Language of document : ECLI:EU:C:2021:504

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 5, 6 u 10 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aċċess tal-pubbliku għad-data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku – Legalità – Kunċett ta’ ‘data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati’ – Żvelar sabiex titjieb is-sigurtà fit-toroq – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali – Libertà tal-informazzjoni – Konċiljazzjoni mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali – Użu mill-ġdid tad-data – Artikolu 267 TFUE – Effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni preliminari – Possibbiltà għal qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru li żżomm l-effetti legali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali”

Fil-Kawża C‑439/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura mressqa minn

B

fil-preżenza ta’:

Latvijas Republikas Saeima,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi-president, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, M. Ilešič (Relatur) u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u P. G. Xuereb, imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn V. Soņeca u K. Pommere, sussegwentement minn K. Pommere, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Kunnert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn P. Barros da Costa, A. C. Guerra u I. Oliveira, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer-Seitz, H. Shev, H. Eklinder, R. Shahsavan Eriksson, A. Runeskjöld u M. Salborn Hodgson kif ukoll minn O. Simonsson u J. Lundberg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Nardi u H. Kranenborg kif ukoll minn I. Rubene, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5, 6 u 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU L 127, 23.5.2018, p. 2, iktar’ il quddiem il-“GDPR”), tal-Artikolu 1(2)(cc) tad-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 32, p. 701), kif emendata bid-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU L 175, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/98”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn B dwar il-legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aċċess tal-pubbliku għad-data personali dwar il-punti ta’ penalita imposti għal reati tat-traffiku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 95/46/KE

3        Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), tħassret, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, mill-GDPR. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, kien ifformulat kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat [UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona], u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

[…]”

 Il-GDPR

4        Il-premessi 1, 4, 10, 16, 19, 39, 50 u 154 tal-GDPR jipprovdu:

“(1)      Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”] u l-Artikolu 16(1) tat-[TFUE] jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

[…]

(4)      L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

[…]

(10)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. […]

[…]

(16)      Dan ir-Regolament ma japplikax għal kwistjonijiet ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali jew il-fluss liberu ta’ data personali relatata ma’ attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, bħal attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni.

[…]

(19)      Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali minn awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika u l-moviment liberu ta’ tali data, hija s-suġġett ta’ att legali speċifiku tal-Unjoni. Dan ir-Regolament m’għandux, għalhekk, japplika għall-attivitajiet ta’ pproċessar għal dawk l-għanijiet. Madanakollu, id-data personali pproċessata mill-awtoritajiet pubbliċi skont dan ir-Regolament meta tintuża għal dawk l-għanijiet għandha tkun regolata minn att legali aktar speċifiku tal-Unjoni jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89, rettifika fil-ĠU L 127, 23.5.2018, p. 6)]

[…]

(39)      […] B’mod partikolari, il-finijiet speċifiċi li għalihom tiġi pproċessata data personali għandhom ikunu espliċiti u leġittimi u stabbiliti fil-mument meta tinġabar id-data personali. […] Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk il-fini tal-ipproċessar ma jkunx jista’ jintlaħaq mod ieħor b’mod raġonevoli. […]

[…]

(50)      L-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment għandu jkun permess biss fejn l-ipproċessar ikun kompatibbli mal-finijiet li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment. F’tali każ ma tkun meħtieġa l-ebda bażi għajr dik li tkun ippermettiet il-ġbir tad-data personali. Jekk l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-prestazzjoni ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru tista’ tiddetermina u tispeċifika l-kompiti u l-finijiet li għalihom l-ipproċessar ulterjuri għandu jitqies bħala kompatibbli u legali. […]

[…]

