Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2014 – JingAo Solar et vs Il-Kunsill

(Kawża T-158/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: JingAo Solar Co. Ltd (Ningjin, iċ-Ċina); Shanghai JA Solar Technology Co. Ltd (Shanghai, iċ-Ċina); Yangzhou JA Solar Technology Co. Ltd (Yangzhou, iċ-Ċina); Hefei JA Solar Technology Co. Ltd (Hefei, iċ-Ċina); Shanghai JA Solar PV Technology Co. Ltd (Shanghai, iċ-Ċina); u JA Solar GmbH (Munich, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Willems, S. De Knop u J. Charles, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013, tat-2 ta’ Diċembru 2013, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 325, p. 66), sa fejn japplika għar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li, billi imponew miżuri kumpensatorji fuq moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin ikkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, meta l-avviż tal-bidu semmiet biss moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-istituzzjonijiet Ewropej kisru l-Artikoli 10(2) u 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009  .It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li, billi imponew miżuri kumpensatorji fuq moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin li ma kinux is-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping, l-istituzzjonijiet Ewropej kisru l-Artikoli 1 u 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009.It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li, billi wettqu investigazzjoni waħda biss għal żewġ prodotti distinti (jiġifieri, il-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ċ-ċelloli), l-istituzzjonijiet Ewropej kisru l-Artikolu 2(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009.