Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2023 – Lagardère vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1119/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Lagardère SA (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: D. Théophile, G. Aubron u C. Bocket, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6429 tad-19 ta’ Settembru 2023, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 7464 tas-27 ta’ Ottubru 2023;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija użu ħażin tal-poter li l-Kummissjoni għandha skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, sa fejn din tiddelega illegalment lil Lagardère SA l-oneru li twettaq “tfittxija” ta’ natura esploratorja, mingħajr ma tiżgura ruħha mill-kapaċità ġuridika u teknika sabiex twettaq tali tfittxija.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti, u, għaldaqstant, la tippermetti lir-rikorrenti tieħu konjizzjoni tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda, u lanqas lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata la jippermettu li wieħed jifhem (i) l-għażla tal-att ġuridiku, u lanqas (ii) il-portata tal-informazzjoni mitluba.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għas-sigriet tal-korrispondenza, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ġġiegħel lir-rikorrenti tiġbor l-għodod ta’ komunikazzjoni personali tal-impjegati tagħha, kif ukoll id-dokumenti personali tagħhom maħżuna fl-għodod tax-xogħol tagħhom.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-istampa, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tipprevedi ebda protezzjoni tad-dokumenti li jistgħu jinkludu sorsi ġurnalistiċi, u timponi fuq Lagardère SA u l-ġurnalisti koperti oneru ta’ xogħol sproporzjonat meta mqabbel man-neċessitajiet tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt għaċ-ċertezza legali, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies bħala suffiċjentement “ċara u preċiża” fis-sens tal-ġurisprudenza u tpoġġi neċessarjament lir-rikorrenti f’sitwazzjoni li tikser l-obbligi legali u konvenzjonali tagħha.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji tal-awtorità pubblika fl-isfera ta’ attività privata, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni, fir-rigward (i) tal-att ġuridiku magħżul, (ii) tal-portata tal-informazzjoni mitluba u (iii) tat-terminu impost għat-tweġiba.

____________