Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Settembru 2012 - Xeda International et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-415/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Xeba International SA (Saint-Andiol, Franza); Pace International LLC (Washington, l-Istati Uniti); u Decco Iberica Post Cosecha, SAU (Paterna, Spanja) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 578/2012 2 ; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-att ikkontestat huwa illegali minħabba żbalji manifesti ta' evalwazzjoni. Il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi meta ġġustifikat l-att ikkontestat abbażi ta' tħassib ipotetiku: (i) it-tliet metaboliti mhux identifikati u (ii) prodotti pproċessati. Għal dak li jikkonċerna dan it-tħassib, il-Kummissjoni wettqet ukoll żball ta' liġi billi talbet lir-rikorrenti sabiex jipproduċu probatio diabolica, jiġifieri billi talbet l-identità tal-metaboliti mhux identifikati fit-tuffieħ maħżun filwaqt li dan kien teknikament impossibbli u billi talbet lir-rikorrenti sabiex juru n-nuqqas ta' riskju għal dak li jikkonċerna l-komponenti b'riskju baxx li jinsabu taħt il-Limitu ta' Kwantifikazzjoni (LK) f'prodotti pproċessati.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-att ikkontestat huwa illegal minħabba ksur ta' garanziji previsti mil-liġi u mid-drittijiet tad-difiża. L-att ikkontestat huwa bbażat fuq rapport mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ("EFSA"), li introduċa rekwiżit ġdid - il-preżentazzjoni ta' metodu ta' analiżi kompletament validu - fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedura ta' evalwazzjoni. Ir-rikorrenti ppreżentaw id-data mitluba lir-relatur, li, min-naħa tiegħu, evalwahom u pprepara konklużjoni li tipprovdi li d-data kienet suffiċjenti sabiex tingħata risposta għad-domanda mqajma mill-EFSA. Madankollu, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data ġdida. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ngħatawx l-opportunità li jirrispondu għad-domanda minħabba ftehim ħażin mill-Kummissjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008  għal dak li jikkonċerna l-preżentazzjoni ta' data ġdida.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-att ikkontestat huwa illegali għaliex huwa sproporzjonat. Anki jekk kien aċċettat li l-istudji l-ġodda ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni setgħet adottat deċiżjoni ta' inklużjoni flimkien ma' miżuri inqas restrittivi, bħal li tissuġġettaha għal data konfermattiva.

____________

1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 578/2012, tad-29 ta' Ġunju 2012, dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva difenilammina, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjant (ĠU L 171, p. 2).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008, tas-17 ta' Jannar 2008, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta' proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta' sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta' dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (ĠU L 15, p. 15).