Language of document : ECLI:EU:T:2009:237

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

1 ta’ Lulju 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi lil KG Holding NV – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Rikors għal annullament – Inammissibbiltà parzjali – Irkupru tal-għajnuna mingħand impriżi benefiċjarji li ġew iddikjarati falluti – Linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà”

Fil-Kawżi magħquda T‑81/07, T‑82/07 u T‑83/07,

Jan Rudolf Maas, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ KG Holding NV, residenti f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentat minn G. van der Wal u T. Boesman, avukati,

rikorrent fil-Kawża T‑81/07,

Jan Rudolf Maas u Cornelis van den Bergh, fil-kapaċità tagħhom bħala stralċarji ta’ Kliq BV, residenti f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentati minn G. van der Wal u T. Boesman, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑82/07,

u

Jean Leon Marcel Groenewegen, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ Kliq Reïntegratie, residenti f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentat minn G. van der Wal u T. Boesman, avukati,

rikorrent fil-Kawża T‑83/07,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/939/KE tad-19 ta’ Lulju 2006, dwar l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Pajjiżi l-Baxxi favur KG Holding NV (ĠU L 366, p. 40),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It‑Tmien Awla),

komposta minn S. Papasavvas, li jirrappreżenta l-kariga ta’ President, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-Fatti li wasslu għall-kawża

1.     Il-kuntest ġenerali

1        Fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Impjiegi, KG Holding NV, li tagħha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa l-uniku azzjonist, ġiet ikkostitwita fl-1 ta’ Jannar 2002.

2        Fit-18 ta’ Mejju 2002, peress li KG Holding inqasmet, ġew ikkostitwiti Kliq Reïntegratie BV (1450 impjegat) u Kliq Employability BV (200 impjegat). KG Holding kienet l-unika azzjonista f’dawn iż-żewġ kumpanniji. Kien jeżisti wkoll numru limitat ta’ sussidjarji oħra ta’ daqs żgħir. L-attivitajiet prinċipali taż-żewġ sussidjarji ewlenin kienu jikkonsistu fil-provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-tfittxija ta’ xogħol għal min ikun qed ifittex impjieg, fl-inklużjoni ta’ ħaddiema b’diżabbiltà, fit-tfittxija ta’ ħaddiema li jistgħu jokkupaw impjiegi vakanti għall-benefiċċju ta’ min iħaddem kif ukoll f’servizzi fil-qasam tal-kollokament ta’ persunal b’mod ġenerali.

3        Minħabba problemi finanzjarji, fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni li kienet tikkonċerna Kliq Reïntegratie, ġiet ikkostitwita Kliq BV fil-31 ta’ Lulju 2003. Sussegwentement, mill-1 ta’ Ottubru 2003, Kliq ħadet parti mill-kuntratti ta’ Kliq Reïntegratie.

4        Fit-30 ta’ Settembru 2003, KG Holding iddeċidiet, bħala azzjonista unika ta’ Kliq, sabiex tipproċedi għall-ħruġ ta’ 150 000 ishma ta’ Kliq, kull waħda b’valur nominali ta’ EUR 100, b’ammont totali ta’ EUR 15 000 000, bil-kundizzjoni li 75 % ta’ dan l-ammont, jiġifieri EUR 11 250 000 isiru disponibbli biss wara li Kliq tkun għamlet talba f’dan is-sens.

5        Fit-12 ta’ Novembru 2003, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni sabiex ikun jista’ jagħti għajnuna għa-salvataġġ taħt forma ta’ self favur KG Holding li kienet tammonta għal EUR 45 000 000 għal perijodu ta’ sitt xhur, li minnhom EUR 9 250 000 kellhom jiġu mislufa lil Kliq filwaqt li EUR 35 750 000 kellhom jiġu mislufa lil Kliq Reïntegratie sabiex tosserva l-impenji kuntrattwali fis-seħħ u tkopri l-ispejjeż ta’ pjan soċjali.

6        Fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003 (ĠU 2004, C 33, p.8), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna tal-Istat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu l-intenzjoni li jagħti lil KG Holding taħt forma ta’ self ta’ EUR 45 000 000 għal perijodu ta’sitt xhur setgħet tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

7        Fit-23 ta’ Diċembru 2003, ġie konkluż ftehim ta’ self bejn KG Holding u Kliq li kien jammonta għal EUR 9 250 000. Dan il-ftehim kien jinkludi projbizzjoni ta’ tpaċija għal Kliq, filwaqt li kien jippermetti lil KG Holding sabiex tagħmel tpaċija bejn l-ammonti tas-self dovuti u debitu eventwali ta’ Kliq.

8        Fl-24 ta’ Jannar 2004, il-Ministru tal-Finanzi Olandiż iddeċieda li jikkonverti s-self ta’ EUR 45 000 000 mogħti lil KG Holding f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-istess kumpannija. Din il-konverżjoni kellha tikkonkretizza ruħha permezz tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ mogħti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KG Holding f’kapital proprju ta’ KG Holding kif ukoll permezz tal-għoti ta’ ammont ta’ EUR 9 250 000 ta’ dan is-self lil Kliq u ta’ ammont ta’ EUR 35 750 000 ta’ dan is-self lil Kliq Reïntegratie. Fin-notifika tiegħu lill-Kummissjoni, fis-26 ta’ Jannar 2004, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab l-approvazzjoni ta’ din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. F’April, Awwissu u Novembru 2004, il-Kummissjoni talbet preċiżazzjonijiet ulterjuri.

9        Fit-8 ta’ Frar 2005, ir-Rechtbank Rotterdam (Tribunal Distrettwali ta’ Rotterdam) iddikjara l-falliment ta’ KG Holding u ħatar lil J. R. Mass bħala stralċarju. Fid-9 ta’ Frar 2005, ir-Rechtbank Utrecht (Tribunal Distrettwali ta’ Utrecht) iddikjara l-falliment ta’ Kliq Reïntegratie u ħatar li J. L. M. Groenewegen bħala stralċarju.

10      Fit-23 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ma’ rappreżentanti tal-Ministeru tal-Finanzi u tal-kumpanniji kkonċernati fir-rigward tat-talba għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

11      Wara l-falliment ta’ KG Holding u wara diffikultajiet finanzjarji li Kliq kienet qed tiffaċċja, din tal-aħħar fasslet, fil-bidu tas-sena 2005, pjan li jippermettilha tiżgura t-tkomplija tal-attivitajiet tagħha. L-għan ta’ dan il-pjan kien li jippermetti lil KG Holding sabiex tbigħ l-ishma li hija kienet tippossjedi fi Kliq. Għal dan il-għan, Kliq imxiet abbażi ta’ pjan imqassam fuq diversi stadji, jiġifieri, qabel kollox, l-implementazzjoni minn KG Holding tal-obbligu tagħha fir-rigward tagħha li l-ishma jsiru disponibbli permezz ta’ tpaċija bejn l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli u s-self għal ammont ta’ EUR 9 250 000 u, sussegwentement, il-bejgħ tal-ishma tagħha fil-pussess ta’ KG Holding.

12      Fis-16 ta’ Ġunju 2005, Kliq talbet lill-istralċarju ta’ KG Holding sabiex il-kapital li ma kienx disponibbli jsir kollu kemm hu disponibbli. L-istralċarju ta’ KG Holding oppona t-talba ta’ Kliq intiża sabiex l-ishma jsiru disponibbli permezz ta’ tpaċija bejn dan l-obbligu u d-debitu ta’ Kliq bħala self li jammonta għal EUR 9 250 000. Sussegwentement, fil-21 ta’ Ġunju 2005, Kliq talbet lir-rechter-commissaris (Imħallef delegat), li huwa l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali kompetenti, sabiex jordna lill-istralċarju ta’ KG Holding sabiex jikkollabora mat-twettieq tal-pjan imqassam fuq diversi stadji, sabiex jagħmel il-konverżjoni u sussegwentement jipproċedi għall-bejgħ tal-ishma ta’ Kliq permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Fit-22 ta’ Ġunju 2005, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta wkoll rikors li bih talab lir-rechter-commissaris sabiex jordna lill-istralċarju sabiex bil-mezzi kollha jopponi t-tpaċija, min-naħa ta’ Kliq, bejn id-debitu tagħha fil-konfront ta’ KG Holding (obbligu li l-ishma jsiru disponibbli) u dak ta’ KG Holding fil-konfront ta’ Kliq (self li jammonta għal EUR 9 250 000). Fit-22 ta’ Awwissu 2005, ir-rechter-commissaris laqa’ t-talba ta’ Kliq. Huwa qies li t-tpaċija u l-fatt li l-ishma jsiru disponibbli jikkostitwixxi vantaġġ favur il-kredituri kollha ta’ KG Holding. It-talba tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġiet miċħuda u l-istralċarju ta’ KG Holding intalab jikkollabora għall-implementazzjoni tal-pjan imqassam fuq diversi stadji mfassal minn Kliq. L-ebda waħda miż-żewġ partijiet ma appellat din id-deċiżjoni.

13      Fl-14 ta’ Diċembru 2005, ġie ddikjarat il-falliment ta’ Kliq u J. R. Maas u C. van den Bergh inħatru bħala stralċarji. Fil-21 ta’ Diċembru 2005 dawn l-istralċarji biegħu l-assi ta’ Kliq lil operatur fis-suq għal prezz ta’ EUR 5 500 000.

2.     Il-proċedura amministrattiva

14      Fil-5 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE, wara n-notifika tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tas-26 ta’ Jannar 2004 (ĠU C 280, p. 2). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni provviżorja li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu l-intenzjoni li jagħti lil KG Holding billi jbiddel is-self ta’ EUR 45 000 000 u l-interessi dovuti fuqu f’kapital proprju ta’ KG Holding, ma kienx konformi mal-eżiġenzi tal-komunikazzjoni tagħha dwar għajnuna tal-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU 1999, C 288, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) fis-seħħ meta ngħata s-self ta’ salvataġġ. Għaldaqstant il-Kummissjoni kellha xi dubji dwar jekk l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ppjanata setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

15      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħat ir-reazzjoni tiegħu dwar din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni, kif ukoll informazzjoni supplimentari li kienet ġiet mitluba lilu, permezz ta’ ittri tad-29 ta’ Settembru 2005 u tat-13 ta’ Jannar u tas-17 ta’ Frar 2006.

3.     Id-deċiżjoni kkontestata

16      Fid-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/939/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Pajjiżi l-Baxxi favur KG Holding (ĠU L 366, p. 40, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

17      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, qabel kollox, ikkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

18      Sussegwentement, il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq komuni. Fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li KG Holding kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala impriża f’diffikultà skont il-linji gwida u li setgħet għaldaqstant tibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni sussegwentement ikkonstatat li l-għoti tal-għajnuna kienet suġġetta għall-kundizzjoni tal-implementazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni approvat minnha (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni nnotifikat mill-awtoritajiet Olandiżi kellu xi nuqqasijiet. Skont il-Kummissjoni, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kienx effiċjenti u ma setax jagħti lok għall-bidla meħtieġa minħabba n-nuqqas tal-vijabbiltà interna meta mqabbla mal-vijabbiltà derivanti minn kapital proprju (premessi 37 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tgħid:

“Peress li l-kundizzjonijiet fundamentali previsti mil-linji gwida għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma ġewx sodisfatti, il-Kummissjoni ma tistax tawtorizza l-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma tistax għaldaqstant tiġi approvata. Għal din ir-raġuni, il-miżura nnotifikata lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) [KE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      Fil-punt 6.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat kunsiderazzonijiet ulterjuri fuq il-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 9 250 000 mogħti lil Kliq f’kapital proprju, fuq is-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 35 750 000 mogħti lil Kliq Reïntegratie u fuq is-self qadim mogħti lil KG Holding meta din ġiet ikkostitwita.

21      Fir-rigward tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 9 250 000 mogħti lil Kliq f’kapital proprju, il-Kummissjoni esponiet dan li ġej, fil-premessi 43 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(43) L-awtoritajiet Olandiżi informaw lill-Kummissjoni li l-qorti Olandiża kompetenti kienet ordnatilhom, skont l-Artikoli 53 u 69 tal-liġi Olandiża fuq il-fallimenti, sabiex jikkonvertu s-self ta’ EUR 9 250 000 f’kapital proprju. Din il-konverżjoni saret fit-22 ta’ Awwissu 2005. Hija tista’ għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala implementazzjoni parzjali tal-miżura nnotifikata.

