORF tat-2 ta’ Ottubru 2015, test 7 minn 108, iktar ’il quddiem id‑“Digriet Nru 2015‑1211”), tad-Décret nº 2015‑1639, du 11 décembre 2015, relatif à la désignation des services autres que les services spécialisés de renseignement, autorisés à recourir aux techniques mentionnées au titre V du libre VIII du code de la sécurité intérieure (id‑Digriet Nru 2015‑1639 tal-11 ta’ Diċembru 2015 dwar il‑Ħatra ta’ Servizzi Oħra Minbarra s-Servizzi Speċjalizzati ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni, Awtorizzati li Jużaw it‑Tekniki Msemmija fit-Titolu V tal‑Ktieb VIII tal-Kodiċi tas-Sigurtà Interna, skont l-Artikolu L. 811-4 tal-Kodiċi tas‑Sigurtà Interna (JORF tat-12 ta’ Diċembru 2015, test 28 minn 127, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2015‑1639”), u d-Décret nº 2016-67, du 29 janvier 2016, relatif aux techniques de recueil de renseignement (id‑Digriet Nru 2016‑67 tad-29 ta’ Jannar 2016 dwar it‑Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni (JORF tal-31 ta’ Jannar 2016, test 2 minn 113, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2016‑67”).

3        It-talba fil-Kawża C‑512/18 ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn French Data Network, La Quadrature du Net u l-Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, u l-Prim Ministru (Franza) u l-Garde des Sceaux, Ministru tal-Ġustizzja (Franza), dwar il-legalità tal‑Artikolu R. 10-13 tal-code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, iktar ’il quddiem il-“KPKE”) u tad-Décret nº 2011‑219, du 25 février 2011, relatif à la conservation et à la communication des données permettant d’identifier toute personne ayant contribué à la création d’un contenu mis en ligne (id-Digriet Nru 2011‑219 tal‑25 ta’ Frar 2011 dwar iż-Żamma u l-Komunikazzjoni ta’ Data li Tippermetti l-Identifikazzjoni ta’ Kull Persuna li Kkontribwixxiet għall-Ħolqien ta’ Kontenut Offrut Online (JORF tal-1 ta’ Marzu 2011, test 32 minn 170, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2011‑219”).

4        It-talba fil-Kawża C‑520/18 ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn l-Ordre des barreaux francophones et germanophone, Académie Fiscale ASBL, UA, Liga voor Mensenrechten ASBL, Ligue des Droits de l’Homme ASBL, VZ, WY u XX, u l-Kunsill tal-Ministri (il-Belġju) dwar il‑legalità tal-Loi du 29 mai 2016 relative à la collecte et à la conservation des données dans le secteur des communications électroniques (il-Liġi tad-29 ta’ Mejju 2016 dwar il-Ġbir u ż-Żamma tad-Data fis-Settur tal‑Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Moniteur belge tat-18 ta’ Lulju 2016, p. 44717, iktar ’il quddiem il-“Liġi tad-29 ta’ Mejju 2016”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 95/46

5        Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id‑data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) tħassret, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id‑Direttiva 95/46 (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2). L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 kien jistipula:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

–        minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

6        L-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46, li kien jinsab fil-Kapitolu III tagħha, intitolat “Rimedji ġudizzjarji, responsabbiltà u sanzjonijiet”, kien jistipula dan li ġej:

“Bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv li dwaru tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl‑Artikolu 28, qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizjarja, Stati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju ġudizjarju għal kull ksur tad-drittijiet garantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar in kwistjoni.”

 Id-Direttiva 97/66

7        Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tat‑telekomunikazzjonijiet (ĠU 1997, L 24, p. 1), intitolat “Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ network pubbliku ta’ telekomunikazzjoni jew ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku. B’mod partikolari, għandhom jipprojbixxu lill kull persuna oħra għajr l-utent, mingħajr il-kunsens tal-utent, milli tisma’, tinterċetta u taħżen il-komunikazzjonijiet jew milli tissuġġettahom għal xi modi oħra ta’ interċettazzjoni jew ta’ sorveljanza, ħlief meta dawn l-attivitajiet huma legalment awtorizzati, skont l-Artikolu 14(1).

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa r-reġistrazzjoni legalment awtorizzata ta’ komunikazzjonijiet, meta mwettqa fil-kuntest ta’ prattika tal-kummerċ legali, għall-iskop li tiġi pprovduta prova ta’ tranżazzjoni kummerċjali jew kull komunikazzjoni oħra kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-Direttiva 2000/31

8        Il-premessi 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31 jistipulaw:

“(14)      Il-protezzjoni ta’ individi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali hija regolata biss mid-Direttiva [95/46] u mid‑Direttiva [97/66], li huma kompletament applikabbli għal servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni; dawn id-Direttivi diġà stabbilew qafas legali tal-Komunità fil-qasam ta’ data personali u għalhekk mhux meħtieġ li din il-ħaġa tkun riferita f’din id-Direttiva sabiex ikun assigurat il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern, partikolarment il-moviment liberu ta’ data personali bejn Stati Membri; l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jsir b’konformità sħiħa mal-prinċipji li jirrigwardaw il‑protezzjoni ta’ data personali, partikolarment f’dak li jirrigwarda komunikazzjoni kummerċjali mhijiex mitluba u r-responsabbilità ta’ intermedjarji; din id-Direttiva ma tistax twaqqaf l-użu anonimu f’networks miftuħa bħal fl-Internet.

(15)      Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet hija garantita bl‑Artikolu 5 tad-Direttiva [97/66]; bi qbil ma’ dik id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipprojbixxu xi tip ta’ intervent jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet bħal dawn minn oħrajn li mhumiex dawk li jibagħtu u jirċievu, ħlief meta legalment awtorizzati.”

9        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/31 jistipula dan li ġej:

“1.      Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

2.      Din id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal‑għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri.

3.      Din id-Direttiva tikkumplementa l-liġi tal-Komunità applikabbli għal servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-livell ta’ protezzjoni ta’, partikolarment, interessi tas-saħħa pubblika u tal-konsumatur, kif stabbiliti b’atti tal-Komunità u leġislazzjoni nazzjonali li timplimentahom sal-limiti li ma jirrestrinġix il‑libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

[…]

5.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fil-:

[…]

b)      kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni koperti bid-Direttivi [95/46] u [97/66];

[…]”

10      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/31 jistipula dan li ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

a)      ‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’: servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)], kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8)];

[…]”

11      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 jistipula:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

2.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma.”

 Id-Direttiva 2002/21

12      Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349):

“It-tifsira ta’ ‘servizz tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni’ f’Artikolu 1 tad‑Direttiva [98/34], kif emendata bid-Direttiva [98/48], tkopri firxa wiesa’ ta’ attivitajiet elettroniċi li jseħħu on-line. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet m’humiex koperti bl-iskop ta’ din id-Direttiva għaliex ma jikkonsistux kollha kemm huma jew prinċipalment fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. It-telefonija bil-leħen u s-servizzi ta’ twassil ta’ posta elettronika huma koperti b’din id-Direttiva. L-istess impriża, per eżempju provditur ta’ servizzi bl-Internet, jista joffri kemm servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal l-aċċess għall‑Internet, u servizzi mhux koperti taħt din id-Direttiva, bħal provista ta’ kontenut web-based.”

13      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21 jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-direttiva:

[…]

c)      ‘sevizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil‑parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir, iżda esklużi servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzu ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi; ma jinkludix servizzi tas‑soċjeta ta’ l-informazzjoni, kif definiti f’Artikolu 1 tad‑Direttiva [98/34], li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil‑parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta’ sinjali b’networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi;

[…]”

 Id-Direttiva 2002/58

14      Il-premessi 2, 6, 7, 11, 22, 26 u 30 tad-Direttiva 2002/58 jistipulaw:

“(2)      Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dik il-Karta.

[…]

(6)      L-Internet qed jaqleb l-istrutturi tas-suq tradizzjonali billi jipprovdi infrastruttura komuni u globali għat-twassil ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fuq l-Internet jiftħu possibiltajiet ġodda għal min jużahom iżda ukoll riskji ġodda għal data personali u privatezza tagħhom.

(7)      Fil-każ ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi legali, regolatorji, u tekniċi għandhom jsiru sabiex ikunu protetti d-drittijiet u libertajiet fondamentali tal-persuni naturali u l‑interessi leġittimi tal-persuni legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna awtomatizzata u l‑ipproċessar tad-data li għandha x’taqsam ma’ l-abbonati u l-utenti.

[…]

(11)      Bħad-Direttiva [95/46], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi [tal-Unjoni]. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l‑individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l‑Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal‑Libertajiet Fondamentali, [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1050,] hekk kif interpretati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.

[…]

(22)      Il-projbizzjoni tal-]a\na [ħażna] tal-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti jew mingħajr il-kunsens tagħhom mhix maħsuba li tipprojbixxi ħażna awtomatika, intermedja u temporanja ta’ din l-informazzjoni sa fejn dan isir għall-iskop uniku li titwettaq it-trasmissjoni fin-network tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u sakemm l-informazzjoni ma tinħażinx għal żmien itwal milli huwa meħtieġ għat-trasmissjoni u għall-iskopijiet tal-ġestjoni tat-traffiku, u li matul iż-żmien tal‑ħażna tibqa’ garantita l-kunfidenzjalità. […]

[…]

(26)      Id-data dwar l-abbonati li tiġi pproċessata fin-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet u tiġi trasmessa l-informazzjoni ikun fihom informazzjoni dwar il-ħajja privata ta’ persuni naturali u jikkonċernaw id-dritt għar-rispett tal-korrispondenza tagħhom jew jikkonċernaw l-interessi leġittimi ta’ persuni legali. Dawn id-data jistgħu jinħażnu biss sa fejn huma meħtieġa g]all-provvista tas-servizz u għall-iskop tal-kontijiet u l‑ħlas ta’ l-interkonnessjoni, u għal żmien limitat. Kull proċessar ulterjuri ta’ dawn id-data […] jista jiġi permess biss jekk l-abbonat ikun qabel ma’ dan fuq il-ba\i [bażi] ta’ informazzjoni preċiża u sħiħa mogħtija mill-provditur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament dwar it-tipi ta’ proċessar ulterjuri li bi ħsiebu jagħmel u dwar id-dritt ta’ l-abbonat li ma jagħtix jew li jirtira l-kunsens tiegħu/tag]ha [tagħha] għal tali proċessar. Id-data dwar it-traffiku użati għall-marketing ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni […] għandhom jitħassru wkoll jew isiru magħmula anonimi […]

[…]

(30)      Sistemi għall-provvista ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu diżinjati li jillimitaw l-ammont ta’ data personali meħtieġa għall-minimu strettament possibbli. […]”

15      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jistipula:

“1.      Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il‑moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [fl-Unjoni Ewropea].

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil‑paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.

3.      Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill‑kamp ta’ applikazzjoni tat-[TFUE], bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il‑benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

16      Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid‑Direttiva [95/46] u fid-Direttiva [2002/21].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘utent’: tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

b)      ‘data dwar it-traffiku’: tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

c)      ‘data dwar is-sit’: tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

d)      ‘komunikazzjoni’: tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill‑pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[…]”

17      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Servizzi kkonċernati”, jistipula:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”

18      Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Konfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d‑data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal‑kunfidenzjalità.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l‑abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id‑Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill‑kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas‑soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

19      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jistipula:

“1.      Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.      Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

3.      Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il‑possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.

[…]

5.      L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it‑traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil‑valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall‑iskop ta’ dawn l-attivitajiet.”

20      L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn id-data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku, relatata ma’ utenti jew abbonati ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, tista tiġi pproċessata, din id-data tista’ tiġi pproċessata biss fejn tkun ġiet magħmula anonima, jew bil-kunsens ta’ l-utenti jew ta’ l-abbonati sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għall-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud. Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-utenti jew abbonati, qabel ma jakkwista l-kunsens tagħhom, dwar it-tip ta’ data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku li ser tiġi pproċessata, dwar l-iskopijiet u ż-żmien ta’ l-ipproċessar u jekk id-data hix ser tiġi trasmessa lil xi terza persuna għall-iskop li jkun provdut servizz bil-valur miżjud. […]”

21      L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]”, jistipula:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l‑Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id‑Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l‑prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tad‑Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il‑paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni], inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

[…]

2.      Id-dispożizzjonijiet fil-Kaptilu III dwar rimedji ġudizzjarji, risponsabbilità u sanzjonijiet tad-Direttiva [95/46] għandhom jgħoddu fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u fir-rigward tad-drittijiet individwali derivati minn din id-Direttiva.

[…]”

 Ir-Regolament 2016/679

22      Il-premessa 10 tar-Regolament 2016/679 tistipula:

“Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenja tar‑regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal‑persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. […]”

23      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament jistipula:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall‑ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

a)      matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal‑Unjoni;

b)      mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

[…]

d)      mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l‑eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l‑prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

[…]

4.      Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall‑applikazzjoni tad-Direttiva [2000/31], b’mod partikolari tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi intermedjarji fl‑Artikoli 12 sa 15 ta’ dik id-Direttiva.”

24      L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jistipula:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l‑adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l‑iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]”

25      L-Artikolu 5 tar-Regolament 2016/679 jistipula:

“1.      Id-data personali għandha:

a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir‑rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

b)      tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il‑finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal‑fini’);

c)      tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

d)      tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b’kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (‘preċiżjoni’);

e)      tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad‑data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; id-data personali tista’ tinħażen għal perijodi itwal sakemm id-data personali tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għall‑finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Artikolu 89(1) soġġett għall-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi adatti meħtieġa minn dan ir-Regolament sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data (‘limitazzjoni tal-ħażna’);

f)      tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’);

[…]”

26      L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

3.      Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti © u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

a)      il-liġi tal-Unjoni, jew;

b)      il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat f’dik il-bażi legali […] Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

[…]”

27      L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament jistipula:

“1.      Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il‑kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l‑obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l‑essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

a)      is-sigurtà nazzjonali;

b)      id-difiża;

c)      is-sigurtà pubblika;

d)      il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is‑salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddidiet għas-sigurtà pubblika;

e)      objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s‑sigurtà soċjali;

f)      il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji;

g)      il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ ksur ta’ etika għal professjonijiet regolati;

h)      funzjoni ta’ monitoraġġ, ispezzjoni jew regolatorja marbuta, anki jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali f’każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) u (g);

i)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

j)      l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.

2.      B’mod partikolari, kull miżura leġiżlattiva msemmija fil‑paragrafu 1 għandu jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi tal-inqas, fejn rilevanti, dwar:

a)      il-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar;

b)      il-kategoriji ta’ data personali;

c)      l-ambitu tar-restrizzjonijiet introdotti;

d)      is-salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż jew tal-aċċess jew it‑trasferiment illegali;

e)      l-ispeċifikazzjoni tal-kontrollur jew il-kategoriji tal-kontrolluri;

f)      il-perijodi ta’ ħażna u s-salvagwardji applikabbli b’kont meħud tan‑natura, l-ambitu u l-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal‑ipproċessar;

g)      ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data; u

h)      id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkunu infurmati dwar ir-restrizzjoni, sakemm dak ma jistax jippreġudika l-finijiet tar-restrizzjoni.”

28      Skont l-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d‑dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d‑drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad‑data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir‑Regolament.”

29      Skont l-Artikolu 94 tar-Regolament 2016/679:

“1.      Id-Direttiva [95/46] titħassar b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

2.      Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Ir-referenzi għall-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva [95/46] għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad‑Data stabbilit b’dan ir-Regolament.”

30      L-Artikolu 95 ta’ dan ir-regolament jistipula:

“Dan ir-Regolament m’għandux jimponi obbligi addizzjonali fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi dwar l-ipproċessar b’rabta mal-provvediment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku fin-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni fl-Unjoni b’rabta ma’ kwistjonijiet li għalihom ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi bl-istess objettiv stabbilit fid-Direttiva [2002/58].”

 Id-dritt Franċiż

 Il-Kodiċi tas-Sigurtà Interna

31      Il-Ktieb VIII tal-Parti Leġiżlattiva tal-Kodiċi tas-Sigurtà Interna (iktar ’il quddiem il-“KSI”), jipprevedi, fl-Artikoli L. 801‑1 sa L. 898‑1 tiegħu, regoli relatati mal-ġbir ta’ informazzjoni.

32      L-Artikolu L. 811‑3 tal-KSI jistipula:

“Għall-għan biss li jwettqu l-funzjonijiet rispettivi tagħhom, is-servizzi speċjalizzati ta’ ġbir ta’ informazzjoni jistgħu jużaw it-tekniki msemmija fit‑Titolu V ta’ dan il-Ktieb sabiex jiġbru informazzjoni relatata mad‑difiża u mal-promozzjoni tal-interessi fundamentali tan-Nazzjon segwenti:

1°      L-indipendenza nazzjonali, l-integrità tat-territorju u d-difiża nazzjonali;

2°      L-interessi prinċipali tal-politika barranija, l-eżekuzzjoni ta’ obbligi Ewropej u internazzjonali ta’ Franza u l-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ ndħil barrani;

3°      L-interessi ekonomiċi, industrijali u xjentifiċi prinċipali ta’ Franza;

4°      Il-prevenzjoni tat-terroriżmu;

5°      Il-prevenzjoni:

a)      Ta’ attentati kontra n-natura repubblikana tal-istituzzjonijiet;

b)      Azzjonijiet intiżi għaż-żamma jew għar-rikostruzzjoni ta’ gruppi żmantellati bis-saħħa tal-Artikolu L. 212‑1;

c)      Vjolenza kollettiva li tista’ tikkawża dannu serju għall-paċi pubblika;

6°      Il-prevenzjoni tal-kriminalità u tad-delinkwenza organizzata;

7°      Il-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva.”

33      L-Artikolu L. 811‑4 tal-KSI jistipula:

“Digriet adottat mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), wara konsultazzjoni mal-Commission nationale de contrôle des techniques de renseignement (il-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni) għandu jinnomina s-servizzi, minbarra s-servizzi speċjalizzati ta’ ġbir ta’ intelliġenza, li jaqgħu taħt il-Ministri tad-Difiża, tal-Intern u tal-Ġustizzja kif ukoll dawk li jaqgħu taħt il-Ministri responsabbli mill-ekonomija, mill-baġit jew mid-dwana, li jistgħu jiġu awtorizzati jużaw it-tekniki msemmija fit-Titolu V ta’ dan il-Ktieb bil‑kundizzjonijiet previsti fl-istess Ktieb. Huwa jispjega, għal kull servizz, l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu L. 811-3 u t-tekniki li jistgħu jiġu awtorizzati.”

34      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 821-1 tal-KSI jispjega dan li ġej:

“L-implimentazzjoni fit-territorju nazzjonali ta’ tekniki ta’ ġbir ta’ informazzjoni msemmija fil-Kapitoli I sa IV tat-Titolu V ta’ dan il-Ktieb hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Prim Ministru, mogħtija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni.”

35      L-Artikolu L. 821-2 tal-KSI jistipula:

“L-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu L. 821-1 tingħata fuq talba bil‑miktub u motivata tal-Ministru tad-Difiża, tal-Ministru tal-Intern, tal-Ministru tal-Ġustizzja jew tal-Ministri responsabbli mill-ekonomija, mill-baġit jew mid-dwana. Kull Ministru jista’ jiddelega din l‑awtorità b’mod individwali biss lil kollaboraturi diretti awtorizzati jittrattaw kwistjonijiet kunfidenzjali relatati mad-difiża nazzjonali.

It-talba għandha tindika:

1° It-teknika jew tekniki li għandhom jiġu implimentati;

2° Is-servizz li għalih tressqet;

3° L-għan jew l-għanijiet li għandhom jintlaħqu;

4° Il-motiv jew il-motivi tal-miżuri;

5° Il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni;

6° Il-persuna jew il-persuni, il-post jew il-postijiet jew vetturi kkonċernati.

Fir-rigward tal-punt 6, il-persuni li l-identità tagħhom ma hijiex magħrufa jistgħu jiġu identifikati permezz tal-identifikaturi tagħhom jew tal‑istatus tagħhom u l-postijiet u l-vetturi jistgħu jiġu identifikati b’riferiment għall-persuni li huma s-suġġett tat-talba.

