Language of document : ECLI:EU:C:2024:236

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fl‑14 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C541/22 P

Araceli García Fernández,

Faustino González Parra,

Fernando Luis Treviño de Las Cuevas,

Juan Antonio Galán Alcázar,

Lucía Palazuelo Vallejo-Nágera,

Macon, SA,

Marta Espejel García,

Memphis Investments Ltd,

Pedro Alcántara de la Herrán Matorras,

Pedro José de Jesús Benito Trebbau López,

Pedro Regalado Cuadrado Martínez,

María Rosario Mari Juan Domingo

vs

Eleveté Invest Group, SL,

Antonio Bail Cajal,

Carlos Sobrini Marín,

Edificios 1326 de l’Hospitalet, SL,

Juan José Homs Tapias,

Anna María Torras Giro,

Marbore 2000, SL,

Trístan González del Valle,

IlKummissjoni Ewropea,

IlBord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB),

IrRenju ta’ Spanja,

Banco Santander, SA

“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Artikolu 18 – Kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni Artikolu 20 – Valutazzjoni għall-għan ta’ riżoluzzjoni – Artikolu 296 TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rikors għal annullament u rikors għad-danni – Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) inħoloq fl‑2014 (2). Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, dan intuża għall-ewwel darba, fir-rigward ta’ Banco Popular Español, S.A. (iktar ’il quddiem “Banco Popular”).

2.        L-appellanti huma persuni fiżiċi u ġuridiċi u kienu azzjonisti fi, jew kellhom strumenti kapitali addizzjonali ta’ Grad 1 Addizzjonali jew ta’ Grad 2 maħruġa minn, Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni (3) fir-rigward ta’ Banco Popular.

3.        Bir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza (l-appellanti f’din il-kawża) ikkontestaw l-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni Ewropea u d-dokumenti relatati magħha, u talbu danni u kumpens. Flimkien ma’ ħamsa oħra, dan ir-rikors intgħażel bħala kawża pilota quddiem il-Qorti Ġenerali (4) u ġie miċħud fil-mertu fis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Eleveté Invest Group et vs Il‑Kummissjoni u SRB (T‑523/17, EU:T:2022:313, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

4.        Fl-istess ħin, hemm appell ieħor pendenti fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, il-Kawża C‑535/22 P, Aeris Invest vs Il‑Kummissjoni u SRB (5), u hemm sovrappożizzjoni sinjifikattiva tal-argumenti mressqa (iktar ’il quddiem l-“appell parallel”). Il-konklużjonijiet tiegħi f’dan l-appell qegħdin jiġu ppreżentati fl-istess jum (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet paralleli”), u dawn iż-żewġ konklużjonijiet paralleli għandhom jinqraw flimkien.

5.        Għall-finijiet ta’ dan l-appell, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex li tistħarreġ l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni (u kwalunkwe dokument ieħor ikkontestat fl-ewwel istanza), iżda pjuttost il-mod kif il-Qorti Ġenerali eżerċitat is-setgħat ta’ stħarriġ tagħha (6). Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ appelli, dan ifisser li l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ser jiffoka, l-ewwel, fuq li jiġi aċċertat jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx b’mod korrett id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament SRM u, it-tieni, fuq jekk stħarrġitx, b’mod suffiċjenti, l-iskema ta’ riżoluzzjoni kif imfassla mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u approvata mill-Kummissjoni.

6.        L-istandard ta’ stħarriġ rilevanti reċentement ġie kkonsolidat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Crédit lyonnais (7). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qrati tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx jissostitwixxu d-deċiżjoni ta’ awtorità tal-Unjoni b’dik tagħhom. Minflok, huma għandhom jiddeterminaw jekk id-deċiżjoni hijiex ibbażata fuq fatti materjalment eżatti u jekk hijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter (8).

7.        Dan l-istandard huwa kkorroborat mir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Sabiex l-istħarriġ ġudizzjarju jkun effettiv u sabiex jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża jeħtieġ li “l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha minn awtorità amministrattiva jew minn qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni” (9).

8.        Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma ż-żewġ sentenzi appellati.

II.    Avvenimenti li taw lok għallproċedura quddiem ilQorti Ġenerali

9.        Il-fatti rilevanti għall-appell ineżami, li huma spjegati f’iktar dettall fil-punti 25 sa 83 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

10.      Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular bdiet tiddeterjora fl‑2016. Fil‑5 ta’ Diċembru 2016, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat pjan ta’ riżoluzzjoni għall-grupp Banco Popular. L-għodda ta’ riżoluzzjoni ppreferuta fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016 kienet l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament SRM. Madankollu, dan il-pjan ma ntużax fir-riżoluzzjoni eventwali li finalment seħħet.