(154)      Dan ir-Regolament jippermetti li jittieħed kont tal-prinċipju ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali jista’ jitqies bħala interess pubbliku. Id-data personali f’dokumenti miżmuma minn awtorità pubblika jew korp pubbliku għandha tkun tista’ tiġi żvelata minn dik l-awtorità jew dan il-korp jekk dan ikun previst mil-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru li tirregola lil dik l-awtorità pubblika jew dak il-korp pubbliku. Tali liġijiet għandhom jirrikonċiljaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali u l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u għalhekk jistgħu jipprevedu r-rikonċiljazzjoni meħtieġa mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont dan ir-Regolament. Ir-referenza għall-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi għandha f’dak il-kuntest tinkludi l-awtoritajiet kollha jew korpi oħra koperti bil-liġi ta’ Stat Membru dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti. Id-Direttiva [2003/98/KE] tħalli intatt u bl-ebda mod ma tolqot il-livell ta’ protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, u b’mod partikolari ma tibdilx l-obbligi u d-drittijiet stipulati f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, dik id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dokumenti li għalihom l-aċċess huwa eskluż jew ristrett minħabba r-reġimi ta’ aċċess għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data personali, u partijiet ta’ dokumenti aċċessibbli permezz ta’ dawk ir-reġimi li fihom data personali li l-użu mill-ġdid tagħha ġie previst mil-liġi bħala inkompatibbli mal-liġi rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.”

5        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.

2.      Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.

3.      Il-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni għandu jkun la ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.”

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

(a)      matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(b)      mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

(c)      minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;

(d)      mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

7        Skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli […];

(2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(7)      ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]”

8        L-Artikolu 5 tal-GDPR, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.      Id-data personali għandha:

(a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

(b)      tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; […] (‘limitazzjoni tal-fini’);

(c)      tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

(d)      tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b’kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (‘preċiżjoni’);

(e)      tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ fir-rigward tal-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; […] (‘limitazzjoni tal-ħażna’);

(f)      tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).

2.      Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’)”.

9        L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

(c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)      l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra;

(e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”

10      L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati”, jipprovdi:

“L-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew relatata ma’ miżuri ta’ sigurtà abbażi tal-Artikolu 6(1) għandu jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali jew meta l-ipproċessar ikun awtorizzat minn liġi tal-Unjoni jew liġi ta’ Stat Membru li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data. Kwalunkwe reġistru komprensiv ta’ kundanni kriminali għandu jinżamm biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali.”

11      L-Artikolu 51 tal-istess regolament, intitolat “Awtorità superviżorja”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni (‘awtorità superviżorja’).”

12      L-Artikolu 85 tal-GDPR, intitolat “Ipproċessar u libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament mad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.”

13      L-Artikolu 86 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ipproċessar u aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali”, jipprevedi:

“Id-data personali f’dokumenti uffiċjali miżmuma minn awtorità pubblika jew korp pubbliku jew korp privat għat-twettiq ta’ kompitu li jitwettaq fl-interess pubbliku tista’ tiġi żvelata mill-awtorità jew il-korp f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru li għaliha tkun soġġetta l-awtorità jew il-korp pubbliku sabiex jiġi rikonċiljat l-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali mad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament.”

14      Skont l-Artikolu 87 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ipproċessar tan-numru tal-identifikazzjoni nazzjonali”:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw aktar il-kondizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar ta’ numru tal-identifikazzjoni nazzjonali jew kwalunkwe identifikatur ieħor ta’ applikazzjoni ġenerali. F’dak il-każ in-numru tal-identifikazzjoni nazzjonali jew kwalunkwe identifikatur ieħor ta’ applikazzjoni ġenerali għandu jintuża biss taħt salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data skont dan ir-Regolament.”

15      L-Artikolu 94 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Id-Direttiva [95/46] titħassar b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

2.      Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. […].”

 Id-Direttiva 2016/680

16      Il-premessi 10, 11 u 13 tad-Direttiva 2016/680 jipprevedu:

“(10)      Fid-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-konferenza rrikonoxxiet li regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija, ibbażati fuq l-Artikolu 16 TFUE, jistgħu jirriżultaw neċessarji minħabba n-natura speċifika ta’ dawk l-oqsma.