[…]”

36      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 821-3 tal-KSI:

“It-talba għandha tintbagħat lill-President jew, fin-nuqqas, lil wieħed mill-membri tal-Kummissjoni ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni msemmi fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu L. 831‑1, li għandu jagħti parir lill-Prim Ministru fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa. Jekk it‑talba hija eżaminata mill-panel ristrett jew mill-panel komplet tal‑Kummissjoni, il-Prim Ministru għandu jiġi informat mingħajr dewmien dwar dan u l-opinjoni tingħata fi żmien tnejn u sebgħin siegħa.”

37      L-Artikolu L. 821-4 tal-KSI jistipula:

“L-awtorizzazzjoni għall-implimentazzjoni tat-tekniki msemmija fil‑Kapitoli I sa IV tat-Titolu V ta’ dan il-Ktieb għandha tingħata mill‑Prim Ministru għal perijodu massimu ta’ erba’ xhur. […] L‑awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-motivazzjonijiet u d‑dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 6 tal-Artikolu L. 821‑2. L‑awtorizzazzjonijiet kollha jistgħu jiġġeddu bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti f’dan il-Kapitolu.

Meta l-awtorizzazzjoni tingħata wara li jkun ingħata parir kuntrarju mill‑Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni, hija għandha tindika r-raġunijiet li għalihom il-parir ma ġiex segwit.

[…]”

38      L-Artikolu L. 833‑4 tal-KSI, li jinsab fil-Kapitolu III ta’ dan it-titolu, jistipula:

“Il-Kummissjoni għandha, bl-inizjattiva tagħha jew wara li tkun irċeviet ilment minn kwalunkwe persuna li tixtieq tivverifika li l-ebda teknika ta’ ġbir ta’ informazzjoni ma ġiet implimentata b’mod illegali fil-konfront tagħha, tistħarreġ it-teknika jew tekniki msemmija sabiex tivverifika li dawn ġew implimentati jew qegħdin jiġu implimentati skont dan il-Ktieb. Hija għandha tinnotifika lill-awtur tal-ilment li l-verifiki meħtieġa saru, mingħajr ma tikkonferma jew tinnega l-implimentazzjoni tagħhom.”

39      L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 841‑1 tal-KSI huma redatti kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari previsti fl‑Artikolu L. 854-9 ta’ dan il-Kodiċi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal‑Istat) għandu kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni, skont il‑kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu IIIa tat-Titolu VII tal-Ktieb VII tal‑code de justice administrative (il-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva), ta’ talbiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta’ tekniki ta’ ġbir ta’ informazzjoni msemmija fit-Titolu V ta’ dan il-Ktieb.

Tista’ titressaq azzjoni quddiemu minn:

1° Kull persuna li tixtieq tivverifika li l-ebda teknika ta’ ġbir ta’ informazzjoni ma hija implimentata b’mod illegali fil-konfront tagħha u li tista’ turi li l-proċedura prevista fl-Artikolu L. 833-4 ġiet implimentata minn qabel;

2° Il-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 833-8.”

40      It-Titolu V tal-Ktieb VIII tal-parti leġiżlattiva tal-KSI, dwar “Tekniki ta’ ġbir ta’ informazzjoni suġġetti għal awtorizzazzjoni”, jinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 1, intitolat “Aċċess tal-awtoritajiet amministrattivi għad-data ta’ konnessjoni”, li fih l-Artikoli L. 851‑1 sa L. 851‑7 tal-KSI.

41      L-Artikolu L. 851-1 tal-KSI jistipula:

“Fil-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu II ta’ dan il-Ktieb, jista’ jkun awtorizzat il-ġbir, mingħand operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u mingħand persuni msemmija fl-Artikolu L. 34‑1 tal‑[KPKE] kif ukoll mingħand il-persuni msemmija fl-Artikolu 6(I)(1) u (2) tal-loi no 2004‑575 du 21 juin 2004 pour la confiance dans l’économie numérique (il-Liġi Nru 2004‑575 tal-21 ta’ Ġunju 2004 għall-Fiduċja fl‑Ekonomija Diġitali) (JORF tat-22 ta’ Ġunju 2004, p. 11168), ta’ informazzjoni jew dokumenti pproċessati jew miżmuma min‑networks jew mis-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom, inkluż id-data teknika dwar l-identifikazzjoni tan-numri ta’ abbonati jew ta’ konnessjoni ma’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, dwar l-inventarju tan-numri kollha ta’ abbonament jew ta’ konnessjoni ta’ persuna speċifika, dwar il-post tat-tagħmir terminali użat kif ukoll dwar il-komunikazzjonijiet ta’ abbonat li jikkorrispondu mal-lista ta’ numri mċempla jew li ċemplu, it-tul u d-data tal-komunikazzjonijiet.

B’deroga mill-Artikolu L. 821-2, it-talbiet bil-miktub u motivati li jirrigwardaw id-data teknika dwar l-identifikazzjoni tan-numri ta’ abbonati jew ta’ konnessjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew dwar l-inventarju tan-numri kollha ta’ abbonament jew ta’ konnessjoni ta’ persuna speċifika għandhom jintbagħtu direttament lill‑Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni mill‑aġenti individwalment nominati u awtorizzati tas‑servizzi ta’ ġbir ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikoli L. 811-2 u L. 811-4. Il‑Kummissjoni għandha tagħti l-parir tagħha skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 821-3.

Dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru għandu jkun responsabbli mill-ġbir tal-informazzjoni jew dokumenti mingħand l-operaturi u l‑persuni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu. Il‑Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni għandu jkollha aċċess permanenti, komplet, dirett u immedjat għall‑informazzjoni jew dokumenti miġbura.

Regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) wara konsultazzjoni mal-Commission nationale de l’informatique et des libertés (l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data) u mal-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni.”

42      L-Artikolu L. 851‑2 tal-KSI jistipula:

“I. –      Taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu II ta’ dan il‑Ktieb u għall-għan biss tal-prevenzjoni tat-terroriżmu, il-ġbir f’ħin reali, fin-networks tal-operaturi u tal-persuni msemmija fl‑Artikolu L. 851‑1, ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti msemmija fl‑istess Artikolu L. 851-1 relatati ma’ persuna identifikata minn qabel bħala li potenzjalment għandha rabta ma’ theddida, jista’ jiġi awtorizzat b’mod individwali. Meta jkun hemm raġunijiet serji ta’ tħassib li persuna jew persuni li jappartjenu għaċ-ċirku tal-persuna kkonċernata mill‑awtorizzazzjoni jistgħu jagħtu informazzjoni għall-għan li għalih ingħatat l-awtorizzazzjoni, tista’ tingħata wkoll awtorizzazzjoni b’mod individwali għal kull waħda minn dawn il-persuni.

bis.      In-numru massimu ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa taħt dan l‑artikolu fis-seħħ fl-istess perijodu għandu jiġi stabbilit mill-Prim Ministru, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni. Id-deċiżjoni li tistabbilixxi din il‑kwota u kif għandha titqassam bejn il-Ministri msemmija fl-ewwel paragrafu tal‑Artikolu L. 821‑2, kif ukoll in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ interċettazzjoni maħruġa, għandhom jiġu mgħarrfa lill‑Kummissjoni.

[…]”

43      L-Artikolu L. 851-3 tal-KSI jistipula:

“I. –      Taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu I tat-Titolu II ta’ dan il‑Ktieb u għall-għan biss tal-prevenzjoni tat-terroriżmu, l-operaturi u l‑persuni msemmija fl-Artikolu L. 851‑1 jistgħu jintalbu li fin-networks tagħhom jimplimentaw ipproċessar awtomatizzat tad-data intiż, skont il‑parametri speċifikati fl-awtorizzazzjoni, li jiskopri konnessjonijiet li jistgħu jiżvelaw theddida terroristika.

Dan l-ipproċesar awtomatizzat għandu juża esklużivament l‑informazzjoni jew dokumenti msemmija fl-Artikolu L. 851-1, mingħajr ma jiġbor data oħra ħlief dik li tissodisfa l-parametri oriġinali u mingħajr ma jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuni li għalihom jirreferu l‑informazzjoni jew id-dokumenti.

B’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-awtorizzazzjoni tal-Prim Ministru għandha tispjega l-portata teknika tal-implimentazzjoni ta’ dan l‑ipproċessar.

II. –      Il-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni għandha tagħti parir dwar it-talba għal awtorizzazzjoni dwar l-ipproċessar awtomatizzat u l-parametri ta’ skoperta magħżula. Hija għandu jkollha aċċess permanenti, komplet u dirett għal dan l‑ipproċessar kif ukoll għall-informazzjoni u għad-data miġbura. Hija għandha tiġi informata b’kull bidla magħmula għall-ipproċessar u għall-parametri u tista’ tagħti rakkomandazzjonijiet.

L-ewwel awtorizzazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-ipproċessar awtomatizzat prevista fl-I ta’ dan l-artikolu għandha tingħata għal perijodu ta’ xahrejn. L-awtorizzazzjoni tista’ tiġġedded skont il‑kundizzjonijiet dwar it-tul tal-perijodu previsti fil-Kapitolu I tat-Titolu II ta’ dan il-Ktieb. It-talba għal tiġdid għandha tinkludi elenku tan-numru ta’ identifikaturi indikati mill-ipproċessar awtomatizzat u analiżi tar‑rilevanza ta’ dawn l-indikaturi.

III. –      Il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 871-6 huma applikabbli għall-operazzjonijiet fiżiċi mwettqa għal din l-implimentazzjoni mill‑operaturi u mill-persuni msemmija fl-Artikolu L. 851-1.

IV. –      Meta l-ipproċessar imsemmi fil-punt I ta’ dan l-artikolu jiskopri data li tista’ turi l-eżistenza ta’ theddida terroristika, il-Prim Ministru jew waħda mill-persuni ddelegati minnu jista’ jawtorizza, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni skont il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu I tat‑Titolu II ta’ dan il-Ktieb, l-identifikazzjoni tal-persuna jew tal-persuni kkonċernati u l-ġbir ta’ data relatata magħhom. Din id-data għandha tintuża f’terminu ta’ sittin jum mid-data tal-ġbir u għandha tinqered wara l‑iskadenza ta’ dan il-perijodu, ħlief f’ċirkustanzi serji li jikkonfermaw l‑eżistenza ta’ theddida terroristika relatata ma’ waħda jew ma’ diversi mill-persuni kkonċernati.

[…]”

44      L-Artikolu L. 851-4 tal-KSI huwa redatt kif ġej:

“Skont il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu I tat-Titolu II ta’ dan il‑Ktieb, id-data teknika relatata mal-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali użat imsemmi fl-Artikolu L. 851‑1 tista’ tinġabar, fuq talba, min‑network u tintbagħat f’ħin reali mill-operaturi lil dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru.”

45      L-Artikolu R. 851-5 tal-KSI, li jinsab fil-parti regolamentari ta’ dan il‑Kodiċi, jistipula:

“I. –      L-informazzjoni jew id-dokumenti msemmija fl-Artikolu L. 851‑1, bl-esklużjoni tal-kontenut tal-korrispondenzi skambjati jew tal‑informazzjoni kkonsultata, huma:

1° Dawk elenkati fl-Artikoli R. 10‑13 u R. 10‑14 tal-[KPKE] u fl‑Artikolu 1 tad-Digriet [Nru 2011‑219];

2° Id-data teknika minbarra dik imsemmija fil-punt 1:

a) Li tippermetti l-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali;

b) Relatata mal-aċċess ta’ tagħmir terminali għan-networks jew għas‑servizzi ta’ komunikazzjoni għall-pubbliku online;

c) Relatata mat-twettiq ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tan‑networks;

d) Relatata mal-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni ta’ utent, ta’ konnessjoni, ta’ network jew ta’ servizz ta’ komunikazzjoni għall‑pubbliku online;

e) Relatata mal-karatteristiċi ta’ tagħmir terminali u mad-data ta’ konfigurazzjoni tal-kompjuters tagħhom.

II. –      Huma biss l-informazzjoni u d-dokumenti msemmija fil-punt I(1) li jistgħu jinġabru skont l-Artikolu L. 851-1. Dan il-ġbir għandu jsir f’ħin mhux reali.

L-informazzjoni elenkata fil-punt (I)(2) ma tistax tinġabar ħlief skont l‑Artikoli L. 851-2 u L. 851-3 skont il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti minn dawn l-artikoli u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu R. 851-9.”

 Il-KPKE

46      L-Artikolu L. 34-1 tal-KPKE jistipula:

“I. –      Dan l-artikolu għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill‑pubbliku; b’mod partikolari, dan għandu japplika għan-networks responsabbli mill-apparat ta’ ġbir ta’ data u ta’ identifikazzjoni.

II. –      L-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u, b’mod partikolari, il-persuni li l-attività tagħhom tikkonsisti f’li joffru aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online, għandhom iħassru jew jirrendu anonima d-data kollha dwar it-traffiku, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal‑paragrafi III, IV, V u VI.

Il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill‑pubbliku għandhom jistabbilixxu, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, proċeduri interni li jippermettu li jiġu ssodisfatti t-talbiet tal-awtoritajiet kompetenti.

Il-persuni li, abbażi ta’ attività professjonali prinċipali jew anċillari, joffru lill-pubbliku konnessjoni li tippermetti komunikazzjoni online permezz ta’ aċċess għan-network, anki jekk mingħajr ħlas, għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont dan l-artikolu.

III. –      Għall-finijiet tal-investigazzjoni, tal-konstatazzjoni u tal‑prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu L. 336-3 tal-Code de la propriété intellectuelle (il‑Kodiċi tal‑Proprjetà Intellettwali) jew għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ attentati fuq is-sistemi ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data previsti u punibbli fl-Artikoli 323-1 sa 323-3‑1 tal-Kodiċi Kriminali, u bl-uniku għan li jkun possibbli, jekk meħtieġ, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal‑awtorità ġudizzjarja jew tal-awtorità għolja msemmija fl‑Artikolu L. 331-12 tal‑Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jew tal‑awtorità nazzjonali ta’ sigurtà tas-sistemi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu L. 2321-1 tal‑code de la défense (il-Kodiċi tad-Difiża), l‑operazzjonijiet intiżi għat-tħassir jew li jirrendu anonimi ċerti kategoriji ta’ data teknika jistgħu jiġu posposti għal perijodu massimu ta’ sena. Digriet tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), adottat wara konsultazzjoni mal‑Commission nationale de l’informatique et des libertés (l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data), għandu jiddetermina, fil‑limiti stabbiliti fil‑paragrafu VI, dawn il-kategoriji ta’ data u t-tul taż‑żamma tagħha, skont l-attività tal-operaturi u n-natura tal‑komunikazzjonijiet, kif ukoll il-modalitajiet tal-kumpens, jekk ikun il-każ, ta’ spejjeż addizzjonali identifikabbli u speċifiċi tas-servizzi mogħtija fuq din il-bażi, fuq talba tal-Istat, mill-operaturi.

[…]

VI. – Id-data miżmuma u pproċessata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi III, IV u V tirrigwarda esklużivament l-identifikazzjoni tal‑persuni li jużaw is-servizzi pprovduti mill-operaturi, il-karatteristiċi tekniċi tal-komunikazzjonijiet ipprovduti minn dawn tal‑aħħar u l‑lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali.

Din fl-ebda każ ma għandha tkun tirrigwarda l-kontenut tal‑korrispondenza skambjata jew tal-informazzjoni kkonsultata, fi kwalunkwe forma, fil-kuntest ta’ dawn il-komunikazzjonijiet.

Iż-żamma u l-ipproċessar ta’ din id-data ssir b’osservanza tad‑dispożizzjonijiet tal-loi n° 78‑17 du 6 janvier 1978 relative à l’informatique, aux fichiers et aux libertés (il-Liġi Nru 78‑17 tas‑6 ta’ Jannar 1978 dwar l-Informatika, il-Fajls u l-Libertajiet).

L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jipprevjenu li din id‑data tintuża għal finijiet li ma humiex dawk previsti f’dan l-artikolu.”

47      L-Artikolu R. 10-13 tal-KPKE huwa redatt kif ġej:

“I. –      Skont il-punt III tal-Artikolu L. 34‑1, l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom iżommu, għall-finijiet tal‑investigazzjoni, tal-konstatazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, id‑data li ġejja:

a)      L-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent;

b)      Id-data relatata mat-tagħmir terminali ta’ komunikazzjonijiet użati;

c)      Il-karatteristiċi tekniċi, kif ukoll id-data, il-ħin u t-tul ta’ kull komunikazzjoni;

d)      Id-data relatata mas-servizzi kumplimentari mitluba jew użati u l‑fornituri tagħhom;

e)      Id-data li tippermetti li jiġu identifikati d-destinatarju jew id‑destinatarji tal-komunikazzjoni.

II. –      Fil-każ ta’ attivitajiet ta’ telefonija, l-operatur għandu jżomm id‑data msemmija fil-punt II u, barra minn hekk, dik li tiffaċilita l‑identifikazzjoni tal-oriġini u tal-lokalizzazzjoni tal-komunikazzjoni.

III. –      Id-data msemmija f’dan l-artikolu għandha tinżamm għal sena mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha.

IV. – L-ispejjeż addizzjonali identifikabbli u speċifiċi sostnuti mill-operaturi mitluba mill-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex jipprovdu data li taqa’ fil-kategoriji msemmija f’dan l-artikolu għandhom jiġu kkumpensati skont il‑modalitajiet previsti fl-Artikolu R. 213-1 tal-code de procédure pénale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).”

48      L-Artikolu R. 10-14 tal-KPKE jistipula:

“I. Skont il-punt IV tal-Artikolu L. 34-1 l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma awtorizzati jżommu d-data teknika li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent kif ukoll dawk imsemmija fl‑Artikolu R. 10-13(I)b, c u d għal finijiet tal-operazzjonijiet ta’ fatturazzjoni u ta’ ħlasijiet tagħhom.

II. –      Għall-attivitajiet ta’ telefonija, l-operaturi jistgħu jżommu, apparti d-data msemmija fil-punt I, id-data teknika relatata mal-lokalizzazzjoni tal-komunikazzjoni, mal-identifikazzjoni tad-destinatarju jew destinatarji tal-komunikazzjoni u d-data li tippermetti l-fatturazzjoni.

III. –      Id-data msemmija fil-punti I u II ta’ dan l-artikolu ma tistax tinżamm ħlief jekk tkun neċessarja għall-fatturazzjoni u għall-ħlas tas‑servizzi pprovduti. Iż-żamma tagħha għandha tkun limitata ratione temporis għall-perijodu strettament neċessarju għal dan il-għan li ma għandux ikun ta’ iktar minn sena.

IV. – Għas-sigurtà tan-networks u tal-installazzjonijiet, l-operaturi jistgħu jżommu għal perijodu li ma jeċċedix it-tliet xhur:

a)      Id-data li tippermetti li tiġi identifikata l-oriġini tal‑komunikazzjoni;

b)      Il-karatteristiċi tekniċi u d-data, il-ħin u t-tul ta’ kull komunikazzjoni;

c)      Id-data teknika li tippermetti li jiġi/u identifikat/i d-destinatarju/i tal-komunikazzjoni;

d)      Id-data relatata mas-servizzi kumplimentari mitluba jew użati u l‑fornituri tagħhom.”

 Il-loi no 2004575, du 21 juin 2004, pour la confiance dans l’économie numérique (il-Liġi Nru 2004575 tal-21 ta’ Ġunju 2004 għall-Fiduċja flEkonomija Diġitali)

49      L-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 2004‑575 tal-21 ta’ Ġunju 2004 għall-Fiduċja fl-Ekonomija Diġitali (JORF tat-22 ta’ Ġunju 2004, p. 11168, iktar ’il quddiem il-“LFED”) jistipula:

“I. –      1. Il-persuni li l-attività tagħhom tikkonsisti fl-għoti ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online għandhom jinformaw lill-abbonati tagħhom dwar l-eżistenza ta’ mezzi tekniċi li jippermettu li l-aċċess għal ċerti servizzi jiġi ristrett jew li dawn is-servizzi jiġu magħżula u għandhom jipproponulhom tal-inqas wieħed minn dawn il‑mezzi.

[…]

2.      Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jiżguraw, anki mingħajr ħlas, għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online, il-ħażna ta’ sinjali, kitbiet, stampi, ħsejjes jew ta’ messaġġi ta’ kwalunkwe tip ipprovduti minn destinatarji ta’ dawn is‑servizzi ma għandhomx jerfgħu responsabbiltà ċivili minħabba l‑attivitajiet jew l-informazzjoni maħżuna fuq talba ta’ destinatarju ta’ dawn is-servizzi jekk effettivament ma kellhom l-ebda għarfien tan‑natura illegali tal‑attivitajiet jew tal-informazzjoni inkwistjoni jew ta’ fatti jew ċirkustanzi li juru n-natura illegali tagħhom, jew jekk, malli saru jafu b’dan huma ħadu azzjoni immedjata sabiex ineħħu dik id-data jew iwaqqfu l-aċċess għaliha.