11.      F’April 2017, Banco Popular beda proċedura ta’ bejgħ privat sabiex jinbiegħ lil kompetitur b’saħħtu, liema bejgħ kellu jirrestawra s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Id-data ta’ skadenza għax-xerrejja potenzjali interessati fl-akkwist ta’ Banco Popular sabiex jissottomettu l-offerti tagħhom kienet inizjalment stabbilita għall‑10 ta’ Ġunju 2017, u sussegwentement ġiet estiża sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2017. Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Mejju 2017, Banco Santander S.A. (iktar ’il quddiem “Banco Santander”) informa lil Banco Popular li huwa ma setax jagħmel offerta konkreta fil-kuntest tal-proċedura tal-bejgħ privat.

12.      Fit‑23 ta’ Mejju 2017, il-Presidenta tas-SRB, is-Sinjura Elke König, tat intervista lill-istazzjon televiżiv Bloomberg, li matulha hija ġiet mistoqsija, inter alia, dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular.

13.      Matul Mejju tal‑2017, diversi mezzi tal-istampa rrapportaw fuq id-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom Banco Popular, fosthom Reuters. L-artikolu ppubblikat minn Reuters kien jindika inter alia li, skont uffiċjal anonimu tal-Unjoni, wieħed mill-gwardjani bankarji Ewropej prinċipali kien informa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular seta’ jkollu jiġi llikwidat jekk huwa ma jirnexxilux isib xerrej. Skont dan l-artikolu, dan l-uffiċjal iddikjara wkoll li l-Presidenta tas-SRB kienet reċentement ħarġet “twissija bikrija” u kienet iddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi mill-qrib il-proċedura (Banco Popular) bil-ħsieb ta’ possibbiltà ta’ intervent. Fl-istess jum, is-SRB ippubblika stqarrija għall-istampa li kkontestat il-kontenut ta’ dan l-artikolu.

14.      Fl-ewwel jiem tax-xahar ta’ Ġunju 2017, il-Banco Popular affaċċja ħruġ massiv ta’ likwidità.

15.      Fit‑3 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/06, indirizzata lill-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (il-Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Banek (iktar ’il quddiem il-“FROB”)), dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ Banco Popular. Is-SRB approva l-bidu immedjat tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ Banco Popular mill-FROB u informa lil dan tal-aħħar bir-rekwiżiti tal-bejgħ, skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59 (10). B’mod partikolari, is-SRB ta struzzjoni lill-FROB sabiex jikkuntattja lill-ħames xerrejja potenzjali li kienu ġew mistiedna jissottomettu offerti fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat preċedenti ġestita minn Banco Popular. Mill-ħames xerrejja potenzjali, tnejn iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni u wieħed ġie eskluż mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal raġunijiet prudenzjali.

16.      Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 1”) skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament SRM, li kellha l-għan li tiddetermina jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni Din il-valutazzjoni twettqet minn Deloitte, li tqabbdet mis-SRB fit‑23 ta’ Mejju 2017 bħala espert indipendenti.

17.      Fl-għodwa tal‑5 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular ippreżenta talba inizjali għal provvista ta’ likwidità b’urġenza (iktar ’il quddiem l-“ELA”) lil Banco de España (il-Bank ta’ Spanja) u talba oħra wara nofsinhar, li kienet tinkludi estensjoni tal-ammont mitlub minħabba movimenti ta’ likwidità estremament akuti. Fuq il-bażi ta’ talba tal-Bank ta’ Spanja u skont l-evalwazzjoni tal-BĊE tal-istess jum dwar it-talba ta’ Banco Popular għall-ELA, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma qajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ provvista ta’ likwidità b’mod urġenti lil Banco Popular għall-perijodu sat‑8 ta’ Ġunju 2017. Banco Popular irċieva parti minn din l-ELA, madankollu, il-Bank ta’ Spanja ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi l-kumplament tal-ammont tal-ELA lil Banco Popular (11).

18.      Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE sab li Banco Popular kien qiegħed ifalli jew x’aktarx ifalli (iktar ’il quddiem “FOLTF”) skont l-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament SRM, u kkomunika din l-evalwazzjoni lis-SRB, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM (12).

19.      Fl-istess jum, Deloitte ssottomettiet it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”) lis-SRB, skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM. L-għan tal-valutazzjoni 2 kien li tistma l-valur tal-assi u tal-passiv ta’ Banco Popular, li tipprovdi valutazzjoni tat-trattament li kienu jirċievu l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċeduri normali ta’ insolvenza, u li tipprovdi informazzjoni dwar id-deċiżjoni li għandha tittieħed dwar l-azzjonijiet u l-istrumenti ta’ sjieda li kellhom jiġu ttrasferiti (13).

