Language of document : ECLI:EU:C:2020:1054

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-17 ta’ Diċembru 2020 (1)

Kawża C439/19

B

partijiet magħquda:

Latvijas Republikas Saeima

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Regolament (UE) 2016/679 – Ipproċessar ta’ data personali — Informazzjoni li tikkonċerna l-punti ta’ penalità għal reati tat-traffiku fit-triq — Kunċett tal-ipproċessar ta’ data personali dwar kundanni kriminali u reati – Regoli nazzjonali li jipprovdu għall-iżvelar ta’ tali informazzjoni u li jippermettu l-użu mill-ġdid tagħha”






I.      Introduzzjoni

1.        Fl-1946, George Orwell ikkummenta dwar il-kampanja “Żomm il-Mewt il-Bogħod mit-Triq”, li ex Stat Membru tal-Unjoni kien qiegħed imexxi dak iż-żmien, bil-mod segwenti: “Jekk verament tridu żżommu l-mewt il-bogħod mit-triq, ikollkom tippjanaw mill-ġdid is-sistema sħiħa tat-toroq b’tali mod li l-kolliżjonijiet ikunu impossibbli. Aħsbu xi jfisser dan (ikun jinvolvi, pereżempju, it-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid ta’ Londra sħiħa), u wieħed jista’ jara li dan imur lil hinn mis-setgħa ta’ kwalunkwe nazzjon f’dan il-mument. Minflok dan jistgħu jittieħdu miżuri li jnaqqsu s-sintomi, li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu biex in-nies isiru iktar attenti.” (2)

2.        Il-każ inkwistjoni quddiem is-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) li indirizzat ruħha lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandu, fil-qalba tiegħu, il-“miżuri li jnaqqsu s-sintomi” imsemmija iktar ’il fuq: sabiex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq billi s-sewwieqa jsiru iktar konxji u attenti, jiġu rreġistrati punti ta’ penalità kontra sewwieqa għal reati tas-sewqan. Din l-informazzjoni tiġi sussegwentement ikkomunikata u trażmessa sabiex tintuża mill-ġdid. Il-qorti tar-rinviju, li ġiet adita b’ilment kostituzzjonali, tixtieq tevalwa l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali inkwistjoni mar-Regolament (UE) 2016/679 (3) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

3.        Dan jagħmel il-każ preżenti każ kważi klassiku dwar il-protezzjoni tad-data fis-sens li huwa prinċipalment stabbilit fid-dinja off-line u li jinvolvi relazzjoni vertikali bejn l-Istat u individwu, li jpoġġih flimkien ma’ numru ta’ kawżi li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn meta ngħatat is-sentenza ta’ riferiment fil-kawża Stauder (4), li kienet mingħajr dubju l-ewwel każ li rrigwardat il-protezzjoni tad-data fis-sens wiesa’ (5).

4.        Fl-evalwazzjoni ta’ kemm Stat Membru jista’ jindaħal fid-drittijiet personali ta’ individwu sabiex isegwi l-għan tiegħu li jrawwem is-sigurtà fit-toroq, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li miżuri bħal-leġiżlazzjoni tal-Latvja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex proporzjonati fir-rigward tal-għan li jfittxu li jilħqu.

5.        Iżda qabel ma naslu għal dan il-punt, dan il-każ iqajjem varjetà sħiħa ta’ mistoqsijiet ikkomplikati u fundamentali, li jieħduna tul ir-RĠPD b’veloċità qawwija. Ilbsu ċ-ċinturin tas-sigurtà. Jista’ jiffrankalek xi punt ta’ penalità.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-RĠPD

6.        Il-Kapitolu I tar-RĠPD, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, fih l-Artikoli 1 sa 4, li jistabbilixxu s-suġġett u l-għanijiet, il-portata materjali u territorjali, kif ukoll id-definizzjonijiet.

7.        L-Artikolu 1 tar-RĠPD, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.

2.      Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.

3.      Il-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni għandu jkun la ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.”

8.        L-Artikolu 2 tar-RĠPD, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

(a)      matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(b)      mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

(c)      minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;

(d)      mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

[…]”

9.        Il-Kapitolu II tar-RĠPD, li fih l-Artikoli 5 sa 11, jistabbilixxi l-prinċipji tar-regolament: prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali, legalità tal-ipproċessar, kundizzjonijiet għal kunsens, inkluż il-kunsens ta’ minorenni fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali u ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati, u pproċessar li ma jeħtieġx identifikazzjoni.

10.      Skont l-Artikolu 5 tar-RĠPD, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”:

“1.      Id-data personali għandha:

(a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

(b)      tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’);

(c)      tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

(d)      tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b’kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (‘preċiżjoni’);

(e)      tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; id-data personali tista’ tinħażen għal perijodi itwal sakemm id-data personali tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Artikolu 89(1) soġġett għall-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi adatti meħtieġa minn dan ir-Regolament sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data (‘limitazzjoni tal-ħażna’);

(f)      tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).

2.      Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’)”.

11.      L-Artikolu 10 tar-RĠPD, intitolat “Ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati”, jipprovdi:

“L-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew relatata ma’ miżuri ta’ sigurtà abbażi tal-Artikolu 6(1) għandu jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali jew meta l-ipproċessar ikun awtorizzat minn liġi tal-Unjoni jew liġi ta’ Stat Membru li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data. Kwalunkwe reġistru komprensiv ta’ kundanni kriminali għandu jinżamm biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali.”

2.      Id-Direttiva 2003/98/KE

12.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/98/KE, (6) intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jaqra kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi sett minimu ta’ regoli li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-mezzi prattiċi għall-iffaċilitar ta’ l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti eżistenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku ta’ l-Istati Membri.

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)      dokumenti li l-provvista tagħhom hija attività li taqa’ barra mill-ambitu tal-kompitu pubbliku tal-entitajiet tas-settur pubbliku kkonċernati, kif iddefinit mil-liġi jew minn regoli vinkolanti oħra fl-Istat Membru, jew fin-nuqqas ta’ tali regoli, kif definit skont il-prattika amministrattiva komuni fl-Istat Membru inkwistjoni sakemm il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u jkun suġġett għal rieżami;

(b)      dokumenti li dwarhom partijiet terzi iżommu d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(c)      dokumenti li huma esklużi mill-aċċess minħabba r-reġimi ta’ aċċess fl-Istati Membri, fosthom minħabba raġunijiet ta’:

—      protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (jiġifieri s-sigurtà tal-Istat), id-difiża jew is-sigurtà pubblika,

—      kunfidenzjalità tal-istatistika,

—      kunfidenzjalità kummerċjali (eż. sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpaniji);

(ca)      dokumenti li l-aċċess għalihom huwa ristrett minħabba r-reġimi ta’ aċċess fl-Istati Membri, inklużi każijiet li fihom iċ-ċittadini jew il-kumpaniji jridu jippruvaw interess partikulari biex jiksbu aċċess għad-dokumenti;

(cb)      partijiet ta’ dokumenti li fihom biss logos, armi u insinja;

(cc)      dokumenti li l-aċċess għalihom huwa eskluż jew ristrett minħabba r-reġimi ta’ aċċess għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-dejta [data] personali, u partijiet ta’ dokumenti aċċessibbli minħabba dawk ir-reġimi li fihom dejta personali li l-użu mill-ġdid tagħha ġie definit mill-liġi bħala inkompatibbli mal-liġi rigward il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali;

(d)      dokumenti miżmuma minn xandara tas-servizzi pubbliku u s-sussidjarji tagħhom, jew minn korpi oħra jew is-sussidjarji tagħhom għat-twettieq ta’ xandir mis-servizz pubbliku;

(e)      id-dokumenti miżmuma minn stabbilimenti tat-tagħlim jew tar-riċerka, inklużi organizzazzjonijiet imwaqqfa għat-trasferiment ta’ riżultati tar-riċerka, skejjel u universitajiet, għajr il-libreriji universitarji u

(f)      dokumenti miżmuma minn stabbiliment kulturali, li ma jkunux libreriji, mużewijiet jew arkiviji.

3.      Din id-Direttiva tibni fuq u hija bla ħsara għar-reġimi ta’ aċċess fl-Istati Membri.

4.      Din id-Direttiva tħalli intatt u bl-ebda mod ma taffettwa l-livell ta’ protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali taħt id-disposizzjonijiet tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, u b’mod partikolari ma tibdilx l-obbligi u d-drittijiet stipulati fid-Direttiva 95/46/KE.[(7)]

5.      L-obbligi imposti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw biss sal-limitu li ikunu kompatibbli mad-dsposizzjonijiet ta’ patti ta’ ftehim internazzjonali dwar il-protezzjonijiet ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Berne [(8)] u l-Ftehim TRIPS.” [(9)]

13.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/98, intitolat “Definizzjonijiet” jaqra kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1.      ‘korp tas-settur pubbliku’ tfisser l-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi regolati bil-liġi pubblika u assoċjazzjonijiet iffurmati minn awtorità waħda jew diversi awtoritajiet bħal dawk regolati bil-liġi pubblika;

2.      ‘korp regolat bil-liġi pubblika’ tfisser korp:

(a)      stabbilit għal fini speċifiku biex iħares il-ħtiġiet fl-interess ġenerali, li ma jkollux karattru industrijali jew kummerċjali; u

(b)      li jkollu personalità ġuridika; u

(ċ)      finanzjat, fil-parti ‘l kbira tiegħu mill-Istat, jew minn awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħra regolati mill-liġi pubblika; jew suġġett għas-sorveljanza maniġerjali minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza, li aktar minn-nofs il-membri tiegħu ikunu maħtura mill-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħra regolati mill-liġi pubblika;

3.      ‘dokument’ tfisser:

(a)      kull kontenut ikun x’ikun il-mezz tiegħu (miktub fuq karta jew maħżun f’forma elettronika jew rekordjar bħala ħoss, viżwali jew awdjoviżwali);

(b)      kull parti ta’ dak il-kontenut;

4.      ‘użu mill-ġdid’ tfisser l-użu minn persuni jew entitajiet ġuridiċi ta’ dokumenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku, għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-fini inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih kienu prodotti d-dokumenti.. L-iskambju ta’ dokumenti bejn korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettieq tal-kompiti pubbliċi tagħhom ma jikkostitwixxix użu mill-ġdid;

5.      ‘data personali’ tfisser data kif definita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE.

