Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-814/21)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Tomkin u A. Szmytkowska, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddeċiedi li, billi ċaħdet lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea, li ma għandhomx ċittadinanza Pollakka, iżda li għandhom ir-residenza tagħhom fir-Repubblika tal-Polonja, id-dritt għal sħubija f’partit politiku, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fuq il-bażi tal-Artikolu 22 TFUE kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru.

Il-Kummissjoni tqis li ċ-ċaħda, lil ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx ċittadinanza Pollakka iżda li għandhom ir-residenza tagħhom fir-Repubblika tal-Polonja, tad-dritt għal sħubija f’partit politiku tipprekludi lil dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni milli jeżerċitaw id-drittijiet politiċi mogħtija lilhom bis-saħħa tal-Artikolu 22 TFUE taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Pollakki.

____________