20.      Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, il-FROB informa lis-SRB li huwa kien irċieva offerta vinkolanti minn Banco Santander dak l-istess jum fit‑3.12 ta’ filgħodu, li offra li jixtri l-azzjonijiet ta’ Banco Popular għall-ammont ta’ EUR 1. Il-FROB ippropona lis-SRB jaċċetta din l-offerta.

21.      Waqt is-Sessjoni Eżekuttiva tiegħu tas‑7 ta’ Ġunju 2017, is-SRB aċċetta l-offerta ta’ Banco Santander u adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Intużat l-għodda tal-bejgħ ta’ operat (14), li skontha l-azzjonijiet eżistenti kollha (Ekwità Komuni ta’ Grad 1) u l-istrumenti ta’ Grad 1 Addizzjonali ta’ Banco Popular ġew żvalutati. L-istrumenti ta’ Grad 2 ġew ikkonvertiti f’azzjonijiet ġodda, imbagħad ittrasferiti lil Banco Santander bi prezz ta’ EUR 1.

22.      Din l-iskema ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għal approvazzjoni fil‑5.13 ta’ filgħodu. Fis‑6.30 ta’ filgħodu, permezz ta’ deċiżjoni indirizzata lis-SRB, il-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

23.      Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, Deloitte bagħtet lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament SRM, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-Banco Popular kien ġie suġġett għal proċeduri normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”).

24.      Fis‑17 ta’ Marzu 2020, is-SRB adotta d-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 (15) li tistabbilixxi li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati mir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma kellhomx dritt għal kumpens mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRF”) skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament SRM (16).

III. Ilproċeduri quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

25.      Permezz tar-rikors tagħhom ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw azzjoni intiża għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni, għad-danni u għall-annullament tal-valutazzjoni 2 kif ukoll l-għoti ta’ kumpens.

26.      Fit‑12 ta’ April 2019, ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander ġew ammessi jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni u tas-SRB.

27.      Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB jipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-valutazzjoni 2, l-evalwazzjoni tal-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017 li skontha Banco Popular kien FOLTF, kif ukoll l-ittra tal-BĊE lil Banco Popular tat‑18 ta’ Mejju 2017. Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat dawn id-dokumenti, iddeċidiet li dawn ma kinux neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawża u neħħiethom mill-proċess.

28.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu bħala infondat.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

29.      Permezz tal-appell tagħhom ippreżentat fl‑11 ta’ Awwissu 2022, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ t-talbiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB jirrimborsaw l-investimenti tagħhom f’Banco Popular jew, sussidjarjament, tikkundannahom għall-ħlas ta’ kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB iħallsuhom kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom;

–        tannulla l-valutazzjoni 2 u tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB iħallsuhom kumpens;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB għall-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza u tal-appell;

–        tordna ż-żieda ta’ interessi kumpensatorji fuq is-somom allokati b’effett mit‑23 ta’ Mejju 2017 jew, sussidjarjament, mis‑7 ta’ Ġunju 2017 sad-data tal-għoti tas-sentenza, flimkien mal-interessi moratorji mid-data tas-sentenza, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż tal-proċeduri ineżami, li jipproduċu interessi moratorji biss mid-data tas-sentenza;

–        tagħtihom kwalunkwe kumpens addizzjonali ieħor meqjus xieraq.

30.      Il-Kummissjoni, is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad l-appell kollu kemm hu;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell kif ukoll għal dawk sostnuti fl-ewwel istanza.

31.      Barra minn hekk, Banco Santander jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tilqa’ l-appell u tiddeċiedi, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħti deċiżjoni hija stess fuq ir-rikors għal annullament, sabiex:

–        konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sentenza tagħha billi tikkonferma l-effetti tal-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander.

V.      Analiżi

32.      L-appellanti jressqu erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħhom. L-ewwel aggravju jallega li s-sentenza appellata tinterpreta u tapplika b’mod żbaljat l-Artikolu 18 tar-Regolament SRM. Skont it-tieni aggravju, is-sentenza appellata allegatament tinterpreta u tapplika b’mod żbaljat l-Artikolu 20 tar-Regolament SRM. Bit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jitolbu danni fuq il-bażi tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza, fuq il-bażi tal-Artikolu 264 TFUE. Finalment, ir-raba’ aggravju jallega żbalji fis-sentenza appellata dwar it-talba awtonoma għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

33.      Kif ġie indikat qabel, il-konklużjonijiet tiegħi fl-appell ineżami għandhom jinqraw flimkien mal-konklużjonijiet paralleli. Għalhekk, l-ewwel aggravju tal-appell ineżami huwa analizzat fil-punti 20 sa 48 tal-konklużjonijiet paralleli, filwaqt li l-ħames u s-sitt parti tat-tieni aggravju (17) huma ttrattati fil-punti 49 sa 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

34.      L-aggravji l-oħra jikkonċernaw, l-ewwel, allegat ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament SRM, li ser nindirizza fit-Taqsima A. It-tieni, dawn jikkonċernaw talba għad-danni, li ser nanalizza fit-Taqsima B. Finalment, l-appellanti jinvokaw ukoll ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, li ser nindirizza fit-Taqsima C.