6.      ‘format li jinqara elettronikament’ tfisser format ta’ fajl strutturat biex applikazzjonijiet tas-softwer ikunu jistgħu jidentifikaw, jirrikonoxxu u jieħdu faċilment dejta speċifika, inklużi dikjarazzjonijiet tal-fatti individwali, u l-istruttura interna tagħhom;

7.      ‘format miftuħ’ tfisser format ta’ fajl li huwa indipendenti mill-pjattaforma u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr xi restrizzjoni li tostakola l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti;

8.      ‘standard formali miftuħ’ tfisser standard li ġie stabbilit f’forma miktuba, li jiddeskrivi fid-dettall l-ispeċifikazzjonijiet għar-rekwiżiti dwar kif tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-softwer;

9.      ‘università’ tfisser entità tas-settur pubbliku li tipprovdi edukazzjoni ogħla ta’ skola postsekondarja li twassal għal lawrji akkademiċi.”

14.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/98, intitolat “Il-prinċipju ġenerali”, jaqra kif ġej:

“1.      Soġġett għall-paragrafu (2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti li din id-Direttiva tapplika għalihom skont l-Artikolu 1 ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli III u IV.

2.      Għad-dokumenti li fihom il-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji jżommu d-drittjiet tal-proprjetà intellettwali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun permess l-użu mill-ġdid ta’ tali dokumenti, dawn id-dokumenti jkunu jistgħu jintużaw għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli III u IV”.

B.      Id-dritt Latvjan

15.      L-Artikolu 141(2) taċ-Ceļu satiksmes likums (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sewqan”) (10) huwa fformulat kif ġej:

“Informazzjoni relatata ma’ vettura li s-sid tagħha jkun persuna legali, […] sa d-dritt li persuna ssuq vetturi, sal-multi għat-twettiq ta’ reati ta’ sewqan li jkunu ġew imposti fuq persuna iżda mhux imħallsa fit-termini stabbiliti mil-liġi u informazzjoni oħra rreġistrata fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u s-sewwieqa tagħhom [iktar ’il quddiem ir-“reġistru nazzjonali tal-vetturi”], kif ukoll fis-sistema ta’ informazzjoni dwar it-tipi ta’ trazzjoni u s-sewwieqa, għandhom jitqiesu li huma informazzjoni ta’ dominju pubbliku.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

16.      B, ir-rikorrent fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa persuna fiżika li fuqha ġew imposti punti ta’ penalità skont il-Liġi dwar is-Sewqan u digriet relatat (11). Iċ-Ceļu satiksmes drošības direkcija (id-Direttorat dwar is-Sigurtà fit-Triq, il-Latvja, iktar ’il quddiem iċ-“CSDD”) huwa l-korp pubbliku li daħħal dawn il-punti ta’ penalità fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi.

17.      Peress li l-informazzjoni relatata mal-punti ta’ penalità tista’ tiġi kkomunikata fuq talba u, skont B, ġiet ikkomunikata, għall-użu mill-ġdid, lil diversi kumpaniji, B ressaq ilment kostituzzjonali quddiem il-qorti tar-rinviju biex tiġi eżaminata l-konformità tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan mad-dritt għall-privatezza stabbilit fl-Artikolu 96 tal-Latvijas Republikas Satversme (il-Kostituzzjoni Latvjana).

18.      Peress li l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan ġie adottat mil-Latvijas Republikas Saeima (il-Parlament Latvjan, iktar ’il quddiem is-“Saeima”), din l-istituzzjoni ġiet involuta fil-proċedura. Barra minn hekk, instemgħet iċ-CSDD, li tipproċessa d-data inkwistjoni. Barra minn hekk, id-Datu valsts inspekcija (l-Awtorità dwar il-Protezzjoni tad-Data, il-Latvja) – li fil-Latvja hija l-awtorità superviżorja fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 51 tar-RĠPD – u diversi awtoritajiet u persuni oħra ġew mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom bħala amici curiae quddiem il-qorti tar-rinviju.

19.      Is-Saeima jirrikonoxxi li, skont id-dispożizzjoni inkwistjoni, kwalunkwe persuna tista’ tikseb informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità ta’ persuna oħra jew billi tistaqsi direttament liċ-CSDD jew billi tuża s-servizzi pprovduti mill-utenti mill-ġdid kummerċjali.

20.      Minħabba dan, is-Saeima jqis li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija legali għaliex hija ġġustifikata mill-għan li tittejjeb is-sigurtà fit-triq, li jirrikjedi li min iwettaq reat tat-traffiku jiġi identifikat apertament u li sewwieqa jiġu dissważi milli jwettqu reati.

21.      Barra minn hekk, id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni, previst fl-Artikolu 100 tal-Kostituzzjoni Latvjana, għandu jiġi rrispettat. Fi kwalunkwe każ, l-ipproċessar tal-informazzjoni relatata mal-punti ta’ penalità jsir taħt il-kontroll tal-awtorità pubblika u konformement mas-salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

22.      Is-Saeima jkompli jispjega li, fil-prattika, l-informazzjoni li tinsab fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi tiġi kkomunikata bil-kundizzjoni li l-persuna li titlob l-informazzjoni tipprovdi n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tas-sewwieq li dwaru hija tkun trid tikseb l-informazzjoni. Dan il-prerekwiżit biex tinkiseb l-informazzjoni huwa spjegat bil-fatt li, bil-kontra tal-isem ta’ persuna, numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali huwa identifikatur uniku.

23.      Iċ-CSDD, min-naħa tiegħu, spjega lill-qorti tar-rinviju l-funzjonament tas-sistema ta’ punti ta’ penalità u kkonferma li r-leġiżlazzjoni nazzjonali ma timponix limiti fuq l-aċċess pubbliku għad-data relatata mal-punti ta’ penalità u fuq l-użu mill-ġdid tagħha.

24.      Iċ-CSDD ipprovda wkoll id-dettalji tal-kuntratti konklużi mal-utenti mill-ġdid kummerċjali. Huwa enfasizza li dawn il-kuntratti ma jipprovdux għat-trasferiment legali tad-data u li l-utenti mill-ġdid jaċċertaw li l-informazzjoni trażmessa lill-klijenti tagħhom ma teċċedix dik li tista’ tinkiseb miċ-CSDD. Barra minn hekk, waħda mill-klawżoli kuntrattwali tistipula li min jikseb l-informazzjoni għandu jużaha bil-mod stabbilit fir-regolamenti fis-seħħ u skont il-finijiet indikati fil-kuntratt.

25.      L-Awtorità dwar il-Protezzjoni tad-Data esprimiet dubji dwar il-konformità tad-dispożizzjoni inkwistjoni mal-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni Latvjana. Hija ma eskludietx il-possibbiltà li l-ipproċessar tad-data inkwistjoni jista’ jkun mhux xieraq jew sproporzjonat.

26.      Din l-awtorità osservat ukoll li, minkejja li l-statistika dwar l-inċidenti tat-traffiku fil-Latvja turi tnaqqis fin-numru ta’ inċidenti, ma hemm l-ebda evidenza li s-sistema tal-punti ta’ penalità u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwarha kkontribwixxew għal dan l-iżvilupp favorevoli.

27.      Is-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tinnota, l-ewwel nett, li l-proċedura quddiemha ma tikkonċernax l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan fl-intier tiegħu, iżda biss sa fejn tirrendi l-punti ta’ penalità mdaħħla fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi aċċessibbli għall-pubbliku.

28.      Din il-qorti tqis ukoll li l-punti ta’ penalità huma data personali u għalhekk għandhom jiġu pproċessati skont id-dritt għar-rispett għal-ħajja privata. Hija tenfasizza li fl-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni Latvjana, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-RĠPD kif ukoll l-Artikolu 16 TFUE u l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

29.      Fir-rigward tal-għanijiet tal-Liġi dwar is-Sewqan, il-qorti tar-rinviju ssostni li huwa bl-għan li tiġi influwenzata l-imġiba tas-sewwieqa tal-vetturi u għalhekk li jiġu minimizzati r-riskji għall-ħajja, għas-saħħa u għall-proprjetà tal-persuni, li r-reati mwettqa mis-sewwieqa, li huma klassifikati bħala reati amministrattivi fil-Latvja, jitniżżlu fir-reġistru nazzjonali tal-kundanni u li punti ta’ penalità jitniżżlu fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi.

30.      Ir-reġistru nazzjonali tal-kundanni jikkostitwixxi reġistru wieħed tal-kundanni tal-persuni li jkunu wettqu reati (kriminali jew amministrattivi), bil-għan, inter alia, li jiffaċilita l-istħarriġ tas-sanzjonijiet imposti. B’kuntrast, ir-reġistru nazzjonali tal-vetturi jagħmilha possibbli li jiġu ppersegwiti r-reati tat-traffiku fit-triq u li jiġu implimentati miżuri skont in-numru ta’ tali reati mwettqa. Is-sistema ta’ punti ta’ penalità għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà fit-triq billi tiddistingwi sewwieqa ta’ vetturi li, sistematikament u b’mala fede, jinjoraw ir-regoli tat-traffiku fit-triq mis-sewwieqa li jwettqu reati okkażjonalment, u billi tinfluwenza l-imġiba tal-utenti tat-triq b’manjiera preventiva.

31.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan jagħti lil kwalunkwe persuna d-dritt li titlob u li tikseb miċ-CSDD l-informazzjoni fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi fir-rigward tal-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa. Fil-prattika, informazzjoni dwar punti ta’ penalità tingħata lill-persuna li tkun talbitha malli l-persuna tindika n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tas-sewwieq ikkonċernat.

32.      Is-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) sussegwentement tikkjarifika li l-punti ta’ penalità, permezz tal-klassifika tagħhom bħala informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar il-Libertà ta’ Informazzjoni u għalhekk jistgħu jintużaw mill-ġdid għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minnbarra għall-iskop oriġinali li l-informazzjoni tkun inħolqot għalih.

33.      Sabiex tinterpreta u tapplika l-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni Latvjana konformement mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, l-ewwel nett, jekk punti ta’ penalità bħal dawk imposti fid-dritt Latvjan jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-RĠPD. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 14(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan jiksirx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10 tar-RĠPD li jgħid li l-ipproċessar tad-data li ssir referenza għalih f’din id-dispożizzjoni jista’ jsir biss “taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali” jew taħt “salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data”.

34.      Din il-qorti tosserva li l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46, li ħalla lil kull Stat Membru jevalwa jekk ir-regoli speċjali dwar data relatata mar-reati u mal-kundanni kriminali għandhomx jiġu estiżi għad-data relatata mar-reati amministrattivi u pieni, ġie implimentat fil-Latvja permezz tal-Artikolu 12 tal-Fizisko personu datu aizsardzības likums (il-Liġi dwar il-protezzjoni tad-data tal-persuni fiżiċi), li jgħid li d-data personali relatata mar-reati amministrattivi tista’, bħal data relatata ma’ reati u kundanni kriminali, tiġi pproċessata biss minn persuni, u fiċ-ċirkustanzi previsti mil-liġi.