[…]

II. –      Il-persuni msemmija fil-punt I(1) u (2) għandhom iżommu u jippreżervaw id-data b’mod li tkun possibbli l-identifikazzjoni ta’ kull min ikkontribwixxa għall-ħolqien tal-kontenut jew ta’ wieħed mill-kontenuti tas-servizzi li tagħhom huma fornituri.

Huma għandhom jipprovdu lill-persuni li jippubblikaw servizz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online b’mezzi tekniċi li jippermettulhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ identifikazzjoni previsti fil-punt III.

L-awtorità ġudizzjarja tista’ teżiġi li l-fornituri msemmija fil-punt I(1) u (2) jikkomunikaw id-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 226‑17, 226‑21 u 226‑22 tal-Kodiċi Kriminali huma applikabbli għall-ipproċessar ta’ din id-data.

Digriet tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), adottat wara konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data, għandu jiddefinixxi d-data msemmija fl-ewwel paragrafu u jistabbilixxi l‑perijodu u l-modalitajiet taż-żamma tagħha.

[…]”

 Id-Digriet Nru 2011-219

50      Il-Kapitolu I tad-Digriet Nru 2011‑219, adottat abbażi tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 6(II) tal-LFED, fih l-Artikoli 1 sa 4 ta’ dan id‑digriet.

51      L-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 2011‑219 jistipula:

“Id-data msemmija fl-Artikolu 6(II) tal-[LFED], li l-persuni huma obbligati jżommu bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, hija s-segwenti:

1°      Għall-persuni msemmija fil-punt I(1) tal-istess artikolu u għal kull konnessjoni tal-abbonati tagħhom:

a)      L-identifikatur tal-konnessjoni;

b)      L-identifikatur li dawn il-persuni jagħtu lill-abbonat;

c)      L-identifikatur tat-terminal użat għall-konnessjoni meta jkollhom aċċess;

d)      Id-dati u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-konnessjoni;

e)      Il-karatteristiċi tal-linja tal-abbonat.

2°      Għall-persuni msemmija fil-punt I(2) tal-istess artikolu u għal kull operazzjoni ta’ ħolqien:

a)      L-identifikatur tal-konnessjoni fl-oriġini tal-komunikazzjoni;

b)      L-identifikatur mogħti mis-sistema ta’ informazzjoni għall‑kontenut, li huwa s-suġġett tal-operazzjoni;

c)      It-tipi ta’ protokolli użati għall-konnessjoni mas-servizz u għat‑trasferiment tal-kontenuti;

d)      In-natura tal-operazzjoni;

e)      Id-data u l-ħin tal-operazzjoni;

f)      L-identifikatur użat mill-awtur tal-operazzjoni meta pprovdut minnu;

3°      Għall-persuni msemmija fil-punt I(1) u (2) tal-istess artikolu, l‑informazzjoni mogħtija meta jiġi ffirmat kuntratt minn utent jew meta jinħoloq kont:

a)      Fil-mument tal-ħolqien tal-kont, l-identifikatur tal-konnessjoni;

b)      L-isem, il-kunjom jew l-isem tal-kumpannija;

c)      L-indirizzi postali assoċjati;

d)      Il-psewdonimi użati;

e)      L-indirizzi tal-posta elettronika jew tal-kont assoċjati;

f)      In-numri tat-telefon;

g)      Il-password u d-data li tippermetti li din tiġi vverifikata jew modifikata, kif aġġornati;

4°      Għall-persuni msemmija fil-punt I(1) u (2) tal-istess artikolu, meta s-sottoskrizzjoni għall-kuntratt jew għall-kont tkun bi ħlas, l-informazzjoni segwenti relatata mal-ħlas, għal kull operazzjoni ta’ ħlas:

a)      It-tip ta’ ħlas użat;

b)      Ir-referenza tal-ħlas;

c)      L-ammont;

d)      Id-data u l-ħin tat-tranżazzjoni.

Id-data msemmija fil-punti 3 u 4 għandha tinżamm biss sa fejn il-persuni normalment jiġbru tali data.”

52      L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet huwa redatt kif ġej:

“Il-kontribut għal ħolqien ta’ kontenut jinkludi l-operazzjonijiet li jirrigwardaw:

a)      Ħolqien inizjali tal-kontenut;

b)      Bidliet tal-kontenut u ta’ data relatata mal-kontenut;

c)      Tħassir ta’ kontenut.”

53      L-Artikolu 3 tal-imsemmi digriet jistipula:

“Il-perijodu ta’ żamma tad-data msemmija fl-Artikolu 1 huwa ta’ sena:

a)      Fir-rigward ta’ data msemmija fil-punti 1 u 2, b’effett mill-jum tal‑ħolqien tal-kontenut, għal kull operazzjoni li tikkontribwixxi għall‑ħolqien ta’ kontenut kif iddefinit fl-Artikolu 2;

b)      Fir-rigward tad-data msemmija fil-punt 3, b’effett mill-jum tax-xoljiment tal-kuntratt jew tal-għeluq tal-kont;

c)      Fir-rigward tad-data msemmija fil-punt 4, b’effett mid-data tal‑ħruġ tal-fattura jew tal-operazzjoni ta’ ħlas, għal kull fattura jew tranżazzjoni ta’ ħlas.”

 Id-dritt Belġjan

54      Il-Liġi tad-29 ta’ Mejju 2016 emendat, b’mod partikolari, il-Loi du 13 juin 2005 relative aux communications électroniques (il-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi) (Moniteur belge tal‑20 ta’ Ġunju 2005, p. 28070, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005”), il-code d’instruction criminelle (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) u l-loi du 30 novembre 1998 organique des services de renseignement et de sécurité (il-Liġi Bażika tat-30 ta’ Novembru 1998 dwar is-Servizzi ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni u ta’ Sigurtà) (Moniteur belge tat-18 ta’ Diċembru 1998, p. 40312, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-30 ta’ Novembru 1998”).

55      L-Artikolu 126 tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, kif emendata bil-Liġi tad‑29 ta’ Mejju 2016, jistipula:

“1. Bla ħsara għal-loi du 8 décembre 1992 relative à la protection de la vie privée à l’égard des traitements de données à caractère personnel (il‑Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 1992 dwar il-Protezzjoni tal-Ħajja Privata fir‑Rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali), il-fornituri li jipprovdu lill-pubbliku servizzi ta’ telefonija, inkluż permezz tal-internet, ta’ aċċess għall-internet, ta’ posta elettronika bl-internet, kif ukoll l-operaturi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-operaturi li joffru kwalunkwe wieħed mis-servizzi preċedenti għandhom iżommu d-data indikata fil-paragrafu 3 li jiġġeneraw jew jipproċessaw fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet inkwistjoni.

Dan l-artikolu ma jagħmilx riferiment għall-kontenut tal‑komunikazzjonijiet.

L-obbligu ta’ żamma tad-data msemmija fil-paragrafu 3 japplika wkoll għal tentattivi ta’ telefonati mingħajr suċċess, sakemm din id-data tkun, fil-qafas tal-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjoni kkonċernati:

1°      f’dak li jirrigwarda d-data tat-telefonija, iġġenerata jew ipproċessata mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew

2°      f’dak li jirrigwarda d-data tal-internet, irrekordjata minn dawn il‑fornituri.

2.      L-awtoritajiet indikati hawn taħt huma l-uniċi li, fuq talba tagħhom, jistgħu jiksbu, mingħand il-fornituri u l-operaturi indikati fl‑ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, id-data li tinżamm skont dan l‑artikolu, għall-finijiet u taħt il-kundizzjonijiet imniżżla hawn taħt:

1°      l-awtoritajiet ġudizzjarji, għall-finijiet ta’ investigazzjoni, istruttorja u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għat-twettiq tal-miżuri previsti fl-Artikoli 46a u 88a tal-Code d’instruction criminelle (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) u taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-artikoli msemmija;

2°      is-servizzi ta’ ġbir ta’ informazzjoni u ta’ sigurtà, bil-għan li jwettqu l‑missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni billi jirrikorru għall-metodi ta’ ġbir ta’ data previsti fl-Artikoli 16/2, 18/7 u 18/8 tal-loi du 30 novembre 1998 organique des services de renseignement et de sécurité (il-Liġi Bażika tat-30 ta’ Novembru 1998 dwar is-Servizzi ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni u tas-Sigurtà) u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill‑imsemmija liġi;

3°      kwalunkwe uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja tal-[Institut belge des services postaux et des télécommunications (l-Istitut Belġjan tas-Servizzi Postali u t-Telekomunikazzjoni)], għall-finijiet ta’ investigazzjoni, istruttorja u prosekuzzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 114, 124 u ta’ dan l‑artikolu;

4°      is-servizzi ta’ emerġenza li joffru assistenza in situ meta, wara li jirċievu telefonata għall-assistenza, ma jiksbux id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li għamlet it-telefonata mingħand il-fornitur jew l-operatur inkwistjoni bis-saħħa tad-database msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 107(2) jew jiksbu data mhux kompleta jew mhux korretta. Tista’ tintalab biss id-data ta’ identifikazzjoni tal‑persuna li tkun għamlet it-telefonata u dan sa mhux iktar tard minn 24 siegħa wara li tkun saret;

5°      kwalunkwe uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja tad-Diviżjoni tal‑Persuni Nieqsa tal-Pulizija Federali, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ta’ assistenza għall-persuni fil-perikolu, ta’ tiftix ta’ persuni li l-fatt li huma nieqsa jirriżulta suspettuż, u meta jkun possibbli jiġi preżunt jew ikun hemm indizji serji li l-integrità fiżika tal-persuna li tkun nieqsa tinsab f’perikolu imminenti. Hija biss id-data msemmija fl-ewwel u fit‑tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, relatata mal-persuna nieqsa, u miżmuma matul it-48 siegħa qabel it-talba għall-kisba tad-data li tista’ tintalab lill-operatur jew lill-fornitur ikkonċernat permezz ta’ dipartiment tal-pulizija magħżul mir-Re;

6°      is-servizz ta’ medjazzjoni għat-telekomunikazzjonijiet, sabiex tiġi identifikata l-persuna li tkun użat network jew servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod mhux xieraq, skont il‑kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 43(a)(3)(7) tal-loi du 21 mars 1991 portant réforme de certaines entreprises publiques économiques (il-Liġi tal-21 ta’ Marzu 1991 dwar ir-Riforma ta’ Ċerti Impriżi Pubbliċi Ekonomiċi). Tista’ tintalab biss id-data ta’ identifikazzjoni.

Il-fornituri u l-operaturi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li d-data msemmija fil-paragrafu 3 tkun aċċessibbli mingħajr limitu mill-Belġju u li din id-data u kwalunkwe informazzjoni oħra neċessarja marbuta magħha tkun tista’ tiġi trażmessa mingħajr dewmien esklużivament lill-awtoritajiet indikati f’dan il-paragrafu.

Mingħajr preġudizzju għal dak previst f’dispożizzjonijiet legali oħrajn, il-fornituri u l-operaturi li għalihom isir riferiment fl-ewwel subparagrafu tal‑paragrafu 1 ma jistgħux jużaw id-data miżmuma skont il-paragrafu 3 għal finijiet oħrajn.

3. Id-data li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent jew tal-abbonat u l‑mezzi ta’ komunikazzjoni, bl-eċċezzjoni tad-data speċifikament prevista fit-tieni u fit-tielet subparagrafu, għandha tinżamm għal tnax‑il xahar mid-data li fiha setgħet issir komunikazzjoni għall-aħħar darba permezz tas-servizz użat.

Id-data dwar l-aċċess u l-konnessjoni tat-tagħmir terminali man-network u mas‑servizz u dwar il-lokalizzazzjoni ta’ dan it-tagħmir, inkluż il-punt tat‑terminazzjoni tan-network, għandha tinżamm għal tnax‑il xahar mid‑data tal-komunikazzjoni.

Id-data ta’ komunikazzjoni, bl-esklużjoni tal-kontenut tagħha, inkluż dik dwar l-oriġini u d-destinazzjoni tagħha, għandha tinżamm għal tnax‑il xahar mid-data tal-komunikazzjoni.

Permezz ta’ digriet, diskuss mill-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta tal‑Ministru tal-Ġustizzja u tal-Ministru [responsabbli għall-komunikazzjonijiet elettroniċi], u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata u tal-Istitut, ir-Re għandu jistabbilixxi d-data li għandha tinżamm għal kull waħda mill-kategoriji indikati fl‑ewwel u fit-tielet subparagrafu, u r-rekwiżiti li din id-data għandha tissodisfa.

[…]”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C511/18

56      Permezz ta’ talbiet imressqa fit-30 ta’ Novembru 2015 u fis-16 ta’ Marzu 2016, magħquda fil-kawża prinċipali, La Quadrature du Net, French Data Network u l-Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs flimkien ma’ Igwan.net ippreżentaw quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) rikorsi għall-annullament tad-Digrieti Nri 2015‑1185, 2015‑1211, 2015‑1639 u 2016‑67, minħabba li, b’mod partikolari, jiksru l-Kostituzzjoni Franċiża, il-Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u d-Direttivi 2000/31 u 2002/58, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta.

57      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivi bbażati fuq il-ksur tad‑Direttiva 2000/31, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 851-3 tal-KSI jimponu fuq l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u fuq il-fornituri tekniċi l-obbligu li “fin‑networks tagħhom jimplimentaw ipproċessar awtomatizzat tad-data intiż, skont il‑parametri speċifikati fl-awtorizzazzjoni, li jiskopri konnessjonijiet li jistgħu jiżvelaw theddida terroristika”. Din it‑teknika għandha l-għan li, għal perijodu limitat biss, tiġbor mid-data kollha ta’ konnessjoni pproċessata minn dawn l-operaturi u minn dawn il-fornituri dik id-data li jista’ jkollha rabta ma’ tali ksur serju. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l-imsemmija dispożizzjonijiet, li ma jimponux obbligu ġenerali ta’ sorveljanza attiva, ma jiksrux l-Artikolu 15 tad‑Direttiva 2000/31.

58      F’dak li jirrigwarda l-motivi bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 2002/58, il‑qorti tar-rinviju tqis li jirriżulta, b’mod partikolari mid‑dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva kif ukoll mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2”, EU:C:2016:970), li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu obbligi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħaż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tal‑utenti tagħhom u tal-abbonati tagħhom, għall-finijiet imsemmija fl‑Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, fosthom is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża u tas-sigurtà pubblika, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑istess direttiva sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw l-attività tal-imsemmija fornituri. Dan japplika wkoll għal dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għad‑data u l-użu tagħha.

59      Minn dan, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2002/58 jaqa’ kemm l-obbligu ta’ żamma li jirriżulta mill‑Artikolu L. 851-1 tal-KSI kif ukoll l-aċċessi tal-awtoritajiet amministrattivi għall‑imsemmija data, inkluż dik f’ħin reali, previsti fl‑Artikoli L. 851‑1, L. 851‑2 u L. 851‑4 tal-imsemmi kodiċi. Dan japplika wkoll, skont dik il-qorti, għad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu L. 851‑3 ta’ dan l-istess kodiċi li, minkejja li ma jimponux obbligu ġenerali ta’ żamma fuq l-operaturi kkonċernati, madankollu jimponulhom l-obbligu li jimplimentaw ipproċessar awtomatizzat fin-networks tagħhom intiż sabiex jiġu skoperti rabtiet li jistgħu jiżvelaw theddida terroristika.

60      Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tqis li l-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2002/58 ma jkoprix id-dispożizzjonijiet tal-KSI msemmija fir-rikorsi għal annullament li jirrigwardaw tekniki ta’ ġbir ta’ informazzjoni direttament implimentati mill-Istat, iżda li ma jirregolawx l‑attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi billi jimponulhom obbligi speċifiċi. Dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-motivi bbażati fuq l-argument li dawn jiksru d-Direttiva 2002/58 ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli.

61      B’hekk, sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwimiet li jirrigwardaw il-legalità tad-Digrieti Nri 2015‑1185, 2015‑1211, 2015‑1639 u 2016‑67 fid-dawl tad-Direttiva 2002/58, inkwantu ġew adottati sabiex jiġu implimentati l‑Artikoli L. 851-1 sa L. 851‑4 tal-KSI, iqumu tliet domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

62      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi abbażi tal-Artikoli L. 851-1 u R. 851-5 tal-KSI għandux jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari fid-dawl tal-garanziji u tal-kontrolli li jakkumpanjaw l-aċċessi tal-awtoritajiet amministrattivi għad‑data ta’ konnessjoni u l-użu tagħha, bħala ndħil iġġustifikat mid‑dritt għas‑sigurtà protett bl-Artikolu 6 tal-Karta u mir-rekwiżiti tas‑sigurtà nazzjonali, li taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 4 TUE.

63      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-obbligi l-oħra li jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, il-qorti tar‑rinviju tirrileva li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 851-2 tal-KSI jawtorizzaw, għall-finijiet biss tal-prevenzjoni tat-terroriżmu, il-ġbir ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti previsti fl-Artikolu L. 851-1 ta’ dan il‑kodiċi, mingħand l-istess persuni. Dan il-ġbir, li jikkonċerna biss individwu wieħed jew diversi li jkunu identifikati minn qabel bħala li jista’ jkollhom rabta ma’ theddida terroristika, isir f’ħin reali. L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 851-4 tal-imsemmi kodiċi li jawtorizza t-trażmissjoni f’ħin reali mill-operaturi tad-data relatata mal‑lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali biss. Dawn it-tekniki jirregolaw, għal għanijiet u skont modalitajiet differenti, l-aċċess tal‑awtoritajiet amministrattivi f’ħin reali għad-data miżmuma skont il‑KPKE u l-LFED, madankollu, mingħajr ma jimponu fuq il-fornituri kkonċernati rekwiżit ta’ żamma addizzjonali minbarra dak li huwa neċessarju għall-fatturazzjoni u għall-provvista tas-servizzi tagħhom. Bl‑istess mod, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 851-3 tal-KSI, li jipprevedu obbligu għall-fornituri ta’ servizzi li jimplimentaw analiżi awtomatizzata ta’ konnessjonijiet fin-networks tagħhom, lanqas ma jimplikaw żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni.

64      Minn naħa waħda, il-qorti tar-rinviju tqis li kemm iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni kif ukoll l-aċċess f’ħin reali għad‑data ta’ konnessjoni jippreżentaw, fi sfond ikkaratterizzat minn theddid serju u persistenti għas-sigurtà nazzjonali, li jirrigwarda b’mod partikolari theddid terroristiku, utilità operazzjonali tajba ferm. Fil-fatt, l-obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma jippermetti li s-servizzi ta’ ġbir ta’ informazzjoni jiksbu aċċess għad-data relatata mal‑komunikazzjonijiet qabel ma jiġu identifikati r-raġunijiet li għalihom jiġi kkunsidrat li l-persuna kkonċernata hija ta’ theddida għas‑sigurtà pubblika, għad-difiża jew għas-sigurtà tal-Istat. Barra minn hekk, l-aċċessi f’ħin reali għad-data ta’ konnessjoni jippermettu li jiġi sorveljat, b’reattività qawwija, l-aġir ta’ individwi li jistgħu jippreżentaw theddida immedjata għall-ordni pubbliku.

65      Min-naħa l-oħra, it-teknika prevista fl-Artikolu L. 851‑3 tal-KSI tippermetti li jiġu skoperti, abbażi ta’ kriterji ddefiniti b’mod preċiż għal dan il-għan, l-individwi li l-aġir tagħhom jista’, fid-dawl tal-metodi ta’ komunikazzjoni tagħhom, jiżvela theddida terroristika.

66      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-aċċess tal-awtoritajiet amministrattivi għad‑data miżmuma, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id‑Direttiva 2002/58, moqrija fid-dawl tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tissuġġetta f’kull każ ir-regolarità tal-proċeduri ta’ ġbir tad-data ta’ konnessjoni għal rekwiżit ta’ notifika lill-persuni kkonċernati meta tali informazzjoni ma tkunx għadha tista’ tikkomprometti l‑investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet kompetenti, jew jekk tali proċeduri jistgħux jiġu kkunsidrati bħala leġittimi fid-dawl tal-garanziji proċedurali l-oħra kollha previsti mid-dritt nazzjonali meta dawn jiżguraw li d-dritt għal rimedju huwa effettiv.