(44) Il-Kummissjoni tfakkar lill-awtoritajiet Olandiżi li, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju fuq id-dritt nazzjonali, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali msemmija fil-premessa 43 hija kontra l-projbizzjoni ta’ implementazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat qabel ma din tkun ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) [KE]. Il-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju favur ir-ristrutturazzjoni hija għajnuna illegali għar-ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-għajnuna nnotifikata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mil-linji gwida, miżura li tinkludi implementazzjoni parzjali ta’ din l-għajnuna hija inkompatibbli wkoll. Il-fatt li din il-miżura ġiet implementata fuq deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali huwa mingħajr rilevanza f’dan ir-rigward, peress li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu, bħal fil-każ ta’ istituzzjonijiet pubbliċi oħra, li josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

(45) Il-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 9 250 000 ittrasferit lil [Kliq], fuq deċiżjoni tal-qorti nazzjonali, għandha bħala konsegwenza tiġi meqjusa bħala għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni illegali u inkompatibbli lil [Kliq]. Peress li hija ma tistax tiġi awtorizzata, din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22      Fir-rigward tas-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 35 750 000 mogħti lil Kliq Reïntegratie, il-Kummissjoni kkonstatat li dan ma kienx ġie kkonvertit f’kapital proprju b’mod li l-għajnuna inkwistjoni baqgħet meqjusa bħala għajnuna għas-salvataġġ. Fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tawtorizza l-pjan ta’ stralċ ta’ KG Holding u ta’ Kliq Reïntegratie, li fallew, sa fejn iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

–        “[Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għandu [j]irreġistra l-pretensjoni [tiegħu] fuq [KG Holding] u/jew [Kliq Reïntegratie] li tammonta għal EUR 35 750 000 bħala kreditur fil-proċediment ta’ falliment quddiem l-istralċarju.

–        [Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għandu [j]ħares li l-kumpannija tiġi stralċata b’mod li tintemm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li jimplika li l-attivitajiet tal-impriżi kkonċernati għandhom jiġu sospiżi u l-assi tagħhom għandhom jiġu ttrasferiti fl-iqsar żmien possibbli skont il-kundizzjonijiet tas-suq. B’mod ġenerali, meta impriża tinbiegħ kompletament, ikun hemm riskju li l-għajnuna mogħtija tgħaddi f’idejn min jixtri l-impriża inkwistjoni. Billi jiġu ttrasferiti biss l-assi tal-impriża, dan ir-riskju jonqos.”

23      Fir-rigward tal-għajnuna qadima mogħtija lil KG Holding meta ġiet ikkostitwita, il-Kummissjoni indikat li din kienet toħroġ mill-kuntest ta’ miżuri ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni u mill-proċedura inkwistjoni (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tenfasizza madankollu li hija għandha l-intenzjoni li tesponi l-opinjoni tagħha sabiex tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ kontradizzjonijiet ġodda bejn ir-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-qrati kompetenti, b’mod partikolari l-proċedura ġudizzjarja quddiem il-qorti Olandiża kif inhu espost fil-premessi 52 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata.

24      Il-premessi 52 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata jgħidu:

“(52) Skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni nnotifikat, [KG Holding] kellha tirrimborsa kompletament, qabel l-2016, is-self il-qadim li jammonta għal EUR 41 000 000, inkluża faċilità ta’ kreditu kondizzjonali taħt forma ta’ self korrenti awtorizzat ta’ EUR 17 000 000 […] li l-Istat kien ta fl-2002, taħt kundizzjonijiet tas-suq, wara l-kostituzzjoni ta’ [KG Holding] u li joħroġ mill-kuntest tal-miżuri ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

(53) Fi Frar tal-2006, [ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] informa lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra li l-istralċarji kienu talbu lill-qrati nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ falliment li jikkonċernaw [KG Holding] u [Kliq Reïntegratie], sabiex jordnaw lill-Istat iħallas il-faċilità ta’ kreditu kollu li kien iffriża fi Frar 2005 wara l-waqfien tal-ħlas minħabba li kien mistenni l-falliment ta’ [KG Holding] u ta’ [Kliq Reïntegratie].

(54) Il-Kummissjoni hija konxja tal-fatt li din il-kawża taqa’ taħt il-qorti nazzjonali kompetenti, li għandha tiddetermina jekk id-deċiżjoni tal-Istat kinitx skont il-ftehim dwar ix-xoljiment tal-faċilità ta’ kreditu.

(55) Il-Kummissjoni tqis li jekk id-deċiżjoni tal-Istat kienet skont il-ftehim, il-qorti kompetenti għandha tikkonferma din id-deċiżjoni u tiċħad it-talba tal-istralċarji. Madankollu, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali kellha tiddeċiedi li, anki jekk l-Istat osserva d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tagħha, huwa għandu jħallas, fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment, il-faċilità ta’ kreditu kollha lill-istralċarji, fejn din id-deċiżjoni tista’ tiġi meqjusa bħala għotja ta’ għajnuna ġdida min-naħa tal-Istat favur il-kredituri ta’ [KG Holding] u għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) [KE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni adottat, fid-deċiżjoni kkontestata, id-dispożittiv li ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mogħtija mir-[Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] taħt forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur [KG Holding] li tammonta għal EUR 45 000 000 ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mil-[linji gwida] u hija għaldaqstant inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1. [Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jadotta] l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mingħand [KG Holding] u mingħand [Kliq] il-parti tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 li [KG Holding] ittrasferiet lis-sussidjarja tagħha [Kliq] bħala self għas-salvataġġ li jammonta għal EUR 9 250 000 u li ġie kkonvertit f’kapital proprju, inklużi l-interessi relatati.

2. L-irkupru għandu jsir mill-iktar fis possibbli u skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-implementazzjoni immedjata u effettiva tad-[deċiżjoni kkontestata].

3. L-ammont li għandu jiġi rkuprat jinkludi interessi mid-data li fiha tqassam f’diversi partijiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tiegħu.

4.L-interessi msemmija fit-tielet paragrafu huma kkalkolati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

[Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għandu [j]irreġistra l-pretensjoni [tiegħu] fuq [KG Holding] u/jew [Kliq Reïntegratie] li tammonta għal EUR 35 750 000 bħala kreditur fil-proċediment ta’ falliment quddiem l-istralċarju. [Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għandu [j]ħares li l-impriżi jiġu stralċati b’mod li tintemm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li jimplika li l-attivitajiet tal-impriżi kkonċernati jiġu sospiżi u l-assi tagħhom jiġu ttrasferiti fl-iqsar żmien possibbli skont il-kundizzjonijiet tas-suq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Marzu 2007, J. R. Maas, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ KG Holding (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent 1”), J. R. Maas u C. van den Bergh, fil-kapaċità tagħhom bħala stralċarji ta’ Kliq BV (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent 2”), u J. L. M. Groenewegen, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ Kliq Reïntegratie (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent 3”), ippreżentaw dan ir-rikors.

27      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Novembru 2008, il-Kawżi T-81/07, T-82/07 u T-83/07 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni kkomunikat l-ittra tagħha tal-31 ta’ Ottubru 2008 dwar il-Kawżi T-81/07 u T-82/07 indirizzata lill-awtoritajiet Olandiżi. Ir-rikorrenti 1 u 2 ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-ittra permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Novembru 2008.

29      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fl-10 ta’ Diċembru 2008.

30      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

32      Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, żbalji ta’ fatt u ta’ liġi, nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt li jinstemgħu l-partijiet kif ukoll prinċipji ġenerali tad-dritt u diversi ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE.

33      Għall-finijiet tal-eżami ta’ dan ir-rikors, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-diversi partijiet ikkontestati tad-deċiżjoni kkontestata:

–        il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17 000 000 mogħti lil KG Holding mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, imsemmija fil-premessi 51 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata li tammonta għal EUR 45 000 000, iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        l-irkupru mingħand KG Holding u mingħand Kliq tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 9 250 000 ikkonvertit f’kapital proprju kif ukoll tal-interessi relatati sad-data tal-irkupru tiegħu, previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        ir-reġistrazzjoni tal-pretensjoni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000, bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju, sabiex jirkupra l-parti mill-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lil Kliq Reïntegratie, prevista fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

1.     Osservazzjonijiet preliminari

34      Sabiex tipprepara s-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkomunikat ir-rapport għas-seduta lill-partijiet qabel is-seduta u stiednet il-partijiet sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet eventwali dwar dan ir-rapport jew b’mod orali matul is-seduta, jew bil-miktub fi żmien utli qabel is-seduta. Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti 1 u 2 ippreżentaw ċerti osservazzjonijiet bil-miktub dwar ir-rapport għas-seduta. Fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza, essenzjalment, sabiex ma tiħux dawn l-osservazzjonijiet inkunsiderazzjoni.

35      Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors u r-risposta jistgħu jiġu kkompletati permezz tar-replika tar-rikorrent u permezz ta’ kontroreplika tal-konvenut. Peress li r-rikorrenti 1 u 2 ippreżentaw ir-rikorsi u r-repliki tagħhom u l-Kummissjoni ppreżentat ir-risposti u l-kontrorepliki tagħha, fir-rigward tal-Kawżi T-81/07 u T-82/07, il-proċedura bil-miktub ilha magħluqa sa mill-14 ta’ Jannar 2008. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li n-nota tar-rikorrenti 1 u 2 tat-8 ta’ Diċembru 2008 toħroġ, parzjalment, mill-kuntest tal-osservazzjonijiet fuq ir-rapport għas-seduta

2.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi fil-Kawżi T‑81/07 u T‑83/07 fir-rigward tal-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17 000 000 mogħti lil KG Holding mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

 Argumenti tal-partijiet

36      Il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà tal-ilmenti li jikkonċernaw il-faċilità ta’ kreditu. L-evalwazzjonijiet tagħha magħmulin fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex tali li jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

37      Ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu li l-Kummissjoni ddeċidiet, bi żball ta’ liġi, fil-premessi 51 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar faċilità ta’ kreditu taħt forma ta’ kont kurrenti, li jirrappreżenta ammont ta’ EUR 17 000 000, li, fil-fehma tagħhom, ingħatat lil KG Holding mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi meta hija ġiet ikkostitwita u li ma kinitx is-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Kummissjoni għaldaqstant eċċediet il-kompetenza tagħha u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u d-dritt li jinstemgħu l-partijiet, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt, inkluż id-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2000, C 364, p. 1), il-prinċipju ta’ trasparenza u l-obbligu tagħha ta’ diliġenza.

38      Il-Kummissjoni tinvestiga, fil-premessi 51 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, kreditu pubbliku mogħti fl-2002 mill-Istat lil KG Holding. Dan jirrigwarda faċilità ta’ kreditu taħt forma ta’ kont kurrenti fi ħdan bank, li jammonta għal EUR 17 000 000, marbut ma’ garanzija pubblika, mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-2002, taħt kundizzjonijiet tas-suq, u li f’dan ir-rigward ir-rikorrent 1 u r-rikorrent 3 talbu l-implementazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ċivili quddiem ir-Rechtbank Den Haag (Tribunal distrettwali tal-Aja). Mingħajr ma mmotivat il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li deċiżjoni tal-qorti nazzjonali, li tikkonkludi li l-Istat kien marbut li jikkonforma ruħu ma’ dan l-obbligu, li ġie fis-seħħ fl-2002, huwa ekwivalenti għal deċiżjoni ta’ ogħti ta’ għajnuna ġdida mill-Istat, favur il-kredituri ta’ KG Holding.

39      Ir-rikorrenti 1 u 3 jenfasizzaw li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha billi ddeċidiet dwar miżura li hija s-suġġett ta’ kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali.

40      Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni mhijiex immotivata biżżejjed skont l-Artikolu 253 KE. Il-Kummissjoni stabbilixxiet fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata li l-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17 000 000 ingħatat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi taħt il-kundizzjonijiet tas-suq u li ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat. Peress li l-għoti tas-self lil impriża mill-Istat ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, id-deċiżjoni meħuda mill-qorti kompetenti, taħt id-dritt nazzjonali, li tikkundanna lil dan l-Istat sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu, skont ftehim li, meta ġie konkluż, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u sabiex jonora l-faċilità ta’ kreditu, iktar u iktar m’għandux jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni ta’ għoti ta’ għajnuna ġdida mill-Istat. Impriża kummerċjali tkun kostretta wkoll, li kieku kienet tinsab fis-sitwazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tonora l-faċilità ta’ kreditu mifthiema.

41      Barra minn hekk il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17 000 000 ma tidħolx fil-kuntest tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ KG Holding, innotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 88(3) KE.

42      Anki jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien, f’kull mument, ikkumplementa n-notifika tiegħu billi żied din il-faċilità ta’ kreditu, dwar liema każ ir-rikorrenti 1 u 3 ma ġewx informati, din il-kwistjoni madankollu ma tidħolx fil-kuntest tal-eżami tal-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE. Fid-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2005, f’kull każ, ma saret ebda riferenza għal dan.

43      Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ trasparenza u l-obbligu ta’ diliġenza jeżiġu li l-persuni interessati potenzjali jistgħu jsiru jafu b’mod ċar, abbażi tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, liema huma n-natura u l-portata tal-miżura suġġetta għal investigazzjoni f’iktar dettall. Il-fatt li l-Kummissjoni tiddeċiedi, anki jekk mhux b’mod restrittiv, fuq miżura, sew jekk ikollha sew jekk ma jkollhiex rabta mas-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u sa fejn din il-miżura ma tkunx ġiet iċċitata fid-deċiżjoni, mhuwiex kompatibbli ma’ dawn il-prinċipji.

