Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Marzu 2011 - Magnesitas de Rubián et vs Il-Parlament u l-Kunsill

(Kawża T-158/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Magnesitas de Rubián, SA (Incio, Spanja), Magnesitas Navarras, SA (Zubiri, Spanja), Ellinikoi Lefkolithoi Anonimos Metalleftiki Viomichaniki Naftiliaki kai Emporiki Etaireia (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: H. Brokelmann, P. Martínez-Lage Sobredo, avukati)

Konvenuti: Il-Parlament u Il-Kunsill

Talbiet tar-rikorrenti

L-għan ta' din il-proċedura huwa l-annullament tad-deċiżjoni individwali li tinsab fl-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU L 334, p. 17), sa fejn toħloq l-obbligu fuq l-Istati Membri sabiex josservaw il-konklużjonijiet dwar l-aħjar tekniki disponibbli li jinsabu fit-taqsima 3(5) tad-"Dokument ta' referenza dwar l-aħjar tekniki disponibbli fl-Industriji tal-Manifattura tas-Siment, il-Ġir u l-Ossidu tal-Manjesju" (ĠU C 166, p. 5), taħt il-kundizzjonijiet tal-permessi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti għall-istabbilimenti tal-manifattura tal-ossidu tal-manjesju suġġetti għall-awtorizzazzjoni taħt l-imsemmija direttiva.

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali:

prinċipalment, tikkundanna lill-Parlament u l-Kunsill għall-ispejjeż

sussidjarjament, u fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tannullax din id-deċiżjoni kollha kemm hi fir-rigward tat-taqsima 3(5) tad-dokument ta' referenza, tannullaha fi kwalunkwe każ f'dak li irrigwarda t-taqsima 3.5.5.4 tal-imsemmi dokument, inkluż b'mod partikolari valuri ta' emissjonijiet stabbiliti fit-Tabella 3.11. li hemm fih, u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi:

1. L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea.

F'dan ir-rigward, huma jiddikjaraw li l-Kummissjoni Europea ma kellhiex kompetenza sabiex tinkludi l-manifattura tal-ossidu tal-manjeżju fid-dokument ta' referenza.

2. It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom sostanzjali, b'mod partikolari:

nuqqas ta' komunikazzjoni lir-rikorrenti dwar il-ftuħ tal-proċedura ta' preparazzjoni għal tħejjija tad-dokument ta' referenza li għaliha huma setgħu jieħdu sehem biss tardivament.

in-nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni fid-dokument ta' referenza ta' "split views" (fehmiet diverġenti) tar-rikorrenti.

in-nuqqas ta' osservanza tat-terminu stabbilit għall-analiżi tal-abbozz finali tad-dokument ta' referenza.

3. It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż.

F'dan ir-rigward, huwa ddikjarat li d-dokument ta' referenza jikser l-għan iddikjarat fl-Artikolu 1 tad-direttiva msemmija iktar 'il fuq, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent ikkunsidrat kollu kemm hu, kif ukoll bħal ma jikser il-konklużjonijiet li jinsabu fit-taqsima 3.5 ta' dan id-dokument, li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel vinkolanti.

4. Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata titratta bl-istess mod l-impriżi li jinsabu f'sitwazzjonijiet differenti.

____________