67      Fir-rigward ta’ dawn il-garanziji proċedurali l-oħra, il-qorti tat-rinviju tispjega b’mod partikolari li kull persuna li tixtieq tivverifika li l-ebda teknika ta’ ġbir ta’ informazzjoni ma ġiet implimentata b’mod irregolari fil-konfront tagħha tista’ titlob lil kulleġġ ġudikanti speċjalizzat tal-Conseil d’État (il‑Kunsill tal-Istat) li għandu jivverifika, fid-dawl tal-elementi kkomunikati lilu lil hinn mill-proċedura kontradittorja jekk ir-rikorrenti kienx is-suġġett ta’ teknika u jekk din ġietx implimentata skont il-Ktieb VIII tal-KSI. Is-setgħat mogħtija lil dan il‑kulleġġ ġudikanti sabiex jinvestiga t-talbiet jiżguraw l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju li huwa jwettaq. B’hekk, huwa għandu ġurisdizzjoni biex jinvestiga t-talbiet, jirrileva ex officio kwalunkwe illegalitajiet li jikkonstata u jordna lill-awtoritajiet sabiex jieħdu l-miżuri kollha utli sabiex jirrimedjaw l-illegalitajiet ikkonstatati. Barra minn hekk, hija l‑Kummissjoni Nazzjonali ta’ Stħarriġ ta’ Tekniki ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni li għandha tivverifika li t-tekniki ta’ ġbir ta’ informazzjoni huma implimentati, fit‑territorju nazzjonali, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-KSI. B’hekk, il-fatt li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma jipprevedux in-notifika lill-persuni kkonċernati ta’ miżuri ta’ sorveljanza applikati fil-konfront tagħhom ma jikkostitwixxix, fih innifsu, indħil eċċessiv fid-dritt ta’ rispett għall‑ħajja privata.

68      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kunsill tal-Istat iddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      L-obbligu ġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma, impost fuq il-fornituri abbażi tad-dispożizzjonijiet permissivi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58], għandu jitqies, f’kuntest ikkaratterizzat minn theddid gravi u persistenti għas-sigurtà nazzjonali, u b’mod partikolari mir-risku ta’ terroriżmu, bħala indħil iġġustifikat abbażi tad-dritt għas-siġurtà iggarantit fl‑Artikolu 6 tal-[Karta] u abbażi tar-rekwiżiti ta’ sigurtà nazzjonali li jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 4 [TUE]?

2)      Id-Direttiva [2002/58], moqrija fid-dawl tal-[Karta], għandha tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza miżuri leġiżlattivi, bħal miżuri ta’ ġbir f’ħin reali tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni ta’ individwi speċifiċi, li, filwaqt li jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ fornituri ta’ servizz ta’ telekomunikazzjonijiet elettroniċi, ma jimponulhomx, madankollu, obbligu speċifiku ta’ żamma tad-data tagħhom?

3)      Id-Direttiva [2002/58], moqrija fid-dawl tal-[Karta], għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tissuġġetta, f’kull każ, ir-regolarità tal‑proċeduri ta’ ġbir ta’ data ta’ konnessjoni għar-rekwiżit li l‑persuni kkonċernati jiġu informati meta tali informazzjoni ma tkunx iktar ta’ natura li tikkomprometti l-investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet kompetenti, jew inkella tali proċeduri jistgħu jitqiesu li huma regolari fid-dawl tal-garanziji proċedurali l‑oħra kollha li jeżistu, peress li dawn tal-aħħar jiggarantixxu l‑effettività ta’ dritt għal rimedju?”

 Il-Kawża C512/18

69      Permezz ta’ talba mressqa fl-1 ta’ Settembru 2015, French Data Network, La Quadrature du Net u l-Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs ippreżentaw quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) rikors għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li rriżultat minn nuqqas ta’ risposta mill-Prim Ministru għat-talba tagħhom għat‑tħassir tal-Artikolu R. 10-13 tal‑KPKE u tad-Digriet Nru 2011-219, minħabba li, b’mod partikolari, dawn it-testi kienu jiksru l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta. Privacy International u Center for Democracy and Technology ġew awtorizzati jintervjenu fil-kawża prinċipali.

70      Fir-rigward tal-Artikolu R. 10-13 tal-KPKE u tal-obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma ta’ data relatata mal-komunikazzjonijiet previst fih, il-qorti tar-rinviju, li tesprimi kunsiderazzjonijiet simili għal dawk mogħtija fil-kuntest tal-Kawża C‑511/18, tiġbed l-attenzjoni li tali żamma tippermetti li l-awtorità ġudizzjarja taċċessa d-data relatata mal‑komunikazzjonijiet li individwu jkun għamel qabel ma jkun issuspettat li wettaq reat kriminali, b’tali mod li din iż-żamma tkun ta’ utilità kbira għall-investigazzjoni, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

71      F’dak li jirrigwarda d-Digriet Nru 2011-219, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 6(II) tal-LFED, li jimponi obbligu ta’ żamma u ta’ konservazzjoni biss ta’ data relatata mal-ħolqien ta’ kontenut, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, sa fejn huwa limitat, skont l‑Artikolu 3(1) tiegħu, għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku fin-networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni fl-Unjoni, iżda fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/31.

72      Madankollu, dik il-qorti tqis li mill-Artikolu 15(1) u (2) tad‑Direttiva 2000/31 jirriżulta li din ma tistabbilixxix projbizzjoni fuq livell ta’ prinċipju għaż-żamma ta’ data relatata mal-ħolqien ta’ kontenut, li minnha jista’ jkun hemm deroga biss bis-saħħa ta’ eċċezzjoni. B’hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 12, 14 u 15 tal-imsemmija direttiva, moqrija fid‑dawl tal-Artikoli 6 sa 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li Stat Membru jistabbilixxi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 6(II) tal‑LFED, li timponi fuq il-persuni kkonċernati l-obbligu li jżommu d-data li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna li kkontribwixxiet għall-ħolqien tal-kontenut jew ta’ wieħed mill-kontenuti tas-servizzi li tagħhom huma l-fornituri, sabiex l-awtorità ġudizzjarja tkun tista’, jekk ikun il-każ, titlob li tingħatalha dik id-data bil-għan li tiżgura l-osservanza tar‑regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili jew kriminali.

73      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      L-obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata [obbligu ġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma], impost lill-fornituri fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet permissivi tal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva [2002/58], għandu jitqies, b’mod partikolari fid-dawl tal-garanziji u kontrolli sussegwentement inerenti fil‑ġabra u fl-użu ta’ din id-data ta’ konnessjoni, bħala indħil iġġustifikat mid-dritt għas-sigurtà ggarantit fl-Artikolu 6 tal-[Karta] u r-rekwiżiti tas‑sigurtà nazzjonali, li r-responsabbiltà għalihom taqa’ biss fuq l‑Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 4 [TUE]?

2)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2000/31], moqrija fid-dawl tal‑Artikoli 6, 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lill-persuni li l-attività tagħhom tikkonsisti fl-offerta ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jiżguraw, anki gratwitament, billi jqiegħdu servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online għad-dispożizzjoni tal‑pubbliku, il-ħażna ta’ sinjali, ta’ kitbiet, ta’ immaġini, ta’ ħsejjes jew ta’ messaġġi ta’ kull natura pprovduti minn destinatarji ta’ dawn is-servizzi, iż-żamma tad-data b’mod li jkun jista’ jiġi identifikat kull min ikkontribwixxa għall-ħolqien tal-kontenut jew ta’ wieħed mill-kontenuti tas-servizzi pprovduti minnhom, sabiex l-awtorità ġudizzjarja tkun tista’, jekk ikun il-każ, tirrikorri għall‑komunikazzjoni ta’ din id-data bil-għan li tiżgura l-osservanza tar-regoli relatati mar-responsabbiltà ċivili jew kriminali?”

 Il-Kawża C520/18

74      Permezz ta’ talbiet imressqa fl-10 ta’ Jannar, fis-16 ta’ Jannar, fis-17 ta’ Jannar u fit-18 ta’ Jannar 2017, magħquda fil-qafas tal-kawża prinċipali, l-Ordre des barreaux francophones et germanophone, l-Académie Fiscale ASBL u UA, il-Liga voor Mensenrechten ASBL u l-Ligue des Droits de l’Homme ASBL kif ukoll VZ, WY u XX ippreżentaw quddiem il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) rikors għall‑annullament tal-Liġi tad-29 ta’ Mejju 2016, minħabba li din tikser l‑Artikoli 10 u 11 tal-Kostituzzjoni Belġjana, moqrija flimkien mal‑Artikoli 5, 6 sa 11, 14, 15, 17 u 18 tal-KEDB, mal-Artikoli 7, 8, 11 u 47 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, mal-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan‑Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta’ Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 1976, mal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ awtodeterminazzjoni fil-qasam tal-informazzjoni u mal-Artikolu 5(4) tat‑TUE.

75      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu essenzjalment li l-illegalità tal-Liġi tad-29 ta’ Mejju 2016 ġejja b’mod partikolari mill-fatt li hija tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u ma tipprovdix garanziji ta’ protezzjoni suffiċjenti. B’mod partikolari, la d-dispożizzjonijiet tagħha dwar iż‑żamma tad-data u lanqas dawk li jirregolaw l-aċċess tal-awtoritajiet għad‑data miżmuma ma jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mis‑sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Digital Rights”, EU:C:2014:238), u mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970). Dawn id-dispożizzjonijiet iwasslu għar-riskju li jiġu stabbiliti profili ta’ personalità, bil-possibbiltà ta’ abbuż min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, u lanqas ma jipprovdu livell xieraq ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tad-data miżmuma. Finalment, din il-liġi tkopri persuni suġġetti għas-sigriet professjonali u persuni li għandhom obbligu ta’ kunfidenzjalità, u tikkonċerna data ta’ komunikazzjoni sensittiva, ta’ natura personali, mingħajr ma tinkludi garanziji speċjali għall-finijiet tal-protezzjoni ta’ din l-aħħar data.

76      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-data li għandha tinżamm mill-fornituri ta’ servizzi tat-telefonija, inkluż dawk bl-internet, ta’ aċċess għall-internet u ta’ posta elettronika bl-internet, u l-operaturi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bis-saħħa tal-Liġi tad-29 ta’ Mejju 2016, hija identika għal dik elenkata mid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż‑żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54), mingħajr ma hija prevista distinzjoni dwar il-persuni kkonċernati jew skont l-għan li għandu jintlaħaq. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, dik il-qorti tispjega li l-għan li għandu jintlaħaq mil‑leġiżlatur permezz ta’ din il-liġi ma huwiex biss il-ġlieda kontra t‑terroriżmu u l-pedopornografija iżda wkoll sabiex id‑data miżmuma tkun tista’ tintuża f’numru wiesa’ ta’ sitwazzjonijiet differenti fil-qafas tal-investigazzjoni kriminali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li mill-espożizzjoni tal-motivi tal-imsemmija liġi jirriżulta li l-leġiżlatur nazzjonali qies li kien impossibbli, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, li jiġi introdott obbligu mmirat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma, u li huwa għażel li japplika garanziji stretti mal-obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni, kemm mill-perspettiva tad-data miżmuma kif ukoll mill-perspettiva ta’ aċċess għaliha, sabiex jiġi limitat kemm jista’ jkun l-indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

77      Il-qorti tar-rinviju żżid li subparagrafi 1 u 2 tal-Artikolu 126(2) tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi tad-29 ta’ Mejju 2016, jistipulaw il-kundizzjonijiet li fihom, rispettivament, l‑awtoritajiet ġudizzjarji u s-servizzi ta’ ġbir ta’ informazzjoni u ta’ sigurtà jistgħu jiksbu l-aċċess għad-data miżmuma, b’tali mod li l-eżami tal‑legalità ta’ din il-liġi fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi sospiż sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjonijiet tagħha f’żewġ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, pendenti quddiemha, relatati ma’ tali aċċess.

78      Finalment, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Liġi tad-29 ta’ Mejju 2016 hija intiża sabiex tippermetti investigazzjoni kriminali effikaċi u sanzjonijiet effettivi f’każ ta’ abbużi sesswali fir-rigward ta’ minuri kif ukoll sabiex tkun possibbli l-identifikazzjoni tal-awtur ta’ tali reat, anki meta jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Waqt il-proċedura quddiemha, inġibdet l-attenzjoni fir-rigward tal-obbligi pożittivi li jirriżultaw mill‑Artikoli 3 u 8 tal-KEDB. Dawn l-obbligi jistgħu jirriżultaw ukoll minn dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Karta, li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58.

79      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58], meta moqri flimkien mad-dritt għas-sigurtà, iggarantit mill-Artikolu 6 tal-[Karta], u mad-dritt għall-osservanza tad-data personali, kif iggarantit mill‑Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tipprevedi obbligu ġenerali għall-operaturi u għall-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jżommu d-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva [2002/58], iġġenerata jew ipproċessata minnhom fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, liema leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex biss l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji bħala għan, iżda wkoll il-garanzija tas-sigurtà nazzjonali, tad‑difiża tat-territorju u tas-sigurtà pubblika, l-investigazzjoni, l‑iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati oħra minbarra dawk kriminali serji jew il-prevenzjoni ta’ użu pprojbit ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni elettronika, jew it-twettiq ta’ għan ieħor imsemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament [2016/679] u li, barra minn hekk, huwa suġġett għal garanziji ppreċiżati f’din il-leġiżlazzjoni mil-lat taż-żamma tad-data u tal-aċċess għaliha?

2)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58], flimkien mal-Artikoli 4, 7, 8, 11 u 52(1) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tipprevedi obbligu ġenerali għall-operaturi u għall-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jżommu d-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva [2002/58], iġġenerata jew ipproċessata minnhom fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, jekk din il-leġiżlazzjoni għandha, b’mod partikolari, l-għan li twettaq l-obbligi pożittivi li jaqgħu fuq l‑awtorità skont l-Artikoli 4 u [7] tal-Karta, li jikkonsistu milli din tipprevedi qafas legali li jippermetti investigazzjoni kriminali effettiva u repressjoni effettiva tal-abbuż sesswali tal-minuri u li effettivament jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna responsabbli għar-reat, anki meta jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika?

3)      Jekk, abbażi tar-risposti mogħtija għall-ewwel jew għat-tieni domanda preliminari, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkonkludi li l-liġi attakkata [ikkontestata] ma jirnexxiliex twettaq xi obbligu jew diversi obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dawn id-domandi, tista’ din temporanjament iżżomm l-effetti tal-liġi [tad-29 ta’ Mejju 2016] sabiex tiġi evitata l-inċertezza ġuridika u sabiex ikun permess li d‑data miġbura u miżmuma preċedentement tkun tista’ terġa’ tiġi użata għall-għanijiet imsemmija fil-liġi?”

 Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

80      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2018, il-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18 ġew magħquda għall‑finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas‑sentenza. Il-Kawża C‑520/18 ġiet magħquda ma’ dawn il-kawżi b’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2020 għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domandi fil-Kawżi C511/18 u C512/18 u fuq l-ewwel u ttieni domanda fil-Kawża C520/18

81      Permezz tal-ewwel domandi fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18 u permezz tal-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑520/18, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għal finijiet previsti f’dan l‑Artikolu 15(1), obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni.

 Osservazzjonijiet preliminari

82      Mill-proċessi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkopru l-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kollha u jinkludu l-utenti kollha ta’ dawn il-mezzi, mingħajr ma ssir distinzjoni jew eċċezzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, id-data li ż-żamma tagħha hija imposta minn dawn il-leġiżlazzjonijiet fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi hija, b’mod partikolari, dik li hija neċessarja sabiex jinstab is-sors ta’ komunikazzjoni u d‑destinazzjoni tagħha, jiġu stabbiliti d-data, il-ħin, it-tul u t-tip tal‑komunikazzjoni, jiġi identifikat il-materjal tal- komunikazzjoni użata kif ukoll jiġi llokalizzat it-tagħmir terminali u l-komunikazzjonijiet, id-data li tinkludi, fost l-oħrajn, l-isem u l-indirizz tal-utent, in-numri tat-telefon ta’ min jagħmel it-telefonata u ta’ min jirċievi t-telefonata u l-indirizz IP għas-servizzi tal-internet. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija data ma tkoprix il-kontenut tal-komunikazzjonijiet ikkonċernati.

83      B’hekk, id-data li għandha, bis-saħħa tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tinżamm għal sena tippermetti, b’mod partikolari, li jkun magħruf min hija l-persuna li magħha l-utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika kkomunika u b’liema mezz seħħet din il‑komunikazzjoni, li jiġu stabbiliti d-data, il-ħin u t-tul tal‑komunikazzjonijiet u tal-konnessjonijiet mal-internet kif ukoll il-post li minnu dawn seħħew, u li tkun magħrufa l-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali anki jekk il-komunikazzjoni ma tkunx neċessarjament saret. Barra minn hekk, hija toffri l-possibbiltà li tiġi stabbilita l-frekwenza tal‑komunikazzjonijiet tal-utent ma’ ċerti persuni matul perijodu partikolari. Finalment, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, jidher li din, inkwantu tkopri wkoll id-data relatata mat-trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tan-networks, tippermetti wkoll li tiġi identifikata n-natura tal‑informazzjoni kkonsultata online.

84      Fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu, għandu jiġi rrilevat li l‑leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18 ikopru, fost għanijiet oħra, l-investigazzjoni, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali, l-indipendenza nazzjonali, l-integrità tat‑territorju u d-difiża nazzjonali, l-interessi prinċipali tal-politika barranija, l-eżekuzzjoni ta’ obbligi Ewropej u internazzjonali ta’ Franza, l-interessi ekonomiċi, industrijali u xjentifiċi prinċipali ta’ Franza, u l‑prevenzjoni tat-terroriżmu, attentati kontra n-natura repubblikana tal‑istituzzjonijiet u vjolenzi kollettivi li jistgħu jippreġudikaw b’mod serju l-paċi pubblika. Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-Kawża C‑520/18, din għandha bħala għanijiet, fost oħrajn, l-investigazzjoni, l‑iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ ksur kriminali kif ukoll is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża tat-territorju u tas-sigurtà pubblika.

85      Il-qrati tar-rinviju jistaqsu, b’mod partikolari, dwar l-effetti eventwali, fir‑rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, tad-dritt għas-sigurtà sanċit fl-Artikolu 6 tal-Karta. Bl-istess mod, huma jistaqsu jekk l-indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl‑Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta miż-żamma ta’ data prevista mil‑leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax, fid-dawl tal‑eżistenza ta’ regoli li jillimitaw l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma, jitqies bħala ġġustifikat. Barra minn hekk, skont il‑Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), peress li din id-domanda tqajmet f’kuntest ikkaratterizzat minn theddid serju u persistenti għas‑sigurtà nazzjonali, hija għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tal‑Artikolu 4(2) TUE. Min-naħa tagħha, il-Cour constitutionnelle (il‑Qorti Kostituzzjonali) tenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-Kawża C‑520/18 timplimenta wkoll obbligi pożittivi li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 7 tal-Karta, li jikkonsistu fil-previżjoni ta’ qafas legali li jippermetti l‑prevenzjoni effettiva tal-abbuż sesswali tal-minuri.

86      Filwaqt li kemm il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) kif ukoll il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) jitilqu mill-premessa li l‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirregolaw iż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni kif ukoll l-aċċess għal din id-data mill-awtoritajiet nazzjonali għal finijiet previsti fl‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, bħas-salvagwardja tas‑sigurtà nazzjonali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, xi partijiet fil-kawża prinċipali u xi Stati Membri li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal‑Ġustizzja jesprimu opinjoni diverġenti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, qabelxejn, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija leġiżlazzjonijiet jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva.

 Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58

87      La Quadrature du Net, il-Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, Igwan.net, Privacy International u Center for Democracy and Technology jargumentaw essenzjalment, filwaqt li jirreferu f’dan ir‑rigward għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, li kemm iż-żamma tad-data kif ukoll l-aċċess għad-data miżmuma jaqgħu f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni kemm jekk dan l-aċċess ikun seħħ f’ħin mhux reali kif ukoll jekk seħħ f’ħin reali. Fil‑fatt, peress li l-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali huwa espressament imsemmi fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, il-proċess sabiex jintlaħaq dan il-għan ma jrendix l-imsemmija direttiva inapplikabbli. L-Artikolu 4(2) TUE, imsemmi mill-qrati tar-rinviju, ma jaffettwax din l-evalwazzjoni.