44      Bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, il-faċilità ta’ kreditu ma taqax taħt il-punt 5 tal-Anness tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

45      Ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat skont il-liġi, fil-premessi 51 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17 000 000 u li, b’mod żbaljat, hija kkwalifikat din il-faċilità ta’ kreditu bħala għajnuna ġdida mill-Istat li għandha tiġi nnotifikata fil-każijiet fejn l-Istat għandu jħallas din is-somma kollha lill-istralċarji. Din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tikser id-drittijiet tad-difiża tagħhom, id-dritt tagħhom li jinstemgħu, l-obbligu tagħha ta’ diliġenza u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza.

46      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-Kummissjoni ma jaqblilhiex li fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni hija tiddeċiedi dwar miżuri derivanti mill-qafas tad-dispożittiv tal-istess deċiżjoni. Madankollu, fil-każ inkwistjoni, jeħtieġ biss li jiġi kkonstatat li, ikunu xi jkunu l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, huwa biss id-dispożittiv tagħha li jista’ jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jista’ jikkawża preġudizzju. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet ifformulati fil-motivi ta’ deċiżjoni ma jistgħux, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Dawn ma jistgħux jitqiegħdu taħt l-istħarriġ tal-legalità mill-qorti Komunitarja ħlief fil-każ fejn, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-164/02, Ġabra p. I-1177, punt 21) jew jekk, b’mod aktar partikolari, dawn il-motivi jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv tal-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T-251/00, Ġabra p. II‑4825, punt 68 ; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2007, EnBW vs Il-Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra p. II‑1195, punt 127).

47      Għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, l-evalwazzjonijiet ikkontestati tal-Kummissjoni, li jikkonċernaw il-faċilità ta’ kreditu, ma jikkostitwixxux il-bażi neċessarja tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Lanqas ma jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dan id-dispożittiv. Fil-fatt, ġaladarba l-Kummissjoni f’dan id-dispożittiv ikkonstatat li l-għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi taħt il-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur KG Holding, li tammonta għal EUR 45 000 000, kienet inkompatibbli mas-suq komuni u li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mingħand KG Holding u minn Kliq il-parti tal-għajnuna li tammonta għal EUR 9 250 000 u jirreġistra l-pretensjoni tiegħu fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000, għandu jiġi osservat li dan id-dispożittiv ma jikkomportax teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17 000 000.

48      Għaldaqstant, ir-rikorsi fil-Kawżi T‑81/07 u T‑83/07 huma inammissibbli sa fejn huma diretti kontra ċ-ċirkustanzi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li jikkonċernaw il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17 000 000.

3.     Fuq il-mertu

49      Jeħtieġ li jiġu eżaminati l-ilmenti li jikkonċernaw l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata li tammonta għal EUR 45 000 000 (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata), l-irkupru mingħand KG Holding u minn Kliq tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 9 250 000 ikkonvertit f’kapital proprju kif ukoll tal-interessi relatati sad-data tal-irkupru tiegħu (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-reġistrazzjoni tal-pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-konsegwenzi tal-falliment għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat (Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Fuq l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-għaujnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata li tammonta għal EUR 45 000 000 (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata)

 Argumenti tal-partijiet

50      Il-partijiet rikorrenti jsostnu li, bi ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li għajnuna kkonċernata kienet taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Minn tal-inqas, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, mhumiex immotivati biżżejjed u jmorru kontra l-Artikolu 253 KE.

51      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-partijiet rikorrenti, l-ewwel sentenza ta’ din il-premessa, li tgħid li l-fatt li KG Holding topera biss fis-suq Olandiż ma jeskludix li vantaġġ mogħti lilha tista’ tkun ta’ distorsjoni jew thedded li tkun ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni u li tista’ tkun tali li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tikkostitwixxi sempliċi affermazzjoni.

52      Fit-tieni sentenza tal-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tippreċiżax liema huma l-iktar impriżi ta’ daqs żgħir li huma attivi fis-suq Olandiż. Barra minn hekk, hija ma tispjegax sa fejn il-preżenza ta’ sussidjarji ta’ dawn l-impriżi fis-suq Olandiż hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kompetizzjoni hijiex distorta b’mod sinjifikanti u lanqas ma tispjega l-konsegwenzi li din tikkawża fir-rigward tal-kummerċ bejn Stati Membri. Matul is-seduta, il-partijiet rikorrenti kkontestaw in-natura internazzjonali ta’ dawn l-impriżi fir-rigward tas-suq komuni.

53      Fit-tielet sentenza tal-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE jidhru li ġew sodisfatti. Il-Kummissjoni jmissha stabbilixxiet li dawn il-kundizzjonijiet ġew effettivament sodisfatti u ma tistax tissodisfa lilha nnifisha mill-fatt li dawn il-kundizzjonijiet jidhru li ġew sodisfatti.

54      Fir-rigward tal-konsegwenzi tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ mogħti lil KG Holding f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tas-self ta’ salvataġġ u tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni inkwistjoni.

55      Skont ir-rikorrenti 1 u 3, is-self ta’ salvataġġ approvat, li jammonta għal EUR 45 000 000, kien fl-ewwel lok intiż għall-istralċ ta’ Kliq Reïntegratie: EUR 35 750 000 tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Kliq Reïntegratie minn KG Holding sabiex jiġi ffinanzjat il-pjan ta’ tluq ta’ madwar 1 000 impjegat kif ukoll spejjeż oħra sostnuti fil-kuntest tal-istralċ ta’ Kliq Reïntegratie. Dan l-ammont ma setax jiġi rrimborsat u ma jistax għaldaqstant jaffettwa l-kompetizzjoni nazzjonali u jkollu konsegwenzi sinjifikanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

56      Skont ir-rikorrent 2, fir-rigward ta’ Kliq, il-Kummissjoni ma tindikax fhiex it-tpaċija bejn iż-żewġ debiti jista’ jkollha konsegwenzi sinjifikanti fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Din it-tpaċija ma timplikax biss fil-fatt, fir-rigward ta’ sitwazzjoni li fiha hija ma saritx, vantaġġ għall-kredituri kollha ta’ KG Holding u mhux għal Kliq.

57      Fir-repliki tagħhom, il-partijiet rikorrenti jenfasizzaw li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija wkoll inkompatibbli ma’ dak li l-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003. Fil-punt 3.2.2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-konsegwenzi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri kienu ineżistenti jew kemm kemm perċepibbli. Barra minn hekk, meta rreferiet għad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha fil-kuntest tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa differenti ħafna minn dak li hija għandha fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Il-partijiet rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax tagħti l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata a posteriori. B’riferenza għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2005 dwar il-miżura ta’ għajnuna N 465/2005 (ĠU 2006, C 9, p. 5), il-partijiet rikorrenti jqisu li l-elementi msemmija mill-Kummissjoni fir-risposti tagħhom mhumiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura ta’ għajnuna setgħetx twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

59      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti magħmulin mill-partijiet rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60      Fir-rigward tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontesatata, il-partijiet rikorrenti jikkontestaw, minn naħa, il-motivazzjoni allegatament insuffiċjenti fir-rigward tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u fuq il-fatt li jintlaqat il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

61      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu informati bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u bil-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35).

62      Il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, min-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha u għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 16, u Franza vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 36).

63      Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk jista’ jirriżulta, f’ċerti każijiet, miċ-ċirkustanzi nnifishom li fihom ingħatat l-għajnuna li din hija ta’ natura li tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri u li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fuq il-kompetizzjoni, hija madankollu l-Kummissjoni li għandha ssemmi dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 24; tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, punt 66, u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑334/99, Ġabra p. I‑1139, punt 59).

64      Għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni hija marbuta li ma tistabbilixxix effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membru u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda għandha biss teżamina jekk l-għajnuna tistax tolqot dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra p. I‑3679, punt 44). F’dan ir-rigward, il-kunċett “tolqot” il-kummerċ bejn Stati Membri jinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ dan l-effett (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra p. I‑10901, punt 112).

65      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret, b’mod partikolari, il-fatt li l-miżura kontenzjuża kienet tikkonsisti f’li tikkonverti f’kapital proprju l-għajnuna għas-salvataġġ li kien jammonta għal EUR 45 000 000 mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KG Holding (premessi 8 u 22). Barra minn hekk, hija indikat li l-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lil KG Holding u l-konverżjoni tagħha f’kapital proprju kienu jimplikaw l-eżistenza ta’ vantaġġ li impriża li kienet tinsab fl-istess tip ta’ diffikultà u li kienet tinsab fuq l-għatba tal-falliment ma kinitx tikseb fis-suq finanzjarju (premessa 22). Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li impriżi internazzjonali ta’ daqs iżgħar, bħal TMP u Creyff’s (sussidjarja ta’ Solvus, il-Belġju), kienu attivi fis-suq Olandiż li fih kienet topera wkoll KG Holding (premessa 23). Sussegwentement hija kkonkludiet li l-vantaġġ inkwistjoni deher li kien qiegħed jiffavorixxi impriża fil-konfront tal-kompetituri tagħha, liema fatt kien qed joħloq distorsjoni jew kien qed jhedded li joħloq distorsjoni fuq il-kompetizzjoni u kien qed jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessa 23). Fir-rigward tad-daqs ta’ KG Holding u Kliq Reïntegratie, il-Kummissjoni indikat li dawn l-impriżi kienu jimpjegaw madwar 2 000 persuna (premessi 9 u 10) u li l-kapital azzjonarju ta’ KG Holding kien jammonta għal madwar EUR 73 000 000 fil-1 ta’ Jannar 2002 (premessa 32).

66      B’hekk, il-Kummissjoni esponiet b’mod ċar biżżejjed il-fatti u ċ-ċirkustanzi ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Billi qajmet dawn l-elementi, il-Kummissjoni ppreżentat biżżejjed elementi biex tistabbilixxi li l-għajnuna inkwistjoni setgħet tolqot il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

67      Din il-motivazzjoni tippermetti lill-partijiet rikorrenti u lill-Qorti tal-Prim’Istanza jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx eskluż li l-operazzjoni kontenzjuża tista’ tagħti lok għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

68      Fir-rigward tal-argument tal-partijiet rikorrenti li jgħidu li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward hija inkompatibbli mal-punt 3.2.2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, għandu jiġi enfasizzat li din l-aħħar deċiżjoni ma kinitx tikkonċerna l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, iżda l-għajnuna għas-salvataġġ. Fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2005, dwar il-miżura ta’ għajnuna N 465/2005 dwar is-servizzi ta’ sostenn fl-iskola, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jindikawx fhiex din id-deċiżjoni hija rilevanti għall-każ inkwistjoni. F’kull każ, din id-deċiżjoni ma tistax tikkontesta n-natura adegwata tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

69      Għaldaqnstant, l-argument dwar allegat nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

70      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u fuq kif jintlaqat il-kummerċ, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-għajnuna inkwistjoni tistax tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk toħloqx distorsjoni jew theddidtx li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

71      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li jirriżulta mill-ġurisprudenza li kull għoti ta’ għajnuna lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq Komunitarju tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/00, Ġabra p. II‑1385, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Qabel kollox, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa paċifiku li l-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 45 000 000 ingħatat taħt forma ta’ self mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KG Holding, li minnha EUR 9 250 000 ġew ittrasferiti b’self lil Kliq, filwaqt li EUR 35 750 000 kienu intiżi għal Kliq Reïntegratie b’osservanza tal-impenji kuntrattwali fis-seħħ u biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ pjan soċjali.

73      Skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, is-self ta’ EUR 45 000 000 mogħti lil KG Holding kellu jiġi kkonvertit f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-istess kumpannija. Din il-konverżjoni kellha timmaterjalizza ruħha permezz tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ mogħti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KG Holding f’kapital proprju ta’ KG Holding kif ukoll permezz tal-attribuzzjoni ta’ ammont ta’ EUR 9 250 000 minn dan is-self lil Kliq u ta’ ammont ta’ EUR 35 750 000 minn dan is-self lil Kliq Reïntegratie.

74      L-effett intenzjonat tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kien li KG Holding tinħeles mid-debitu kunsiderevoli – fid-dawl tal-kapital soċjali ta’ madwar EUR 73 000 000 fl-1 ta’ Jannar 2002 – ta’ EUR 45 000 000. Fir-rigward ta’ Kliq, dan it-tqegħid f’disponibbiltà kellu jkollu bħala effett li jikkonverti s-self ta’ EUR 9 250 000 f’kapital proprju. L-għajnuna inkwistjoni kellha ttejjeb il-mezzi ta’ azzjoni ta’ KG Holding u ta’ Kliq u, għaldaqstant, il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn l-impriżi.