35.      Minn dan isegwi li għal iktar minn deċennju ġew stabbiliti rekwiżiti simili fil-Latvja għall-ipproċessar ta’ data personali relatata mar-reati u mal-kundanni kriminali u ta’ data personali relatata ma’ reati amministrattivi.

36.      L-istess qorti tkompli tosserva li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-RĠPD għandu, skont il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-soċjetà. Hija tqis, f’dan ir-rigward, li l-għan li jiġi żgurat li kundanna preċedenti ta’ persuna ma jkollhiex impatt eċċessivament negattiv fuq il-ħajja privata u professjonali tagħha jista’ japplika kemm għal kundanni kriminali kif ukoll għal reati amministrattivi.

37.      Is-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tixtieq tistabbilixxi, it-tieni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-RĠPD. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk, fid-dawl tal-premessa 39 ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur Latvjan ikkonformax ruħu mal-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 5(1)(f) tar-RĠPD, li jiġi żgurat li d-data personali tiġi pproċessata b’“integrità u kunfidenzjalità”. Hija tosserva li l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan, li, billi jagħti aċċess għal informazzjoni dwar punti ta’ penalità, jagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat jekk persuna kinitx ikkundannata għal reat tat-traffiku fit-triq, ma kellux miegħu miżuri speċifiċi li jiżguraw is-sigurtà ta’ tali data.

38.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq, it-tielet, tkun taf jekk id-Direttiva 2003/98 hijiex rilevanti għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan mal-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni Latvjana. Skont din, minn din id-direttiva jirriżulta li l-użu mill-ġdid ta’ datapersonali jista’ jiġi permess biss jekk jiġi rrispettat id-dritt għall-privatezza.

39.      Ir-raba’, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta f’deċiżjonijiet preliminari għandha effetti erga omnes u ex tunc, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija, fl-eventwalità li l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan ma jkunx kompatibbli mal-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni Latvjana, moqri fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, tiddeċiedi xorta waħda li l-effetti legali tal-Artikolu 141(2) jinżammu sad-data meta tingħata s-sentenza tagħha li fiha hija tiddikjara n-nuqqas ta’ kostituzzjonalità ta’ dik id-dispożizzjoni, fuq il-bażi li numru kbir ta’ relazzjonijiet legali ser ikunu affettwati mis-sentenza tagħha.

40.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont il-liġi Latvjana, att li jkun ġie ddikjarat mhux kostituzzjonali għandu jitqies li huwa null mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tas-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali), sakemm dik il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor. Din tispjega wkoll il-prassi tagħha, li tikkonsisti f’li tiżgura bilanċ bejn, min-naħa, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali tal-partijiet varji kkonċernati, meta tistabbilixxi d-data li minnha d-dispożizzjoni ddikjarata mhux kostituzzjonali ma tibqax fis-seħħ.

41.      Huwa f’dan l-isfond li, permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Ġunju 2019, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2019, is-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) irriferiet is-segwenti domandi preliminari:

“(1)      Il-kunċett ta’ ‘ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew relatata ma’ miżuri ta’ sigurtà’ użat fl-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku lis-sewwieqa previst fid-dispożizzjoni inkwistjoni?

(2)      Irrispettivament mir-risposta għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2016/679, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ‘integrità u kunfidenzjalità’ stabbilit fl-Artikolu 5(1)(f), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu li l-informazzjoni ġenerali dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku lis-sewwieqa tkun aċċessibbli lill-pubbliku u milli jippermettu l-ipproċessar tad-data korrispondenti permezz tal-komunikazzjoni tagħha?

(3)      Il-premessi 50 u 154, l-Artikoli 5(1)(b) u 10 tar-Regolament Nru 2016/679, kif ukoll l-Artikolu 1(2)(cc) tad-Direttiva 2003/98/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku lis-sewwieqa sabiex tintuża mill-ġdid?

(4)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għal waħda mid-domandi preċedenti, il-prinċipji ta’ supremazija u ta’ ċertezza legali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretat fis-sens li jippermettu l-applikazzjoni tar-regola inkwistjoni u li jinżammu l-effetti ġuridiċi tagħha sakemm tingħata d-deċiżjoni finali tal-Qorti Kostituzzjonali?”

42.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet Latvjan, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Awstrijak, u Portugiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

43.      Fl-isfond tal-firxa tal-virus SARS-CoV-2, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tannulla s-seduta ta’ din il-kawża li kienet fil-lista tal-11 ta’ Mejju 2020. Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u eċċezzjonalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tissostitwixxi din is-seduta b’mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub. Il-Gvern Latvjan u dak Svediż kif ukoll il-Kummissjoni wieġbu l-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Evalwazzjoni

44.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem numru ta’ mistoqsijiet fundamentali dwar ir-RĠPD. Dawn id-domandi kollha, madankollu, jippreżupponu l-applikabbiltà tar-RĠPD għall-każ inkwistjoni (12). Inqajjem dan il-punt peress li l-Unjoni ma lleġiżlatx fil-qasam tal-punti ta’ penalità relatati mar-reati tas-sewqan.

A.      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-RĠPD – lArtikolu 2(2)(a)

45.      Skont l-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD, dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar tad-data personali fil-kors ta’ attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Jidher li filwaqt li l-Artikolu 2(1) tar-RĠPD jifformula pożittivament x’jaqa’ taħt dan ir-regolament (13), l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament jeskludi erba’ tipi ta’ attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD. Bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, l-Artikolu 2(2) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat b’mod strett (14).

46.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel il-forma ta’ regolament bħala strument legali sabiex iżid il-grad ta’ uniformità tad-dritt dwar il-protezzjoni tad-data tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex jinħolqu l-istess kundizzjonijiet fost l-operaturi (ekonomiċi) fi ħdan is-suq intern, irrispettivament fejn dawn l-operaturi jkunu bbażati (15).

47.      L-Artikolu 16 TFUE mhix biss għandu l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ testi bħar-RĠPD, iżda jikkostitwixxi      , b’mod iktar ġenerali, peress li jifforma parti tat-Titolu II tal-Ewwel Parti tat-Trattat FUE (16), dispożizzjoni orizzontali ta’ natura kostituzzjonali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju ta’ kwalunkwe kompetenza tal-Unjoni.

48.      Bħal ma għamlet il-predeċessur tagħha, id-Direttiva 95/46, ir-RĠPD tfittex li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (17).

49.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD essenzjalment tirrifletti dik tal-Artikolu 16(2) TFUE (18), li huwa l-bażi legali ta’ dan ir-regolament taħt id-dritt primarju. Skont l-Artikolu 16(2) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jistabbilixxi r-regoli dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri “meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni, u mal-moviment liberu ta’ din id-data” (19). Din hija, għalhekk, dikjaratorja fin-natura tagħha. L-analiżi li ssegwi tapplika, għalhekk, għall-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD u għall-Artikolu 16(2) TFUE bl-istess mod.

50.      L-ewwel ħaġa li għandha tiġi nnotata hija li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD (“attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”) hija differenti minn dik tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, (20) li tgħid li “id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi […] għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni.” (21)

51.      Kieku wieħed kellu jara dan bħala indikazzjoni li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD hija iktar wiesgħa minn dik tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, (22) peress li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 51(1) tal-Karta fis-sens li l-Karta hija applikabbli “meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” (23), ma hemm ebda differenza sostanzjali bejn il-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (24).

52.      Minkejja dan li għidt, ma naħsibx li għandhom jinsiltu analoġiji mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta (25). Dan ikun wisq restrittiv u jmur kontra l-għan imfittex mill-Artikolu 16 TFUE u mir-RĠPD. Fil-fatt, il-loġika tal-Karta hija kompletament differenti minn dik tar-RĠPD: il-Karta tfittex li trażżan l-eżerċizzju tas-setgħa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri meta joperaw fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li tipprovdi protezzjoni għal individwi biex jinvokaw id-drittijiet rispettivi tagħhom. Bil-kontra, il-protezzjoni tad-data personali hija iktar minn dritt fundamentali. Kif jidher mill-Artikolu 16 TFUE, (26) il-protezzjoni tad-data tikkostitwixxi qasam ta’ politika tal-Unjoni fiha nnifisha. Huwa proprju l-għan tar-RĠPD li jkun applikabbli għal kull forma ta’ pproċessar ta’ data personali, ikun x’ikun is-suġġett involut – u dan, inċidentalment, kemm jekk jitwettaq mill-Istati Membri u kemm minn individwi. Interpretazzjoni restrittiva tal-kliem tal-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD tiffrustra kompletament dan il-għan. Ir-RĠPD, li kien intiż li jkun tigra tal-protezzjoni tad-data, jispiċċa jsir qattus domestiku.

53.      Is-sempliċi eżistenza ta’ dispożizzjoni bħal ma huwa l-Artikolu 10 tar-RĠPD, li ser tiġi interpretata fid-dettal iktar l-isfel fl-analiżi tal-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, hija proprju waħda minn dawn il-każijiet f’dan ir-rigward. Jekk ir-RĠPD jirrigwarda “...l-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew relatata ma’ miżuri ta’ sigurtà abbażi tal-Artikolu 6(1)” tar-RĠPD (27), fi żmien meta l-kundanni kriminali u r-reati jiġu kważi esklużivament iddeterminati mid-dritt nazzjonali u mhux minn dak tal-Unjoni, jekk l-Artikolu 10 tar-RĠPD ma jkunx null, dan ir-regolament ma jkunx jista’ jkollu l-funzjoni aċċessorja li għandha l-Karta.

54.      L-istess għandu jingħad għall-eżistenza tal-Artikolu 87 tar-RĠPD, li jippermetti lill-Istati Membri jiddeterminaw iktar il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar ta’ numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni (28).

55.      Barra minn hekk, wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-premessa 16 tar-RĠPD li, fil-parti mhux preskrittiva iżda xorta istruttiva ta’ dan ir-regolament, jirrifletti l-Artikolu 2 tar-RĠPD. Hawnhekk, tissemma’ s-sigurtà nazzjonali bħala eżempju ta’ qasam li jaqa’ barra mill-iskop tad-dritt tal-Unjoni. L-istess għandu jingħad għad-dikjarazzjoni mhux vinkolanti dwar l-Artikolu 16 tat-Trattat FUE (29), li fih jiġi ddikjarat li “kull meta għandhom jiġu adottati regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali abbażi ta’ l-Artikolu 16 [TUE] u dawn jista’ jkollhom implikazzjonijiet diretti għas-sigurtà nazzjonali, irid jittieħed kont xieraq tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kwistjoni”, u li fih jitfakkar li “b’mod partikolari d-Direttiva 95/46 […] tinkludi derogi speċifiċi f’dan ir-rigward” (30).

