Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Diċembru 2007 - Productos Asfálticos (Proas) vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-495/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Productos Asfálticos (Proas), SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: C. Fernandez Vicién, P Carmona Botana u A. Pereda Miquel, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [C (2007) 4441], jew, sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq Productos Asfálticos SA, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4441 finali tat-3 ta' Ottubru 2007 fil-Każ COMP/38710 - Bitum Spanja. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li r-rikorrenti, flimkien ma' kumpanniji oħra, kisret l-Artikolu 81 KE billi ħadet sehem, għal ċertu perijodu, f'numru ta' akkordji u prattiċi mifthiema fis-suq tal-bitum ta' penetrazzjoni, b'mod partikolari akkordji għad-diviżjoni tas-suq u l-koordinament tal-prezzijiet. Fir-rigward ta' dan il-ksur il-Kummissjoni imponiet multa li għaliha r-rikorrenti u kumpannija oħra huma responsabbli in solidum.

In sostenn ta' l-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti tallega l-ewwel nett li l-Kummissjoni wettqet żball ta' evalwazzjoni tal-fatti. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni żbaljata tas-serjetà tal-ksur u tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-kartell, b'riferiment partikolari għall-influwenza speċifika tagħha fis-suq u ta' l-evalwazzjoni li tgħid li kienet komexxejja fil-kartell.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-liġi applikabbli. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' ċertezza legali billi tapplika żbaljatament l-Avviż fuq il-Kooperazzjoni ta' l-20021, tikser il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba billi ma temmitx il-proċedura fi żmien raġonevoli u timponi multa li teċċedi l-limitu legali stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1/20032, u b'hekk tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni.

____________

1 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3)

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003 L 1, p. 1)