Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bacău (ir-Rumanija) fis-27 ta’ Ġunju 2023 – Rustrans SRL vs Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale - Direcţia Generală Pescuit - Autoritatea de Management pentru POPAM

(Kawża C-392/23, Rustrans)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bacău

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Rustrans SRL

Konvenut: Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale - Direcţia Generală Pescuit - Autoritatea de Management pentru POPAM

Domandi preliminari

Jekk sabiex timmodernizza unità tal-akkwakultura permezz tal-investiment irregolat mill-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 , il-kontribuzzjoni in natura ta’ art relatata mal-għadajjar, it-trobbija tal-ħut u tankijiet tal-konkrit kif ukoll il-kostruzzjonijiet eżistenti fuqhom tikkostitwixxi nefqa eliġibbli skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 2 , bil-kundizzjoni li l-modernizzazzjoni tal-unità tal-akkwakultura titwettaq permezz tax-xiri ta’ tagħmir, makkinarju teknoloġiku u tagħmir għal farm tal-ħut?

L-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament Nru 508/2014, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 125 tar-Regolament Nru 1303/2013 u tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 1 , dwar il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemm l-ebda rabta diretta bejn, minn naħa, il-modernizzazzjoni ta’ unità tal-akkwakultura permezz tal-ispejjeż effettwati għax-xiri ta’ tagħmir, makkinarju teknoloġiku u tagħmir għal farm tal-ħut eżistenti fuq l-art u, min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni in natura ta’ art relatata mal-għadajjar tal-konkrit, art relatata ma’ għadajjar għal faċilitajiet ta’ akkwakultura, art relatata ma’ tankijiet tal-konkrit kif ukoll il-kostruzzjonijiet eżistenti fuq dawn l-artijiet.

Il-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 69(3)(b) tar-Regolament Nru 1303/2013 japplika biss għal kontribuzzjonijiet li jikkonsistu f’art u fi proprjetà immobbli li għalihom isir ħlas fi flus kontanti fid-dawl ta’ kuntratt ta’ kiri msemmi fl-Artikolu 69(1)(d) jew japplika wkoll għall-kontribuzzjoni in natura li tikkonsisti minn art u bini miżmum (mhux mikri) mill-benefiċjarji?

L-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1303/2013 jistabbilixxi limitu ta’ 10 % biss għall-kontribuzzjoni in natura li tikkonsisti f’art jew jistabbilixxi limitu ta’ 10 % għall-kontribuzzjoni in natura li tikkonsisti f’art u kostruzzjonijiet?

____________

1     ĠU 2014, L 149, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2017, L 88, p. 22, u fil-ĠU 2020, L 326, p. 16.

1     ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6, u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155.

1     ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36.