75      Fir-rigward ta’ Kliq Reïntegratie, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna intiża sabiex teħles impriża minn spejjeż li hija normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha bħala regola toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra p. II‑1675, punti 48 u 77; tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 43, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Ter Lembeek vs Il-Kummissjoni, T-217/02, Ġabra p. II-4483, punt 177). L-għajnuna intiża għar-ristrutturazzjoni kellha teħles lil din tal-aħħar minn debitu ta’ EUR 35 750 000. Fir-rigward tal-argument tal-partijiet rikorrenti li jgħid li l-ammont ta’ EUR 35 750 000 kien intiż għall-istralċ ta’ Kliq Reïntegratie, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 li dan l-ammont kien intiż sabiex jiġu osservati l-impenji kuntrattwali u sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ pjan soċjali. Kliq Reïntegratie kellha għaldaqstant tinħeles mill-ispejjeż li hija normalment kellha tbati.

76      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, meta għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu magħha fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala affettwati mill-għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 11, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 47; sentenza Ter Lembeek vs Il‑Kummissjoni, punt 75, iktar ’il fuq, punt 181).

77      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-għajnuna intiża għar-ristrutturazzjoni li tammonta għal EUR 45 000 000 issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ KG Holding u taż-żewġ sussidjarji tagħha, Kliq u Kliq Reïntegratie, meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħhom fis-suq Olandiż, li fosthom hemm, kif inhu indikat fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, impriżi internazzjonali, bħal TMP u Creyff’s.

78      Fis-seduta, il-partijiet rikorrenti kkontestaw in-natura internazzjonali ta’ dawn l-impriżi fir-rigward tas-suq komuni billi sostnew li l-effetti tal-attivitajiet tagħhom kienu interni għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet rikorrenti ma pproduċew ebda prova f’dan ir-rigward. Għaldaqstant huma ma setgħux jipprovaw li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-impriżi kkonċernati kienu ta’ natura internazzjonali, ma kinitx eżatta.

79      Ġaladarba l-għajnuna kontenzjuża ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-partijiet rikorrenti meta mqabbla ma’ impriżi oħra kompetituri, b’mod partikolari impriżi internazzjonali li joffru servizzi paragunabbli wkoll fi Stati Membri oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-kummerċ intra-Komunitarju huwa affettwat mill-għajnuna.

80      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-għajnuna kontenzjuża setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

81      Jirriżulta minn dak li ntqal li l-argumenti tal-partijiet rikorrenti dwar l-inkompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq komuni għandha tiġi miċħuda. Għaldaqstant, it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex fondata.

 Fuq l-irkupru mingħand KG Holding u mingħand Kliq tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 9 250 000 kif ukoll tal-interessi relatati sad-data tal-irkupru tiegħu (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata)

 Argumenti tal-partijiet

82      Ir-rikorrenti 1 u 2 isostnu li l-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat, fil-premessi 43 as 46 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar id-disponibbiltà tal-ishma fil-pussess ta’ KG Holding fi Kliq permezz tat-tpaċija bejn l-obbligu li għandha KG Holding li trendi dawn l-ishma disponibbli u d-debitu li din tal-aħħar għandha fil-konfront ta’ Kliq skont il-ftehim ta’ self. Din il-kwistjoni ma tagħmilx parti mis-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-5 ta’ Awwissu 2005. Il-Kummissjoni għaldaqstant eċċediet il-kompetenza tagħha u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u d-dritt tagħhom li jinstemgħu, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt, inkluż id-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ trasparenza u l-obbligu tagħha ta’ diliġenza.

83      It-tpaċija inkwistjoni ma tidħolx fil-kuntest tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur KG Holding, innotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 88(3) KE fis-26 ta’ Jannar 2004.

84      Anki jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jtemm in-notifika tiegħu billi jżid din it-tpaċija ppjanata fost l-obbligi, dwar liema każ ir-rikorrenti 1 u 2 ma ġewx informati, din il-kwistjoni ma tidħolx fil-kuntest tal-investigazzjoni u tal-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE. Fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, m’hemm ebda riferenza għal dan. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-konverżjoni f’kapital proprju ma tissemmiex fl-Anness tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

85      Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ trasparenza u l-obbligu ta’ diliġenza jeħtieġu li l-persuni interessati potenzjali jkunu jistgħu jafu b’mod ċar, abbażi tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, liema huma n-natura u l-portata tal-miżura suġġetta għal investigazzjoni f’iktar dettall. Mhuwiex kompatibbli ma’ dawn il-prinċipji l-fatt li l-Kummissjoni tiddeċiedi, anki jekk mhux restrittivament, fuq miżura, sew jekk ikollha sew jekk ma jkollhiex rabta mas-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jekk din id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma ssemmix din il-miżura.

86      Fir-repliki tagħhom, ir-rikorrenti 1 u 2 jsostnu, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, li din mhijiex kwistjoni ta’ emenda tal-miżura ta’ għajnuna nnotifikata wara l-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE. Mill-fatt li KG Holding, wara n-notifika tas-26 ta’ Jannar 2004, ġiet iddikjarata falluta fit-8 ta’ Frar 2005, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef kull kontroll fuq KG Holding u s-sussidjarji tagħha, fosthom Kliq Reintegratie u Kliq. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sar kreditur ordinarju, mingħajr ebda dritt ta’ kontroll. Din it-tpaċija, magħmula b’mod unilaterali minn Kliq, m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala att tal-Istat Membri jew element tal-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 88(2) KE.

87      Ir-rikorrent 2 isostni wkoll li l-Kummissjoni, fil-premessi 43 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, iddeċidiet b’mod żbaljat li Kliq kellha tiġi kkunsidrata bħala l-benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 9 250 000. Il-Kummissjoni jmissha, fil-fehma tiegħu, ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju ma setgħetx tiġi attribwita lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li din ma setgħetx għaldaqstant tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Id-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata mill-aspett tad-dritt u/jew ta’ fatt, u mhux immotivata biżżejjed, b’kuntrast mal-Artikoli 87 KE u/jew 253 KE.

88      Skont ir-rikorrent 2, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat taħt it-titolu “Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni”, u mhux taħt it-titolu “Eżistenza ta’ għajnuna”.

89      Biex tevalwa miżura, il-Kummissjoni straħet fuq data ta’ fatt mhux korretta li jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata. Bil-kontra ta’ dak li hija tallega, id-digriet tar-rechter-commissaris ma jindirizzax lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda biss lill-istralċarju ta’ KG Holding, li ma jistax jiġi pparagunat jew meqjus bħala Stat. Barra minn hekk il-Kummissjoni tallega b’mod żbaljat li l-qorti ordnat lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jikkonvertu s-self f’kapital proprju, meta hija ordnat biss lill-istralċatir ta’ KG Holding sabiex jippermetti t-tpaċija għal Kliq.

90      Il-falliment ta’ KG Holding, fit-8 ta’ Frar 2005, biddel is-sitwazzjoni. L-aġir tal-istralċarju ta’ KG Holding, sew jekk jaġixxi fuq mandat tar-rechter-commissaris sew jekk bl-awtorizzazzjoni tiegħu, ma jistax jiġi attribwit lill-Istat. L-istralċarju ta’ KG Holding mhuwiex organu tal-Istat, ma jaġixxix f’isem l-azzjonista (l-Istat), u dan l-istess Stat ma jistax jagħti direttivi lill-istralċarju ta’ KG Holding jew lir-rechter-commissaris jew jeżerċita kontroll. L-istralċarju huwa rregolat mid-dritt Olandiż tal-falliment. L-Artikolu 87(1) KE mhuwiex għaldaqstant applikabbli għall-atti u għad-deċiżjonijiet tal-istralċarju.

91      Fil-qasam tal-fallimenti, ir-rechter-commissaris jitqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE.

92      Is-sempliċi fatt li impriża pubblika tinsab taħt il-kontroll tal-Istat mhuwiex biżżejjed sabiex miżuri ta’ għajnuna finanzjarja jiġu attribwiti lill-Istat. Jibqa’ xorta waħda meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li kienu involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Minħabba l-falliment u l-ħatra tal-istralċarju, ir-riżorsi finanzjarji ta’ KG Holding u ta’ Kliq m’għadhomx, sa mit-8 ta’ Frar 2005 suġġetti b’mod kostanti għall-iskrutinju pubbliku u lanqas ma għadhom għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Jirriżulta mill-Premssa 36 tad-deċiżjoni kkontestata li l-awtoritajiet Olandiżi fl-ebda mument ma setgħu jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa.

93      Is-supremazija tad-dritt Komunitarju li tevoka l-Kummissjoni fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-Artikolu 88(3) KE, ma joħolqux, f’dan il-każ, l-iċken obbligu għall-istralċarju ta’ KG Holding. Skont ir-rikorrent 2, it-tpaċija kienet fl-interess tal-kredituri kollha ta’ KG Holding. Din hija r-raġuni li għaliha r-rechter-commissaris, mingħajr ma kiser id-dritt Komunitarju, seta’ jilqa’ din it-talba, fejn id-digriet tiegħu kien, fih innifsu, kompatibbli mas-suq komuni.

94      Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent 2 jenfasizza li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tpaċija unilaterali magħmula minn Kliq kienet miżura differenti għal dik innotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-miżura nnotifikata tikkonsisti fid-deċiżjoni ppjanata tal-awtoritajiet Olandiżi li jagħtu għajnuna għar-ristrutturazzjoni lil KG Holding permezz tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ, li jammonta għal EUR 45 000 000, u tal-interessi dovuti fuqu, f’kapital proprju. Il-miżura li l-Kummissjoni eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata hija d-digriet tar-rechter-commissaris li permezz tiegħu dan tal-aħħar jordna lill-istralċarju ta’ KG Holding sabiex jikkollabora mal-implementazzjoni tal-pjan imqassam fuq diversi stadji propost minn Kliq. Iż-żewġ miżuri jmisshom ġew eżaminati separatament fir-rigward tal-Artikolu 87(1) KE.

95      Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rechter-commissaris kellu l-kontroll tal-kapital ikkonċernat mhijiex eżatta. Kull parti interessata għandha d-dritt, skont id-dritt nazzjonali dwar il-falliment, li tippreżenta rikors quddiem ir-rechter-commissaris kontra att ta’ stralċarju. Dan ma jimplikax li minħabba f’hekk id-debitu huwa għad-dispożizzjoni tar-rechter-commissaris jew li għandu kontroll fuqu. Interpretazzjoni oħra tagħti lok għall-konsegwenza inaċċettabbli li kull miżura ta’ impriża li tiġi wara deċiżjoni ġudizzjarja għandha titqies li ġiet iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat u għaldaqstant li hi attribwibbli lill-Istat.

96      Fir-rigward tal-irkupru tal-interessi, ir-rikorrenti 1 u 2 isostnu li l-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat, fl-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mingħand KG Holding u mingħand Kliq l-għajnuna ta’ EUR 9 250 000, liema ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jinkludi l-interessi mid-data li fiha l-partijiet differenti tagħha tqegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tagħhom.

97      Fil-fehma tagħhom, id-dritt Olandiż tal-falliment jipprovdi li l-interessi dovuti wara d-data tad-dikjarazzjoni ta’ falliment ma jistgħux jiġu vverifikati iżjed. Huma jżidu li l-għajnuna illegali għandha tiġi rkuprata skont ir-regoli tal-proċedura tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn ir-regoli nazzjonali fil-prattika ma jrendux impossibbli l-irkupru tal-għajnuna.

98      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-debiti tal-impriżi li ġew iddikjarati falluti ma jkomplux jipproduċu interessi mid-data tad-dikjarazzjoni korrispondenti, ma tistax tiġi meqjusa li hi ta’ natura li trendi prattikament impossibbli l-irkupru tal-għajnuna meħtieġa mid-dritt Komunitarju.

99      Skont dawn ir-rikorrenti, l-interessi msemmija fl-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant jiddekorru sad-data li fiha KG Holding u Kliq ġew rispettivament iddikjarati falluti, u mhux sad-data tal-irkupru.

100    Fir-repliki tagħhom, ir-rikorrenti 1 u 2 jenfasizzaw li kien impossibbli għalihom, qabel id-deċiżjoni kkontestata, li jsiru jafu li l-Kummissjoni kienet se timponi fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi obbligu li jmur kontra r-regoli tad-dritt nazzjonali. Għaldaqstant huma ma naqsux mill-obbligu ta’ diliġenza li huma għandhom billi ma informawx lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali. Il-ftehim tal-Kummissjoni mal-Istat Membru, skont l-Artikolu 10 KE, fir-rigward tal-metodi ta’ rkupru mhuwiex biżżejjed. Huma jippreċiżaw li, sakemm id-deċiżjoni kkontestata ma tiġix annullata jew emendata fuq dan il-punt, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu l-obbligu li jirkupra wkoll l-interessi sad-data tal-irkupru effettiv.