35.      Fl-analiżi li ġejja, ser nispjega għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appell fl-intier tiegħu.

A.      LArtikolu 20 tarRegolament SRM

36.      Permezz tal-ewwel erba’ partijiet tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji (18) fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 20 tar-Regolament SRM għad-diversi valutazzjonijiet ta’ Banco Popular. Infakkar li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet tinvolvi tliet valutazzjonijiet (19).

37.      Kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja f’Aeris Invest vs SRB (20), l-Artikolu 20 tar-Regolament SRM jirreferi għal żewġ tipi ta’ valutazzjoni. L-ewwel valutazzjoni (provviżorja) hija rregolata mill-Artikolu 20(1) sa (15) tar-Regolament SRM. It-tieni valutazzjoni (definittiva), hija rregolata mill-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament SRM u għandha titwettaq minn persuna indipendenti.

38.      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-valutazzjonijiet 1 u 2 tar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular jappartjenu għall-ewwel kategorija, filwaqt li l-valutazzjoni 3 tappartjeni għat-tieni kategorija (21).

39.      L-ewwel, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li l-valutazzjonijiet 1 u 2 kienu ġusti, prudenti u realistiċi, kif meħtieġ mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament SRM.

40.      Inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat (22) li kemm il-valutazzjoni 1 u kif ukoll il-valutazzjoni 2 kienu provviżorji u għaldaqstant kienu neċessarjament jinkludu informazzjoni inċerta jew approssimattiva.

41.      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni ddettaljata tal-valutazzjoni 2 għal kull kategorija ta’ assi, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-urġenza tas-sitwazzjoni bħala l-kuntest li fih Deloitte wettqet il-valutazzjoni (23).

42.      Finalment, u ġustament fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-għanijiet differenti li kienu jservu l-valutazzjonijiet 1 u 2, id-diversi mumenti tat-tfassil tagħhom (u d-differenza fl-informazzjoni disponibbli), u għalhekk ikkonkludiet b’mod korrett li dawn ma kinux kontradittorji (24).

43.      Għaldaqstant inqis li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod korrett l-Artikolu 20(1) tar-Regolament SRM.

44.      It-tieni, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball (25) meta kkonstatat li l-valutazzjonijiet 1 u 2 ma kinux jiksru r-rekwiżiti tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament SRM (26).

45.      Fir-rigward tal-għan stabbilit fl-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament SRM, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li fil-valutazzjoni 1, is-SRB analizza dan l-għan, billi ddetermina jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 18(1)(a) ta’ dan ir-regolament kinux issodisfatti (27). Ma hemm xejn fl-argumenti tal-appellanti li jqiegħed f’dubju l-fondatezza tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali.

46.      Il-Qorti Ġenerali ġustament analizzat ukoll il-konformità tal-valutazzjoni 2 mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(5)(b), (f) u (g) tar-Regolament SRM, peress li f’din il-valutazzjoni, Deloitte materjalment irreferiet għall-istess għanijiet, billi ċċitat l-Artikolu 36(4)(b), (f) u (g) tad-Direttiva 2014/59 (28).

47.      L-appellanti ġustament isostnu li l-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat, fil-punt 298 tas-sentenza appellata, li ma kien tressaq l-ebda argument speċifiku fir-rigward tal-għan stipulat fl-Artikolu 20(5)(c) tar-Regolament SRM (29).

48.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ġustament irreferiet għall-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM, li skontu l-valutazzjoni provviżorja “għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 4 u, sa fejn raġonevolment prattikabbli fiċ-ċirkostanzi, mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1, 7 u 9”. Din id-dispożizzjoni ma ssemmix l-Artikolu 20(5). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ukoll iddikjarat li l-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM huwa rilevanti, peress li jistabbilixxi li valutazzjoni li ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(5) għandha titqies provviżorja, bħalma kienu l-valutazzjonijiet 1 u 2.

49.      Għaldaqstant inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament SRM.

50.      It-tielet, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li l-valutazzjoni 2 ma kinitx tikser ir-rekwiżiti tal-Artikoli 20(7) u (9) tar-Regolament SRM.

51.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM, li jikkonċerna l-valutazzjonijiet provviżorji, jipprevedi li l-paragrafi 1, 7 u 9 tal-Artikolu 20 kellhom jiġu osservati “sa fejn dan kien raġonevolment possibbli” fid-dawl taċ-ċirkustanzi (30).

