Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Novembru 2011 - Phonebook of the World vs UASI - Seat Pagine Gialle (PAGINE GIALLE)

(Kawża T-589/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Phonebook of the World (Pariġi, Franza) (rappreżentant: A. Bertrand, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell: Seat Pagine Gialle SpA (Milano, l-Italja)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-4 ta' Awwissu 2011 fil-Każ R 1541/2010-2;

tiddikjara invalida r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja "PAGINE GIALLE" Nru 161380, irreġistrata fir-rigward tal-klassijiet 16 u 35 mill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż ta' din l-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: it-trade mark verbali "PAGINE GIALLE", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 16 u 35 - Reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja Nru 161380

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Motivazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: il-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità bbażat it-talba tagħha fuq l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, jiġifieri fuq l-argument li t-trade mark Komunitarja kienet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(c) u (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 52(1)(a) flimkien mal-Artikoli 7(1)(b) sa 7(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell irrifjuta li japplika l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u b'mod partikolari l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-Kawża T-322/03, Telefon & Buch vs UASI - Herold Business Data (WEISSE SEITEN), u rrifjuta wkoll li japplika l-konstatazzjonijiet tiegħu stess fis-sens li l-kliem "PAGINE GIALLE" ma kellhomx karattru distintiv għall-pubbliku Taljan.

____________