88      Fir-rigward tal-miżuri ta’ ġbir ta’ informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jimplimentaw b’mod dirett mingħajr ma jirregolaw l-attività tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi billi jimponulhom obbligi speċifiċi, Center for Democracy and Technology josserva li dawn il-miżuri neċessarjament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 u f’dak tal-Karta, peress li jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità ggarantit mill‑Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. L-imsemmija miżuri għalhekk għandhom josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 15(1) tagħha.

89      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż, dak Ċek u dak Estonjan, l-Irlanda, il‑Gvern Ċiprijott, dak Ungeriż, dak Pollakk, dak Svediż u dak tar-Renju Unit isostnu, essenzjalment, li d-Direttiva 2002/58 ma tapplikax għal leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn l-għan tagħhom huwa s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali. L-attivitajiet tas-servizzi ta’ ġbir ta’ informazzjoni, inkwantu huma relatati maż-żamma tal-ordni pubbliku u mas-salvagwardja tas-sigurtà interna u tal-integrità territorjali, huma parti mill-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri u, għalhekk, jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħhom, kif jidher b’mod partikolari mit-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE.

90      Dawn il-Gvernijiet kif ukoll l-Irlanda jirreferu b’mod partikolari għall‑Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58, li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-istess bħalma kien diġà jipprevedi l-ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, l-attivitajiet li jirrigwardaw is‑sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà tal-Istat. Huma jibbażaw ruħhom f’dan ir-rigward fuq l-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li tinsab fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346).

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddikjarat li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id‑Direttiva 2002/58 tipprevedi, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarja sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità, f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi.

92      L-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-“attivitajiet ta’ l-Istat” fl-oqsma li huma msemmija fih, fosthom l‑attivitajiet tal-Istat fil-qasam kriminali u fl-oqsma li jikkonċernaw is‑sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà tal-Istat, inkluż il-prosperità ekonomika tal-Istat meta jkunu involuti attivitajiet marbuta mas-sigurtà tal-Istat. L-attivitajiet imsemmija bħala eżempji huma, f’kull każ, attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati jew għall-awtoritajiet statali, li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-individwi (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 32 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

93      Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58 jistipula li din id‑direttiva tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal‑provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku fin-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fl‑Unjoni, inkluż in-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi responsabbli mill-apparat ta’ ġbir ta’ data u ta’ identifikazzjoni (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”). Għalhekk, l‑imsemmija direttiva għandha titqies bħala li tirregola l-attivitajiet tal‑fornituri ta’ tali servizzi (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jawtorizza lill‑Istati Membri jadottaw, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnu, “miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad‑drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l‑Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva” (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 71).

95      Issa, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippreżumi neċessarjament li l-miżuri nazzjonali msemmija fiha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmija direttiva, peress li din tal-aħħar tawtorizza espliċitament lill-Istati Membri sabiex jadottawhom biss b’osservanza tal‑kundizzjonijiet previsti minnha. Barra minn hekk, tali miżuri jirregolaw, għall-finijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni, l-attività tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Kien b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, mhux biss miżura leġiżlattiva li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il‑lokalizzazzjoni, iżda wkoll miżura leġiżlattiva li tobbligahom jagħtu l‑aċċess għal din id-data lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, tali miżuri leġiżlattivi jimplikaw neċessarjament ipproċessar, minn dawn il‑fornituri, tal-imsemmija data u ma jistgħux, peress li jirregolaw l‑attivitajiet ta’ dawn l-istess fornituri, jiġu assimilati ma’ attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati, imsemmija fl‑Artikolu 1(3) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punti 35 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Barra minn hekk, fid-dawl tal-premessi li jinsabu fil-punt 95 ta’ din is‑sentenza u tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2002/58, interpretazzjoni ta’ din id-direttiva li tgħid li l-miżuri leġiżlattivi msemmija fl‑Artikolu 15(1) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmija direttiva minħabba l-fatt li l-għanijiet li tali miżuri għandhom jissodisfaw jikkoinċidu sostanzjalment mal-għanijiet imfittxija mill-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1(3) tal-istess direttiva ċċaħħad lil dan l-Artikolu 15(1) minn kull effett utli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 72 u 73).

98      Il-kunċett ta’ “attivitajiet” li jinsab fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 ma għandux għalhekk, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil‑punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda La Quadrature du Net et (C‑511/18 u C‑512/18, EU:C:2020:6), jiġi interpretat bħala li jkopri l-miżuri leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva.

99      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) TUE, li għalihom irreferew il‑Gvernijiet imsemmija fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, ma għandhomx jinvalidaw din il-konklużjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, minkejja li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali tagħhom ta’ sigurtà u jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali ttieħdet għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat nazzjonali ma jistax jimplika l-inapplikabbiltà tad-dritt tal‑Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri milli jirrispettaw dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 38; tal-20 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat), C‑187/16, EU:C:2018:194, punti 75 u 76; u tat-2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punti 143 u 170).

100    Huwa veru li, fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punti 56 sa 59), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferiment ta’ data personali minn kumpanniji tal-ajru lil awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat terz għall-finijiet tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u ta’ reati oħra serji ma jaqax, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li dan it-trasferiment isir f’kuntest stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi u intiż għas-sigurtà pubblika.

101    Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 93, 95 u 96 ta’ din is-sentenza, din il-ġurisprudenza ma hijiex trasponibbli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 70 sa 72 tal‑konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda La Quadrature du Net et (C‑511/18 u C‑512/18, EU:C:2020:6), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, li għalih tirreferi din il-ġurisprudenza, jeskludi mill‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva, b’mod ġenerali, l‑“ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat”, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont l-awtur tal-ipproċessar tad-data kkonċernat. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad‑Direttiva 2002/58, tali distinzjoni ssir neċessarja. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 94 sa 97 ta’ din is-sentenza, l-ipproċessar kollu ta’ data personali li jsir mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, inkluż l-ipproċessar li jirriżulta mill-obbligi imposti fuqhom mill‑awtoritajiet pubbliċi, minkejja li dan l-ipproċessar jista’, jekk ikun il-każ, jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, fid-dawl tal-formulazzjoni iktar wiesgħa ta’ din id‑dispożizzjoni, dwar l-ipproċessar kollu, irrispettivament mill-awtur tiegħu, li għandu bħala għan is-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà tal-Istat.

102    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 95/46 inkwistjoni fil‑kawża li wasslet għas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346), ġiet, bis-saħħa tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2016/679, imħassra u ssostitwita bih, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018. Issa, għalkemm l-imsemmi regolament jispjega, fl-Artikolu 2(2)(d) tiegħu, li ma japplikax għall-ipproċessar imwettaq “mill-awtoritajiet kompetenti” għal finijiet, b’mod partikolari, ta’ prevenzjoni u ta’ skoperta ta’ reati kriminali, inkluż il-protezzjoni kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ tali theddid, mill‑Artikolu 23(1)(d) u (h) tal-istess regolament jirriżulta li l‑ipproċessar ta’ data personali għal dawn l-istess raġunijiet minn individwi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni preċedenti tal-Artikolu 1(3), tal‑Artikolu 3 u tal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58 hija koerenti mad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/679 li din id-direttiva tikkompleta u tippreċiża.

103    Min-naħa l-oħra, meta l-Istati Membri jimplimentaw b’mod dirett miżuri li jidderogaw mill-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma jimponu obbligi ta’ pproċessar fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ tali komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data tal-persuni kkonċernati ma taqax taħt id-Direttiva 2002/58, iżda biss taħt id-dritt nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il‑protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l‑investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l‑eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6), b’tali mod li l-miżuri inkwistjoni għandhom josservaw b’mod partikolari d-dritt nazzjonali fil‑livell kostituzzjonali u r-rekwiżiti tal-KEDB.

104    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58

105    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il‑kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti u, b’mod partikolari, l-oriġini ta’ din il‑leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44).

106    Id-Direttiva 2002/58 għandha l-għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 6 u 7 tagħha, li tipproteġi lill-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kontra r-riskji għad-data personali tagħhom u għall-ħajja privata tagħhom li jirriżultaw minn teknoloġiji ġodda u, b’mod partikolari, mill-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna u l‑ipproċessar awtomatizzati ta’ data. B’mod partikolari, l-imsemmija direttiva hija intiża, kif tistipula l-premessa 2 tagħha, sabiex tiżgura r‑rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. F’dan ir‑rigward, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi (COM (2000) 385 final), li wasslet għad-Direttiva 2002/58, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l‑intenzjoni li “jiżgura li livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali u tal-ħajja privata jibqa’ ggarantit fir-rigward tas-servizzi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, irrispettivament mit-teknoloġija użata”.

107    Għal dan il-għan, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi l‑prinċipju ta’ kunfidenzjalità kemm tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom u jimplika, b’mod partikolari, il-projbizzjoni applikabbli, bħala regola, għal kwalunkwe persuna oħra, minbarra l-utenti, li taħżen, mingħajr il-kunsens tagħhom, dawn il-komunikazzjonijiet u din id-data.

108    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ipproċessar u l-ħażna tad-data dwar it‑traffiku mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mill-Artikolu 6 u mill-premessi 22 u 26 tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li tali pproċessar huwa awtorizzat biss sa fejn meħtieġ u għall-perijodu meħtieġ għall-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi, għall-ħruġ ta’ fattura fir-rigward tagħhom u għall-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud. Ladarba jintemm dan il-perijodu, id-data li tkun ġiet ipproċessata u maħżuna għandha titħassar jew tiġi anonimizzata. Fir-rigward tad-data dwar il‑lokalizzazzjoni li ma tkunx data dwar it-traffiku, l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li din id-data tista’ tiġi pproċessata biss taħt ċerti kundizzjonijiet u wara li tkun anonimizzata jew wara li jkun inkiseb il-kunsens tal-utenti jew tal-abbonati (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    B’hekk, bl-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonkretizza d-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, b’tali mod li l-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom id-dritt li jippretendu, bħala regola, li l-komunikazzjonijiet tagħhom u d-data relatata magħhom jibqgħu, fin-nuqqas tal-kunsens tagħhom, anonimi u li ma jkunux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni.

110    Madankollu, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju, stipulat fl‑Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità ta’ data personali u għall-obbligi korrispondenti, imsemmija b’mod partikolari fl‑Artikoli 6 u 9 tal-imsemmija direttiva, meta tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata, fi ħdan soċjetà demokratika, għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s‑sigurtà pubblika, jew sabiex tiġi żgurata l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l‑iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għal dan il‑għan, l-Istati Membri jistgħu, fost l-oħrajn, jadottaw miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma ta’ data għal perijodu limitat meta dan ikun iġġustifikat minn wieħed minn dawn il-motivi.

111    Dan espost, il-possibbiltà ta’ deroga għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 ma tistax tiġġustifika li d‑deroga mill-obbligu fuq livell ta’ prinċipju li tiġi żgurata l‑kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data relatata magħhom u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, espliċitament prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, issir ir-regola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 89 u 104).

112    Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad‑Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-lista tal‑għanijiet li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din id‑direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, b’tali mod li miżura leġiżlattiva adottata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandha effettivament u strettament tissodisfa wieħed minn dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Barra minn hekk, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jadottaw miżuri leġiżlattivi li jillimitaw il-portata tad-drittijiet u tal‑obbligi msemmija fl-Artikoli 5, 6 u 9 ta’ din id-direttiva ħlief jekk jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu impost minn Stat Membru fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jżommu d-data dwar it-traffiku bil-għan li, jekk ikun il-każ, jingħata aċċess għaliha lill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqajjem kwistjonijiet dwar l‑osservanza mhux biss tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, relatati, rispettivament mal-protezzjoni tal-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali, iżda wkoll dwar dik tal-Artikolu 11 tal-Karta, dwar il-libertà ta’ espressjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 25 u 70, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 91 u 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    B’hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza kemm tad-dritt għar‑rispett tal-ħajja privata, iggarantit bl-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantit bl-Artikolu 8 tagħha, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li huwa dritt fundamentali, iggarantit bl-Artikolu 11 tal-Karta, li jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika u huwa parti mill-valuri li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 39, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    F’dan ir-rigward, għandu jiġi spjegat li ż-żamma ta’ data dwar it‑traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tikkostitwixxi, fiha nnifisha, minn naħa waħda, deroga mill-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2002/58, applikabbli għal kwalunkwe persuna oħra, għajr l‑utenti, li taħżen din id-data u, min-naħa l-oħra, indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, sanċiti bl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jew jekk il-persuni kkonċernati jkunux sofrew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 124 u 126 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 8 tal-KEDB, il-Qorti EDB, 30 ta’ Jannar 2020, Breyer vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2020:0130JUD005000112, punt 81).

116    Huwa wkoll irrilevanti jekk id-data miżmuma tkunx intużat jew le sussegwentement (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 8 tal‑KEDB, il-Qorti EDB, 16 ta’ Frar 2000, Amann vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2000:0216JUD002779895, punt 69, kif ukoll tat-13 ta’ Frar 2020, Trjakovski u Chipovski vs Il-Maċedonja ta’ Fuq, CE:ECHR:2020:0213JUD005320513, punt 51), peress li l-aċċess għal tali data jikkostitwixxi, ikun xi jkun l-użu li jsir minnha sussegwentement, indħil ċar fid-drittijiet fundamentali msemmija fil‑punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 124 u 126).

117    Din il-konklużjoni tidher iktar u iktar iġġustifikata peress li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni jistgħu jiżvelaw informazzjoni dwar numru sinjifikattiv ta’ aspetti tal-ħajja privata tal‑persuni kkonċernati, inkluż informazzjoni sensittiva bħall‑orjentazzjoni sesswali, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż, filosofiku, soċjali u oħrajn kif ukoll l-istat tas-saħħa, filwaqt li tali data tgawdi, fuq kollox, protezzjoni partikolari fid-dritt tal-Unjoni. Meħuda flimkien, tali data tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma l-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ soġġorn permanenti jew temporanji, il-vjaġġi ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom. B’mod partikolari, din id-data tipprovdi l-mezzi sabiex jiġi stabbilit il-profil tal-persuni kkonċernati, informazzjoni li hija daqstant ieħor sensittiva, fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata bħalma huwa l-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 27, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 99).

118    Għalhekk, minn naħa waħda, iż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni għal finijiet ta’ investigazzjoni tista’, fiha nnifisha, tikkawża preġudizzju għad-dritt tar-rispett tal‑komunikazzjonijiet, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u ġġib magħha effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju, mill-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-libertà tal-espressjoni tagħhom, iggarantita fl-Artikolu 11 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 28, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C 698/15, EU:C:2016:970, punt 101). Issa, tali effetti dissważivi jistgħu jaffettwaw b’mod partikolari l-persuni li l-komunikazzjonijiet tagħhom huma suġġetti, skont ir-regoli nazzjonali, għas-sigriet professjonali u lill‑informaturi li l-attivitajiet tagħhom huma protetti mid‑Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17). Barra minn hekk, dawn l-effetti jkunu iktar serji iktar ma jkunu għolja n-numru u l-varjetà ta’ data miżmuma.

119    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kwantità sinjifikattiva ta’ data dwar it‑traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tista’ tinżamm b’mod kontinwu permezz ta’ miżura ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni kif ukoll tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li din id-data tista’ tagħti, is-sempliċi żamma tal-imsemmija data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tinvolvi riskji ta’ abbuż u ta’ aċċess illeċitu.

120    Minkejja dan, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu d-derogi msemmija fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58 jirrifletti l-fatt li d-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta ma jidhirx li huma prerogattivi assoluti iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn il‑limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d‑drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

122    B’hekk, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 fid‑dawl tal-Karta għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-importanza tad‑drittijiet sanċiti fl-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tal-Karta u tal-għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja fil-kontribut għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn.

123    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tal-Karta, li għalih jirreferu l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) u l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali), jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna mhux biss għal‑libertà iżda wkoll għas-sigurtà u jiggarantixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti bl-Artikolu 5 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47; tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ, C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 48; kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet li jinsabu f’dan l‑artikolu u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, u dan mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, għall‑interpretazzjoni tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet korrispondenti tal-KEDB, bħala limitu ta’ protezzjoni minima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2019, TC, C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 57, u tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Fir-rigward tal-Artikolu 5 tal-KEDB, li jistabbilixxi d-“dritt għal‑libertà” u d-“dritt għas-sigurtà”, dan huwa intiż, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex jipproteġi lill-individwu minn kull ċaħda ta’ libertà arbitrarja jew mhux iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 18 ta’ Marzu 2008, Ladent vs Il-Polonja, CE:ECHR:2008:0318JUD001103603, punti 45 u 46; 29 ta’ Marzu 2010, Medvedyev et vs Franza, CE:ECHR:2010:0329JUD000339403, punti 76 u 77; kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2012, El-Masri vs “The Former Yugoslav Republic of Macedonia”, CE:ECHR:2012:1213JUD003963009, punt 239). Madankollu, sa fejn din id-dispożizzjoni tkopri ċaħda ta’ libertà mwettqa minn awtorità pubblika, l-Artikolu 6 tal-Karta ma għandux jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu fuq l-awtoritajiet pubbliċi li jadottaw miżuri speċifiċi sabiex jissanzjonaw ċertu ksur kriminali.

126    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-ġlieda effettiva kontra r-reati kriminali kommessi kontra, b’mod partikolari, minuri u persuni oħra vulnerabbli, imsemmija mill-Qorti Kostituzzjonali, għandu jiġi enfasizzat li mill-Artikolu 7 tal-Karta jistgħu jirriżultaw obbligi pożittivi tal-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jadottaw miżuri ġuridiċi intiżi li jipproteġu l-ħajja privata u tal-familja (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 123 u l‑ġurisprudenza ċċitata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem). Obbligi simili jistgħu jirriżultaw ukoll mill-imsemmi Artikolu 7 fir‑rigward tal-protezzjoni tad-domiċilju u tal-komunikazzjonijiet, u mill‑Artikoli 3 u 4 fir-rigward tal-protezzjoni tal-integrità fiżika u mentali tal-persuni u l-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattamenti inumani u degradanti.

127    Huwa fl-isfond ta’ dawn l-obbligi pożittivi differenti li għandu jinstab il‑bilanċ meħtieġ bejn l-interessi u d-drittijiet differenti inkwistjoni.

128    Fil-fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-obbligi pożittivi li jirriżultaw mill-Artikoli 3 u 8 tal-KEDB, li l-garanziji korrispondenti tagħhom jinsabu fl-Artikoli 4 u 7 tal-Karta, jimplikaw, b’mod partikolari, l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali u miżuri prattiċi li jippermettu azzjoni effettiva kontra reati mwettqa kontra persuni permezz ta’ investigazzjoni u prosekuzzjonijiet effettivi, fejn dan l-obbligu huwa iktar u iktar sinjifikattiv meta l-benesseri fiżiku u mentali ta’ minuri jkun mhedded. Minkejja dan, il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti għandhom josservaw kompletament il-proċeduri legali u l-garanziji l-oħra li jillimitaw il‑portata tas-setgħat ta’ investigazzjonijiet kriminali u l-libertajiet u d‑drittijiet l-oħra. B’mod partikolari, skont dik il-qorti, għandu jiġi stabbilit qafas legali li jippermetti li jinstab bilanċ bejn l-interessi u d‑drittijiet differenti li għandhom jiġu protetti (Qorti EDB, 28 ta’ Ottubru 1998, Osman vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:1998:1028JUD002345294, punti 115 u 116; 4 ta’ Marzu 2004, M.C. vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2003:1204JUD003927298, punt 151; 24 ta’ Ġunju 2004, Von Hannover vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2004:0624JUD005932000, punti 57 u 58; u tat-2 ta’ Diċembru 2008, K.U. vs Il-Finlandja, CE:ECHR:2008:1202JUD000287202, punti 46, 48 u 49).

129    F’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l‑ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tistipula li l‑Istati Membri jistgħu jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u ta’ data dwar it-traffiku relatata magħhom meta tali miżura tkun “neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika”, fid-dawl tal-għanijiet li din id-dispożizzjoni tistipula. Il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tispjega li miżura ta’ dan it-tip għandha tkun “strettament” proporzjonali mal-għan li għandu jintlaħaq.