52.      “Sa fejn dan kien raġonevolment possibbli”, fil-fehma tiegħi, għalhekk ġustament jinkludi l-valutazzjoni mwettqa fuq bażi kkonsolidata, minflok ma tikkonċerna kull entità tal-grupp Banco Popular, li, kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali, ma huwiex rekwiżit skont l-Artikolu 20(7) tar-Regolament SRM (31).

53.      Il-Qorti Ġenerali lanqas ma żbaljat meta kkonkludiet li l-valutazzjoni 2 kienet konformi mal-Artikolu 20(9) tar-Regolament SRM mingħajr ma kienet tinkludi s-subdiviżjoni ta’ kredituri fi klassijiet, peress li din l-informazzjoni ma kinitx disponibbli sal-valutazzjoni 3 (32).

54.      Ir-raba’, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta interpretat u applikat l-Artikolu 20(10) u (11) tar-Regolament SRM fir-rigward tal-valutazzjoni 2. Huma jsostnu li minħabba li l-valutazzjoni 2 (li hija provviżorja skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM) ma ġietx segwita minn valutazzjoni ex post definittiva (kuntrarjament għat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM), l-iskema tar-riżoluzzjoni, li kienet ibbażata fuq tali valutazzjoni provviżorja, hija invalida.

55.      Is-SRB ikkonferma, bi tweġiba għal mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, li huwa ma kienx ser iwettaq valutazzjoni definittiva ex post, peress li din ma sservi ebda għan prattiku skont l-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM (33).

56.      Il-Qorti Ġenerali invokat l-Artikolu 20(13) tar-Regolament SRM, li jistabbilixxi illi “valwazzjoni provviżorja mwettqa skont il-paragrafi 10 u 11 għandha tkun bażi valida għall-Bord biex jieħu deċiżjoni dwar azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni”, sabiex iddeċidiet li l-assenza ta’ valutazzjoni ex post ma taffettwax il-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni (34). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li valutazzjoni li tkun twettqet wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni ma tistax taffettwa l-legalità ta’ din l-iskema jew ta’ din l-approvazzjoni (35).

57.      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Aeris Invest vs SRB (36), jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod korrett l-Artikolu 20(10) u (11) tar-Regolament SRM.

58.      Bħala konklużjoni, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel erba’ partijiet tat-tieni aggravju bħala infondati.

B.      Talba għaddanni

59.      Bit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti sempliċement jindikaw, f’punt partikolari, li huma jżommu l-argumenti tagħhom dwar it-talba għad-danni.

60.      Minkejja li jindikaw il-punti rilevanti tas-sentenza appellata parallela, l-appellanti jirreferu biss b’mod ġenerali għat-talba tagħhom għad-danni u għall-Artikolu 264 TFUE, mingħajr ma jippreċiżaw l-iżball allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali (37).

61.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, isegwi mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-appellant ikun qiegħed ifittex l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali mressqa speċifikament insostenn ta’ dan l-appell (38).

62.      Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li dan l-aggravju huwa manifestament inammissibbli.

C.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali talUnjoni

63.      Bir-raba’ aggravju tagħhom, ir-rikorrenti jressqu żewġ argumenti. L-ewwel, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx il-ksur, mis-SRB, tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikolu 88 tar-Regolament SRM u l-Artikolu 339 TFUE. Il-ksur jikkonċerna l-intervista li l-Presidenta tas-SRB, is-Sinjura König, tat lil Bloomberg fit‑23 ta’ Mejju 2017 u l-allegat żvelar ta’ informazzjoni ppubblikata minn diversi mezzi tal-istampa (39). Huma jsostnu wkoll li s-SRB u l-Kummissjoni kisru l-obbligu tagħhom ta’ kunfidenzjalità billi baqgħu passivi u billi ma wettqux investigazzjoni interna dwar l-allegat żvelar ta’ informazzjoni li ġie ppubblikat f’artikolu ta’ Reuters.

64.      It-tieni, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-kontestazzjoni tagħhom tal-valutazzjoni 2 u tat-talba għal kumpens riżultanti kienet inammissibbli.

65.      Fir-rigward tal-ewwel argument, l-appellanti jsostnu li l-informazzjoni li Banco Popular kien taħt sorveljanza kienet fiha nnifisha ta’ natura kunfidenzjali, kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali fil-punt 613 tas-sentenza appellata.

