Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Awwissu 2008 - Atlantean Ltd vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-368/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Atlantean (Killybegs, l-Irlanda) (rappreżentanti: M. Fraser, D. Hennessy, Solicitors, G. Hogan SC, E. Regan, u C. Toland, barristers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3236, tas-26 ta' Ġunju 2008, indirizzata lill-Irlanda fir-risposta tagħha għat-talba tal-Irlanda dwar l-Atlantean;

tikkundanna l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3236, tas-26 ta' Ġunju 2008, li tiċħad it-talba tal-Irlanda sabiex iżżid il-kapaċità - fir-rigward tal-bastiment tagħha Atlantean - skont ir-raba' programm multiannwali ta' linji gwida (MAGP IV) intiż li jtejjeb is-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodott u l-kundizzjonijiet ta' xogħol għal bastimenti ta' tul approssimattiv ta' iktar minn 12-il metru. L-ewwel Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE, tal-4 ta' April 20032, li tiċħad it-talba tal-Irlanda ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2006, sa fejn din kienet tapplika għall-bastiment Atlantean4 tar-rikorrenti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet, mhux fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE, li hija tikkunsidra bħala l-bażi legali rilevanti, iżda taħt l-Artikolu 11(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002/KE. Konsegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni mhux biss ma kellhiex kompetenza sabiex tieħu din id-deċiżjoni iżda li barra minn hekk, hija kisret il-prinċipji ta' non-retroattività, ta' ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta' non-diskriminazzjoni, ta' trattament ugwali kif ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità. Hija ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet skont l-Artikolu 253 KE, u kisret id-dritt ta' smiegħ tar-rikorrenti u d-dritt tagħha ta' proprjetà. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni abbużat mill-poteri tagħha, aġixxiet b'mala fide u għamlet żbalji manifesti u li ma jistgħu jiġu skużati fid-deċiżjoni tagħha. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni aġixxiet lilhinn mil-limiti tad-diskrezzjoni tagħha.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppruvat topponi għal talba għad-danni mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mir-rikorrenti fil-Kawża T-125/08 u li konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx qed taġixxi bona fide.

____________

1 - ĠU L 90, 8.4.2003, p. 48.

2 - Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2006, Atlantean vs Il-Kummissjoni, T-192/03, Ġabra 2006 p. II-42

3 - Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta' Ġunju 1997, dwar l-għanijiet u r-regoli dettaljati għar-ristrutturar, għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 1997 u l-31 ta' Diċembru 2001, is-settur Komunitarju tas-sajd bl-għan li jintlaħaq bilanċ sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-użu tagħhom, ĠU L 175, 3.7.1997, p. 27.

4 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta' Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd, ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

5 - Kawża T-125/08, Atlantean vs Il-Kummissjoni, ĠU C 116, 9.5.2008, p. 28.