56.      Dan l-iffukar espliċitu fuq is-sigurtà huwa indikazzjoni ċara ta’ x’kellhom f’moħħhom l-awturi tat-Trattat FUE (Artikolu 16 TFUE) u l-leġiżlatur tal-Unjoni (Artikolu 2(2)a tar-RĠPD) meta kitbu l-abbozz tat-testi rispettivi.

57.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni speċifika bnadi oħra, dejjem fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data, li s-sigurtà nazzjonali f’dan il-kuntest għandha tinftiehem bħala “sigurtà tal-Istat” (31).

58.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD għandu jitqies fl-isfond tal-Artikolu 4(2) TUE, li jgħid li l-Unjoni għandha tirrispetta l-funzjonijiet statali essenzjali tal-Istati Membri (32) u f’dan is-sens tispeċifika, bħal eżempju, li “s-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru”. L-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD ma jagħmel xejn ħlief li jisħaq dan ir-rekwiżit kostituzzjonali ta’ x’għandu jiġi ggarantit sabiex jiffunzjona stat (33).

59.      Fuq il-bażi tal-analiżi preċedenti, ma għandi ebda bażi biex nemmen li l-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD jintroduċi eżami b’limitu għoli biex jintlaqa’ sabiex tinbeda’ l-applikabbiltà tar-RĠPD, u lanqas li din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

60.      Fl-aħħar nett, ħarsa ta’ malajr lejn it-tliet eċċezzjonijiet l-oħra għall-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-RĠPD, fl-Artikolu 2(2)(b) sa (d), tikkonferma din l-analiżi. Ir-RĠPD għalhekk ma japplikax għall-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (34), minn persuni fiżiċi fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika (35), u mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, rilevament jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluża s-salvagwardja minn, u l-prevenzjoni ta’, theddid lis-sigurtà pubblika (36).

61.      L-esklużjoni tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, li tibqa’ predominantement intergovernattiva, hija loġika (37). Attivitajiet purament personali u domestiċi ta’ persuni fiżiċi jaqgħu, fi kwalunkwe każ, bħala prinċipju, barra mill-iskop tad-dritt tal-Unjoni fis-sens li ma humiex irregolati mid-dritt primarju jew sekondarju. L-istess japplika, bħala prinċipju, għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rilevament jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali. Madankollu, ir-raġuni għal din l-aħħar eċċezzjoni hija li l-Unjoni adottat direttiva speċjalizzata (38), inċidentalment fl-istess ġurnata tal-adozzjoni tar-RĠPD. Barra minn hekk, jidher ċar mill-Artikolu 23(1)(d) tar-RĠPD li l-ipproċessar tad-data personali mwettqa minn individwi għall-istess finijiet jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD (39).

62.      Għalhekk, jekk għandhom ikollhom xi rilevanza normattiva, l-aħħar żewġ eċċezzjonijiet ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD.

63.      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li ma hemm ebda prova evidenti li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, twettaq eżami strett tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD jew tad-Direttiva 95/46 skont l-Artikolu 2 tar-RĠPD u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46 rispettivament (40). Għall-kuntrarju, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tendenza tenfasizza li “l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 ma tistax tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjonijiet konkreti in kwistjoni fil-kawżi prinċipali jinvolvux ratba suffiċjenti ma’ l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat” (41).

64.      Biex nikkonkludi din il-parti preliminari tal-analiżi, dwar kostruzzjoni korretta tal-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD, dan ir-regolament huwa applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali fi jew minn Stat Membru, sakemm dan l-ipproċessar ma jsirx f’qasam fejn l-Unjoni ma jkollhiex kompetenza.

65.      Konsegwentement, ir-RĠPD huwa applikabbli għall-każ inkwistjoni u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju meta teżamina l-validità tad-dritt nazzjonali.

B.      Dwar l-Artikolu 86 tar-RĠPD

66.      Għas-saħħa tal-kompletezza, għandi nindirizza fil-qosor id-dispożizzjoni tal-Artikolu 86 tar-RĠPD fil-każ inkwistjoni.

67.      Skont din id-dispożizzjoni, data personali f’dokumenti uffiċjali miżmuma minn awtorità pubblika jew korp pubbliku jew korp privat għall-eżerċizzju ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jista’ jiġi żvelat mill-awtorità jew korp skont il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru li għalih l-awtorità pubblika jew korp ikunu suġġetti sabiex jirrikonċiljaw l-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali mad-dritt tal-protezzjoni tad-data personali skont ir-RĠPD.

68.      Kull ma tagħmel din id-dispożizzjoni hija li tirrikonoxxi l-importanza tal-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali. Barra minn hekk, kif ġustament tgħid il-Kummissjoni, ma tingħata ebda gwida ulterjuri minn din id-dispożizzjoni dwar kif għandu jiġi rrikonċiljat l-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali mar-regoli tal-protezzjoni tad-data (42). Din id-dispożizzjoni hija kemxejn ta’ natura dikjaratorja, li tixbaħ iktar premessa milli dispożizzjoni preskrittiva ta’ test legali (43). Għaldaqstant, jien nissottometti li n-“norma narrattiva” tal-Artikolu 86 tar-RĠPD ma għandha ebda impatt fuq l-analiżi li ssegwi.

C.      L-ewwel domanda: Punti ta’ penalità skont l-Artikolu 10 tar-RĠPD

69.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex taċċerta jekk l-Artikolu 10 tar-RĠPD għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri sitwazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ informazzjoni relatata mal-punti ta’ penalità rreġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq kif previsti mid-dritt nazzjonali.

70.      Skont din id-dispożizzjoni, l-ipproċessar tad-data personali relatata mal-kundanni kriminali u reati jew miżuri ta’ sigurtà relatati bbażati fuq l-Artikolu 6(1) tar-RĠPD (44) għandu jitwettaq biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali (45). Kwalunkwe reġistru eżawrjenti ta’ kundanni kriminali għandu jinżamm biss taħt il-kontroll tal-awtorità uffiċjali.

71.      Minħabba l-fatt li ċ-CSDD tidher li hija fi kwalunkwe każ awtorità uffiċjali, fis-sens ta’ “pubbliku”, wieħed jista’ jistaqsi r-rilevanza tal-ewwel domanda u jistaqsi jekk din hijiex ipotetika fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà. Madankollu, jien kont inneħħi tali dubji billi nindika li dan il-każ jirreferi kemm għall-komunikazzjoni tal-punti ta’ penalità (miċ-CSDD) kif ukoll għall-użu mill-ġdid ta’ din id-data minn korpi oħra. Sa fejn l-ewwel domanda tirreferi għal dawn il-korpi l-oħra, din hija, fil-fehma tiegħi, ammissibbli.

1.      Data personali

72.      L-Artikolu 4(1) tar-RĠPD jgħid li “data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’riferiment għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika.

73.      Ma hemm ebda raġuni li twassal lil dak li jkun jiddubita li l-informazzjoni relatata mal-punti ta’ penalità rreġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-RĠPD.

2.      … fuq kundanni kriminali u reati jew miżuri ta’ sigurtà relatati

74.      Fir-rigward tar-“reati” msemmija fl-Artikolu 10 tar-RĠPD, għandu jiġi nnotat li din id-dispożizzjoni ma hijiex kompletament ċara f’kull verżjoni lingwistika fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk tirreferix għal reati kriminali biss jew jekk tkoprix ukoll dawk amministrattivi. L-iktar interpretazzjoni naturali u intuwittiva tal-verżjoni tal-lingwa Ingliża hija li l-kelma “kriminali” tqiegħdet, biex ngħid hekk, qabel il-parenteżi u tirreferi kemm għal “kundanni” u għal “reati”. F’dan is-sens, xi verżjonijiet lingwistiċi (46) ma jħallu ebda spazju għal dubju: “reati” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 10 tar-RĠPD għandhom jitqiesu li huma “kriminali”. Verżjonijiet ta’ lingwi oħra (47) huma ambigwi fis-sens li huma miftuħa għal iktar minn interpretazzjoni waħda. Il-verżjoni tal-lingwa Latvjana (saistītiem drošības pasākumiem), li hija l-verżjoni lingwistika li l-qorti tar-rinviju hija preżumibbilment l-iktar familjari magħha, hija wkoll ambigwa. Hawnhekk, mhux biss ma huwiex speċifikat jekk ir-“reati” (pārkāpumi’) huma kriminali fin-natura tagħhom, iżda hija wkoll imħollija miftuħa jekk il-“kundanni” (sodāmība) għandhomx ikunu kriminali fin-natura tagħhom (48).

75.      Anki jekk il-verżjonijiet lingwistiċi differenti jistgħu jidhru varjati, wieħed diġà jista’ jasal għal xi konklużjonijiet.

76.      Il-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni huma l-lingwi awtentiċi tal-atti li fihom jiġu abbozzati u, għalhekk, il-verżjonijiet tal-lingwi kollha ta’ att tal-Unjoni għandhom, bħala punt ta’ prinċipju, jiġu rrikonoxxuti bħala li għandhom l-istess valur (49). Interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għalhekk tinvolvi paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti (50). Barra minn hekk, il-verżjonijiet lingwistiċi varji ta’ test tad-dritt tal-Unjoni għandhom jingħataw interpretazzjoni uniformi (51).

77.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija t-tifsira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-iktar “preċiżi” li għandha tittieħed bħala dik korretta, b’mod partikolari peress li din it-tifsira l-iktar preċiża hija wkoll waħda mill-interpretazzjonijiet potenzjali fil-verżjonijiet lingwistiċi inqas preċiżi, fejn huwa possibbli li jingħad li interpretazzjoni li fiha “reati” huma biss “kriminali” fin-natura tagħhom hija possibbiltà waħda. Jien għalhekk nista’ nikkonkludi provviżorjament f’dan l-istadju li, fuq il-bażi ta’ qari komparattiv tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 10 tar-RĠPD, il-kelma “kriminal” tirreferi għal “kundanni” u għal “reati” (52).

78.      Din l-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 10 tar-RĠPD, barra minn hekk, iżżomm id-distinzjoni magħmula fil-prekursur tiegħu, l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46. Taħt din id-dispożizzjoni, għal kundanni kriminali u reati kien hemm obbligu ta’ kontroll ta’ awtorità uffiċjali (53), filwaqt li għas-sanzjonijiet amministrattivi kien hemm il-possibbiltà ta’ kontroll minn awtorità uffiċjali (54). Jekk taħt din id-dispożizzjoni l-kelma “reati” kienet miftiehma li tinkludi “reati amministrattivi”, mela t-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni ma tkun għamlet l-ebda sens.