130    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tirrikjedi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l‑limitazzjonijiet għaliha għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa għandu jkun irrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill‑miżura, u dan billi jinstab bilanċ bejn, minn naħa waħda, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l‑oħra, id-drittijiet inkwistjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 56; tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 76, 77 u 86; tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 52; u l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 140).

131    B’mod iktar partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw limitazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 għandha tkun evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni ġġib magħha u billi jiġi vverifikat li l‑importanza tal-għan ġenerali li għandu jintlaħaq minn din il‑limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, leġiżlazzjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti, b’tali mod li l‑persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li din id-data tiġi protetta b’mod effettiv kontra r‑riskji ta’ abbuż. Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern u, b’mod partikolari, hija għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. In-neċessità li jkun hemm tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat, b’mod partikolari meta jkun hemm riskju sinjifikattiv ta’ aċċess illeċitu għal din id-data. Dawn il‑kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari meta tkun involuta l‑protezzjoni tal-kategorija partikolari ta’ data personali li hija d-data sensittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 54 u 55, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 117; u l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 141).

133    B’hekk, leġiżlazzjoni li tipprevedi żamma ta’ data personali għandha dejjem tissodisfa kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu rabta bejn id-data personali li għandha tinżamm u l-għan li għandu jintlaħaq (ara, f’dan is‑sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 191 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s‑sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, A et, C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 63).

–       Fuq il-miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma preventiva taddata dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali

134    Għandu jiġi osservat li l-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, imsemmi mill-qrati tar-rinviju u mill-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, għadu ma ġiex speċifikament eżaminat mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenzi tagħha li jinterpretaw id-Direttiva 2002/58.

135    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Artikolu 4(2) TUE jistipula li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ kull Stat Membru. Din ir-responsabbiltà tikkorrispondi mal-interess primordjali ta’ protezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà u tinkludi l-prevenzjoni u r-ripressjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l‑Istat bħala tali, bħal b’mod partikolari attivitajiet terroristiċi.

136    Issa, l-importanza tal-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE, tmur lil hinn minn dik tal-għanijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’mod partikolari l‑għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, anki dik serja, u ta’ salvagwardja tas-sigurtà pubblika. Fil-fatt, theddidiet bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti huma differenti, min-natura tagħhom u mill-gravità partikolari tagħhom, mir-riskju ġenerali li jista’ jkun hemm tensjoni jew inkwiet, anki serji, li jaffettwaw is-sigurtà pubblika. Sakemm jiġu osservati r-rekwiżiti l-oħra previsti fl‑Artikolu 52(1) tal-Karta, l-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jista’ għalhekk jiġġustifika miżuri li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali iktar serju minn dak li jistgħu jiġġustifikaw dawk l-għanijiet l-oħra.

137    B’hekk, f’sitwazzjonijiet bħal dawk deskritti fil-punti 135 u 136 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal‑Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix, bħala regola, miżura leġiżlattiva li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jitolbu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jipproċedu biż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni tal-utenti kollha tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi matul perijodu limitat, meta jkun hemm ċirkustanzi suffiċjentement konkreti li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Istat Membru kkonċernat huwa affaċċjat b’theddida serja bħal dik imsemmija fil‑punti 135 u 136 ta’ din is-sentenza għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli. Anki jekk tali miżura tkopri, mingħajr distinzjoni, l-utenti kollha ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr ma dawn ikunu jidhru li għandhom rabta, mal-ewwel daqqa ta’ għajn u fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 133 ta’ din is‑sentenza, ma’ theddida għas-sigurtà nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, hemm lok, madankollu li jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ tali theddida hija ta’ natura, minnha nnifisha, li tistabbilixxi din ir-rabta.

138    L-ordni li tistipula ż-żamma preventiva ta’ data tal-utenti kollha tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandha, madankollu, tkun limitata ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju. Anki jekk ma jistax jiġi eskluż li l-ordni mogħtija lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu biż-żamma tad-data tista’, minħabba li tali theddida tkompli tippersisti, tiġġedded, il-perijodu ta’ kull ordni ma għandux jaqbeż perijodu ta’ żmien prevedibbli. Barra minn hekk, tali żamma ta’ data għandha tkun suġġetta għal limitazzjonijiet u għandha tkun akkumpanjata minn garanziji stretti li jippermettu li data personali tal-persuni kkonċernati tiġi protetta b’mod effettiv kontra r‑riskji ta’ abbuż. B’hekk, din iż-żamma ma għandhiex tkun waħda sistematika.

139    Fir-rigward tal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl‑Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta minn tali miżura ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data, għandu jiġi żgurat li l-użu tagħha jiġi effettivament limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom teżisti theddida gravi għas-sigurtà nazzjonali, bħal dawk imsemmija fil‑punti 135 u 136 ta’ din is-sentenza. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li deċiżjoni li tordna lill‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jipproċedu għal tali żamma ta’ data tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, intiż sabiex tiġi vverifikata l‑eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet u l-osservanza tal‑kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti.

–       Fuq il-miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma preventiva taddata dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u s-salvagwardja tas-sigurtà pubblika

140    Fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika li jistgħu jiġġustifikaw indħil serju fid‑drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, bħal dak li timplika ż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni. Għalhekk, huwa biss indħil fl-imsemmija drittijiet fundamentali li ma jkunx serju li jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 102; tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punti 56 u 57; u l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 149).

141    Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, minħabba l-ġlieda kontra l-kriminalità serja, tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u ma tistax titqies li hija ġġustifikata f’soċjetà demokratika kif jeżiġi l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 107).

142    Fil-fatt, fid-dawl tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li d-data dwar it‑traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni tista’ tagħti, il-kunfidenzjalità ta’ din id-data hija essenzjali għad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata. B’hekk, u wara li jiġu kkunsidrati, minn naħa waħda, effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 11 tal‑Karta, imsemmija fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, li jistgħu jirriżultaw miż-żamma ta’ din id-data u, min-naħa l-oħra, il-gravità tal-indħil li tinvolvi tali żamma, huwa neċessarju, f’soċjetà demokratika, li ż‑żamma tkun, kif tipprevedi s-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/58, l‑eċċezzjoni u mhux ir-regola u li din id-data ma tistax tinżamm b’mod sistematiku u kontinwu. Din il-konklużjoni tapplika wkoll fir-rigward tal-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika kif ukoll tal-importanza li għandhom jingħataw.

143    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li leġiżlazzjoni li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it‑traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tkopri l-komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ kważi l-popolazzjoni kollha, mingħajr distinzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni skont l-għan li għandu jintlaħaq. Tali leġiżlazzjoni, kuntrarjament għar-rekwiżit imfakkar fil‑punt 133 ta’ din is-sentenza, tikkonċerna b’mod globali l-persuni kollha li jużaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, anki jekk il-persuni li d-data tagħhom tinżamm ma jkunux, anki indirettament, f’sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal proċeduri kriminali. Għaldaqstant hija tapplika anki għal persuni li fil-konfront tagħhom ma teżisti ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li l-aġir tagħhom jista’ jkollu rabta, anki indiretta jew remota, mal-għan tal-ġlieda kontra atti ta’ kriminalità serji u, b’mod partikolari, mingħajr ma jkun hemm relazzjoni bejn id-data li ż-żamma tagħha hija prevista u theddida għas‑sigurtà pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 57 u 58, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 105).

144    B’mod partikolari, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, tali leġiżlazzjoni ma hijiex limitata għaż-żamma li tikkonċerna kemm data relatata ma’ perijodu fiż-żmien u/jew żona ġeografika u/jew ċirku ta’ persuni li jistgħu b’xi mod jew ieħor ikunu involuti f’reat serju, jew tikkonċerna persuni li jistgħu, għal raġunijiet oħra, jikkontribwixxu, biż‑żamma tad-data tagħhom, għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 59, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 106).

145    Issa, lanqas l-obbligi pożittivi tal-Istati Membri li jistgħu jirriżultaw, skont il‑każ, mill-Artikoli 3, 4 u 7 tal-Karta u li jirrigwardaw, kif ġie rrilevat fil‑punti 126 u 128 ta’ din is-sentenza, l-introduzzjoni ta’ regoli li jiffaċilitaw il-ġlieda effettiva kontra r-reati kriminali, ma għandu jkollhom l-effett li jiġġustifikaw indħil serju, daqs dak li jirriżulta minn leġiżlazzjoni li tipprevedi żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni, fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl‑Artikoli 7 u 8 tal-Karta ta’ kważi l-popolazzjoni kollha mingħajr ma jkun hemm rabta, mill-inqas b’mod indirett, bejn id-data tal-persuni kkonċernati u l-għan li għandu jintlaħaq.

146    Min-naħa l-oħra, skont dak li ġie rrilevat fil-punti 142 sa 144 ta’ din is‑sentenza, u fid-dawl tal-bilanċ li għandu jinstab bejn id‑drittijiet u l-interessi inkwistjoni, l-għanijiet tal-ġlieda kontra l‑kriminalità serja, ta’ prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika u, a fortiori, ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jistgħu jiġġustifikaw, minħabba l-importanza tagħhom, fid-dawl tal-obbligi pożittivi mfakkra fil-punt preċedenti u li għalihom irreferiet il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali), l-indħil partikolarment serju li jirriżulta miż-żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni.

147    B’hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tippermetti, b’mod preventiv, iż-żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s‑sigurtà pubblika, kif ukoll għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, bil-kundizzjoni li tali żamma tkun, fir-rigward tal-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni koperti, tal‑persuni kkonċernati kif ukoll tal-perijodu taż-żamma, limitata għal dak li jkun strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 108).

148    Fir-rigward tad-definizzjoni tal-limiti li għandu jkollha tali miżura ta’ żamma ta’ data, hija tista’, b’mod partikolari, tkun stabbilita skont il‑kategoriji tal-persuni kkonċernati, peress li l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni bbażata fuq elementi oġġettivi, li jippermettu li jiġu koperti persuni li d-data dwar it-traffiku tagħhom u d-data dwar il-lokalizzazzjoni tagħhom tista’ tiżvela rabta, mill-inqas indiretta, ma’ atti ta’ kriminalità gravi, tista’ tikkontribwixxi b’mod jew ieħor għall‑ġlieda kontra l-kriminalità gravi jew tista’ tevita riskju serju għas‑sigurtà pubblika jew inkella riskju għas-sigurtà nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 111).

149    F’dan ir-rigward, għandu jiġi spjegat li l-persuni hekk koperti jistgħu b’mod partikolari jkunu dawk li ġew identifikati minn qabel, fil-qafas tal‑proċeduri nazzjonali applikabbli u abbażi ta’ elementi oġġettivi, bħala li jippreżentaw theddida għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

150    Id-definizzjoni tal-limiti ta’ miżura li tipprevedi ż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq kriterju ġeografiku meta l-awtoritajiet nazzjonali jqisu, fuq il‑bażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, li teżisti, f’żona ġeografika waħda jew iktar, sitwazzjoni kkaratterizzata minn riskju għoli ta’ preparazzjoni jew ta’ twettiq ta’ atti ta’ kriminalità serja (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 111). Dawn iż-żoni jistgħu jkunu, b’mod partikolari, postijiet ikkaratterizzati minn numru għoli ta’ atti ta’ kriminalità serja, postijiet partikolarment esposti għat-twettiq ta’ atti ta’ kriminalità serja, bħal postijiet jew infrastrutturi ffrekwentati regolarment minn numru għoli ferm ta’ persuni, jew inkella postijiet strateġiċi, bħal ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija jew żoni fejn isir il-ħlas tat-tariffi tat-toroq.

151    Sabiex ikun żgurat li l-indħil li jġibu magħhom il-miżuri ta’ żamma mmirata deskritti fil-punti 147 sa 150 ta’ din is-sentenza jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tul tagħhom ma għandux jaqbeż dak li huwa strettament neċessarju kemm fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq kif ukoll taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawhom, mingħajr preġudizzju għat-tiġdid eventwali tagħhom jekk iż-żamma tkompli tkun neċessarja.

–       Fuq il-miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma preventiva talindirizzi IP u tad-data relatata mal-identità ċivili għall-finijiet talġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika

152    Għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-indirizzi IP huma parti mid-data dwar it-traffiku, huma ġġenerati indipendentement minn komunikazzjoni partikolari u jservu prinċipalment sabiex jidentifikaw, permezz tal‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, il‑persuna fiżika li hija l-proprjetarja tat-tagħmir terminali li minnu tkun saret komunikazzjoni bl-internet. B’hekk, fir-rigward tal-posta elettronika u tat-telefonija bl-internet, sakemm jinżammu biss l-indirizzi IP tas-sors tal-komunikazzjoni u mhux dawk tad-destinatarju tagħha, dawn l‑indirizzi ma jiżvelawx, bħala tali, xi informazzjoni dwar terzi li kellhom kuntatt mal-persuna li minnha oriġinat il-komunikazzjoni. Din il‑kategorija ta’ data hija għalhekk inqas sensittiva minn data oħra dwar it‑traffiku.

153    Madankollu, peress li l-indirizzi IP jistgħu jintużaw b’mod partikolari sabiex jiġi ttraċċat b’mod eżawrjenti l-proċess ta’ navigazzjoni ta’ utent tal-internet u, konsegwentement, l-attività online tiegħu, din id-data tippermetti li jiġi stabbilit il-profil iddettaljat ta’ dan tal-aħħar. B’hekk, iż-żamma u l-analiżi tal-imsemmija indirizzi IP li huma neċessarji sabiex isir tali traċċar jikkostitwixxu ndħil serju fid-drittijiet fundamentali tal‑utent tal-internet sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jista’ jkollhom effetti dissważivi bħal dawk imsemmija fil-punt 118 ta’ din is-sentenza.

154    Sabiex jinstab il-bilanċ neċessarju bejn id-drittijiet u l-interessi inkwistjoni mitlub mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 ta’ din is‑sentenza, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, fil-każ ta’ reat kommess online, l-indirizz IP jista’ jkun l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien attribwit dan l‑indirizz fil-mument tat-twettiq ta’ dan ir-reat. Ma’ dan għandu jiżdied il-fatt li ż-żamma ta’ indirizzi IP mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lil hinn mit-terminu assenjat għal dik id‑data ma tidhirx, bħala regola, neċessarja għall-finijiet tal-fatturazzjoni tas-servizzi inkwistjoni, bir-riżultat li l-iskoperta ta’ reati kommessi online tista’, minħabba f’hekk, kif indikaw diversi Gvernijiet fl‑osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, issir impossibbli mingħajr l-użu ta’ miżura leġiżlattiva skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Kif sostnew dawn il-Gvernijiet, dan jista’ japplika fil-każ ta’ reati partikolarment serji ta’ pedopornografija, bħall-akkwist, it-tixrid, it-trażmissjoni jew it-tpoġġija għad-dispożizzjoni online ta’ pedopornografija, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il‑ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l‑pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1).

155    F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li huwa veru li miżura leġiżlattiva li tipprevedi ż-żamma tal-indirizzi IP tal-persuni fiżiċi kollha li għandhom tagħmir terminali li jippermetti aċċess għall-internet tkopri persuni li mal‑ewwel daqqa ta’ għajn ma għandhom l-ebda rabta, fis-sens tal‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 133 ta’ din is-sentenza, mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu u li l-utenti tal-internet, skont dak li ġie kkonstatat fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, għandhom dritt jippretendu, bis-saħħa tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li l-identità tagħhom ma tkunx, bħala regola, żvelata, miżura leġiżlattiva li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ komunikazzjoni biss, ma tidhirx, bħala regola, li tikser l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sakemm din il-possibbiltà tkun suġġetta għall-osservanza stretta tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għandhom jirregolaw l-użu ta’ din id-data.

156    Minħabba n-natura serja tal-indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl‑Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta minn din iż-żamma, huma biss il‑ġlieda kontra l-kriminalità serja, il-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, li jistgħu jiġġustifikaw dan l-indħil. Barra minn hekk, il-perijodu taż-żamma ma għandux jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq. Finalment, miżura ta’ dan it-tip għandha tipprevedi kundizzjonijiet u garanziji stretti dwar l-użu ta’ din id-data, b’mod partikolari permezz tal-intraċċar, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet u ta’ attivitajiet imwettqa online mill-persuni kkonċernati.

157    F’dak li jirrigwarda, finalment, id-data relatata mal-identità ċivili tal‑utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, din id-data la tippermetti, fiha nnifisha, li jsiru magħrufa d-data, il-ħin, it-tul u d‑destinatarji tal-komunikazzjonijiet imwettqa, u lanqas il-post fejn seħħew dawn il-komunikazzjonijiet jew il-frekwenza tagħhom ma’ ċerti persuni matul perijodu speċifiku, b’tali mod li ma tipprovdi, apparti d‑dettalji tagħhom, bħall-indirizz tagħhom, ebda informazzjoni dwar il‑komunikazzjonijiet speċifiċi u, konsegwentement, dwar il-ħajja privata tagħhom. B’hekk, l-indħil li jirriżulta miż-żamma ta’ din id-data ma għandux, bħala regola, jiġi kklassifikat bħala serju (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C-207/16, EU:C:2018:788, punti 59 u 60).

158    Minn dan jirriżulta li, skont dak li ġie espost fil-punt 140 ta’ din is‑sentenza, il-miżuri leġiżlattivi li jirrigwardaw l-ipproċessar ta’ din id‑data bħala tali, b’mod partikolari ż-żamma tagħha u l-aċċess għaliha sempliċement sabiex jiġi identifikat l-utent ikkonċernat, u mingħajr ma l‑imsemmija data tkun tista’ tiġi assoċjata ma’ informazzjoni relatata mal-komunikazzjonijiet magħmula, jistgħu jkunu ġġustifikati mill-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali, li għalih tirreferi l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 62).

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-bilanċ li għandu jinstab bejn id‑drittijiet u l-interessi inkwistjoni u għar-raġunijiet indikati fil‑punti 131 u 158 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li, anki fin‑nuqqas ta’ rabta bejn l-utenti kollha tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid‑dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżura leġiżlattiva li timponi, mingħajr terminu partikolari, fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu data relatata mal-identità ċivili tal-utenti kollha tal-mezzi ta’ komunikazzjoni għall-finijiet tal‑prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u għas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, mingħajr ma jkun neċessarju li r-reati kriminali jew it-theddid kontra jew l-attentati kontra s-sigurtà pubblika jkunu serji.

–       Fuq il-miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja

160    Fir-rigward tad-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni pproċessata u maħżuna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi abbażi tal-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, jew abbażi ta’ miżuri leġiżlattivi meħuda skont l-Artikolu 15(1) tagħha, bħal dawk deskritti fil-punti 134 sa 159 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li din id-data għandha, bħala regola, titħassar jew issir anonima, skont il-każ, fi tmiem it-termini statutorji li fihom għandhom jitwettqu, skont id‑dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva, l-ipproċessar u l-ħażna tagħhom.

161    Madankollu, matul dak l-ipproċessar u dik il-ħażna, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet li fihom ikun neċessarju li l-imsemmija data tinżamm lil hinn minn dawk it-termini sabiex jintefa’ dawl fuq reati kriminali serji jew attentati kontra s-sigurtà nazzjonali, u dan kemm fis-sitwazzjoni fejn dawn ir-reati jew dawn l-attentati diġà setgħu jiġu kkonstatati kif ukoll fejn l-eżistenza tagħhom tista’, wara eżami oġġettiv taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, tkun raġonevolment issuspettata.

162    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal‑Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta’ Novembru 2001 (serje tat‑Trattati Ewropej – Nru 185), li ġiet iffirmata mis-27 Stat Membru u rratifikata minn 25 minnhom, li għandha l-għan li tiffaċilita l-ġlieda kontra r-reati kriminali kommessi permezz ta’ networks tal-informatika, tipprevedi, fl-Artikolu 14 tagħha, li l-partijiet kontraenti għandhom jadottaw għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri kriminali speċifiċi, ċerti miżuri li jirrigwardaw data dwar it-traffiku diġà maħżuna, bħaż-żamma rapida ta’ din id-data. B’mod partikolari, l‑Artikolu 16(1) ta’ din il-konvenzjoni jistipula li l-partijiet kontraenti għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirriżultaw neċessarji sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jordnaw jew jimponu b’xi mod ieħor iż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku maħżuna permezz ta’ sistema tal-informatika, b’mod partikolari meta jkun hemm raġunijiet li juru li din id-data tista’ tintilef jew tiġi emendata.