66.      Il-premessa 116 tar-Regolament SRM tistabbilixxi l-informazzjoni li tista’ titqies kunfidenzjali: il-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-eżitu ta’ kwalunkwe evalwazzjoni ta’ tali pjanijiet, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni pprovduta dwar deċiżjoni qabel ma tittieħed, bħal konformità mal-kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni, l-użu ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni speċifika, jew kwalunkwe azzjoni matul il-proċedura.

67.      Il-Qorti Ġenerali eżaminat l-informazzjoni li kkondividiet il-Presidenta tas-SRB fl-intervista. B’mod iktar preċiż, hija qalet dan li ġej: “Fil-fatt, ma jiena qatt nitkellem dwar banek individwali. Hemm iktar minn bank wieħed fuq l-iskrin tar-radar tagħna u, ovvjament, Banco Popular huwa wkoll każ li aħna qegħdin insegwu, iżda dan ma huwiex l-uniku wieħed li qegħdin insegwu.” (40)

68.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn ir-rimarki kienu ta’ natura ġenerali u li l-“informazzjoni li Banco Popular, bħala istituzzjoni ta’ kreditu koperta mill-mekkaniżmu superviżorju uniku, huwa ‘sorveljat’ ma hijiex kunfidenzjali” (41). Il-Qorti Ġenerali żiedet li kienet diġà informazzjoni pubblika li l-BĊE kien wettaq spezzjoni ta’ Banco Popular (42).

69.      Inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li d-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tas-SRB kienu ġenerali biżżejjed sabiex ma jiżvelawx l-informazzjoni li Banco Popular kien fil-proċess li jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni kinux issodisfatti, informazzjoni li hija kunfidenzjali skont il-premessa 116 tar-Regolament SRM.

70.      Fir-rigward tal-artikolu ta’ Reuters, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 619 sa 643 tas-sentenza appellata, li ma kienx ġie stabbilit li impjegat tas-SRB kien is-sors tal-iżvelar, u li n-nuqqas ta’ azzjoni tas-SRB sabiex jiċħad l-informazzjoni żvelata ma jipprovax li huwa kien responsabbli għal dan l-iżvelar.

71.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament, fil-punt 623 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza “ma jispeċifikawx liema informazzjoni li tinsab f’dan l-artikolu hija kunfidenzjali, u lanqas sa liema punt l-iżvelar tagħha jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali tas-SRB jew tal-Kummissjoni”.

72.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 625 tas-sentenza appellata, li s-SRB kien ħareġ stqarrija għall-istampa, li kienet tikkontradixxi l-interpretazzjoni wiesgħa li l-artikolu ta’ Reuters ta lill-intervista mogħtija mill-Presidenta tas-SRB.

73.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punti 628 sa 632 tas-sentenza appellata, għal informazzjoni oħra disponibbli fl-isfera pubblika, li turi li l-artikolu ta’ Reuters ma kien jiżvela ebda informazzjoni kunfidenzjali.

74.      Finalment, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 637 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma ppruvawx l-allegazzjoni li uffiċjal tas-SRB jew tal-Kummissjoni żvela l-informazzjoni lil Reuters, peress li dawn ma pproduċew ebda prova f’dan is-sens.

75.      L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat għadd ta’ fatti, mingħajr, madankollu, ma sostnew l-iżnaturament tagħhom. Dan jinvolvi l-paragun tal-fatti stabbiliti fl-intervista ma’ Bloomberg mal-fatti fl-artikolu ta’ Reuters, kif ukoll l-allegat żvelar ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet amministrattivi Spanjoli.

76.      Inqis li dawn l-argumenti huma inammissibbli, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistabbilixxi l-fatti jew teżamina l-provi, ħlief fil-każ fejn l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u li tali żnaturament jirriżulta b’mod ovvju mill-atti tal-proċess (43).

77.      Barra minn hekk, il-parti li tallega żnaturament għandha tindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u turi l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma ta’ din il-parti, wasslu għal tali żnaturament (44).

78.      L-appellanti sempliċement jikklassifikaw il-fatti diġà evalwati mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma juru li dik il-qorti żnaturat il-provi.

79.      Għaldaqstant inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament stabbilixxiet li s-SRB u l-Kummissjoni ma kinux kisru l-obbligu ta’ kunfidenzjalità tagħhom skont l-Artikolu 88 tar-Regolament SRM u l-Artikolu 339 TFUE.

80.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mod ieħor, l-allegata rabta kawżali bejn dan il-ksur u d-dannu kkawżat lill-appellanti għadha trid tiġi indirizzata.

81.      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punti 653 sa 674 tas-sentenza appellata, li ma kinitx teżisti rabta kawżali bejn il-ksur tal-kunfidenzjalità u l-issuġġettar ta’ Banco Popular għal riżoluzzjoni.