(11)      Għalhekk hu xieraq għal dawk l-oqsma li jiġu indirizzati minn direttiva li tistipula regoli speċifiċi relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura speċifika ta’ dawk l-attivitajiet. Tali awtoritajiet kompetenti jistgħu jinkludu mhux biss awtoritajiet pubbliċi bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi iżda wkoll kwalunkwe korp jew entità fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Fejn tali korp jew entità tipproċessa data personali għal finijiet oħra għajr għal finijiet ta’ din id-Direttiva, japplika [l-GDPR]. [Il-GDPR]għalhekk japplika f’każijiet fejn korp jew entità jiġbru d-data personali għal finijiet oħra u jkomplu jipproċessaw dik id-data personali sabiex jikkonformaw ma’ obbligu legali li għalih ikunu soġġetti. […]

[…]

(13)      Reat kriminali skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva għandu jkun kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […].”

17      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(7)      ‘awtorità kompetenti’ tfisser:

(a)      kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; jew

(b)      kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika;

[…]”

 Id-Direttiva 2003/98

18      Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2003/98:

“Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata u applikata b’konformità sħiħa mal-prinċipji li jirrelataw mal-protezzjoni ta’ data personali skond id-Direttiva [95/46].”

19      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/98, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jaqra kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi sett minimu ta’ regoli li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-mezzi prattiċi għall-iffaċilitar ta’ l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti eżistenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku ta’ l-Istati Membri.

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

[…]

(cc) dokumenti li l-aċċess għalihom huwa eskluż jew ristrett minħabba r-reġimi ta’ aċċess għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-dejta personali, u partijiet ta’ dokumenti aċċessibbli minħabba dawk ir-reġimi li fihom dejta personali li l-użu mill-ġdid tagħha ġie definit mill-liġi bħala inkompatibbli mal-liġi rigward il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali;

[…]

3.      Din id-Direttiva tibni fuq u hija bla ħsara għar-reġimi ta’ aċċess fl-Istati Membri.

4.      Din id-Direttiva tħalli intatt u bl-ebda mod ma taffettwa l-livell ta’ protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali taħt id-disposizzjonijiet tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, u b’mod partikolari ma tibdilx l-obbligi u d-drittijiet stipulati fid-Direttiva [95/46].

[…]”.

 Id-dritt Latvjan

20      L-Artikolu 96 tal-Latvijas Republikas Satversme (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni Latvjana”) jipprovdi:

“Kulħadd għandu dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.”

21      Skont l-Artikolu 1(5) tal-Informācijas atklātības likums (il-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni), tad-29 ta’ Ottubru 1998 (Latvijas Vēstnesis, 1998, Nru 334/335), l-użu mill-ġdid jikkonsisti fl-użu ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku miżmuma u maħluqa minn awtorità, għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali differenti mill-għan inizjali li għalih inħolqot dik l-informazzjoni, jekk dan l-użu jsir minn persuna privata u ma jaqax taħt funzjonijiet ta’ awtorità pubblika.

22      Skont l-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku hija dik li ma taqax fil-kategorija ta’ informazzjoni b’aċċess ristrett.

23      L-Artikolu 5 tal-liġi msemmija jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-informazzjoni tkun b’aċċess ristrett meta din tkun intiża għal grupp limitat ta’ persuni għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħhom jew tal-obbligi professjonali tagħhom u meta l-iżvelar jew it-telf ta’ din l-informazzjoni, minħabba n-natura u l-kontenut tagħha, jostakola jew jista’ jostakola l-attivitajiet ta’ awtorità, jew jikkawża jew jista’ jikkawża preġudizzju għall-interessi tal-persuni protetti mil-liġijiet. Dan l-artikolu jenfasizza, fil-paragrafu 2 tiegħu, li informazzjoni titqies bħala informazzjoni b’aċċess ristrett meta, b’mod partikolari, il-liġi tipprevedi dan, u jispeċifika, fil-paragrafu 6 tiegħu, li informazzjoni diġà ppubblikata ma tistax titqies bħala informazzjoni b’aċċess ristrett.