101    Il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma ħarġitx mill-portata tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-impriżi kkonċernati, jiġifieri dawk tal-grupp Kliq, u t-tipi ta’ għajnuna li hija investigat, jiġifieri għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, baqgħu l-istess tul il-proċedura kollha. Barra minn hekk, fil-każ ta’ Kliq, il-konverżjoni ppjanata f’kapital proprju tad-debitu ta’ EUR 9 250 000 issemmiet fil-punt 3 tal-Anness tad-deċiżjoni li tinfetaħ l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

102    Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma setgħetx issemmi l-fatt speċifiku li din il-miżura ġiet ordnata mir-rechter-commissaris, peress li dan il-fatt huwa ulterjuri.

103    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-għajnuna kienet illegali. Hija żżid li, ladarba għajnuna hija illegali u li hija fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, kontra skema ta’ għajnuna li diġà ġiet implementata, hija ma tistax tkun marbuta li testendi din il-proċedura ladarba l-Istat Membru kkonċernat jemenda din l-iskema. Fil-fatt, fil-każ oppost, dan l-Istat ikun effettivament f’pożizzjoni li jtawwal din il-proċedura kif jixtieq hu b’hekk idewwem l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali.

104    Barra minn hekk, la r-rikorrenti 1 u 2 u lanqas il-kumpanniji li tagħhom huma l-istralċarji, ma qatt ippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE, minkejja li, huma stess jew rappreżentanti ta’ dawn il-kumpanniji kienu preżenti għal-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2005 mal-Kummissjoni.

105    Fil-kontrorepliki tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li d-“debt-for-equity-swap” (tpaċija ta’ debiti ma’ assi) kienet tiddependi mill-ftehim dwar is-self ta’ EUR 9 250 000 lil Kliq minn KG Holding. Dan ma jirrigwardax att unilaterali ta’ Kliq. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkontesta t-talba magħmula minn Kliq u indika lir-rechter-commissaris li l-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju kienet tirrikjedi l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rechter-commissaris ma ħax dan l-argument inkunsiderazzjoni. Fil-fehma tiegħu, fil-każ ta’ tpaċija u ta’ tqegħid f’disponibbiltà tal-ishma kollha, dan ikun jirrigwarda biss kif l-implementazzjoni ta’ għajnuna għas-salvataġġ awtorizzata hija rregolata skont il-liġi nazzjonali.

106    Il-konverżjoni ta’ EUR 9 250 000 tas-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju li l-istralċarju ordna tmur kontra l-punt 3.1 tal-linji gwida, li jgħidu li l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tkun f’forma ta’ garanziji ta’ self jew ta’ self u s-self ta’ salvataġġ għandhom jiġu rrimborsati fit-tnax-il xahar li jsegwu l-aħħar ħlas lill-impriża. Ir-rechter-commissaris ma interpretax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt Komunitarju, minkejja li kellu setgħa diskrezzjonali estiża fir-rigward tat-talba ta’ Kliq.

107    Skont il-Kummissjoni, li kieku kellhom jiġu milqugħa t-teżijiet difiżi mir-rikorrenti 1 u 2, il-konsegwenza tkun li ladarba Stat Membru jinnotifika pjan ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni u l-Kummissjoni tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li sussegwentement qorti tordna, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha, li tingħata din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, iġiegħel lill-Kummissjoni sabiex tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali oħra.

108    Filwaqt li tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent 2, il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-punt 6.2.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma analizzatx l-atti adottati mill-qasam tal-Eżekuttiv Olandiż, iżda d-digriet tar-rechter-commissaris tat-22 ta’ Awwissu 2005. L-atti mwettqa mill-istralċarju fuq il-bażi tiegħu huma attribwibbli lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, peress li twettqu fuq ordni ta’ membru tal-Ġudikatura Olandiża.

109    Il-Kummissjoni tindika li dan jirrigwarda riżorsi tal-Istat, li joħorġu b’mod partikolari mill-Eżekuttiv tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, taħt forma ta’ self ta’ salvataġġ li bħala prinċipju jmisshom ġew irrimborsati lill-Istat. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari l-Ġudikatura tagħha, kellha l-kontroll fuq dan il-kapital. Huwa ordna l-konverżjoni tas-self f’kapital proprju.

110    Skont il-Kummissjoni, id-digriet tar-rechter-commissaris mhuwiex kompatibbli mas-suq komuni. Kreditur ma jikkonvertix is-self tiegħu f’kapital proprju ta’ impriża f’diffikultà. Il-possibbiltajiet tiegħu li jirkupra parti mill-ammont dovut lilu fil-każ ta’ falliment jonqsu kunsiderevolment. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-ftehim ta’ self bejn KG Holding u Kliq jinkludi projbizzjoni ta’ tpaċija. Li kieku r-rechter-commissaris ma kienx ħareġ id-digriet tiegħu, għaldaqstant Kliq ma kien ikollha ebda possibbiltà li ġġiegħel lil KG Holding sabiex tikkonverti s-self f’kapital proprju.

111    Il-ġurisprudenza kkonfermat ukoll bosta drabi li l-atti tal-qrati jistgħu jirriżultaw f’għajnuna mill-Istat.

112    Anki li kieku d-digriet tar-rechter-commissaris tat-22 ta’ Awwissu 2005 ma jikkostitwixxix att attribwibbli lill-Istat u lanqas għaldaqstant għajnuna mill-Istat, dan ma biddilx il-konklużjoni tiegħu li tgħid li s-self ta’ EUR 9 250 000 kellu jiġi rkuprat. F’dan il-każ, kien ikun hemm applikazzjoni abbużiva ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikoli 14 u 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Il-Kummissjoni tidher li tat il-kunsens tagħha biss għal għajnuna għas-salvataġġ taħt forma ta’ self rimborsabbli f’perijodu qasir. Issa, dan is-self ġie kkonvertit, mingħajr il-kunsens tagħha, f’kapital proprju sa minn tmiem ix-xahar ta’ Awwissu 2005. Jekk din il-konverżjoni ma kinitx attribwibbli lill-Istat, hija kellha għaldaqstant tkun attribwibbli lil xi ħadd ieħor. Li kieku dan kellu jkun il-każ, din il-persuna tkun użat l-għajnuna b’mod differenti minn kif aċċettat, li jfisser li jikkostitwixxi applikazzjoni abbużiva ta’ għajnuna mill-Istat.

113    Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kontenut tal-pjan imqassam fuq diversi stadji kien ekwivalenti għad-“debt-for-equity-swap” li hija ddeskriviet fil-punt 3 tal-Anness tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Id-digriet tar-rechter-commissaris li jikkonċerna l-konverżjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni huwa kontra d-dritt Komunitarju u huwa attribwibbli lill-Istat. F’dan il-każ, dan ma jirrigwardax riżorsi disponibbli dovuti għal benefiċċji ġġenerati minn Kliq, iżda riżorsi li jirriżultaw minn self ta’ salvataġġ mogħti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

114    Fir-rigward tal-irkupru tal-interessi, il-Kummissjoni ssostni li ħadd, b’mod partikolari mhux ir-rikorrenti 1 u 2, ma kienu informawha dwar il-leġiżlazzjoni Olandiża qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni speċifika qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx possibbli għaliha li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha li jordnaw l-irkupru, tal-leġiżlazzjonijiet kollha nazzjonali possibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

115    Ir-rikorrenti 1 u 2 isostnu, essenzjalment, li t-tpaċija bejn l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli u s-self li jammonta għal EUR 9 250 000 ma kienx jagħmel parti mis-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Skont il-Kummissjoni, din it-tpaċija għandha titqies li hija implementazzjoni parzjali tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fir-rigward tal-interessi li għandhom jiġu rkuprati, skont ir-rikorrenti 1 u 2, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat, li dawn jiddekorru sad-data tal-irkupru.

116    Qabel kollox għandu jiġi eżaminat jekk it-tpaċija bejn l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli u d-debitu li jammonta għal EUR 9 250 000 li saret wara d-digriet tar-rechter-commissaris kinitx tagħmel parti mis-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

117    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effikaċi fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali fejn matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309, punt 138). L-uniku għan tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE huwa li l-Kummissjoni tiġi obbligata tara li l-persuni kollha potenzjalment interessati jiġu informati u jkollhom l-opportunità li jesponu l-argumenti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 17).

118    Skont il-punt 1 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-suġġett tagħha hija n-notifika tas-26 ta’ Jannar 2004, li permezz tagħha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ħabbret l-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna għar-ristrutturazzjoni lil KG Holding. Il-punt 15 ta’ din id-deċiżjoni jippreċiża li l-miżura inkwistjoni hija intiża sabiex tikkonverti l-għajnuna għas-salvataġġ mogħti mill-Istat lil KG Holding, kif ukoll l-interessi relatati magħha, f’kapital proprju. Din il-konverżjoni tagħmel parti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, hekk kif espost fil-punt 10 ta’ din id-deċiżjoni. Skont dan il-pjan, l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tikkonsisti fl-attribuzzjoni minn KG Holding tas-self ta’salvataġġ mill-Istat li jammonta għal EUR 9 250 000 lil Kliq u, sussegwentement, fil-konverżjoni ta’ dan is-self f’kapital proprju. Din il-miżura ta’ ristrutturazzjoni hija wkoll imsemmija fil-punt 3 tal-Anness tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

119    It-tpaċija bejn l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli u d-debitu li jammonta għal EUR 9 250 000 ma tissemmiex fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, id-digriet ikkonċernat tar-rechter-commissaris huwa datat it-22 ta’ Awwissu 2005 u għaldaqstant ingħata wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-5 ta’ Awwissu 2005. Il-Kummissjoni ma kinitx għaldaqstant f’pożizzjoni li ssemmi din it-tpaċija fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

120    Issa, għandha ssir distinzjoni bejn din it-tpaċija, li saret wara d-digriet tar-rechter-commissaris, u s-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni nnotifikat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-Kummissjoni.

121    Fir-rigward ta’ din it-tpaċija, jirriżulta mill-proċess, u b’mod partikolari mid-digriet tar-rechter-commissaris tat-22 ta’ Awwissu 2005, li din hija prevista fil-pjan imqassam fuq diversi stadji, stabbilit minn Kliq. Skont dan il-pjan imqassam fuq diversi stadji, KG Holding kellha timplementa l-obbligu tagħha fir-rigward ta’ Kliq u trendi disponibbli l-ishma li hija kienet tippossjedi fi Kliq billi topera din it-tpaċija u dawn l-ishma kellhom sussegwentement jinbiegħu.

122    Fil-każ inkwistjoni, Kliq talbet lir-rechter-commissaris, skont l-Artikolu 69 tal-Faillissementswet (Liġi Olandiża fuq il-falliment), sabiex jordna lill-istralċarju ta’ KG Holding sabiex jikkollabora fit-twettieq ta’ dan il-pjan imqassam fuq diversi stadji.

123    Fid-digriet tiegħu tat-22 ta’ Awwissu 2005, ir-rechter-commissaris laqa’ t-talba ta’ Kliq. B’mod impliċitu, huwa għaldaqstant ordna lill-istralċarju ta’ KG Holding sabiex jeħles l-ishma kollha li KG Holding kienet tippossjedi fi Kliq u sabiex tpaċi dan l-ammont mal-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ, li tammonta għal EUR 9 250 000, mislufa lil Kliq minn KG Holding.

124    Huwa minnu li din it-tpaċija rriżultat fil-konverżjoni ta’ parti mis-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 9 250 000 f’kapital proprju ta’ Kliq u li din għaldaqstant kellha l-effett li kien b’mod partikolari mistenni fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni espost fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

125    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rechter-commissaris ma ordnax l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni hekk kif innotifikat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-Kummissjoni.

126    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li dan id-digriet kellu bħala suġġett, skont il-punt 1.1 tiegħu, it-talba ta’ Kliq, skont l-Artikolu 69 tal-Faillissementswet, intiża għall-kollaborazzjoni tal-istralċarju ta’ KG Holding fit-twettieq tal-pjan imqassam fuq diversi stadji, jiġifieri, qabel kollox, l-implementazzjoni min-naħa ta’ KG Holding tal-obbligu tagħha fir-rigward ta’ Kliq li trendi disponibbli l-ishma billi tagħmel tpaċija bejn l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli u s-self li jammonta għal EUR 9 250 000, u sussegwentement il-bejgħ tal-ishma li KG Holding tippossjedi fi Kliq.

127    Għaldaqstant dan id-digriet ma jikkonċernax biss il-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 9 250 000, iżda jikkonċerna wkoll l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli. Fil-fatt, it-tpaċija inkwistjoni kienet tiddependi mit-tqegħid f’disponibbiltà tal-ishma. Madankollu, il-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju, kif previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, kienet tikkonċerna biss l-għajnuna għas-salvataġġ. B’hekk, is-suġġett tad-digriet jiddistingwi ruħu kjarament minn dak tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

128    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li d-digriet tar-rechter-commissaris huwa bbażat biss fuq id-dritt Olandiż tal-falliment, f’dan il-każ l-Artikolu 69 tal-Faillissementswet.