163    F’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 161 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-bilanċ li għandu jinstab bejn id-drittijiet u l‑interessi inkwistjoni msemmija fil-punt 130 ta’ din is-sentenza, jipprevedu, f’leġiżlazzjoni adottata bis-saħħa tal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, il-possibbiltà ta’ ordni, permezz ta’ deċiżjoni tal‑awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, lil fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad‑data dwar il-lokalizzazzjoni li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

164    Sa fejn l-għan ta’ tali żamma rapida ma jibqax jikkorrispondi mal‑għanijiet li għalihom id-data inizjalment inġabret u nżammet u peress li kull ipproċessar ta’ data għandu, skont l-Artikolu 8(2) tal-Karta, jissodisfa għanijiet stabbiliti, l-Istati Membri għandhom jispjegaw, fil‑leġiżlazzjoni tagħhom, l-għan li għalih iż-żamma rapida tad-data tista’ sseħħ. Fid-dawl tan-natura serja tal-indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jista’ jirriżulta minn tali żamma, huma biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, is-salvagwardja tas‑sigurtà nazzjonali li jistgħu jiġġustifikaw dan l-indħil. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-indħil li jirriżulta minn miżura ta’ dan it-tip ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, minn naħa waħda, huwa meħtieġ li l-obbligu ta’ żamma jirrigwarda biss id-data dwar it‑traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni li jistgħu jitfgħu dawl fuq ir-reat kriminali serju jew l-attentat kontra s-sigurtà nazzjonali kkonċernat. Min‑naħa l-oħra, il-perijodu ta’ żamma ta’ data għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ, għalkemm dan il-perijodu jista’ jiġġedded meta ċ-ċirkustanzi u l-għan li għandu jintlaħaq mid-direttiva jiġġustifikaw dan.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi spjegat li tali żamma rapida ma għandhiex tkun limitata għad-data ta’ persuni li huma speċifikament issuspettati li kkommettew reat kriminali jew attentat kontra s-sigurtà nazzjonali. Filwaqt li għandha tkun konformi mal-qafas stabbilit mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 133 ta’ din is-sentenza, tali miżura tista’, skont l-għażla tal‑leġiżlatur u skont il-limiti ta’ dak li huwa strettament meħtieġ, tiġi estiża għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni ta’ persuni oħra differenti minn dawk li huma ssuspettati li ppjanaw jew ikkommettew reat kriminali serju jew attentat kontra s-sigurtà nazzjonali, sakemm dik id-data tista’, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, tikkontribwixxi sabiex jintefa’ dawl fuq tali reat jew fuq tali attentat kontra s-sigurtà nazzjonali, bħad-data li tirrigwarda l-vittma, jew iċ-ċirku soċjali jew professjonali tiegħu jew tagħha, jew inkella ta’ żoni ġeografiċi partikolari, bħall-postijiet fejn ir-reat jew l-attentat kontra s-sigurtà nazzjonali inkwistjoni jkun twettaq jew ġie ppreparat. Barra minn hekk, l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-data hekk miżmuma għandu jingħata b’osservanza tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill‑ġurisprudenza li interpretat id-Direttiva 2002/58 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 118 sa 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    Għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 115 u 133 ta’ din is-sentenza, l-aċċess għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma minn fornituri bis-saħħa ta’ miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jista’, bħala regola, ikun iġġustifikat biss minħabba l-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq dawn il-fornituri. Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li aċċess għal tali data għal finijiet ta’ prosekuzzjoni u sanzjoni ta’ reat kriminali ordinarju fl-ebda każ ma għandu jingħata meta ż-żamma tagħha ġiet iġġustifikata bil-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew, a fortiori, ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali. Min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif spjegat fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, aċċess għal data miżmuma bil-għan tal-ġlieda kontra l‑kriminalità serja jista’, sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali relatati ma’ tali aċċess imsemmija fil-punt preċedenti, ikun iġġustifikat mill-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

167    F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-leġiżlazzjoni tagħhom li aċċess għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il‑lokalizzazzjoni jista’ jseħħ, suġġett għall-osservanza ta’ dawn l-istess kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali, għal finijiet tal-ġlieda kontra l‑kriminalità serja jew ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali meta l‑imsemmija data tkun miżmuma minn fornitur b’mod konformi mal‑Artikoli 5, 6 u 9 jew inkella mal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58.

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18 u għall‑ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑520/18 hija li l‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet previsti f’dan l‑Artikolu 15(1), b’mod preventiv, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 15(1) moqri fid-dawl tal‑Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi

–        li jippermettu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l‑għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, fejn id-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal‑ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal‑ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal‑ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data relatata mal‑identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi; u

–        li jippermettu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni li dawn il‑fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż‑żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal‑kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C511/18

169    Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda fil-Kawża C-511/18, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jimplimentaw miżuri fin-networks tagħhom li jippermettu, minn naħa waħda, l-analiżi awtomatizzata kif ukoll il‑ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-ġbir f’ħin reali ta’ data teknika relatata mal‑lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali użat, iżda li ma tipprevedix li l‑persuni kkonċernati minn dan l-ipproċessar u minn dan il-ġbir jiġu informati dwar dan.

170    Il-qorti tar-rinviju tispjega li t-tekniki ta’ ġbir ta’ informazzjoni previsti fl-Artikoli L. 851‑2 sa L. 851‑4 tal-KSI ma jimplikawx, għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, rekwiżit speċifiku ta’ żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni. Fir‑rigward, b’mod partikolari, tal-analiżi awtomatizzata msemmija fl‑Artikolu L. 851‑3 tal-KSI, dik il-qorti tirrileva li dan l-ipproċessar għandu l-għan li jiskopri, skont kriterji ddefiniti għal dan il-għan, rabtiet li jistgħu jiżvelaw theddida terroristika. Dwar il-ġbir f’ħin reali msemmi fl-Artikolu L. 851‑2 tal-KSI, l-imsemmija qorti tikkonstata li dan ikopri persuna waħda jew diversi li jkunu identifikati minn qabel bħala li jista’ jkollhom rabta ma’ theddida terroristika. Skont l-istess qorti, dawn iż‑żewġ tekniki jistgħu jiġu implimentati biss għall-prevenzjoni tat‑terroriżmu u jkopru d-data msemmija fl-Artikoli L. 851‑1 u R. 851‑5 tal-KSI.

171    Preliminarjament għandu jiġi spjegat li l-fatt li, skont l-Artikolu L. 851‑3 tal-KSI, l-analiżi awtomatizzata prevista fih ma tippermettix, bħala tali, l-identifikazzjoni tal-utenti li d-data tagħhom hija suġġetta għal din l-analiżi, ma jipprekludix il-klassifikazzjoni ta’ tali data bħala “data personali”. Fil‑fatt, peress li l-proċedura prevista fil-punt IV ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti, fi stadju ulterjuri, l-identifikazzjoni tal-persuna jew tal-persuni kkonċernati permezz ta’ data li l-analiżi awtomatizzata tagħha żvelat li seta’ kien hemm l-eżistenza ta’ theddida terroristika, il-persuni kollha li d-data tagħhom hija suġġett tal-analiżi awtomatizzata jibqgħu identifikabbli minn din id-data. Skont id-definizzjoni ta’ data personali li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, data personali hija informazzjoni relatata, b’mod partikolari, ma’ persuna identifikabbli.

 Fuq l-analiżi awtomatizzata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar illokalizzazzjoni

172    Mill-Artikolu L. 851‑3 tal-KSI jirriżulta li l-analiżi awtomatizzata prevista fih tikkorrispondi, essenzjalment, mal-iskrinjar tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma mill‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, imwettaq minn dawn tal-aħħar fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u skont parametri li dawn ikunu stabbilixxew. Minn dan isegwi li d-data tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandha tkun ivverifikata jekk tikkorrispondi ma’ dawn il-parametri. Għalhekk, tali analiżi awtomatizzata għandha tkun ikkunsidrata li timplika, għall‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kkonċernati, it-twettiq, għan-nom tal-awtorità kompetenti, ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni, bl-għajnuna ta’ proċess awtomatizzat, skont il‑punt 2 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, li jkopri d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni kollha tal-utenti kollha ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan l-ipproċessar huwa indipendenti mill-ġbir sussegwenti tad-data relatata mal-persuni identifikati wara l-analiżi awtomatizzata, ġbir li huwa awtorizzat abbażi tal-punt IV tal-Artikolu L. 851‑3 tal-KSI.

173    Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza tali analiżi awtomatizzata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tidderoga mill-obbligu ta’ prinċipju, impost bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58, li tiġi żgurata l‑kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u ta’ data relatata. Tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi wkoll indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ikun xi jkun l-użu ulterjuri li jsir minn din id-data. Finalment, l-imsemmija leġiżlazzjoni jista’, skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, ikollha effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni sanċita fl‑Artikolu 11 tal-Karta.

174    Barra minn hekk, l-indħil li jirriżulta minn analiżi awtomatizzata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, ikun partikolarment serju meta jkopri b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni d-data ta’ persuni li jużaw mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Din il-konstatazzjoni tapplika iktar u iktar peress li, kif jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, id-data suġġetta għall-analiżi awtomatizzata tista’ tiżvela n-natura tal‑informazzjoni kkonsultata online. Barra minn hekk, tali analiżi awtomatizzata tapplika b’mod ġenerali għall-persuni kollha li jużaw mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u, konsegwentement, anki għal dawk li fir-rigward tagħhom ma jeżisti l-ebda indizju li jista’ jissuġġerixxi li l-aġir tagħhom jista’ jkollu rabta, anki indiretta jew remota, ma’ attivitajiet ta’ terroriżmu.

175    Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ tali ndħil, għandu jiġi spjegat li r‑rekwiżit, impost fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-bażi legali li tippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandha tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 175 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

176    Barra minn hekk, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità mfakkar fil-punti 130 u 131 ta’ din is-sentenza, li jgħid li d-derogi mill‑protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għaliha għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess ta’ awtoritajiet kompetenti għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma għandha tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 132 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, tali leġiżlazzjoni ma għandhiex tkun limitata li titlob biss li l-aċċess tal-awtoritajiet għad-data jissodisfa l-għan li għandu jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni, iżda għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-użu (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-indħil partikolarment serju li ġġib magħha żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it‑traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, imsemmi fil‑kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 134 sa 139 ta’ din is-sentenza, u l-indħil partikolarment serju li tikkostitwixxi l-analiżi awtomatizzata tagħhom ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ħlief f’sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jkun affaċċjat b’theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, u bil-kundizzjoni li l-perijodu ta’ din iż-żamma jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

178    F’sitwazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti, l‑implimentazzjoni ta’ analiżi awtomatizzata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti kollha ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, matul perijodu strettament limitat, tista’ tkun ikkunsidrata bħala ġġustifikata fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

179    Minkejja dan, sabiex ikun żgurat li l-użu ta’ tali miżura jkun limitat effettivament għal dak li huwa strettament neċessarju għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, u b’mod iktar partikolari għall-prevenzjoni tat‑terroriżmu, huwa essenzjali, b’mod konformi ma’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni li tawtorizza l-analiżi awtomatizzata tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tiġġustifika l-imsemmija miżura u l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal‑garanziji li għandhom jiġu previsti.

180    F’dan ir-rigward, għandu jiġi spjegat li l-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel li fuqhom huwa bbażat dan it-tip ta’ pproċessar ta’ data għandhom ikunu, minn naħa waħda, speċifiċi u affidabbli, b’mod li jkunu jistgħu jwasslu għal riżultati li jidentifikaw individwi li fuqhom jista’ jaqa’ suspett raġonevoli ta’ parteċipazzjoni f’reati terroristiċi u, min-naħa l-oħra, nondiskriminatorji (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 172).

181    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kull analiżi awtomatizzata magħmula skont mudelli u kriterji bbażati fuq il-premessa li r-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is‑sħubija f’sindakat, l-istat ta’ saħħa jew il-ħajja sesswali ta’ persuna jistgħu, fihom innifishom u indipendentement mill-aġir individwali ta’ din il-persuna, ikunu rilevanti għall-prevenzjoni tat-terroriżmu, tikser id‑drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, moqrija flimkien mal‑Artikolu 21 tagħha. B’hekk, il-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel għall-finijiet ta’ analiżi awtomatizzata intiża sabiex tipprevjeni attivitajiet ta’ terroriżmu li jippreżentaw theddida serja għas-sigurtà nazzjonali ma jistgħux ikunu bbażati biss fuq din id-data sensittiva (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 165).

182    Barra minn hekk, peress li l-analiżi awtomatizzata ta’ data dwar it‑traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni jinvolvu neċessarjament ċertu marġni ta’ żball, kwalunkwe riżultat pożittiv miksub wara pproċessar awtomatizzat għandu jkun suġġett għal eżami mill-ġdid individwali b’mezzi mhux awtomatizzati qabel l-adozzjoni ta’ miżura individwali li tipproduċi effetti negattivi fil-konfront tal-persuni kkonċernati, bħall-ġbir sussegwenti ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni f’ħin reali, peress li tali miżura ma tistax effettivament tkun ibbażata biss u b’mod deċiżiv fuq ir-riżultat ta’ pproċessar awtomatizzat. Bl-istess mod, sabiex jiġi żgurat, fil-prattika, li l-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel, l-użu li jsir minnhom u d-databases użati ma jkunux ta’ natura diskriminatorja u jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni ta’ attivitajiet ta’ terroriżmu li jippreżentaw theddida serja għas-sigurtà nazzjonali, l-affidabbiltà u l‑aġġornament ta’ dawn il-mudelli u ta’ dawn il-kriterji stabbiliti minn qabel kif ukoll tad-databases użati għandhom ikunu suġġetti għal rieżami b’mod regolari (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 173 u 174).

 Fuq il-ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar illokalizzazzjoni

183    Fir-rigward tal-ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni msemmi fl-Artikolu L. 851‑2 tal-KSI, għandu jiġi rrilevat li dan jista’ jiġi individwalment awtorizzat f’dak li jirrigwarda “persuna identifikata minn qabel bħala li potenzjalment għandha rabta ma’ theddida [terroristika]”. Bl-istess mod, skont din l-istess dispożizzjoni, “meta jkun hemm raġunijiet serji ta’ tħassib li persuna jew persuni li jappartjenu għaċ-ċirku tal-persuna kkonċernata mill-awtorizzazzjoni jistgħu jagħtu informazzjoni għall-għan li għalih ingħatat l-awtorizzazzjoni, tista’ tingħata wkoll awtorizzazzjoni b’mod individwali għal kull waħda minn dawn il-persuni”.

184    Id-data li tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ dan it-tip tippermetti li l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti jissorveljaw, matul il-perijodu tal-awtorizzazzjoni, b’mod kontinwu u f’ħin reali, l-interlokuturi li magħhom il-persuni kkonċernati jikkomunikaw, il-mezzi li jużaw, it-tul tal-komunikazzjonijiet li jagħmlu, kif ukoll il-postijiet ta’ residenza tagħhom u l-movimenti tagħhom. Bl-istess mod, tista’ wkoll tiżvela t-tip ta’ informazzjoni kkonsultata online. Meħuda flimkien, dawn it-tipi ta’ data jippermettu, kif jirriżulta mill-punt 117 ta’ din is-sentenza, li jiġu misluta konklużjonijiet preċiżi ferm dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati u tipprovdi l-mezzi biex jiġi stabbilit il-profil tagħhom, sa fejn tali informazzjoni hija daqstant sensittiva, mill-perspettiva tar-rispett għad-dritt tal-ħajja privata, mill-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet.

185    Fir-rigward tal-ġbir ta’ data f’ħin reali kopert bl-Artikolu L. 851‑4 tal‑KSI, din id-dispożizzjoni tawtorizza l-ġbir ta’ data teknika relatata mal-lokalizzazzjoni ta’ tagħmir terminali u t-trażmissjoni f’ħin reali lil dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru. Jidher li tali data tippermetti li d-dipartiment kompetenti, fi kwalunkwe ħin matul il-perijodu kopert mill-awtorizzazzjoni, jillokalizza, b’mod kontinwu u f’ħin reali, it-tagħmir terminali użat, bħal telefons ċellulari.

186    Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza tali ġbir f’ħin reali tidderoga, bħal dik li tawtorizza l-analiżi awtomatizzata tad-data, mill-obbligu ta’ prinċipju, impost bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58, li tiġi żgurata l‑kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u ta’ data relatata. Għalhekk tikkostitwixxi wkoll indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u tista’ twassal għal effetti dissważivi fuq l‑eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni ggarantita bl-Artikolu 11 tal-Karta.

187    Għandu jiġi enfasizzat li l-indħil li jirriżulta mill-ġbir f’ħin reali ta’ data li tippermetti li jiġi lokalizzat tagħmir terminali jidher partikolarment serju, peress li din id-data tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-mezz ta’ traċċar preċiż u permanenti tal-moviment tal-utenti ta’ telefons ċellulari. Sa fejn din id-data għandha għalhekk titqies bħala partikolarment sensittiva, għandha ssir distinzjoni bejn l-aċċess f’ħin reali tal-awtoritajiet kompetenti u aċċess f’ħin mhux reali għal dik id-data, peress li l-ewwel wieħed huwa iktar invadenti inkwantu jippermetti sorveljanza kważi totali ta’ dawn l-utenti (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 8 tal-KEDB, Qorti EDB, 8 ta’ Frar 2018, Ben Faiza vs Franza, CE:ECHR:2018:0208JUD003144612, punt 74). Barra minn hekk, l-intensità ta’ dan l-indħil hija aggravata meta l-ġbir f’ħin reali jiġi estiż ukoll għad-data dwar it-traffiku tal-persuni kkonċernati.

188    Għalkemm l-għan ta’ prevenzjoni tat-terroriżmu li għandha l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jista’, minħabba l-importanza tiegħu, jiġġustifika l‑indħil li jirriżulta mill-ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, tali miżura għandha, fid-dawl tan-natura partikolarment invadenti tagħha, tiġi implimentata biss fir-rigward ta’ persuni li fil-konfront tagħhom teżisti raġuni valida ta’ suspett li huma implikati b’xi mod jew ieħor f’attivitajiet ta’ terroriżmu. Fir-rigward ta’ persuni li ma jaqgħux f’din il-kategorija, dawn jistgħu jkunu s-suġġett biss ta’ aċċess f’ħin mhux reali, li għandu jseħħ biss, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjonijiet partikolari, bħal dawk li jinvolvu attivitajiet ta’ terroriżmu, u meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li din id-data tista’, f’każ partikolari, tagħti kontribut effettiv għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

189    Barra minn hekk, deċiżjoni li tawtorizza l-ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it‑traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. B’mod partikolari, din il-leġiżlazzjoni għandha tiddefinixxi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 176 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom tali ġbir jista’ jiġi awtorizzat u tipprevedi li, kif ġie spjegat fil-punt preċedenti, huma biss persuni li għandhom rabta mal-għan ta’ prevenzjoni tat-terroriżmu li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali ġbir. Barra minn hekk, deċiżjoni li tawtorizza l-ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it‑traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il‑kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-implimentazzjoni tal-miżura li tawtorizza l-ġbir f’ħin reali tkun suġġetta għal stħarriġ minn qabel, imwettaq jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li dik il-qorti jew dik l-entità jiżguraw b’mod partikolari li tali ġbir f’ħin reali jkun awtorizzat biss fil‑limitu ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 120). F’każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, l‑istħarriġ għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli.

 Fuq l-informazzjoni tal-persuni li d-data tagħhom inġabret jew ġiet analizzata

190    L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jiġbru f’ħin reali data dwar it‑traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni għandhom jinnotifikaw lill‑persuni kkonċernati dwar dan, fil-qafas tal-proċeduri nazzjonali applikabbli, sa fejn u malli din il-komunikazzjoni ma tikkompromettix il‑funzjonijiet li għandhom dawn l-awtoritajiet. Din in-notifika hija, fil‑fatt, neċessarja sabiex tippermetti li dawn il-persuni jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jitolbu l‑aċċess għad-data personali tagħhom li hija s-suġġett ta’ dawn il-miżuri u, jekk ikun il-każ, ir-rettifika jew it-tneħħija tagħha, u li jitolbu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, rimedju effettiv quddiem qorti, peress li tali dritt huwa espliċitament iggarantit ukoll fl‑Artikolu 15(2) tad‑Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 79(1) tar‑Regolament 2016/679 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 219 u 220).