79.      Din il-konstatazzjoni xorta tħalli miftuħa l-kwistjoni ta’ x’għandu jinftiehem eżattament bil-frażi “reati kriminali”.

80.      L-ewwel kwistjoni hawnhekk hija jekk din il-frażi tikkostitwixxix frażi awtonoma tad-dritt tal-Unjoni jew jekk l-interpretazzjoni tal-frażi għandhiex titħalla lill-Istati Membri.

81.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ ugwaljanza jirrikjedu li l-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-iskop li jiġu ddeterminati t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandha normalment tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi madwar l-Unjoni Ewropea (55). Din l-interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni, l-għanijiet u l-kuntest leġiżlattiv tad-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni globalment. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (56).

82.      Hawnhekk, huwa ċar li, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni kriminali u r-regoli tal-proċedura kriminali huma kwistjonijiet li għalihom huma responsabbli l-Istati Membri (57). Konsegwentement, l-Istati Membri ser ikunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw x’jikkostitwixxi reat (58).

83.      Madankollu, ladarba l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel il-forma legali ta’ regolament, kontra għal dik ta’ direttiva, jien nixtieq nissottometti li interpretazzjoni uniformi madwar l-Ewropa tal-kliem ta’ dan ir-regolament għandha tkun in-norma, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ġenerali tiegħu u l-applikabbiltà diretta tiegħu fl-Istati Membri kollha, konformement mal-Artikolu 288(2) TFUE.

84.      Bl-istess mod, hemm indikazzjonijiet li l-leġiżlatura tal-Unjoni ma riditx tirreferi għal-liġi(jiet) nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kelma “reati”. Għalhekk, il-premessa 13 tad-Direttiva 2016/680 tgħid li reat kriminali fis-sens ta’ din id-direttiva għandu jkun kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fi spirtu ta’ a maiore ad minus, jien nissottometti li tali dikjarazzjoni tapplika wkoll għar-RĠPD (59) li, kif għadu kif ingħad, peress li huwa regolament, jikkostitwixxi att legali li awtomatikament għandu grad ogħla ta’ integrazzjoni u ċentralizzazzjoni.

85.      It-tieni kwistjoni, li tikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk id-data personali inkwistjoni tirrelatax ma’ kundanni kriminali u reati jew miżuri ta’ sigurtà relatati fis-sens tal-Artikolu 10 tar-RĠPD, hija iktar diffiċli.

86.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-passat kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni fuq id-definizzjoni ta’ “reat kriminali” fil-kuntest tal-prinċipju ta’ ne bis in idem (60) taħt l-Artikolu 50 tal-Karta (61).

87.      Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu mill-ġurisprudenza tal- Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (62), li tgħid li huma rilevanti tliet kriterji fid-definizzjoni tal-frażi “proċeduri kriminali”: il-klassifikazzjoni legali tar-reat skont id-dritt nazzjonali, in-natura proprja tar-reat, u n-natura u l-grad ta’ severità tal-piena li l-persuna kkonċernata tkun tista’ teħel. (63)

88.      Punti ta’ penalità bħal ma jiġu imposti taħt id-dritt nazzjonali inkwistjoni, fil-fehma tiegħi, ma jikkwalifikawx bħala reat kriminali taħt din il-ġurisprudenza peress li ma jissodisfawx dawn il-kriterji. B’mod partikolari, ma humiex severi ħafna fin-natura tagħhom (64).

89.      Fl-aħħar, nixtieq nenfasizza li, bħala riżultat ta’ din l-analiżi, ma hemm ebda bżonn li tiġi analizzata d-delimitazzjoni bejn l-Artikolu 10 tar-RĠPD u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680, peress li din id-direttiva ma hijiex applikabbli għall-każ inkwistjoni.

3.      Ir-risposta proposta

90.      Jien għalhekk nipproponi li l-ewwel domanda titwieġeb fis-sens li l-Artikolu 10 tar-RĠPD għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ma jkoprix sitwazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ informazzjoni relatata ma’ punti ta’ penalità rreġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq kif previst mid-dritt nazzjonali bħal ma huwa l-Artikolu 14(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan.

D.      It-tieni domanda: Il-komunikazzjoni tal-punti ta’ penalità

91.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tfittex li taċċerta ruħha, sostanzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-RĠPD jipprekludux Stat Membru milli jipproċessaw u jikkomunikaw l-informazzjoni relatata mal-punti ta’ penalità rreġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq.

92.      Minkejja li l-qorti tar-rinviju tirreferi, bħala eżempju, għall-prinċipju ta’ integrità u kunfidenzjalità li jinsab fl-Artikolu 5(1)(f) tar-RĠPD (65), id-domanda hija fformulata b’termini wiesgħa, peress li tirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kollha kemm huma (66). L-analiżi hawn isfel għalhekk ser ikollha testendi għad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD lil hinn minn dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha.

93.      L-ipproċessar kollu tad-data personali għandu jkun konformi, l-ewwel, mal-prinċipji relatati mal-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-RĠPD u, it-tieni, ma’ wieħed mill-kriterji li jirregolaw il-leġittimità tal-ipproċessar tad-data elenkati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament (67). Nistgħu niddeduċu mill-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet li tal-ewwel huma kumulattivi (68) u tal-aħħar alternattivi fin-natura tagħhom (69).

94.      It-tieni domanda tirrigwarda l-prinċipji ta’ kwalità tad-data. Il-qorti tar-rinviju tidher li – ġustament – qed tassumi li ċ-CSDD tipproċessa d-data u l-qorti tar-rinviju ma tikkontestax iż-żamma tal-punti ta’ penalità fiha nfusha, iżda l-komunikazzjoni tal-punti fuq talba.

95.      Iċ-CSDD bla dubju huwa “kontrollur” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, li jipproċessa d-data personali fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament billi jiġu rreġistrati l-punti ta’ penalità fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi.

96.      Biżżejjed li jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ “reġistru ta’ kumpanniji” miżmum pubblikament, li bit-traskrizzjoni u ż-żamma f’dan ir-reġistru u l-komunikazzjoni tiegħu, fejn xieraq, b’talba lil terzi, l-awtorità responsabbli għaż-żamma ta’ dan ir-reġistru twettaq l-“ipproċessar ta’ data personali” li għalih hija l-“kontrollur”, fis-sens tad-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 95/46, (70) li jikkostitwixxu l-prekursuri tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD. (71)

1.      Fuq l-Artikolu 5(1)(f) tar-RĠPD: Integrità u kunfidenzjalità

97.      Din tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-prinċipji ta’ integrità u kunfidenzjalità, stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(f) tar-RĠPD, dispożizzjoni li għalih il-qorti tar-rinviju stess tirreferi fid-domanda tagħha, ġewx osservati.

98.      Skont l-Artikolu 5(1)(f) tar-RĠPD, data personali għandha tiġi pproċessata b’mod li tiġi żgurata s-sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat u illegali, u kontra t-telf aċċidentali, distruzzjoni jew dannu, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa.

99.      Kif jidher ċar mill-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tirrigwarda sigurtà, u miżuri tekniċi u organizzattivi fl-ipproċessar tad-data personali (72). Hawnhekk qed nitkellmu fuq rekwiżiti formali ġenerali rigward is-sigurtà tad-data (73).

100. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju qed tfittex gwida iktar fundamentali u li tirreferi għall-possibbiltà legali ta’ tali pproċessar. Fi kliem ieħor u f’termini iktar figurattivi, qed tfittex gwida dwar il-jekk tal-ipproċessar tad-data personali, filwaqt illi l-Artikolu 5(1)(f) tar-RĠPD jirrigwarda mal-kif ta’ tali pproċessar. L-Artikolu 5(1)(f) tar-RĠPD ma huwiex rilevanti għall-każ inkwistjoni.

2.      Fuq l-Artikolu 5(1)(a) tar-RĠPD: Legalità, ġustizzja u trasparenza

101. Skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-RĠPD, id-data personali għandha tiġi pproċessata legalment, ekwament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data.

102. Għandu jiġi nnotat li l-kelma “legalità” tidher kemm fl-Artikolu 5(1)(a) kif ukoll fl-Artikolu 6 tar-RĠPD. Applikazzjoni tar-rekwiżiti dettaljati tal-Artikolu 6 għall-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jagħmel ftit sens minn perspettiva ta’ abbozzar leġiżlattiv kieku kellu wkoll ikollu l-kriterji tal-Artikolu 6 tar-RĠPD.

103. Minflok, legalità fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-RĠPD għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 40 ta’ dan ir-regolament (74), li titlob li l-ipproċessar ikun ibbażat fuq kunsens jew bażi legali oħra, stabbilit mil-liġi (75).

104. F’dan il-każ (hemm bażi legali taħt id-dritt nazzjonali), ma nara ebda raġuni biex nikkontesta l-legalità tal-ipproċessar fil-każ inkwistjoni (76).

105. Jien għaldaqstant naqbel mas-sottomissjonijiet tal-gvern Awstrijak (77), li dan il-prinċipju ma huwiex relatat mal-fatti tal-każ inkwistjoni.

3.      Dwar l-Artikolu 5(1)(b) tar-RĠPD: limitazzjoni tal-fini

106. L-Artikolu 5(1)(b) tar-RĠPD jistabbilixxi l-prinċipju ta’ “limitazzjoni tal-fini” billi jgħid li data personali għandha tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata sussegwentement b’mod inkompatibbli ma’ dawn il-finijiet (78).

107. Il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dispożizzjoni inkwistjoni, l-Artikolu 14(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan, tfittex għan ta’ sigurtà fit-triq billi tesponi sewwieqa li jkun qed jiksru r-regoli. Fiha nnifisha, il-komunikazzjoni tal-punti ta’ penalità tidher li hija fini speċifiku, espliċitu u leġittimu. Barra minn hekk, l-ipproċessar tad-data personali ma tidhirx li hi inkompatibbli ma’ dan il-għan.

4.      Fuq l-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD: minimizzazzjoni tad-data

108. Skont l-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD, il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data jirrikjedi li d-data personali tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li huwa meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata. Bl-istess mod, il-premessa 39 tar-RĠPD tgħid li d-data personali għandha tiġi pproċessata biss jekk il-finijiet ta’ pproċessar ma jkunx raġonevolment jista’ jiġi ssodisfatt b’mezzi oħra.

109. Bħall-prinċipji oħra stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-RĠPD, nifhem li dan il-prinċipju jirrifletti l-prinċipju ta’ proporzjonalità (79), li huwa għaliex inqis li huwa xieraq li neżamina f’dan l-istadju jekk id-dritt nazzjonali inkwistjoni huwiex proporzjonat fir-rigward tal-għan li qiegħed ifittex li jilħaq.

110. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li miżuri implimentati mill-atti tal-Unjoni jkunu adegwati sabiex jinkiseb l-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun neċessarju biex jintlaħaq (80).

111. Fil-fatt, l-Artikolu 14(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan għandu jkun adegwat u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat inkwistjoni, jiġifieri t-tisħiħ tas-sigurtà tat-triq.

a)      Adegwatezza

112. L-ewwel għan iddikjarat tad-dritt nazzjonali huwa li jiġu identifikati sewwieqa ta’ vetturi li ma josservawx sistematikament ir-regoli tas-sistema tat-traffiku tat-triq. Huwa ċar li l-identifikazzjoni ta’ dawk li jiksru r-regoli tat-traffiku tat-triq ma tiddependi bl-ebda mod fuq in-natura pubblika (ġeneralment disponibbli) tal-punti ta’ penalità imposti fuq l-awtur ta’ reat. Hija unikament ir-responsabbiltà ta’ awtorità pubblika li tidentifika preċiżament dawk li jiksru r-regoli u li żżomm reġistri tal-punti ta’ penalità imposti fuqhom sabiex il-konsegwenzi legali u s-sanzjonijiet rilevanti jkunu jistgħu jiġu applikati.

113. It-tieni għan tad-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tawtorizza l-iżvelar tad-data personali inkwistjoni, invokat mis-Saeima, huwa li tinfluwenza l-imġieba tal-utenti tat-triq sabiex tiskoraġġihom milli jikkommettu reati ulterjuri. Hawnhekk, jista’ jiġi aċċettat li meta tingħata opportunità lill-kwalunkwe persuna li ssir taf min ikun qiegħed jikser ir-regoli tat-traffiku probabbli jkollha xi effett ta’ deterrent: ħafna sewwieqa joġġezzjonaw li din l-informazzjoni dwarhom tiġi żvelata lill-pubbliku ġenerali, sabiex ma jieħdux il-fama li huma nies li jiksru l-liġi.

114. Dan il-għan huwa wkoll iddikjarat b’mod ċar fl-Artikolu 431 tal-Liġi dwar is-Sewqan bħala l-għan imfittex bl-introduzzjoni tas-sistema ta’ punti ta’ penalità. Huwa pjuttost ovvju li l-fatt li l-punti ta’ penalità imposti jsiru pubbliċi jista’, sa ċertu punt, jikkostitwixxi fattur deterrenti addizzjonali. Id-dispożizzjoni inkwistjoni għalhekk, bħala prinċipju, tkun konformi mal-interess ġenerali mfittex, jiġifieri l-promozzjoni tas-sigurtà fit-triq u li jiġu evitati inċidenti tat-traffiku.

115. Issa, jekk id-data personali inkwistjoni tkun disponibbli biss fuq talba u jekk l-applikant ikollu jipprovdi n-numru ta’ identifikazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, din tqajjem il-kwistjoni ta’ kemm hija diffiċli li jinkiseb dan in-numru. Fil-fatt, iktar ma jkun diffiċli li tinkiseb din id-data, inqas ser tkun dissważiva s-sistema ta’ żvelar, peress li l-aċċessibbiltà pubblika nnifisha ser tiddependi fuq fatturi oħra li jkunu diffiċli li jiġu previsti.

116. Hija għal din ir-raġuni li għandi dubji serji dwar l-adegwatezza tad-dritt nazzjonali inkwistjoni.

117. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar is-Sewqan huwiex ġenwinament adegwat sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu tat-titjib tas-sigurtà fit-triq.

b)      Neċessità

118. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ neċessità, jiġifieri, ir-rekwiżit li l-miżura inkwistjoni ma għandhiex tmur lil hinn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan imfittex, is-sitwazzjoni tidher iktar ċara.

119. Għal darb’oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, jekk id-dispożizzjoni kkontestata hijiex ġenwinament neċessarja. Madankollu, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ma narax kif id-dispożizzjoni kkontestata tista’ fi kwalunkwe każ titqies li hija neċessarja.

120. Għalkemm l-għan ta’ promozzjoni tas-sigurtà fit-triq huwa importanti, huwa neċessarju li jintlaħaq bilanċ ġust bejn l-interessi varji involuti u, konsegwentement, hija l-leġiżlatura nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk l-iżvelar tad-data personali inkwistjoni ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, fid-dawl b’mod partikolari tal-ksur tad-drittijiet fundamentali ġġenerat minn tali żvelar.

121. Id-digriet tar-rinviju ma jindikax jekk is-Saeima, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, kien ħa inkunsiderazzjoni mezzi oħra biex jintlaħaq l-għan ta’ promozzjoni tas-sigurtà fit-triq li jkunu wasslu għal inqas indħil fid-dritt tal-individwi għall-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, il-leġiżlatura għandha tkun tista’ turi li d-derogi u l-limitazzjonijiet għall-protezzjoni tad-data jkunu strettament konformi mal-limiti imposti. Għandha ssir evalwazzjoni attenta tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data qabel ma jiġi pubblikat sett ta’ data (jew qabel ma tiġi adottata liġi li tirrikjedi l-pubblikazzjoni tiegħu), kif ukoll evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid u l-impatt potenzjali ta’ użu mill-ġdid.

122. L-eżistenza u l-preċiżjoni ta’ tali informazzjoni hija essenzjali sabiex jiġi deċiż jekk l-għanijiet ta’ sigurtà fit-triq u ta’ tnaqqis tal-inċidenti tat-traffiku jistgħux jintlaħqu permezz ta’ miżuri li jkunu inqas ta’ dannu għad-drittijiet tal-persuni kkonċernati u b’hekk jiġi evitat jew għall-inqas jitnaqqas ksur tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8 tal-Karta.

123. L-invażjoni tal-privatezza kkawżata mill-pubblikazzjoni tad-data dwar reati u penalitajiet imposti hija, fiha nnifisha, partikolarment serja: hija tiżvela lill-pubbliku ġenerali informazzjoni dwar reati mwettqa minn individwu. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li tali pproċessar ta’ data inerenti fil-pubblikazzjoni tad-data inkwistjoni jista’ jwassal għall-istigmatizzazzjoni ta’ min jikser il-liġi u konsegwenzi negattivi oħra. Għalhekk, tali “listi suwed” għandhom jiġu rregolati strettament.

124. Fl-aħħar nett, kif ingħad mill-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data, in-natura preventiva tad-dispożizzjoni inkwistjoni u l-istatistika li tindika xejriet favorevoli, jiġifieri tnaqqis fin-numru ta’ inċidenti tat-traffiku, ma jurux li t-tnaqqis huwa relatat mal-introduzzjoni tas-sistema tal-punti ta’ penalità fiha nnifisha jew mal-fatt li l-informazzjoni relatata mal-punti ta’ penalità rreġistrati huma pubblikament aċċessibbli.

5.      Risposta proposta

125. Il-proposta tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-risposta għat-tieni domanda hija, għaldaqstant, li liġi nazzjonali bħall-Artikolu 141 (2) tal-Liġi dwar is-Sewqan li tippermetti l-ipproċessar u l-kommunikazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-punti ta’ penalità rreġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq hija prekluża mill-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD.

E.      It-tielet domanda: L-użu mill-ġdid ta’ data personali

1.      Fuq id-Direttiva 2003/98

126. Kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/98, din id-direttiva tistabbilixxi sett minimu ta’ regoli li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-mezzi prattiċi ta’ faċilitazzjoni tal-użu mill-ġdid ta’ dokumenti eżistenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri.

127. Nistgħu nassumu, għal dawn il-finijiet, li punti ta’ penalità fil-Latvja jiġu rreġistrati f’dokumenti miżmuma miċ-CSDD bħala korp tas-settur pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

128. Madankollu, ma ninsabux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, peress li l-Artikolu 1(2)(c) tagħha jgħid li d-direttiva ma għandhiex tapplika għal dokumenti li l-aċċess għalihom ikun eskluż jew ristrett permess ta’ sistemi ta’ aċċess għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data personali (81). Barra minn hekk, permezz tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2003/98, din id-direttiva tħalli sħiħ u bl-ebda mod ma taffettwa l-livell ta’ protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u nazzjonali, u b’mod partikolari ma tibdilx l-obbligi u d-drittijiet stabbiliti fir-RĠPD (82).

129. Isegwi minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, jiġifieri r-RĠPD, u mhux id-Direttiva 2003/98 (83).

2.      Fuq l-użu mill-ġdid

130. Kif ġustament tinnota l-qorti tar-rinviju, jekk informazzjoni relatata mal-punti ta’ penalità rreġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq tista’ tiġi kkomunikata lil kwalunkwe persuna, inklużi operaturi għall-użu mill-ġdid, ma jkunx possibbli li jiġu identifikati l-finijiet tal-ipproċessar sussegwenti tad-data, jew li jiġi evalwat jekk id-data personali tkunx qiegħda tiġi pproċessata b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet.

131. F’dan l-isfond, l-analiżi tiegħi tat-tieni domanda tapplika bis-sħiħ mhux biss mutatis mutandis iżda wkoll a fortiori: kumpanniji privati tista’ tiġihom it-tentazzjoni li jisfruttaw id-data personali għal finijiet kummerċjali, jiġifieri, għal finijiet li jkunu inkompatibbli mal-għan tal-ipproċessar, li huwa li tiżdied is-sigurtà fit-triq.

132. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ terzi li jipproċessaw sussegwentement id-data personali tmur lil hinn mil-limitazzjoni tal-għan stabbilit fl-Artikolu 5(1)(b) tar-RĠPD.

3.      Risposta proposta

133. Nipproponi li tingħata risposta lit-tielet domanda fis-sens li liġi nazzjonali bħal ma huwa l-Artikolu 141 (2) tal-Liġi dwar is-Sewqan, li tippermetti l-ipproċessar u l-kommunikazzjoni, inkluż għall-finijiet ta’ użu mill-ġdid, ta’ informazzjoni relatata ma’ punti ta’ penalità rreġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq, ma huwiex irregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/98. Barra minn hekk, hija prekluża mill-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD.

F.      Ir-raba’ domanda

134. Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk – fil-każ li jiġi stabbilit li l-liġi nazzjonali inkwistjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jopponi d-dritt nazzjonali inkwistjoni – ikunx possibbli li tiġi applikata d-dispożizzjoni inkwistjoni u jinżammu l-effetti legali tagħha sakemm id-deċiżjoni finalment addottata mis-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) issir finali.

135. Il-qorti tar-rinviju għalhekk titlob li l-effetti legali tad-dispożizzjoni inkwistjoni jinżammu sakemm hija tingħata deċiżjoni finali.

136. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mgħotija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni tikkjarifika u tiddefinixxi t-tifsira u l-iskop ta’ dik ir-regola kif għandha tkun jew kif kellha tiġi miftiehma u applikata mid-data ta’ meta tkun daħlet fis-seħħ (84). Isegwi li r-regola kif għalhekk interpretata tista’, u għandha, tiġi applikata mill-qrati għal relazzjonijiet legali li jkunu ġew stabbiliti u kienu stabbiliti qabel is-sentenza li taqta’ t-talba għal interpretazzjoni, sakemm f’aspetti oħra l-kundizzjonijiet li titressaq tilwima relatata mal-applikazzjoni ta’ dik ir-regola quddiem il-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni jkunu ssodisfatti. (85) Huwa biss eċċezzjonalment li l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tista’, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament legali tal-Unjoni, tersaq biex tillimita lill-kwalunkwe persuna kkonċernata l-opportunità li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti bona fide (86).

137. Fi kwalunkwe każ, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ sospensjoni possibbli (87) u dan għal raġuni tajba: inkella, qorti nazzjonali tkun tista’ tiddiferixxi l-effetti ta’ dik id-deċiżjoni, għalhekk taffettwa l-karattru erga omnes tagħha, li l-għan primarju tiegħu huwa li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u taċ-ċertezza legali fl-Istati Membri kollha u jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għall-Istati Membri, għaċ-ċittadini u għall-operaturi ekonomiċi. F’dan il-kuntest, regoli tad-dritt nazzjonali, anki ta’ natura kostituzzjonali, ma jistgħux jitħallew jippreġudikaw l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (88).

138. Żewġ kriterji essenzjali għandhom jiġu ssodisfatti qabel tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi imposta, jiġifieri li dawk ikkonċernati jkunu mxew bi bona fide, u li jkun hemm riskju ta’ diffikultajiet serji (89).

139. Għandu jingħad ukoll li huwa biss eċċezzjonalment (90) li l-Qorti tal-Ġustizzja għażlet tali soluzzjoni u dan biss f’ċirkustanzi kemxejn speċifiċi: fejn kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji minħabba b’mod partikolari n-numru kbir ta’ relazzjonijiet legali bona fide fuq il-bażi ta’ regoli meqjusa li jkunu validament fis-seħħ u fejn ikun deher li individwi u awtoritajiet nazzjonali jkunu waslu jadottaw prassi mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-implikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, li għaliha tkun setgħet ikkontribwiet il-kondotta ta’ Stati Membri oħra jew l-Unjoni (91).

140. F’dan il-każ, l-informazzjoni li għaliha hemm riferiment fid-digriet tar-rinviju ma jagħmilhiex possibbli li jiġi konkluż li numru kbir ta’ relazzjonijiet legali bona fide bbażati fuq id-dispożizzjoni kkontestata kienu ser jiġu affettwati, u, konsegwentement, li ikun partikolarment diffiċli li tiġi żgurata konformità ex tunc mad-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara dik id-dispożizzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

141. Għaldaqstant, ma hemm ebda bżonn li jiġu limitat l-effetti fiż-żmien tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ.

142. Għalhekk nipproponi li r-raba’ domanda titwieġeb li ma huwiex possibbli li tiġi applikata d-dispożizzjoni inkwistjoni u li jinżammu l-effetti legali tagħha sakemm issir finali d-deċiżjoni li fl-aħħar tiġi adottata mis-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali).

V.      Konklużjoni

143. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domandi preliminari mressqa mis-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix sitwazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali relatata ma’ punti ta’ penalità rreġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq kif ipprovdut minn liġi nazzjonali bħal ma hija l-Artikolu 14(2) tas-Ceļu satiksmes likums (il-Liġi dwar is-Sewqan).

(2)      L-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament 2016/679 jipprekludi Stat Membru milli jipproċessa u jikkomunika data personali relatata ma’ punti ta’ penalità rreġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq.

(3)      L-Artikolu 5(1)(b) u (c) tar-Regolament 2016/679 jipprekludi Stat Membru milli jipproċessa u jikkomunika data personali relatata ma’ punti ta’ penalità reġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq meta din il-komunikazzjoni ssir għall-finijiet ta’ użu mill-ġdid.

(4)      Id-Direttiva 2003/98 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku ma tirregolax l-ipproċessar u l-komunikazzjoni, inklużi dawk għall-finijiet ta’ użu mill-ġdid, ta’ data personali relatata ma’ punti ta’ penalità rreġistrati kontra sewwieqa għal reati tat-traffiku fit-triq.

(5)      Mhux possibbli li tiġi applikata d-dispożizzjoni inkwistjoni u li jinżammu l-effetti legali tagħha sa tali żmien sakemm id-deċiżjoni adottata mis-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) issir finali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara t-Tribune tat-8 ta’ Novembru 1946.


3      Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


4      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1969 (29/69, EU:C:1969:57, punt 7).


5      U ċertament l-ewwel każ dwar id-drittijiet fundamentali fis-sistema legali tal-Unjoni.


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 701), kif emendata mid-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013 L 175, p. 1).


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


8      Il-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971, kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979.


9      Il-Ftehim TRIPS (Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ ta’ Drittijiet ta’ Propjetà Intellettwali) jikkostitwixxi l-Anness 1C għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (Ftehim WTO), approvat f’isem il-Komunità, fir-rigward ta’ kwistjonijiet fil-kompetenza tagħha, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU 1994 L 336, p. 1).


10      Fil-verżjoni emendata tiegħu li daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Mejju 2018.


11      Ministru kabineta 2004. gada 21. jūnija noteikumi Nr.551 “Pārkāpumu uzskaites punktu sistēmas piemērošanas noteikumi” (Regolament tal-Kabinett Nru 551 tal-21 ta’ Ġunju 2004, “Regoli għall-applikazzjoni ta’ sistema ta’ punti ta’ penalità”).


12      Kontra dak li jista’ jinftiehem, il-formulazzjoni “kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, hija kollox minbarra ċara fil-kuntest tar-RĠPD, ara Wolff, H.A., fi Pechstein, M., Nowak, C., Häde, U. (eds), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, Band II, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, Artikolu 16 AEUV, punt 19.


13      Jiġifieri l-ipproċessar tad-data personali kollha - sħiħ jew parzjalment permezz ta’ mezzi awtomatiċi u l-ipproċessar b’mezzi oħra barra dawk awtomatiċi li jifformaw parti minn sistema ta’ ħażna jew huma intiżi li jifformaw parti minn sistema ta’ ħażna.


14      Fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet konsistentement, ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll Sobotta, Chr., fi Grabitz, E., Hilf, M. u Nettesheim, M., Das Recht der Europäischen Union, 71. EL., aġġornat f’Awwissu 2020, Beck, C.H., Munich, Artikolu 16 AEUV, punt 22, li jindika l-kamp ta’ applikazzjoni wiesgħa ratione materiae tas-sistema ta’ protezzjoni tad-data tal-Unjoni.


15      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Hatje, A., fi Schwarze, J., Becker, U., Hatje, A., Schoo, J. (eds), EU-Kommentar, ir-raba’ edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2019, Artikolu 16(10), u Brühann, U., fi von der Groeben, H., Schwarze, H. J., Hatje, A. (eds), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), Band 1, is-seba’ edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2015, Artikolu 16 AEUV, punt 130.


16      Fuq “dispożizzjonijiet li għandhom applikazzjoni ġenerali”.


17      Ara, fir-rigward tad-Direttiva 95/46, bħala eżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 66), u tal-10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 35).


18      Ir-raġunament inizjali relatat mas-suq intern tal-Unjoni li tirregola s-sistema tal-protezzjoni tad-datatkompli tippersisti ħdejn il-protezzjoni tad-data fiha nnifisha. Kif diġà rifless fit-titolu tiegħu u ddefinit fl-Artikolu 1 tiegħu, is-suġġett u l-għan tar-RĠDP huma tnejn: li jiġu stabbiliti regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, u regoli dwar il-moviment liberu tad-data personali. Barra minn hekk, il-premessa 13 tar-RĠPD tispeċifika li d-diverġenzi li jostakolaw il-moviment liberu tad-data personali fi ħdan is-suq intern għandhom jiġu evitati u li l-funzjonament tajjeb tas-suq intern jirrikjedi li l-moviment liberu tad-data personali fi ħdan l-Unjoni ma huwiex ristrett jew ipprojbit għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.


19      Enfasi tiegħi.


20      Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta.


21      Enfasi tiegħi.


22      Ara, pereżempju, Zerdick, Th., fi Ehmann E., Selmayr M. (eds), Datenschutz-Grundverordnung, Kommentar, Beck C.H., Munich, it-tieni edizzjoni, 2018, Artikolu 2, punt 5.


23      Dan jikkostitwixxi ġurisprudenza konsistenti mis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21). Ara wkoll is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 62); tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 63); u tal-24 ta’ Settembru 2020, NK (Pensjonijiet tad-diretturi ta’ impriża) (C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 78).


24      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD huwa, nissottometti, inkonklussiv. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat mhux biss il-formulazzjoni tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-objettivi tal-leġiżlazzjoni ta’ liem tifforma parti, u b’mod partikolari l-oriġini ta’ dik il-leġiżlazzjoni, ara, bħala eżempju, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara f’dan is-sens ukoll Lubasz, D., f’ D. Lubasz (ed.), Ochrona danych osobowych, Wolters Kluwer, Varsavja 2020, punt 92.


26      U dan qabel kien jgħodd ukoll għall-Artikolu 114 TFUE.


27      Ara l-Artikolu 10 tar-RĠPD.


28      B’mod partikolari jekk wieħed jikkunsidra li tipikament tali numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jingħata fl-okkażjoni tar-reġistrazzjoni uffiċjali ta’ twelid, qasam mhux tipikament assoċjat ma’ kompetenza tal-Unjoni.


29      Ara d-Dikjarazzjoni Nru 20 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’’ Lisbona, iffirmata fit-13 ta’ Diċembru 2007.


30      Bħala riżultat tal-Artikolu 94(2) tar-RĠPD, ir-referenzi għad-Direttiva 95/46 għandhom jitqiesu li huma riferiment għar-RĠPD.


31      Ara l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Vol. 029 p. 514). Ara, dwar din id-dispożizzjoni, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 49).


32      Inkluża li tiġi żgurata l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-liġi u l-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.


33      Ara, għal din il-kelma, Franzius, C., f‘Pechstein M., Nowak C., Häde U. (eds), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, Band I, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, Artikolu 4 EUV, punt 50: ‘Staatsfunktionengarantie’.