129    Kif jirriżulta mid-digriet tar-rechter-commissaris, huwa eżamina jekk l-implementazzjoni tal-pjan imqassam fuq diversi stadji kienx jikkostitwixxi vantaġġ favur il-kredituri kollha ta’ KG Holding. Fl-aħħar nett huwa kkunsidra li t-tqegħid f’disponibbiltà tal-ishma kollha li KG Holding kienet tipposjedi fi Kliq u t-tpaċija ta’ dan l-ammont mal-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ, li tammonta għal EUR 9 250 000, mislufa lil Kliq minn KG Holding, kienu jikkostitwixxu dan il-vantaġġ.

130    Għaldaqstant, ir-rechter-commissaris ma implementax il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, iżda ordna l-implementazzjoni tal-pjan imqassam fuq diversi stadji hekk kif mitlub minn Kliq.

131    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rechter-commissaris ma kienx involut fit-tfassil tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u lanqas fit-talba ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Huwa l-Eżekuttiv li kien responsabbli minn dan. Dan tal-aħħar kien għaldaqstant kompetenti għall-implementazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li kieku din kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni. Ir-rechter-commissaris iddeċieda fid-digriet tiegħu, fil-kompetenza tiegħu bħala qorti indipendenti, fuq l-assi u l-passivi tal-impriżi, fosthom parti mill-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 9 250 000, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ppjanata mill-awtoritajiet Olandiżi u nnotifikata lill-Kummissjoni.

132    Jeħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif ammettiet il-Kummissjoni matul is-seduta, meta ngħata d-digriet mir-rechter-commissaris, l-awtoritajiet Olandiżi ma ridux iżjed jimplementaw il-pjan ta’ ristrutturazzjoni hekk kif innotifikat lill-Kummissjoni.

133    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Olandiżi ma kinux involuti fil-konverżjoni tal-parti mis-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju. Skont id-digriet tar-rechter-commissaris u bil-kontra ta’ dak li hu indikat fil-premessi 19 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li għandu jikkonverti s-self f’kapital proprju, iżda l-istralċarju ta’ KG Holding li huwa marbut li jagħti l-kollaborazzjoni tiegħu għal din il-konverżjoni. Kif jirriżulta mir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kienet konxja minn dan meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Hija tispjega, f’din ir-risposta, li hija qieset li l-parti tal-għajnuna inkwistjoni kienet attribwibbli lill-Istat minħabba li, minkejja li l-miżura ma kinitx ġiet ordnata mill-Eżekuttiv Olandiż, hija kienet madankollu ordnata mir-rechter-commissaris.

134    Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi konkluż li, fil-każ inkwistjoni, il-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 9 250 000, permezz ta’ tpaċija bejn l-obbligu ta’ KG Holding li l-ishma jsiru disponibbli u d-debitu ta’ din tal-aħħar fuq Kliq taħt il-ftehim ta’ self, ordnata mir-rechter-commissaris, hija miżura differenti minn dik innotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Id-digriet tar-rechter-commissaris jikkonċerna l-attivi u l-passivi ta’ KG Holding u Kliq, fosthom il-parti mill-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 9 250 000, approvata mill-Kummissjoni, indipendentement mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Din il-konverżjoni permezz ta’ tpaċija ma tidħolx għaldaqstant fil-kuntest tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

135    Ċertament, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C-119/05, Ġabra p. I-6199, punti 60 u 61) li l-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, sa fejn tista’, b’tali mod li l-applikazzjoni tagħhom tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju u għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-regoli tad-dritt Komunitarju, jekk ikun hemm bżonn billi hija stess ma tapplikax kull dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Huwa wkoll minnu, kif sostniet il-Kummissjoni, li l-qorti nazzjonali għandha tiżgura, li ma tadottax deċiżjoni li l-uniku effett tagħha jkun dak li jitwessa’ ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich, C‑368/04, Ġabra p. I‑9957, punt 57).

136    Madankollu, l-obbligu għar-rechter-commissaris li jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt Komunitarju fir-rigward tal-għajnuna għas-salvataġġ ma jbiddel xejn mill-fatt li ma ta ebda deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u li d-digriet tiegħu għaldaqstant ma jidħolx fil-kuntest tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

137    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li d-digriet tar-rechter-commissaris huwa attribwibbli lill-Istat, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-kwistjoni li tirriżulta mhijiex dik dwar jekk l-atti tal-Ġudikatura humiex attribwibbli lill-Istat (ara, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punti 31 sa 33), iżda jekk, kif inhu indikat fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-qorti nazzjonali ordnatx l-implementazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hekk kif innotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

138    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija mhijiex marbuta li testendi l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE meta l-Istat Membru kkonċernat ibiddel l-għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ partikolari, id-digriet tar-rechter-commissaris ma jikkonċernax l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għaldaqstant, dan il-każ ma jikkonċernax bidla ta’ din l-għajnuna.

139    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni, invokat sussidjarjament fil-każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li d-digriet tar-rechter-commissaris ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, li jgħid li kien hemm applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna għas-salvataġġ awtorizzata. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tinvestiga l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mhux l-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna għas-salvataġġ li hija approvat. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li din tikkonċerna l-applikazzjoni abbużiva ta’ għajnuna mill-Istat.

140    Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jiġi milqugħ.

141    Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti 1 u 2 dwar il-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 9 250 000.

 Fuq ir-reġistrazzjoni tal-pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata)

142    Dan il-motiv jikkonċerna l-irkupru tal-għajnuna għas-salvataġġ irċevuta, fl-aħħar lok, minn Kliq Reïntegratie. Ir-rikorrenti 1 u 3 jikkontestaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-fondatezza tal-obbligu tar-reġistrazzjoni tal-pretensjoni fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000 fil-proċedura ta’ falliment.

 Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

–       Argumenti tal-partijiet

143    Fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju, ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni u li d-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant motivata b’mod li ma jinftiehemx jew minn tal-inqas insuffiċjenti, bi ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 253 KE. Id-deċiżjoni kkontestata ma turix b’mod ċar jekk il-Kummissjoni tqisx li din tirrigwarda għajnuna legali jew illegali li tammonta għal EUR 35 750 000 li għandha tiġi rkuprata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jew jekk tqisx li din tirrigwarda għajnuna ta’ salvataġġ li hija approvat skont il-paragrafu 23(d) tal-Linji Gwida. L-ewwel interpretazzjoni tista’ tirriżulta mill-Artikoli 1, 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-premessi 47 sa 50 kif ukoll l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jsostnu t-tieni interpretazzjoni, li madankollu hija kkontestata mill-Artikolu 1 u mill-premessi 39 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-miżura nnotifikata ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni.

144    Skont ir-rikorrenti 1 u 3, huwa possibbli li l-Kummissjoni kellha biss l-intenzjoni li tindika, fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jirkupra l-ammont tas-self ta’ salvataġġ approvat mingħand il-parti li kienet daħlet fil-kuntratt għal dan is-self biss f’kundizzjonijiet konformi mad-dritt nazzjonali, mingħajr ma titkellem fuq l-identità ta’ din il-parti.

145    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti 1 u 3.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

146    Ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 35 750 000.

147    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna l-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż, u li għandu jissodisfa l-ħtiġijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza (ara l-punti 62 u 63 iktar ’il fuq).

148    F’dan il-każ, fil-premessi 7 u 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-kuntest tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Jannar 2004. Fiha hija tindika b’mod partikolari li, f’Diċembru 2003, hija awtorizzat l-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 45 000 000 favur KG Holding, waqt l-istennija għal pjan ta’ ristrutturazzjoni. Fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li, skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, l-għajnuna għas-salvataġġ, mogħtija lil KG Holding u li minnha EUR 35 750 000 kienu sussegwentement attribwiti lil Kliq Reïntegratie, tiġi kkonvertita f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni permezz ta’ konverżjoni mill-ġdid f’kapital proprju.

149    Fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-miżura kontenzjuża, tikkonsisti fil-konverżjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KG Holding, kif ukoll l-interess relatati, f’kapital proprju. Wara li eżaminat il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni fil-premessi 30 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi fil-premessa 39 tal-istess deċiżjoni li, peress li l-kundizzjonijiet previsti mil-linji gwida għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma ġewx sodisfatti, hija ma tistax tawtorizza l-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma tistax għaldaqstant tiġi approvata. L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi għalhekk li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

150    Il-premessi 47 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw il-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 35 750 000. Fiha, il-Kummissjoni tindika l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ pjan ta’ stralċ, fosthom l-obbligu għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jirreġistra l-pretensjoni tiegħu fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju. L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi dan l-obbligu kif ukoll dak, għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li jħares sabiex l-impriżi kkonċernati jiġu stralċati b’mod li tintemm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li l-attivitajiet tagħhom jiġu sospiżi u li l-assi tagħhom jiġu ttrasferiti malajr kemm jista’ jkun taħt kundizzjonijiet tas-suq.

151    Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għaldaqstant tagħmel distinzjoni ċara bejn l-għajnuna għas-salvataġġ u l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Hija tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li hija tal-istess ammont bħall-għajnuna għas-salvataġġ. Billi imponiet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jirreġistra l-pretensjoni tiegħu li tammonta għal EUR 35 750 000 fuq il-kumpanniji ‘[KG Holding] u/jew Kliq Reïntegratie’ fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-kawża fir-rigward b’mod partikolari tal-proprjetà tal-assi ta’ dawn il-kumpanniji msemmija fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata.

152    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, fit-23 ta’ Marzu 2005 il-Kummissjoni organizzat laqgħa dwar it-talba għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li fiha pparteċipaw ir-rappreżentanti ta’ KG Holding u ta’ Kliq Reïntegratie. Il-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata kien għaldaqstant magħruf sew minn dawn il-kumpanniji.

153    Billi qabel kollox tinkludi kunsiderazzjonijiet li jgħidu li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma ġewx sodisfatti u wara espożizzjoni tal-konsegwenzi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet għall-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 35 750 000, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni u għaldaqstant tissodisfa l-ħtiġijiet tal-Artikolu 253 KE.

 Fuq l-obbligu li l-pretensjoni tal-Istat fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000 tiġi rreġistrata fil-proċedura ta’ falliment

–       Argumenti tal-partijiet

154    Ir-rikorrenti 1 u 3 jenfasizzaw li l-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellha tirreġistra l-pretensjoni tagħha fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju.

155    Il-Kummissjoni aċċettat, fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, li l-ammont ta’ EUR 35 750 000 kellu jiġi allokat għall-finanzjament tat-tluq tal-membri tal-persunal u tal-fidi tal-kuntratti superfluwi ta’ Kliq Reïntegratie, minħabba li din tal-aħħar kellha tiġi sussegwentement stralċata, liema każ ikun inkompatibbli mal-irkupru ta’ dan l-ammont minn KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie.

156    Il-Kummissjoni kienet taf dwar il-fatt li, fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni ppjanata, Kliq Reïntegratie topera biss bħala entità li fiha l-elementi li mhumiex vijabbli ta’ KG Holding jiġu stralċati u li Kliq Reïntegratie tiġi sussegwentement stralċata wara li jinħelsu diversi djun u l-pjanijiet ta’ tluq tal-impjegati. Kif tindika l-Kummissjoni fil-punti 2.1 u 2.4 ta-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, l-EUR 35 750 000 kienu intiżi sabiex jinkisbu l-mezzi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti fis-seħħ u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-pjan soċjali.

157    Fir-repliki tagħhom, ir-rikorrenti 1 u 3 isostnu li r-riformulazzjoni tal-obbligi imposti fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi taħt id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 kienet superfluwa, peress li din id-deċiżjoni kienet diġà ssemmi l-obbligi fil-każ fejn l-għajnuna għas-salvataġġ ma tiġix ikkonvertita f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni jew fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tawtorizzax l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-mod li bih kienet limitata l-investigazzjoni fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni jmissha llimitat ruħha sabiex teżamina t-talba għall-approvazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u, skont id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, sabiex tikkonstata li, fil-każ fejn hija ma tagħtix l-approvazzjoni mitluba, ikun ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jkollu jipprova li s-self ta’ salvataġġ ġie jew qed jiġi rrimborsat, jew li kien suġġett għal tpaċija skont id-dritt nazzjonali tal-falliment. Il-kwistjoni dwar sa fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ssodisfa dan l-obbligu m’għandhiex tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. L-eżami tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata u l-proċedura li nfetħet f’dan ir-rigward skont l-Artikolu 88(2) KE ma jistgħux jintużaw għall-konstatazzjoni tal-osservanza ta’ deċiżjoni preċedenti u tal-obbligi li din timponi fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jew li jirriżultaw minnha għal dan tal-aħħar.

158    Ir-rikorrent 3 iżid li, fit-23 ta’ Diċembru 2003, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonkluda ftehim ta’ self ma’ KG Holding li jammonta għal EUR 45 000 000. Din tal-aħħar, min-naħa tagħha, ikkonkludiet ftehim ta’ self ma’ Kliq Reïntegratie li jammonta għal EUR 35 750 000 u ma’ Kliq li jammonta għal EUR 9 250 000. Kemm skont il-ftehim ta’ self kif ukoll skont id-dritt nazzjonali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi m’għandux pretensjoni fuq Kliq Reïntegratie.