82.      Inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat li l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienu severi qabel ma seħħet l-intervista fit‑23 ta’ Mejju 2017 u li l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienet ikkawżata minn diversi fatturi li oriġinaw mir-riżultati ħżiena tal-bank imħabbra fi Frar u f’April 2017.

83.      Filwaqt li nirreferi għall-ġurisprudenza dwar ir-rabta kawżali, inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma stabbilixxewx rabta suffiċjentement diretta bejn id-dannu u l-aġir ikkritikat, li għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (45).

84.      Jiena għaldaqstant inqis li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda.

85.      Fir-rigward tat-tieni argument, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-Artikolu 20(15) tar-Regolament SRM (46) u kkonkludiet li kontestazzjoni tal-valutazzjoni 2 ma tistax tiġi suġġetta għal appell separat (47).

86.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li t-talba tagħhom għal kumpens hija inammissibbli, peress li r-Regolament SRM ma jipprevedix il-possibbiltà li jintalab kumpens, u r-rikorrenti fl-ewwel istanza lanqas ma ppreċiżaw il-portata eżatta tad-dannu subit jew l-ammont eżatt tal-kumpens mitlub. Il-Qorti Ġenerali sostniet din il-konklużjoni billi enfasizzat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma strutturawx it-talba tagħhom fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont l-Artikolu 340 TFUE (48).

87.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar it-tieni parti tar-raba’ aggravju.

VI.    Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-konklużjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament SRM”).


3      Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB/EES/2017/08 tas‑7 ta’ Ġunju 2017, fis-Sessjoni Eżekuttiva tiegħu dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, S.A. (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”). L-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15, iktar ’il quddiem l-“approvazzjoni tal-Kummissjoni”).


4      Il-kawżi pilota li jifdal huma: (1) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Del Valle Ruíz et vs Il‑Kummissjoni u SRB (T‑510/17, EU:T:2022:312). L-appell fil-Kawża C‑539/22 P, Del Valle Ruíz et vs Il‑Kummissjoni u SRB ġie ppreżentat iżda rtirat fit‑22 ta’ Lulju 2023. (2) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Aeris Invest vs Il‑Kummissjoni u SRB (T‑628/17, EU:T:2022:315). L-appell minn din is-sentenza jinsab pendenti fil-Kawża C‑535/22 P, Aeris Invest vs Il‑Kummissjoni u SRB. (3) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni (T‑570/17, EU:T:2022:314). Din is-sentenza ma ġietx appellata. (4) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno u SFL vs SRB (T‑481/17, EU:T:2022:311). Żewġ appelli minn din is-sentenza huma attwalment pendenti. L-ewwel, fil-Kawża C‑551/22 P, Il‑Kummissjoni vs SRB. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ćapeta f’Il‑Kummissjoni vs SRB  (C‑551/22 P, EU:C:2023:846). It-tieni, fil-Kawża C‑448/22 P, SFL vs SRB. (5) Digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Liaño Reig vs SRB (T‑557/17, EU:T:2019:771). Dan id-digriet ġie kkonfermat fl-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball meta ddeċidiet li d-dispożizzjoni kontenzjuża ma kinitx separabbli mill-iskema ta’ riżoluzzjoni tas-SRB, fis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Liaño Reig vs SRB (C‑947/19 P, EU:C:2021:172).


5      Mis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Aeris Invest vs Il‑Kummissjoni u SRB (T‑628/17, EU:T:2022:315) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata parallela”).


6      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrent”. Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja (C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 50).


7      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais (C‑389/21 P, EU:C:2023:368). Dan l-approċċ ġie adottat ukoll mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, fil-punti 110 sa 115 u fis-sentenza appellata parallela, fil-punti 115 sa 119.


8      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais (C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 55).


9      Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken (C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punti 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/59”).


11      Il-fatti tal-kawża ineżami ma jgħidu xejn dwar kwalunkwe spjegazzjoni possibbli ta’ għalfejn il-Bank ta’ Spanja ma setax jipprovdi l-ammont sħiħ tal-ELA lil Banco Popular.


12      Verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din l-evalwazzjoni hija disponibbli fuq https://www.bankingsupervision.europa.eu/ecb/pub/pdf/ssm.2017_FOLTF_ESPOP.en.pdf?ed492d2c6735d43ab422f25ed966d712.


13      Din il-valutazzjoni, inter alia, stmat il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular għal EUR 1.3 biljun fl-aħjar xenarju, għal EUR 8.2 biljun fin-negattiv fl-agħar xenarju u għal EUR 2 biljun fin-negattiv għall-aħjar stima.


14      Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament SRM.


15      Ġiet ippubblikata komunikazzjoni dwar din id-deċiżjoni fl‑20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2), disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52020XX0320(01).