24      Skont l-Artikolu 10(3) tal-istess liġi, l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku tista’ tiġi pprovduta fuq talba, peress li l-applikant ma huwiex obbligat li jiġġustifika b’mod speċifiku l-interess tiegħu biex jikseb din l-informazzjoni u l-aċċess għaliha ma jistax jiġi rrifjutat lilu minħabba li ma jikkonċernahx.

25      L-Artikolu 141 tas-Ceļu satiksmes likums (il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq), tal-1 ta’ Ottubru 1997 (Latvijas Vēstnesis, 1997, Nru 274/276), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq”), intitolat “Aċċess għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom […]”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-informazzjoni dwar […] id-dritt ta’ persuna li ssuq vetturi, il-multi imposti għal reati tat-traffiku u mhux imħallsa fit-terminu previst mil-liġi, kif ukoll l-informazzjoni l-oħra li tinsab fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom […], tikkostitwixxi informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.”

26      L-Artikolu 43 tal-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq, intitolat “Sistema ta’ punti ta’ penalità”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bil-għan li tiġi influwenzata l-imġiba tas-sewwieqa tal-vetturi, billi jiġi ffavorit sewqan sigur tal-vetturi u l-osservanza tal-leġiżlazzjoni fit-toroq, kif ukoll bil-għan li jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji għall-ħajja, għas-saħħa u għall-proprjetà tal-persuni, ir-reati amministrattivi mwettqa mis-sewwieqa tal-vetturi għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tal-kundanni u l-punti ta’ penalità għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom.”

27      Skont il-punti 1 u 4 tal-Ministru kabineta noteikumi Nr. 551 “Pārkāpumu uzskaites punktu sistēmas piemērošanas noteikumi” (Digriet Nru 551 tal-Kunsill tal-Ministri dwar ir-regoli tal-implimentazzjoni tas-sistema tal-punti ta’ penalità), tal-21 ta’ Ġunju 2004 (Latvijas Vēstnesis, 2004, Nru 102), il-punti ta’ penalità għar-reati amministrattivi mwettqa fil-qasam tat-traffiku fit-toroq minn sewwieqa ta’ vetturi għandhom jiġu rreġistrati b’mod awtomatiku fil-jum meta jiskadi t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva.

28      Skont il-punt 7 ta’ dan id-digriet, il-punti ta’ penalità għandhom jitħassru meta jiġu preskritti.

29      Skont il-punt 12 tal-imsemmi digriet, abbażi tan-numru ta’ punti ta’ penalità, is-sewwieqa jkunu suġġetti għal miżuri, bħal twissijiet, taħriġ jew eżamijiet fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq, jew ta’ projbizzjoni li jeżerċitaw id-dritt tas-sewqan tal-vetturi matul perijodu determinat.

30      Kif jirriżulta mill-Artikolu 32(1) tas-Satversmes tiesas likums (il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali), tal-5 ta’ Ġunju 1996 (Latvijas Vēstnesis, 1996, Nru 103), sentenza tal-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) hija definittiva u eżekuttiva sa mill-għoti tagħha. Skont l-Artikolu 32(3) ta’ din il-liġi, dispożizzjoni legali li l-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat li ma hijiex konformi ma’ regola ġuridika superjuri titqies nulla mill-jum tal-pubblikazzjoni tas-sentenza ta’ din il-qorti, sakemm din ma tiddeċidix mod ieħor.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

31      B hija persuna fiżika li ġew imposti fuqha punti ta’ penalità minħabba ksur wieħed jew iktar tar-regoli tat-traffiku. Skont il-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq u d-Digriet Nru 551, tal-21 ta’ Ġunju 2004, is-Ceļu satiksmes drošības direkcija (id-Direttorat tas-Sigurtà tat-Traffiku, il-Latvja) (iktar ’il quddiem iċ-“CSDD”) irreġistra dawn il-punti ta’ penalità fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom.