34      Ara l-Artikolu 2(2)(b) tar-RĠPD.


35      Ara l-Artikolu 2(2)(c) tar-RĠPD.


36      Ara l-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD.


37      Barra minn hekk, l-Artikolu 39 TEU għandu bażi legali speċifika għall-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni. B’hekk, inżammet distinzjoni tal-qasam f’dan ir-rigward bit-Trattat ta’ Lisbona, ara Lynskey, O., The Foundations of EU Data Protection Law, OUP, Oxford, 2015, p. 18.


38      Ara d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016 L 119, p. 89).


39      Ara, barra minn hekk, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 102).


40      Biex nagħti eżempju wieħed, il-Qorti tal-Ġustizzja b’dan il-mod ma għamlitx skrutinju attiv dwar jekk attivitajiet karitatevoli u reliġjużi jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 48).


41      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 41).


42      Fid-duttrina legali, ara barra minn hekk Kranenborg, H., fi Chr. Kuner, Bygrave L.A., Docksey Chr. (eds), The EU General Data Protection Regulation (GDPR), OUP, Oxford, 2020, Artikolu 86, A., p. 1214. Ara wkoll, Pauly, D.A., fi Paal B.P., Pauly D.A., Datenschutz-Grundverordnung, Bundesdatenschutzgesetz, Beck C.H., Munich 2018, Artikolu 86 DS-GVO, punt 9.


43      Ara wkoll, f’dan is-sens, Kranenborg, H., op. cit., Artikolu 86, C.1., f’p. 1217, inkluża n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14. L-istess awtur ġustament jindika l-fatt li, fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni, ġiet inkluża premessa biss, u ma ġiet inkluża ebda dispożizzjoni dwar il-materja.


44      Skont din id-dispożizzjoni, jekk is-suġġett tad-data ta l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu/tagħha għal għan speċifiku wieħed jew iżjed, l-ipproċessar huwa legali sa fejn ingħata l-kunsens.


45      Jew meta l-ipproċessar ikun awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew dritt ta’ Stat Membru jipprovdi għas-salvagwardji xierqa tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġetti tad-data.


46      Bħal ma huma l-verżjoni Spanjola (condenas e infracciones penales), Ġermaniża (strafrechtliche Verurteilungen und Straftaten), Taljana condanne penali e […] reati’), Litwana (apkaltinamuosius nuosprendžius ir nusikalstamas veikas), Maltija (kundanni kriminali u reati) u Olandiża (strafrechtelijke veroordelingen en strafbare feiten).


47      Bħall-verżjonijiet tal-lingwa Franċiża (condamnations pénales et […] infractions), Pollakka (wyroków skazujących oraz naruszeń prawa), Portugiża (condenações penais e infrações) u Rumena (condamnări penale și infracțiuni).


48      Fil-fatt, f’qari pur tal-formulazzjoni, anki l-“kundanni” jistgħu teoretikament ikunu amministrattivi fin-natura tagħhom.


49      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Turbini tar-riħ f’Aalter u Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 18).


51      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos (C‑604/11, EU:C:2013:344, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑490/10, EU:C:2012:525, punt 68).


52      Ara f’dan is-sens ukoll Kawecki, M., Barta, P, fi Litwiński P. (ed.), Rozporządzenie UE w sprawie ochrony osób fizycznych w związku z przetwarzaniem danych osobowych i swobodnym przepływem takich danych. Komentarz, Beck C.H., Varsavja 2018, Artikolu 10, punt 3.


53      “L-ipproċessar ta’ data dwar reati, pieni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà jista’ jitwettaq biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali …”. Enfasi tiegħi.


54      “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dik id-data dwar sanzjonijiet amministrattivi jew sentenzi f’kawżi ċivili tiġi wkoll ipproċessata taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja”. Enfasi tiegħi.


55      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2019, Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


56      Ibid.


57      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2020, JZ (Sentenza ta’ kustodja fil-każ ta’ projbizzjoni ta’ dħul) (C‑806/18, EU:C:2020:724, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      Ara wkoll, f’dan is-sens, Georgieva, L., The EU General Data Protection Regulation (GDPR), op. cit., Artikolu 10, C.1., fil-p. 388, u Schiff, A., Datenschutz-Grundverordnung, Kommentar, op. cit., Artikolu 10, punt 4.


59      Li. inċidentalment. ġiet adottata fl-istess ġurnata mar-RĠPD.


60      Id-dritt li wieħed ma jiġix ipproċessat jew issanzjonat darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali.


61      Ara wkoll il-konklużjonijiet istruttivi tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bonda (C‑489/10, EU:C:2011:845, punti 32 et seq).


62      Ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, §§ 80 sa 82), u tal-10 ta’ Frar 2009, Sergey Zolotukhin vs Ir-Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, §§ 52 u 53).


63      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37).


64      Peress li hawnhekk qiegħdin nitkellmu fuq punti penali li huma, kif rajna, mhux severi fin-natura tagħhom, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Novembru 2013, Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733, li ttrattat il-kwistjoni iktar wiesgħa u ġenerali tal-“ġurisdizzjoni b’mod partikolari fi kwistjonijiet kriminali” fir-rigward ta’ reati tat-traffiku fit-triq b’mod ġenerali u mhux biss fir-rigward ta’ punti penali fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji (ĠU 2005 L 76, p. 16).


65      Li, kif ser jintwera iktar l-isfel, mhux applikabbli fi kwalunkwe każ.


66      Kontra dan l-isfond wieħed jista’ leġittimament jistaqsi jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja humiex qed jiġu osservati, u fin-nuqqas, id-domanda tkun inammissibbli.


67      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


68      L-Artikolu 5 tar-RĠPD huwa fformulat b’mod preskrittiv (“għandha”) u l-prinċipji varji huma konnessi minn punti u virgola, li jimplika “u”, mhux “jew”.


69      L-Artikolu 6 tar-RĠPD jgħid li “mill-inqas ikun japplika wieħed […mill-] prinċipji”.


70      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 35).


71      Artikolu 2(b) u (d) tad-Direttiva 95/46.


72      Dan il-prinċipju jiġi żviluppat iktar fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tar-RĠPD (Artikoli 32 sa 34).


73      Ara wkoll, f’dan is-sens, Pötters, St., fi P. Gola (ed), Datenschutz-Grundverordnung VO (EU) 2016/679, Kommentar, C.H. Beck, Munich, it-tieni edizzjoni, 2018, Artikolu 5, punt 29.


74      Li jgħid li, sabiex l-ipproċessar ikun legali, id-data personali għandha tiġi pproċessata fuq il-bażi tal-kunsens tas-suġġett tad-data kkonċernat jew xi bażi leġittima oħra, stabbilita mil-liġi, jew fir-RĠPD jew f’liġi oħra tal-Unjoni jew liġi ta’ Stat Membru kif jirreferi għaliha dan ir-regolament, inkluża n-neċessità ta’ konformità mal-obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa suġġett, jew in-neċessità tat-twettiq ta’ kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jiffirma kuntratt.


75      Ara wkoll, f’dan is-sens, Herbst, T., fi J. Buchner, B. Kühling (eds), Datenschutz-Grundverordnung/BDSG, Kommentar, it-tieni edizzjoni, Beck C.H., Munich, 2018, Artikolu 5 DS-GVO, punt 11, u Pötters, St., op. cit., Artikolu 5, punt 6. Għall-għarfien aħjar tal-legalità bħala konformità mad-dispożizzjonijiet kollha tar-regolament, ara Lubasz, D., fi D. Lubasz (ed.), Ochrona danych osobowych, Wolters Kluwer, Varsavja 2020, punt 186.


76      U anki jekk wieħed iqis neċessarju li jivverifika r-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tar-RĠPD fi ħdan l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, jien kieku nqis l-ipproċessar legali ukoll fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tar-RĠPD, bħala pproċessar neċessarju għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa suġġett, peress li iċ-CSDD meta tikkomunika l-punti ta’ penalità lill-pubbliku tissodisfa l-obbligu legali skont id-dritt nazzjonali.


77      Fir-rigward tar-riferiment tal-Gvern Awstrijak fuq dan il-punt għas-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Federali Kostituzzjonali) tas-27 ta’ Frar 2008 (1 BvR 370/07 u 1 BvR 595/07 (ECLI:DE:BVerfG:2008:rs20080227.1bvr037007), BVerfGE 120, 274 et seq, f’p. 314, disponsibbli f’: http://www.bverfg.de/e/rs20080227_1bvr037007en.html), jien inqas ċert mir-relevanza peress li din is-sentenza tikkonċerna kwistjoni dwar dritt fundamentali materjali, filwaqt li l-Artikolu 5(1)(f) tar-RĠPD, kif stabbilit fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirrigwarda rekwiżiti formali.


78      Id-dispożizzjoni tkompli tgħid li konformement mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar sussegwenti għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies li huwa inkompatibbli mal-finijiet inizjali.


79      Ara f’dan is-sens, Lubasz, D., fi D. Lubasz (ed), Ochrona danych osobowych, Wolters Kluwer, Varsavja 2020, punt 202.


80      Ara, bħala eżempju, id-digriet tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke and Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


81      Din id-dispożizzjoni ġiet miżjuda mad-Direttiva 2003/98 fl-2013, ara l-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU 2013 L 175, p. 1 sa 8).


82      L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2003/98 f’dan ir-rigward jirreferi għad-Direttiva 95/46.


83      Fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU 2019 L 172, p. 56), li permezz tal-Artikolu 19 tagħha tirrevoka d-Direttiva 2003/98 b’effett mis-17 ta’ Lulju 2021, ara l-Artikolu 1(2)(f) tad-Direttiva 2019/1024.


84      Dan huwa ġeneralment magħruf bħala l-effett ex tunc tad-deċiżjonijiet preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE.


85      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław (C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 44), u tat-28 ta’ Ottubru 2020, Bundesrepublik Deutschland (Determinazzjoni tat-tariffi tat-triq) (C‑321/19, EU:C:2020:866, punt 54).


86      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław (C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 45), u tat-28 ta’ Ottubru 2020, Bundesrepublik Deutschland (Determinazzjoni tat-tariffi tat-triq) (C‑321/19, EU:C:2020:866, punt 55).


87      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 67), u tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C‑314/08, EU:C:2009:719, punt 84). Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


88      Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114, punt 3), u tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 61).


89      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław (C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 45), u tat-28 ta’ Ottubru 2020, Bundesrepublik Deutschland (Determinazzjoni tat-tariffi tat-triq) (C‑321/19, EU:C:2020:866, punt 55).


90      Ara wkoll Lenaerts, K., Maselis, I., Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press, Oxford, 2014, punt 6.34, p. 247.


91      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2020, Romenergo u Aris Capital (C‑339/19, EU:C:2020:709, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).