159    Ir-rikorrent 3 isostni li Kliq Reïntegratie ma tistax tiġi kkwalifikata bħala impriża benefiċjarja. Il-Kummissjoni ma tindikax la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tas-self ta’ salvataġġ tas-16 ta’ Settembru 2003 li għajnuna mill-Istat ingħatat lil Kliq Reïntegratie. Fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 kif ukoll fil-premessa 24 u fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi għajnuna mill-Istat biss fir-rigward ta’ KG Holding.

160    Ir-rikorrent 3 jżid li Kliq Reïntegratie ma tista’ bl-ebda mod tiġi kkwalifikata bħala benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, peress li, fil-mument li hija ngħatat is-self li jammonta għal EUR 35 750 000, hija ma kinitx għadha teżerċita attività ekonomika u, għaldaqstant, ma setgħetx iktar tiġi kkunsidrata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Id-data tal-ftehim ta’ self konkluż bejn KG Holding u Kliq Reïntegratie, approvat mill-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, hija l-24 ta’ Diċembru 2003. L-attivitajiet ta’ Kliq Reïntegratie ġew ittrasferiti lil Kliq mill-1 ta’ Ottubru 2003.

161    Il-Kummissjoni indikat, fit-tabella Nru 2 tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, li, minkejja li r-raġuni għas-self ma jidhirx li kienet strettament limitata għaż-żamma tal-attività normali ta’ KG Holding, dan is-self jista’ madankollu xorta waħda jiġi kkunsidrat bħala self ta’ salvataġġ fil-każ inkwistjoni. Is-self ta’ EUR 35 750 000 huwa fil-fatt neċessarju sabiex tiġi koperta l-ispiża tat-tluq ta’ 1 200 membru tal-persunal u tal-fidi ta’ kuntratti ta’ leasing u ta’ kiri li saru superfluwi. Il-Kummissjoni żiedet li dan is-self kellu jippermetti wkoll lill-impriża sabiex ikollha likwidità neċessarja sabiex tosserva l-impenji kuntrattwali attwali tagħha.

162    Skont ir-rikorrent 3, jista’ jkun li l-Kummissjoni, fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, kellha biss l-intenzjoni li tindika li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jirreġistra l-pretensjoni li tirriżulta mis-self tal-Istat, li tammonta għal EUR 35 750 000, quddiem l-istralċarju tal-parti kontraenti li lilha l-Istat kien sellef dan l-ammont, jiġifieri KG Holding. Madankollu, l-Istat irreġistra pretensjoni quddiem l-istralċarju ta’ KG Holding kif ukoll quddiem dak ta’ Kliq Reïntegratie.

163    Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent 3 jirreferi għall-punt 9 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li jgħid li KG Holding kellha tistralċa lil Kliq Reïntegratie, li kellha bilanċ negattiv, u tikkostitwixxi sussidjarja ġdida, Kliq. Fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, hija Kliq li għandha tistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul ta’ KG Holding. Fil-punt 10 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tindika wkoll li Kliq Reïntegratie għandha tiġi stralċata qabel tmiem is-sena 2004. Fid-dijagramma li tinsab fil-punt 11 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qegħdet ir-referenza “li għandha tingħalaq” maġenb l-isem ta’ Kliq Reïntegratie.

164    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti magħmula mir-rikorrenti 1 u 3.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

165    Ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu qabel kollox li l-allokazzjoni tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 35 750 000 għall-iffinanzjar tal-istralċ ta’ Kliq Reïntegratie, previst fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, hija inkompatibbli mal-obbligu li tiġi rreġistrata l-pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie.

166    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-paragrafu 10 tal-linji gwida, l-għajnuna għas-salvataġġ hija min-natura tagħha waħda tranżitorja. Skont il-pragrafu 23(d) tal-linji gwida, hija għandha tinkludi impenn mill-Istat Membru li jittrażmetti lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ sitt xhur mill-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ, jew pjan ta’ ristrutturazzjoni, jew pjan ta’ stralċ, jew il-prova li s-self tħallas lura kollu kemm hu. Il-paragrafu 25 tal-linji gwida jgħid li l-għajnuna għas-salvataġġ hija operazzjoni ta’ natura eċċezzjonali intiża sabiex l-attività ta’ kumpannija tkompli għal perijodu limitat, li matulu jkun jista’ jiġi evalwat il-futur tal-impriża.

167    B’hekk, bħala prinċipju, mingħajr il-komunikazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ lill-Kummissjoni, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tiġi rrimborsata. Fil-każ inkwistjoni, ir-rimbors isir, skont il-Kummissjoni, permezz tar-reġistrazzjoni tal-pretensjoni li tammonta għal EUR 35 750 000 fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie.

168    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 ma teskludix ir-rimbors tal-għajnuna permezz ta’ din ir-reġistrazzjoni. Jirriżulta mill-punti 1 u 2.1 ta’ din id-deċiżjoni li l-għajnuna kienet allokata għas-salvataġġ tal-grupp Kliq, jiġifieri KG Holding u s-sussidjarji tagħha Kliq u Kliq Reïntegratie. Fil-punt 2.1 u 2.4 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-EUR 35 750 000 kienu intiżi sabiex jinkisbu l-mezzi għall-osservanza tal-obbligi derivanti mill-kuntratti fis-seħħ u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-pjan soċjali ta’ Kliq Reïntegratie.

169    Il-Kummissjoni approvat l-għajnuna għas-salvataġġ skont il-linji gwida. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, huwa speċifikat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ħa ħsieb, skont il-paragrafu 23(d) tal-linji gwida, li jittrażmetti pjan ta’ ristrutturazzjoni, jew ta’ stralċ, jew il-prova li l-għajnuna ġiet kompletament rimborsata.

170    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti 1 u 3, li jgħid li l-allokazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 hija inkompatibbli mar-rimbors, għandu jiġi miċħud.

171    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti 1 u 3 li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata hija superfluwa peress li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 diġà tifformula l-obbligi imposti fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-każ fejn l-għajnuna għas-salvataġġ ma tiġix ikkonvertita f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni jew fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tawtorizzax l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li deċiżjoni tkun superfluwa ma jfissirx li hija illegali.

172    Fir-repliki tagħhom, ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu li, skont id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni kkontestata kellha tillimita ruħha sabiex teżamina t-talba għall-approvazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u m’għandhiex titratta l-obbligi li jikkonċernaw l-għajnuna għas-salvataġġ, li diġà jirriżultaw mid-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003.

173    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti 1 u 3 ma ressqu ebda motiv ibbażat fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, billi l-Kummissjoni ddeċidiet fuq l-għajnuna għas-salvataġġ, hija ma osservatx il-limiti tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għaldaqstant għandu jiġi osservat li, billi kkontestaw id-deċiżjoni kkontestata minħabba li fiha l-Kummissjoni ma tosservax il-limiti tal-investigazzjoni tagħha stabbiliti fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-rikorrenti 1 u 3 jiżviluppaw motiv ġdid fir-repliki tagħhom. B’hekk, peress li ġie fformulat mingħajr ebda spjegazzjoni li tista’ tiġġustifika l-fatt li ġie ppreżentat tardivament, dan il-motiv għandu jiġi miċħud minħabba li huwa tardiv skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

174    Ir-rikorrent 3 isostni wkoll li Kliq Reïntegratie ma kinitx il-benefiċjarja tal-għajnuna kif ukoll li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kellu ebda pretensjoni fuqha. Barra minn hekk, meta ngħata s-self li jammonta għal EUR 35 750 000, hija ma kinitx iżjed impriża fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

175    Qabel kollox fir-rigward tal-argument li jgħid li Kliq Reïntegratie ma kinitx il-benefiċjarja tal-għajnuna kif ukoll li l-Istat ma kellu ebda pretensjoni fuq din il-kumpannija, għandu jitfakkar li, skont id-dritt Komunitarju, meta tikkonstata li għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tordna lill-Istat Membru sabiex jirkupra din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, Italie u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 65, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra p. I‑3925, punt 73), jew, fi kliem ieħor, mingħand l-impriżi li effettivament igawdu minn din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑457/00, Ġabra p. I‑6931, punt 55, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

176    L-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 45 000 000 kienet intiża għas-salvataġġ tal-grupp Kliq. L-ammont ta’ EUR 35 750 000 kien intiż sabiex jinkisbu l-mezzi għall-osservanza tal-obbligi derivanti mill-kuntratti fis-seħħ u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-pjan soċjali ta’ Kliq Reïntegratie. Hija din tal-aħħar li effettivament irċeviet l-ammont ta’ EUR 35 750 000 mis-self ta’ salvataġġ mogħti lil KG Holding. Kliq Reïntegratie kienet sussidjrajra 100 % proprjetà ta’ KG Holding. Għaldaqstant din tal-aħħar kienet sempliċement intermedjarja fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna li minnha Kliq Reïntegratie effettivament kienet tgawdi.

177    Il-Kummissjoni setgħet għaldaqstant ġustament tikkunsidra lil Kliq Reïntegratie bħala benefiċjarja tal-għajnuna li tammonta għal EUR 35 750 000, mingħajr ma jkun hemm bżonn għall-Qorti tal-Prim’Istanza li teżamina jekk kinitx teżisti pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-konfront ta’ din tal-aħħar.

178    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent 3 li jgħid li, meta ngħata s-self ta’ EUR 35 750 000, Kliq Reïntegratie ma setgħetx titqies iktar li hija impriża fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità kif ukoll tal-metodu ta’ finanzjament tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, Ġabra p. I‑1979, punt 21, u tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata). Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li kull attività li toffri beni jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara s-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    L-attività prinċipali ta’ Kliq Reïntegratie kienet tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-tfittxija ta’ xogħol għal min ikun qed ifittex impjieg, fl-inklużjoni ta’ ħaddiema b’diżabbiltà, fit-tfittxija ta’ ħaddiema li jistgħu jokkupaw impjiegi vakanti għall-benefiċċju ta’ min iħaddem kif ukoll f’servizzi fil-qasam tal-kollokament tal-persunal b’mod ġenerali. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 178 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li Kliq Reïntegratie kienet teżerċita attività ekonomika.

180    Meta ngħata s-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 35 750 000 lil Kliq Reïntegratie permezz tal-ftehim ta’ self li din tal-aħħar ikkonkludiet ma’ KG Holding fl-24 ta’ Diċembru 2003, approvat mill-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, Kliq Reïntegratie kienet għadha ma fallietx. Skont ir-rikorrent 3, mill-1 ta’ Ottubru 2003, Kliq kisbet parti mill-kuntratti ta’ Kliq Reïntegratie bi prezz tas-suq, ġie maħtur bord tad-diretturi ġdid, tnaqqsu l-ispejjeż u parti mill-impjegati ta’ Kliq Reïntegratie (500 mill-1450 impjegat) kienu impjegati minn Kliq. Ir-rikorrent 3 jżid li, fir-rigward tal-parti mill-persunal li ma ġietx impjegata minn Kliq, ġie implementat pjan soċjali kif ukoll b’mod partikolari pjan ta’ tluq għall-impjegati kollha.

181    Fl-1 ta’ Ottubru 2003, Kliq Reïntegratie kienet għadha responsabbli għall-parti mill-kuntratti li ma nkisbux minn Kliq u kellha 950 impjegat. Il-mezzi finanzjarji għall-pjan soċjali kienu biss disponibbli wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ self fl-24 ta’ Diċembru 2003. Fl-aħħar nett, Kliq Reïntegratie falliet biss sittax-il xahar wara li parti mill-kuntratti nkisbu minn Kliq, jiġifieri fid-9 ta’ Frar 2005. Dawn l-elementi jipprovaw li, meta s-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 35 750 000 ingħata lilha permezz tal-ftehim ta’ self li hija kkonkludiet ma’ KG Holding fl-24 ta’ Diċembru 2003, Kliq Reïntegratie kienet għadha teżerċita attività ekonomika u setgħet tiġi kkwalifikata bħala impriża li qed tibbenefika mill-għajnuna għas-salvataġġ.

182    Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti 1 u 3 ma jistax tiġi milqugħ.