32      Peress li l-informazzjoni dwar l-imsemmija punti ta’ penalità li tinsab f’dan ir-reġistru hija aċċessibbli għall-pubbliku u barra minn hekk, skont B, ġiet ikkomunikata, għal finijiet ta’ użu mill-ġdid, lil diversi operaturi ekonomiċi, B ippreżenta rikors kostituzzjonali quddiem il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali), sabiex din teżamina l-konformità tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq mad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni Latvjana.

33      Il-Latvijas Republikas Saeima (il-Parlament tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Parlament Latvjan”) ġie assoċjat mal-proċedura bħala istituzzjoni li adottat il-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq. Barra minn hekk, instemgħet iċ-CSDD, li tipproċessa d-data dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku, kif ukoll id-Datu valsts inspekcija (l-Awtorità għall-protezzjoni tad-data), li hija, fil-Latvja, l-awtorità ta’ superviżjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-GDPR, kif ukoll diversi awtoritajiet u persuni oħra.

34      Fil-kuntest tar-rikors fil-kawża prinċipali, il-Parlament Latvjan ikkonferma li, skont l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq, kull persuna tista’ tikseb informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq persuna oħra, jew billi tistaqsi direttament liċ-CSDD, jew billi tuża s-servizzi pprovduti minn utenti mill-ġdid kummerċjali.

35      Dan enfasizza li din id-dispożizzjoni hija legali għaliex iġġustifikata mill-għan ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq. Dan l-interess ġenerali jeħtieġ li l-persuni li jiksru l-kodiċi tat-triq, b’mod partikolari dawk li jiksru dan il-kodiċi b’mod sistematiku u b’mala fide, jiġu identifikati apertament u li s-sewwieqa tal-vetturi jkunu, permezz ta’ din it-trasparenza, dissważi milli jwettqu reati.

36      L-imsemmija dispożizzjoni hija, barra minn hekk, iġġustifikata mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni, previst mill-Kostituzzjoni Latvjana.

37      Il-Parlament Latvjan jippreċiża li, fil-prattika, l-informazzjoni li tinsab fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieq tagħhom tiġi kkomunikata bil-kundizzjoni li l-persuna li titlob l-informazzjoni tipprovdi n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tas-sewwieq li dwaru hija tkun trid tikseb l-informazzjoni. Dan il-prerekwiżit biex tinkiseb l-informazzjoni huwa spjegat bil-fatt li, bil-kontra tal-isem ta’ persuna, li jista’ jkun identiku għal dak ta’ persuni oħra, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali huwa identifikatur uniku.

38      Min-naħa tagħha, iċ-CSDD osservat li l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq ma jimponix limiti la għall-aċċess mill-pubbliku għad-data dwar il-punti ta’ penalità u lanqas dwar l-użu mill-ġdid ta’ din id-data. Fir-rigward tal-kuntratti li hija tikkonkludi mal-utenti mill-ġdid kummerċjali, iċ-CSDD enfasizzat li dawn il-kuntratti ma jipprovdux għat-trasferiment legali tad-data u li l-utenti mill-ġdid għandhom jaċċertaw li l-informazzjoni trażmessa lill-klijenti tagħhom ma teċċedix dik li tista’ tinkiseb mingħand iċ-CSDD. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti, l-akkwirent għandu juri li ser juża l-informazzjoni miksuba konformement mal-għanijiet indikati fil-kuntratt u fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

39      Fir-rigward tad-Datu valsts inspekcija (l-Awtorità tal-protezzjoni tad-data), din esprimiet id-dubji tagħha fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq mal-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni Latvjana li jipprevedi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Fl-opinjoni tagħha, l-importanza u l-għan tal-ipproċessar imwettaq abbażi tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex stabbiliti b’mod ċar, b’tali mod li ma huwiex eskluż li dan it-trattament ma huwiex xieraq jew huwa sproporzjonat. Fil-fatt, minkejja li l-statistika dwar l-inċidenti tat-traffiku fil-Latvja turi tnaqqis fin-numru ta’ inċidenti, madankollu ma huwiex stabbilit li s-sistema tal-punti ta’ penalità u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni relattiva għal din is-sistema kkontribwixxew għal dan l-iżvilupp favorevoli.

