Language of document :

Talba għal awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ sekwestru mressqa fit-30 ta’ Novembru 2022 – Ntinos Ramon vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-742/22)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Ntinos Ramon (rappreżentanti: Achilleas Dimitriadis u Charalampos Pogiatzis, avukati, kif ukoll Pavlos Eleftheriadis, barrister)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tordna t-tneħħija tal-immunità tal-Kummissjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, u tawtorizza n-notifika u l-eżekuzzjoni tad-digriet interlokutorju ta’ mandat ta’ sekwestru minn terzi maħruġ fit-23 ta’ Ġunju 2022 mill-Eparchiako Dikastirio Ammochostou (il-Qorti Distrettwali ta’ Famagouste, iċ-Ċipru) fil-konfront tal-Kummissjoni Ewropea, suġġett għat-tneħħija tal-immunità tagħha, u li jirrigwarda t-talbiet ta’ N. Ramon kontra r-Repubblika tat-Turkija għall-ammont ta’ EUR 622 114.52, li kien ġie ordnat fl-2010 favur ir-rikorrent permezz ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minħabba li d-drittijiet tiegħu nkisru mill-okkupazzjoni illegali tal-proprjetà tiegħu mill-awtoritajiet Turki;

Tordna kwalunkwe miżura u/jew kumpens li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li hija ġusta u xierqa f’dan il-każ;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż, inkluża l-VAT.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tat-Turkija għandha krediti ċerti, likwidi u eżiġibbli fir-rigward tal-Unjoni, abbażi tal-ftehimiet finanzjarji li ġejjin konklużi bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija:

a) il-ftehim finanzjarju tal-2018 dwar “Pjan ta’ Azzjoni Annwali favur it-Turkija 2018” tas-6 ta’ Novembru 2019, tal-ammont ta’ EUR 98.4 miljuni ;

b) il-ftehim finanzjarju tal-2019 dwar “Pjan ta’ Azzjoni Annwali favur it-Turkija 2019” tal-4 ta’ Ġunju 2020, tal-ammont ta’ EUR 157.7 miljuni;

c) il-ftehim finanzjarju tal-2020 dwar “Pjan ta’ Azzjoni Annwali favur it-Turkija 2020” tas-26 ta’ Marzu 2021, tal-ammont ta’ EUR 122 miljuni.

L-għan tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-Unjoni huwa li tingħata għajnuna lit-Turkija sabiex twettaq ir-riformi neċessarji biex hija tallinja ruħha mal-acquis Komunitarju, inkluż mar-rispett tal-Istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-mandat ta’ sekwestru mitlub mir-rikorrent jikkonċerna l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-26 ta’ Ottubru 2010, Ramon vs It-Turkija, (CE:ECHR:2010:1026JUD 002909295) u jikkostitwixxi miżura li tippromwovi d-difiża u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-mandat ta’ sekwestru tal-krediti likwidi li għandha t-Turkija mill-Unjoni sas-somma dovuta mir-Repubblika tat-Turkija favur N. Ramon ma huwiex ser jostakola l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni, u lanqas ma huwa ser jippreġudika l-indipendenza tagħha. Għall-kuntrarju, il-mandat ta’ sekwestru jkun qiegħed jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni mogħtija lit-Turkija, jiġifieri r-rispett tal-Istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-Pajjiż kandidat.

____________