191    Fir-rigward tan-notifika mitluba fil-kuntest ta’ analiżi awtomatizzata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata tippubblika informazzjoni ta’ natura ġenerali relatata ma’ din l-analiżi, mingħajr il-bżonn li tinnotifika b’mod individwali lill-persuni kkonċernati. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn id-data tissodisfa l-parametri speċifikati fil-miżura li tawtorizza l-analiżi awtomatizzata u fejn din l-awtorità tidentifika l-persuna kkonċernata għall-finijiet ta’ analiżi iktar fid-dettall tad-data li tirrigwardaha, ikun meħtieġ li dik il-persuna tiġi nnotifikata b’mod individwali. Madankollu, tali notifika għandha sseħħ biss sa fejn u mill-mument li fih ma tikkompromettix il-funzjonijiet li għandha dik l-awtorità (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 222 sa 224).

192    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑511/18 għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jwettqu, minn naħa waħda, analiżi awtomatizzata u ġbir f’ħin reali, b’mod partikolari, ta’ data dwar it‑traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, ġbir f’ħin reali ta’ data teknika dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali użat, meta

–        l-użu tal-analiżi awtomatizzata huwa limitat għal sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jkun affaċċjat b’theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, u fejn l-użu ta’ tali analiżi jista’ jkun suġġett ta’ stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tiġġustifika l-imsemmija miżura u l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom ikunu previsti, u meta

–        l-użu ta’ ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni huwa limitat għall-persuni li fir-rigward tagħhom teżisti raġuni valida ta’ suspett li huma involuti b’xi mod jew ieħor f’attivitajiet ta’ terroriżmu u huwa suġġett għal stħarriġ minn qabel, magħmul jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, sabiex ikun żgurat li tali ġbir f’ħin reali huwa awtorizzat biss fil-limitu ta’ dak li huwa strettament neċessarju. F’każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, l‑istħarriġ għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C512/18

193    Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑512/18, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 6 sa 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting l-obbligu taż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, ta’ data personali relatata ma’ dawn is-servizzi.

194    Filwaqt li tqis li tali servizzi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/31, u mhux f’dak tad-Direttiva 2002/58, il-qorti tar‑rinviju hija tal-opinjoni li l-Artikolu 15(1) u (2) tad‑Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikoli 12 u 14 tagħha, ma jistabbilixxix, fih innifsu, projbizzjoni ta’ prinċipju li tinżamm data relatata mal-ħolqien ta’ kontenut li għaliha jista’ jkun hemm deroga biss bħala eċċezzjoni. Madankollu, dik il-qorti tistaqsi jekk din l-evalwazzjoni tistax tintuża, peress li d-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 6 sa 8 u 11 tal-Karta għandhom neċessarjament jiġu osservati.

195    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tispjega li d-domanda tagħha tirrigwarda l-obbligu ta’ żamma previst fl-Artikolu 6 tal-LFED, moqri flimkien mad-Digriet Nru 2011-219. Id-data li l-fornituri ta’ servizzi għandhom iżommu abbażi tiegħu tinkludi, b’mod partikolari, id-data dwar l-identità ċivili ta’ persuni li użaw dawn is-servizzi, bħal kunjomhom, isimhom, l-indirizzi postali assoċjati tagħhom, l-indirizzi tal-posta elettronika jew ta’ kontijiet assoċjati tagħhom, il-passwords tagħhom u, meta l-iffirmar tal-kuntratt jew tal-kont ikun bi ħlas, it-tip ta’ ħlas użat, ir-referenza tal-ħlas, l-ammont u d-data u l-ħin tat-tranżazzjoni.

196    Bl-istess mod, id-data koperta bl-obbligu ta’ żamma tkopri l‑identifikaturi tal-abbonati, il-konnessjoni u t-tagħmir terminali użat, l‑identifikaturi relatati mal-kontenut, id-dati u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-konnessjonijiet u tat-tranżazzjonijiet u t-tip ta’ protokolli użati għall‑konnessjoni mas-servizz u għat-trasferiment tal-kontenut. L-aċċess għal din id-data, li għandha tinżamm sa sena, jista’ jintalab fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u ċivili, bil-għan li jiġu osservati r-regoli dwar ir‑responsabbiltà ċivili u kriminali, u fil-kuntest ta’ miżuri ta’ ġbir ta’ informazzjoni li għalih japplika l-Artikolu L. 851‑1 tal-KSI.

197    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, id‑Direttiva 2000/31 tqarreb ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(a) tagħha.

198    Tali servizzi jinkludu, bla dubju, dawk li huma pprovduti mill-bogħod permezz ta’ apparat elettroniku għall-ipproċessar u l-ħażna ta’ data, fuq talba individwali ta’ destinatarju ta’ servizzi u, normalment, bi ħlas, bħal servizzi ta’ aċċess għall-internet jew għal network ta’ komunikazzjoni jew servizzi ta’ hosting (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 40; tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM, C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 34; tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden, C‑484/14, EU:C:2016:689, punt 55; u tas-7 ta’ Awwissu 2018, SNB‑REACT, C‑521/17, EU:C:2018:639, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    Madankollu, l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2000/31 jistipula li din ma hijiex applikabbli għall-kwistjonijiet relatati mas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni li huma koperti bid-Direttivi 95/46 u 97/66. F’dan ir‑rigward, mill-premessi 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li l‑protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni hija rregolata biss mid-Direttivi 95/46 u 97/66, b’din tal-aħħar tipprojbixxi, fl-Artikolu 5 tagħha, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, kull forma ta’ interċettazzjoni jew ta’ sorveljanza tal-komunikazzjonijiet.

200    B’hekk, kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet u tad-data personali għandhom jiġu evalwati fid‑dawl tad-Direttiva 2002/58 u tar-Regolament 2016/679, peress li dawn issostitwixxew rispettivament id-Direttiva 97/66 u d‑Direttiva 95/46, filwaqt li għandu jiġi spjegat li l-protezzjoni li d‑Direttiva 2000/31 hija intiża li tagħti ma tistax fi kwalunkwe każ tippreġudika r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2002/58 u mir‑Regolament 2016/679 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 57).

201    L-obbligu impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmi fil-punt 195 ta’ din is-sentenza fuq il-fornituri ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni online u fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jżommu data personali relatata ma’ dawn is-servizzi għandu, għalhekk, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda La Quadrature du Net et (C‑511/18 u C‑512/18, EU:C:2020:6), jiġi evalwat abbażi tad-Direttiva 2002/58 jew tar‑Regolament 2016/679.

202    B’hekk, skont jekk il-provvista tas-servizzi koperti minn din il‑leġiżlazzjoni nazzjonali taqax jew le taħt id-Direttiva 2002/58, hija tiġi rregolata jew minn din l-aħħar direttiva, b’mod partikolari bl‑Artikolu 15(1) tagħha, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jew mir-Regolament 2016/679, b’mod partikolari mill-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-istess dispożizzjonijiet tal-Karta.

203    F’dan il-każ, ma għandux jiġi eskluż, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ċerti servizzi li għalihom tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 195 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fis-sens tad-Direttiva 2002/58, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

204    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2002/58 tkopri s‑servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2002/21, li għalih jirreferi l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58 u li jiddefinixxi s‑servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħala s-“servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir”. Fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni, bħal dawk imsemmija fil-punti 197 u 198 ta’ din is‑sentenza u koperti bid-Direttiva 2000/31, dawn jikkostitwixxu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta dawn jikkonsistu kompletament jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Skype Communications, C‑142/18, EU:C:2019:460, punti 47 u 48).

205    B’hekk, is-servizzi ta’ aċċess għall-internet, li jidher li huma koperti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 195 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxu, kif ikkonfermat mill-premessa 10 tad-Direttiva 2002/21, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fis-sens ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Skype Communications, C‑142/18, EU:C:2019:460, punt 37). Dan huwa wkoll il-każ ta’ servizzi ta’ posta elettronika fuq l-internet, li milli jidher jistgħu jaqgħu wkoll taħt din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li, fuq livell tekniku, huma jinvolvu kompletament jew prinċipalment it‑trażmissjoni ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Google, C‑193/18, EU:C:2019:498, punti 35 u 38).

206    Fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jsir riferiment għall‑konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet kollha magħmula fil-kuntest tar-risposta mogħtija għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18 u għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑520/18.

207    Fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament 2016/679, għandu jitfakkar li dan huwa intiż, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill‑premessa 10 tiegħu, sabiex jiġi żgurat livell għoli u konsistenti ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni u, għal dan il-għan, li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 101).

208    Għal dan il-għan, kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu, mingħajr preġudizzju għad-derogi aċċettati fl-Artikolu 23 tar‑Regolament 2016/679, josserva l-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali u d-drittijiet tal-persuna kkonċernata msemmija fil‑Kapitoli II u III ta’ dan ir-regolament rispettivament. B’mod partikolari, kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu, minn naħa waħda, ikun konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, u, min-naħa l-oħra, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità elenkati fl-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 95/46, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten, C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

209    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 23(1) tar‑Regolament 2016/679, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu, l-istess bħalma huwa previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jippermetti li l‑Istati Membri jillimitaw, fir-rigward tal-għanijiet li huwa jipprevedi u permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet li huma msemmija fih “meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad‑drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’” l-għan li għandu jintlaħaq. Kull miżura leġiżlattiva meħuda fuq din il-bażi għandha, b’mod partikolari, tosserva r-rekwiżiti speċifiċi mitluba fl‑Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament.

210    B’hekk, l-Artikolu 23(1) u (2) tar-Regolament 2016/679 ma għandux jiġi interpretat bħala li jista’ jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jippreġudikaw ir-rispett għall-ħajja privata, bi ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta, jew kwalunkwe garanzija oħra prevista fiha (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 95/46, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 91). B’mod partikolari, bħal fil-każ tal‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, is-setgħa li l-Artikolu 23(1) tar‑Regolament 2016/679 jagħti lill-Istati Membri tista’ tiġi eżerċitata biss bl-osservanza tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità, li jistipula li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom japplikaw biss fil-limiti strettament neċessarji (ara, b’analoġija, fir‑rigward tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, IPI, C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

211    Minn dan isegwi li l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet magħmula fil-qafas tar-risposta mogħtija għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18 kif ukoll għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑520/18 japplikaw mutatis mutandis għall-Artikolu 23 tar-Regolament 2016/679.

212    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑512/18 għandha tkun li d-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex applikabbli fil-qasam tal‑protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tas-servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni, peress li din il-protezzjoni hija rregolata jew mid-Direttiva 2002/58 jew mir-Regolament 2016/679, skont il-każ. L-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679, moqri fid-dawl tal‑Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting l-obbligu taż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, ta’ data personali relatata ma’ dawn is‑servizzi.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C520/18

213    Permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C-520/18, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk qorti nazzjonali tistax tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha tillimita ratione temporis l‑effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, taħt dak id-dritt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fid-dawl, fost l-oħrajn, tal‑għanijiet li għandhom jintlaħqu ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni, minħabba li dik il-leġiżlazzjoni hija inkompatibbli mal‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

214    Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l‑preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il‑prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-korpi kollha tal-Istati Membri jagħtu l-effett sħiħ tagħhom lid-diversi normi tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, EU:C:1964:66, p. 1159 u 1160, u tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 157 u 158 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

215    Bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija, fil-każ li jkun impossibbli li tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li jkollha tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet billi, jekk ikun meħtieġ, tħalli mhux applikata, fuq il‑bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk tkun ġiet adottata iktar tard, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58; u tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 160).

216    Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, b’mod eċċezzjonali u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni eżerċitat minn regola tad-dritt tal‑Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jmur kontriha. Tali limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni ta’ dan id‑dritt tista’ tiġi ammessa biss fl-istess sentenza li tiddeċiedi dwar l‑interpretazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punti 89 u 91; tat-23 ta’ April 2020, Herst, C‑401/18, EU:C:2020:295, punti 56 u 57; u tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Imtieħen tar-riħ f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

217    Li kieku l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu supremazija lil dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni li dawn id‑dispożizzjonijiet jiksru, anki fuq bażi provviżorja, is-supremazija u l‑applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).

218    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’kawża li kienet tirrigwarda l-legalità ta’ miżuri adottati bi ksur tal-obbligu impost mid-dritt tal‑Unjoni li għandha ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent u fuq sit protett, li qorti nazzjonali tista’, jekk id-dritt nazzjonali jippermettilha, bħala eċċezzjoni żżomm l-effetti ta’ tali miżuri meta din iż-żamma hija ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet imperattivi relatati mal-ħtieġa li tiġi evitata theddida reali u serja ta’ waqfien tal‑provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, li ma tistax tiġi solvuta b’mezzi u alternattivi oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tas-suq intern, liema żamma tista’ tkopri biss il-perijodu ta’ żmien li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata din l-illegalità (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 175, 176, 179 u 181).

219    Madankollu, b’kuntrast ma’ ommissjoni ta’ obbligu proċedurali bħall‑evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ proġett fil-qasam speċifiku tal-protezzjoni tal-ambjent, ksur tal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jistax jiġi rrimedjat permezz ta’ proċedura simili għal dik imsemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, iż‑żamma ta’ effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, tfisser li din il-leġiżlazzjoni tkompli timponi fuq il‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligi li huma kuntrarji għad‑dritt tal-Unjoni u li jġibu magħhom indħil serju fid‑drittijiet fundamentali tal-persuni li d-data tagħhom ġiet miżmuma.

220    Għalhekk, il-qorti tar-rinviju ma tistax tapplika dispożizzjoni tad‑dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, skont dak id-dritt, tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

221    Minkejja dan, fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal‑Ġustizzja, VZ, WY u XX isostnu li t-tielet domanda, impliċitament iżda neċessarjament tqajjem il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-użu, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, ta’ informazzjoni u ta’ provi li jkunu nkisbu minn żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni inkompatibbli ma’ dan id-dritt.

222    F’dan ir-rigward u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, bħala regola, huwa biss id-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi r-regoli relatati mal‑ammissibbiltà u l-evalwazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati li kkommettew atti ta’ kriminalità serji, ta’ informazzjoni u ta’ provi li nkisbu minn tali obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ data bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

223    Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jistabbilixxi r‑regoli ddettaljati proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il‑protezzjoni ta’ drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad‑dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad‑drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 26 u 27; tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punti 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tad-19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 33).

224    F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, hija l-qorti nazzjonali adita bi proċedura kriminali bbażata fuq informazzjoni jew provi miksuba bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2002/58 li għandha tivverifika jekk id-dritt nazzjonali li jirregola din il-proċedura jipprevedix regoli dwar l-ammissibbiltà u l-użu ta’ tali informazzjoni u ta’ provi li huma inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw l-informazzjoni u l-provi miksuba bi ksur tad-dritt nazzjonali.

225    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi rrilevat li r-regoli nazzjonali relatati mal-ammissibbiltà u l-użu tal-informazzjoni u tal-provi għandhom l-għan, skont l-għażliet magħmula mid-dritt nazzjonali, li jevitaw li informazzjoni u provi li nkisbu b’mod illegali jikkawżaw preġudizzju lil persuna ssuspettata li wettqet reati kriminali. Dan l-għan jista’, skont id-dritt nazzjonali, jintlaħaq mhux biss bi projbizzjoni ta’ użu ta’ tali informazzjoni u ta’ tali provi, iżda wkoll b’regoli u prattiki nazzjonali li jirregolaw l-evalwazzjoni u l-bilanċ ta’ informazzjoni u ta’ provi, jew billi waqt id-determinazzjoni tal-piena tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura illegali tagħhom.

226    Dan espost, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħtieġa li jitwarrbu informazzjoni u provi miksuba bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tar-riskju li l-ammissibbiltà ta’ tali informazzjoni u provi jista’ jinvolvi għall-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju u, għalhekk, għal smigħ xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Steffensen, C‑276/01, EU:C:2003:228, punti 76 u 77). Jekk qorti tqis li parti ma hijiex f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv fuq prova li tirriżulta minn qasam li dwaru l-imħallfin ma għandhomx informazzjoni u li tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti, hija għandha tikkonstata ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u teskludi din il-prova sabiex tevita tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Steffensen, C‑276/01, EU:C:2003:228, punti 78 u 79).

227    Għalhekk, il-prinċipju ta’ effettività jitlob li l-qorti kriminali nazzjonali twarrab informazzjoni u provi li nkisbu permezz ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati b’atti ta’ kriminalità, jekk dawn il-persuni ma humiex f’pożizzjoni li jikkummentaw b’mod effettiv dwar dik l-informazzjoni u dwar dawk il-provi, li jkunu ġejjin minn qasam li dwaru l-imħallfin ma għandhomx informazzjoni u li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti.

228    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑520/18 għandha tkun li qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, bis-saħħa ta’ dan id-dritt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bil-għan, b’mod partikolari, tas‑salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni inkompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Dan l-Artikolu 15(1), interpretat fid-dawl tal‑prinċipju ta’ effettività, jimponi fuq il-qorti kriminali nazzjonali li twarrab informazzjoni u provi miksuba minn żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fil-qafas ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati li kkommettew atti ta’ kriminalità, jekk dawn il-persuni ma humiex f’pożizzjoni li jikkummentaw b’mod effettiv dwar dik l-informazzjoni u dwar dawk il‑provi, li jkunu ġejjin minn qasam li dwaru l-imħallfin ma għandhomx informazzjoni u li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l‑evalwazzjoni tal-fatti.

 Fuq l-ispejjeż

229    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar lipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar ilprivatezza u lkomunikazzjoni elettronika), kif emendata bidDirettiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u talKunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl talArtikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tadDrittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet previsti f’dan l-Artikolu 15(1), b’mod preventiv, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni. Min-naħa loħra, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bidDirettiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi

–        li jippermettu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, fejn id-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata leżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u talprevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont ilkategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u talprevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni talindirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

–        li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u tassalvagwardja tas-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data relatata malidentità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi; u

–        li jippermettu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni talawtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar illokalizzazzjoni li dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż-żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għallosservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.

2)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bidDirettiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jwettqu, minn naħa waħda, analiżi awtomatizzata u ġbir f’ħin reali, b’mod partikolari, ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni u, minnaħa l-oħra, ġbir f’ħin reali ta’ data teknika dwar illokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali użat, meta

–        l-użu tal-analiżi awtomatizzata huwa limitat għal sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jkun affaċċjat b’theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, u fejn l-użu ta’ tali analiżi jista’ jkun suġġett ta’ stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tiġġustifika l-imsemmija miżura u losservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom ikunu previsti, u meta

–        l-użu ta’ ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni huwa limitat għall-persuni li firrigward tagħhom teżisti raġuni valida ta’ suspett li huma involuti b’xi mod jew ieħor f’attivitajiet ta’ terroriżmu u huwa suġġett għal stħarriġ minn qabel, magħmul jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, sabiex ikun żgurat li tali ġbir f’ħin reali huwa awtorizzat biss fil-limitu ta’ dak li huwa strettament neċessarju. F’każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, listħarriġ għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli.

3)      Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità talkomunikazzjonijiet u tal-persuni fiżiċi fir-rigward talipproċessar tad-data personali fil-qafas tas-servizzi tassoċjetà tal-informazzjoni, peress li din il-protezzjoni hija rregolata jew mid-Direttiva 2002/58, kif emendata bidDirettiva 2009/136, jew mir-Regolament 2016/679 talParlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward talipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar idDirettiva 95/46. L-Artikolu 23(1) tarRegolament (UE) 2016/679, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting l-obbligu taż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, ta’ data personali relatata ma’ dawn is-servizzi.

4)      Qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha tillimita ratione temporis leffetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, bis-saħħa ta’ dan id-dritt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bil-għan, b’mod partikolari, tas-salvagwardja tassigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar ittraffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni inkompatibbli malArtikolu 15(1) tadDirettiva 2009/136, moqri fid-dawl talArtikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Dan lArtikolu 15(1), interpretat fid-dawl talprinċipju ta’ effettività, jimponi fuq il-qorti kriminali nazzjonali li twarrab informazzjoni u provi miksuba minn żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar illokalizzazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fil-qafas ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati li kkommettew atti ta’ kriminalità, jekk dawn il-persuni ma humiex f’pożizzjoni li jikkummentaw b’mod effettiv dwar dik l-informazzjoni u dwar dawk ilprovi, li jkunu ġejjin minn qasam li dwaru l-imħallfin ma għandhomx informazzjoni u li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni talfatti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.