16      Din id-deċiżjoni tas-SRB ġiet ikkontestata minn diversi ex azzjonisti ta’ Banco Popular. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din il-kontestazzjoni fis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2023, Del Valle Ruíz et vs SRB (T‑302/20, T‑303/20 u T‑307/20, EU:T:2023:735). Din is-sentenza ma ġietx appellata.


17      Meta, fl-appell parallel, l-appellanti tallega ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 47 tal-Karta.


18      Punti 279 sa 282 u punti 346 sa 425 tas-sentenza appellata.


19      Ara l-punti 16, 19, 23, u 24 iktar ’il fuq.


20      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Aeris Invest vs SRB (C‑874/19 P, EU:C:2021:1040, punti 70 sa 71).


21      Ibid., punt 72.


22      Sentenza appellata, punti 294, 347 u 357.


23      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “[l]-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u l-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ limitu ta’ żmien li taħthom għandu jintervjeni”. Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Javob vs Il‑Kummissjoni (C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara wkoll l-analiżi fil-konklużjonijiet paralleli dwar valutazzjonijiet u l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-punti 54 sa 70.


25      Sentenza appellata, punti 286 sa 304.


26      Skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament SRM, l-għanijiet tal-valutazzjoni huma: “(a) li tingħata informazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk il-kondizzjonijiet tar-riżoluzzjoni jew il-kondizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali intlaħqux; (b) jekk il-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni ntlaħqu, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-azzjoni xierqa ta’ riżoluzzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2; (c) meta tiġi applikata s-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar kemm għandhom jiġu kkanċellati jew dilwiti l-istrumenti ta’ sjieda, u kemm għandhom jiġu valwati negattivament u jiġu kkonvertiti l-istrumenti kapitali rilevanti; [...] (f) meta tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet jew l-istrumenti l-oħra ta’ sjieda li għandhom jiġu ttrasferiti u biex jgħinu lill-Bord jifhem x’jikkostitwixxi termini kummerċjali għall-finijiet tal-Artikolu 24(2)(b); (g) fil-każijiet kollha, biex jiġi żgurat li kwalunkwe telf fuq l-assi ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 jiġi rikonoxxut bis-sħiħ meta jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni jew jiġu eżerċitati s-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti.”


27      Sentenza appellata, punti 292 u 293.


28      Sentenza appellata, punti 300 u 301.


29      Huma jirreferu għall-punti 61 sa 66 tar-replika tagħhom fl-ewwel istanza, fejn dan l-għan huwa effettivament indirizzat.


30      Sentenza appellata, punt 414.


31      Sentenza appellata, punt 415.


32      Sentenza appellata, punti 421 u 422.


33      Is-SRB iddikjara wkoll li funzjoni kumpensatorja ta’ tali valutazzjoni ex post skont l-Artikolu 20(12) tar-Regolament SRM ma tkunx applikabbli għar-rikors għal riżoluzzjoni attwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 20(12) tar-Regolament SRM ma japplikax għall-għodda tal-bejgħ ta’ negozju fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Aeris Invest vs SRB (C‑874/19 P, EU:C:2021:1040, punti 80 sa 82).


34      Sentenza appellata, punt 280.


35      Billi rreferiet għas-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) fis-sentenza appellata, punti 281 u 282.


36      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Aeris Invest v SRB (C‑874/19 P, EU:C:2021:1040).


37      Dan għandu jitqies bħala inammissibbli, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C‑666/19 P, EU:C:2022:323, punti 187 sa 189). Barra minn hekk, “appell li ma jinkludi ebda argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza jew id-digriet inkwistjoni ma jissodisfax dan ir-rekwiżit”. Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, NRW. Bank vs SRB (C‑662/19 P, EU:C:2021:846, punt 36).


38      Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group (C‑396/19 P, EU:C:2020:845, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Il-Qorti Ġenerali llimitat l-analiżi tagħha għall-intervista ma’ Bloomberg u għall-artikolu ppubblikat minn Reuters, peress li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma speċifikawx allegat żvelar ieħor mis-SRB. Sentenza appellata, punt 610.


40      Sentenza appellata, punt 612.


41      Ibid. punt 613.


42      Ibid. punt 614.


43      Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 63); sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs ANKO  (C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 54).


44      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Valencia Club de Fútbol  (C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 55).


45      Sentenza appellata, punt 655, li jirreferi għas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, BP vs FRA (T‑838/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:494,  punt 217 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      “Il-valwazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni jew id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali. Il-valwazzjoni nnifisha ma għandhiex tkun soġġetta għal dritt ta’ appell separat iżda tista’ tkun soġġetta għal appell flimkien mad-deċiżjoni ta[s-SRB].”


47      Sentenza appellata, punti 680 sa 682.


48      Sentenza appellata, punti 685, 689 u 697.