40      Il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkonstata, qabel kollox, li r-rikors jikkonċerna l-Artikolu 14 1(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq biss sa fejn din id-dispożizzjoni tirrendi l-punti ta’ penalità mdaħħla fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom aċċessibbli għall-pubbliku.

41      Din il-qorti tirrileva, sussegwentement, li l-punti ta’ penalità huma data personali u li hemm lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata previst fl-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni Latvjana, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-GDPR kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 16 TFUE u l-Artikolu 8 tal-Karta.

42      Fir-rigward tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Latvjana fil-qasam tat-traffiku fit-toroq, l-imsemmija qorti tesponi li huwa b’mod partikolari sabiex tiġi ffavorita s-sigurtà fit-toroq li r-reati mwettqa mis-sewwieqa, li huma kklassifikati bħala amministrattivi fil-Latvja, huma rreġistrati fir-reġistru tal-kundanni u li l-punti ta’ penalità huma rreġistrati fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom.

43      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom, dan jippermetti li jkun magħruf in-numru ta’ reati tat-traffiku mwettqa u li jiġu implimentati miżuri skont dan in-numru. Is-sistema tal-punti ta’ penalità mniżżla f’dan ir-reġistru għandha b’hekk l-għan li ttejjeb is-sigurtà fit-toroq billi tippermetti, minn naħa, li ssir distinzjoni bejn is-sewwieqa ta’ vetturi li sistematikament u b’mala fede jinjoraw ir-regoli tat-traffiku fit-toroq mis-sewwieqa li jwettqu reati okkażjonalment. Min-naħa l-oħra, tali sistema tista’ wkoll tinfluwenza b’mod preventiv l-aġir tal-utenti tat-triq, billi tħeġġiġhom josservaw il-liġi tat-traffiku.

44      L-istess qorti tar-rinviju tosserva li huwa stabbilit li l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq jagħti lil kull persuna d-dritt li titlob u li tikseb miċ-CSDD l-informazzjoni li tinsab fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom fir-rigward tal-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa. F’dan ir-rigward, hija tikkonferma li, fil-prattika, din l-informazzjoni tingħata lill-persuna li tkun talbitha malli din tindika n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tas-sewwieq ikkonċernat.

45      Il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) sussegwentement tikkjarifika li l-punti ta’ penalità, minħabba l-klassifika tagħhom bħala informazzjoni aċċessibbli mill-pubbliku, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar il-libertà ta’ informazzjoni u li, għalhekk, din tista’ tintuża mill-ġdid għal skopijiet, kummerċjali jew mhux kummerċjali, differenti mill-iskop oriġinali li l-informazzjoni tkun inħolqot għalih.

46      Sabiex tinterpreta u tapplika l-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni Latvjana b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti tixtieq tkun taf, fl-ewwel lok, jekk l-informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità taqax taħt dik imsemmija fl-Artikolu 10 tal-GDPR, jiġifieri “data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati”. Fl-affermattiv, jista’ jitqies li l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq jikser ir-rekwiżit stabbilit fl-imsemmi Artikolu 10 li jgħid li l-ipproċessar tad-data li ssir referenza għaliha f’din id-dispożizzjoni jista’ jsir biss “taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali” jew taħt “salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data”.

47      Il-qorti msemmija tosserva li l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46, li kien iħalli lil kull Stat Membru jevalwa jekk ir-regoli partikolari dwar data relatata mar-reati u mal-kundanni kriminali kellhomx jiġu estiżi għad-data relatata mal-pieni u mar-reati amministrattivi, kien, mill-1 ta’ Settembru 2007, ġie implimentat fil-Latvja b’mod li d-data ta’ natura personali relatata mar-reati amministrattivi kienet tista’, bħal data relatata mar-reati u mal-kundanni kriminali, tiġi pproċessata biss mill-persuni u fiċ-ċirkustanzi previsti mil-liġi.