 Fuq il-konsegwenzi tal-falliment għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat (Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata)

 Argumenti tal-partijiet

183    Il-partijiet rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessi 43 sa 46 u fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jitlob lil KG Holding u lil Kliq l-għajnuna mogħtija li tammonta għal EUR 9 250 000. Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll, b’mod żbaljat, fil-premessi 47 sa 50 u fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu, għall-finijiet tal-irkupru tal-għajnuna li tammonta għal EUR 35 750 000 mingħand KG Holding u/jew mingħand Kliq Reïntegratie, jirreġistra l-pretensjoni tiegħu fuq dawn tal-aħħar fil-proċedura ta’ falliment. Minħabba l-falliment ta’ KG Holding, ta’ Kliq Reïntegratie u ta’ Kliq, l-irkupru tal-ammont tal-għajnuna sar impossibbli u irrelevanti, peress li l-irkupru ta’ dawn l-ammonti permezz tar-reġistrazzjoni tal-pretensjoni fil-proċedura ta’ falliment mhuwiex iktar neċessarju u huwa superfluwu għall-finijiet tat-tmiem tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

184    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan ta’ deċiżjoni li timponi l-irkupru tal-għajnuna huwa li terġa’ tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva, jiġifieri li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma ngħatat l-għajnuna inkompatibbli. Dan l-għan jinkiseb ladarba l-ammont tal-għajnuna mogħtija illegalment, flimkien mal-interessi minħabba ħlas tardiv, jiġi rimborsat mill-benefiċjarju, peress li huwa għaldaqstant jitlef il-vantaġġ fis-suq li huwa kellu meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u li, minħabba f’hekk, is-sitwazzjoni tas-suq qabel ma tħallset l-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid. Jekk l-impriżi benefiċjarji ma jkunux għadhom attivi f’dan is-suq, l-irkupru tal-ammont tal-għajnuna fuq l-assi tal-kumpannija falluta mhuwiex neċessarju.

185    Il-partijiet rikorrenti jaċċettaw li, skont is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq (punt 85), l-għajnuna għandha tiġi rkuprata permezz tar-reġistrazzjoni tal-pretensjoni għall-assi tal-kumpannija falluta. Madankollu, din is-sentenza tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (52/84, Ġabra p. 89), u tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-142/87, Ġabra p. I‑959), li jikkonċernaw kawżi li fihom l-impriża benefiċjarja ma kinitx għadha falliet meta ngħatat id-deċiżjoni kontenzjuża u għaldaqstant kienet għadha potenzjalment attiva fis-suq. Jeħtieġ għaldaqstant li ssir distinzjoni bejn dawn il-kawżi u l-kawża preżenti, li fiha l-impriżi benefiċjarji ma kinux iktar attivi fis-suq minħabba l-falliment tagħhom.

186    Fir-repliki tagħhom, il-partijiet rikorrenti jenfasizzaw li, meta impriża tieqaf kompletament u definittivament mill-attivitajiet tagħha, li tkun ġiet iddikjarata falluta u li tkun qed tiġi stralċata, bħal fil-każ ta’ KG Holding, huwa fih innifsu evidenti li l-kompetituri tagħha ma jistgħux iktar ikunu żvantaġġati. Fil-fatt l-impriża benefiċjarja għebet mis-suq u, ekonomikament, ma teżistix iktar.

187    Il-partijiet rikorrenti jirreferu għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002 li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Italja lil Industrie Navali Meccaniche Affini SpA (INMA) (ĠU 2003, L 22, p. 36) u tas-7 ta’ Mejju 2004 dwar għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-Ġermanja lil Fairchild Dornier GmbH (Dornier) (ĠU L 357, p. 36). Fihom, il-Kummissjoni ddeċidiet li m’għandux isir l-irkupru tal-għajnuna ġaladarba l-impriża benefiċjarja tkun temmet l-attività ekonomika tagħha.

188    Il-partijiet rikorrenti jenfasizzaw li huma ma jikkontestawx ġurisprudenza stabbilita, imfakkra fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni (T‑324/00, Ġabra p. II‑4309). F’din is-sentenza, l-impriża benefiċjarja ma kinitx għadha ġiet iddikjarata falluta meta l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni tagħha. Fis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriża kkonċernata kienu ġew ittrasferiti, wara l-falliment, lil sussidjarja 100 % proprjetà tagħha, u li fuqha hija kienet teżerċita kontroll.

189    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mill-partijiet rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

190    Il-partijiet rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, il-legalità tad-digriet ta’ rkupru li jinsab fl-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-proċedura ta’ falliment u t-tmiem tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

191    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proċedura ta’ falliment, għandu jiġi kkonstatat li l-fallimenti ta’ KG Holding, ta’ Kliq Reïntegratie u ta’ Kliq ġew iddikjarati rispettivament fit-8 u fid-9 ta’ Frar u fl-14 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata fid-19 ta’ Lulju 2006.

192    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li tikkonċerna l-impriżi li bbenefikaw minn għajnuna u li fallew, li s-sitwazzjoni preċedenti li tiġi stabbilita mill-ġdid u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jintlaħqu permezz ta’ dħul bħala passiv tal-impriża li tpoġġiet għall-istralċ ta’ obbligu dwar il-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata, ħlief sa fejn din l-għajnuna kienet ta’ benefiċċju għal impriża oħra (ara s-sentenza CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni, punt 189 iktar ’il fuq, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Skont din il-ġurisprudenza, is-sempliċi ċirkustanza li l-impriża falliet għaldaqstant ma tmurx kontra l-prinċipju tal-irkupru tal-għajnuna (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punti 53 sa 55).

194    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tmiem tal-attivitajiet ekonomiċi tal-għajnuna kkonċernata, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument li hija adottatha (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 39), jiġifieri d-19 ta’ Lulju 2006 fil-każ inkwistjoni.

195    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-partijiet rikorrenti ma bagħtu ebda osservazzjoni lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, l-argument tal-partijiet rikorrenti mhuwiex inammissibbli minħabba s-sempliċi raġuni li dan ma ġiex invokat matul il-proċedura amministrattiva. L-interess ġuridiku ta’ persuna ma jistax jiġi prekluż għas-sempliċi raġuni li, matul il-proċedura amministrattiva, filwaqt li hija setgħet tippreżenta osservazzjonijiet dwar evalwazzjoni kkomunikata matul il-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE u diskussa mill-ġdid fid-deċiżjoni kontenzjuża, hija naqset milli tagħmel hekk (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 64, u tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T‑16/96, Ġabra p. II‑757, punt 39).

196    Fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi ta’ KG Holding, jirriżulta mill-premessi 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontesatata li l-awtoritajiet Olandiżi indirizzaw żewġ ittri lill-Kummissjoni f’Settembru 2005 u fi Frar 2006 sabiex jinformawha dwar l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ falliment mibdija kontra KG Holding. Fir-rigward ta’ Kliq, jirriżulta mill-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata li l-awtoritajiet Olandiżi bagħtu ittra lill-Kummissjoni f’Jannar tal-2006 sabiex jindikawlha li Kliq kienet ġiet iddikjarata falluta fl-14 ta’ Diċembru 2005 u li ngħata bidu għall-proċeduri relatati. Ma jistax għaldaqstant jiġi lmentat fil-konfront tagħha talli kkonkludiet, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li l-proċeduri ta’ falliment kienu għadhom ma ġewx fi tmiemhom kif ukoll li l-impriżi kkonċernati kienu għadhom jeżistu.

197    Fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi ta’ Kliq Reïntegratie, jirriżulta mill-premessi 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata li l-awtoritajiet Olandiżi bagħtu żewġ ittri lill-Kummissjoni f’Settembru 2005 u fi Frar 2006 sabiex jinformawha dwar l-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ falliment mibdija kontra Kliq Reïntegratie. Ma jirriżultax mill-proċess li l-Kummissjoni rċeviet informazzjoni oħra dwar l-attivitajiet ekonomiċi ta’ Kliq Reïntegratie wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment tagħha. Jirriżulta mill-punti 179 sa 181 iktar ’il fuq li, minkejja l-fatt li Kliq ħadet f’idejha parti mill-kuntratti ta’ Kliq Reïntegratie mill-1 ta’ Ottubru 2003, hija kienet għadha teżerċita attività ekonomika meta ġie konkluż il-ftehim ta’ self li jammonta għal EUR 35 750 000 f’Diċembru 2003. Din l-impriża falliet biss sittax-il xahar wara li parti mill-kuntratti tagħha ttieħdu minn Kliq, jiġifier fid-9 ta’ Frar 2005. Il-Kummissjoni kienet taf li, skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, Kliq Reïntegratie kellha ttemm l-attivitajiet tagħha. Dan l-element ma jfissirx madankollu li l-impriża kienet effettivament diġà temmet l-attivitajiet tagħha fid-19 ta’ Lulju 2006.

198    Ma jirriżultax mill-proċess li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi f’dan ir-rigward kienet maqsuma f’biċċiet b’mod li l-Kummissjoni kellha titlob lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jipprovdilha informazzjoni supplimentari dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, C‑324/90 u C‑342/90, Ġabra p. I‑1173, punt 29). Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tqis li s-sempliċi fatt li l-impriżi kkonċernati kienu ġew iddikjarati falluti ma kienx ifisser li dawn ma kinux għadhom jeżistu.

199    Qabel kollox, bil-kontra ta’ dak li jallegaw il-partijiet rikorrenti, ma jirriżultax mill-proċess li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi kkonċernati kienu temmew kompletament u definittivament l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

200    Fir-rigward tal-argument tal-partijiet rikorrenti li jgħid li l-irkupru tal-għajnuna hija impossibbli, għandu jitfakkar, minn naħa, li s-sempliċi fatt li l-impriżi li jibbenefikaw minn għajnuna fallew ma jfissirx fih innifsu li l-irkupru tal-għajnuna ma għadux possibbli u, min-naħa l-oħra, li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jdaħħal il-pretensjoni tiegħu mal-passiv ta’ dawn l-impriżi. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li d-diffikultajiet eventwali, proċedurali jew ta’ natura oħra, fir-rigward tal-implementazzjoni tal-att ikkontestat ma għandhomx jinfluwenzaw il-legalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-214/07, Ġabra p. I-8357, punt 46). Fil-każ ta’ diffikultà, il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom, skont ir-regola li timponi obbligu reċiproku ta’ kooperazzjoni leali fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji u li toħroġ, b’mod partikolari, mill-Artikolu 10 KE, jikkollaboraw in bona fide sabiex jegħlbu dawn id-diffikultajiet sabiex jaġixxu kompletament inkonformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari ma’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑415/03, Ġabra p. I‑3875, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

201    Il-partijiet rikorrenti rreferew għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002 u tas-7 ta’ Mejju 2004, iċċitati iktar ’il fuq, sabiex jipprovaw l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kull każ ta’ għajnuna mill-Istat għandu jiġi evalwat separatament mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Id-deċiżjonijiet iċċitati mill-partijiet rikorrenti, li jikkonċernaw każijiet speċifiċi u ma għandhom ebda relazzjoni ma’ din id-deċiżjoni, mhumiex għaldaqstant rilevanti għall-każ inkwistjoni.

202    Għaldaqstant l-argument tal-partijiet rikorrenti għandu jiġi miċħud.

203    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat filwaqt li l-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

204    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, jekk iktar minn parti waħda titlef il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

205    Jirriżulta minn dak li ntqal li tkun saret evalwazzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jekk jiġi deċiż li, peress li r-rikorrenti 1 u 2 tilfu parzjalment, ir-rikorrent 1 għandu jbati l-ispejjeż tiegħu fil-Kawża T-81/07, u r-rikorrent 2 fil-Kawża T-82/07. Peress li r-rikorrent 3 tilef, huwa għandu jiġi kkundannat, minbarra għall-ispejjeż tiegħu fil-Kawża T-83/07, għal dawk esposti mill-Kummissjoni fil-Kawża T-83/07. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-kawżi T-81/07 u T-82/07.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/939/KE, tad-19 ta’ Lulju 2006, dwar l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Pajjiżi l-Baxxi favur KG Holding NV, huwa annullat.

2)      Il-bqija tar-rikorsi huma miċħuda.

3)      Jan Rudolf Maas, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ KG Holding NV, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu fil-Kawża T‑81/07.

4)      Jan Rudolf Maas u Cornelis van den Bergh, fil-kapaċità tagħhom bħala stralċarji ta’ Kliq BV, għandhom ibatu l-ispejjeż kollha tagħhom fil‑Kawża T-82/07.

5)      Jean Leon Marcel Groenewegen, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ Kliq Reïntegratie, għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu fil-kawża T‑83/07, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawża T-83/07.

6)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-Kawżi T-81/07 u T‑82/07.

Papasavvas

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-1 ta’ Lulju 2009.

Firem


Werrej


Fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-kuntest ġenerali

2.  Il-proċedura amministrattiva

3.  Id-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi fil-Kawżi T‑81/07 u T‑83/07 fir-rigward tal-faċilitŕ ta’ kreditu ta’ EUR 17 000 000 mogħti lil KG Holding mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq il-mertu

Fuq l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-għaujnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata li tammonta għal EUR 45 000 000 (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata)

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-irkupru mingħand KG Holding u mingħand Kliq tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 9 250 000 kif ukoll tal-interessi relatati sad-data tal-irkupru tiegħu (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata)

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-reġistrazzjoni tal-pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq KG Holding u/jew Kliq Reďntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata)

Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

–  Argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-obbligu li l-pretensjoni tal-Istat fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35 750 000 tiġi rreġistrata fil-proċedura ta’ falliment

–  Argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-konsegwenzi tal-falliment għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat (Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata)

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.