48      Barra minn hekk, l-istess qorti tenfasizza li l-portata tal-Artikolu 10 tal-GDPR għandu, skont il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-soċjetà. Issa, f’dan il-kuntest, l-għan li jiġi evitat li kundanna preċedenti ta’ persuna jkollha effett negattiv eċċessiv fuq il-ħajja privata u professjonali tagħha jista’ japplika kemm fir-rigward tal-kundanni kriminali kif ukoll fir-rigward tar-reati amministrattivi. F’dan il-kuntest, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-assimilazzjoni ta’ ċerti kawżi amministrattivi ma’ kawżi kriminali.

49      Il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tistaqsi, fit-tieni lok, dwar il-portata tal-Artikolu 5 tar-GDPR. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk il-leġiżlatur Latvjan ikkonformax ruħu mal-obbligu, stabbilit fil-paragrafu (1)(f) ta’ dan l-Artikolu, li d-data personali tiġi pproċessata b’“integrità u kunfidenzjalità”. Hija tosserva li l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq, li, billi jagħti aċċess għall-informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità, jippermetti li jiġi ddeterminat jekk persuna kinitx ikkundannata għal reat tat-traffiku fit-triq, ma kienx jinkludi miżuri speċifiċi li jiżguraw is-sigurtà ta’ tali data.

50      Din il-qorti tixtieq, fit-tielet lok, tkun taf jekk id-Direttiva 2003/98 hijiex rilevanti għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-triq mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Fil-fatt, minn din id-direttiva jirriżulta li l-użu mill-ġdid ta’ data personali jista’ jiġi awtorizzat biss fl-osservanza tal-imsemmi dritt.

51      Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet preliminari għandha effetti erga omnes u ex tunc, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, fil-każ ta’ inkompatibbiltà tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq mal-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni Latvjana, moqri fid-dawl tal-GDPR u tal-Karta, hija tistax madankollu żżomm l-effetti ratione temporis tal-imsemmi Artikolu 141(2) sad-data tal-għoti tas-sentenza tagħha, fid-dawl tan-numru għoli tar-relazzjonijiet ġuridiċi inkwistjoni.

52      F’dan ir-rigward, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) tispjega li, skont il-liġi Latvjana, att li jkun ġie ddikjarat mhux kostituzzjonali għandu jitqies li huwa null mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tagħha, sakemm dik il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor. Hija tispjega li hija għandha, f’dan ir-rigward, tiżgura bilanċ bejn, minn naħa, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati differenti.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew relatata ma’ miżuri ta’ sigurtà’ użat fl-Artikolu 10 [tal-GDPR] għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku lis-sewwieqa previst fid-dispożizzjoni inkwistjoni?

2)      Irrispettivament mir-risposta għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet [tal-GDPR], b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ‘integrità u [ta’] kunfidenzjalità’ stabbilit fl-Artikolu 5(1)(f), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu li l-informazzjoni ġenerali dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku lis-sewwieqa tkun aċċessibbli lill-pubbliku u milli jippermettu l-ipproċessar tad-data korrispondenti permezz tal-komunikazzjoni tagħha?

3)      Il-premessi 50 u 154, l-Artikoli 5(1)(b) u 10 [tal-GDPR], kif ukoll l-Artikolu 1(2)(cc) tad-Direttiva 2003/98/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku lis-sewwieqa sabiex tintuża mill-ġdid?

4)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għal waħda mid-domandi preċedenti, il-prinċipji ta’ supremazija u ta’ ċertezza legali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretat fis-sens li jippermettu l-applikazzjoni tar-regola inkwistjoni u li jinżammu l-effetti ġuridiċi tagħha sakemm tingħata d-deċiżjoni finali tal-Qorti Kostituzzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

54      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-ipproċessar ta’ informazzjoni personali relatata mal-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku lis-sewwieqa ta’ vetturi, li jikkonsisti fil-kxif ta’ tali informazzjoni lill-pubbliku.

55      Skont l-Artikolu 10 tal-GDPR, l-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati jew mal-miżuri ta’ sigurtà konnessi abbażi tal-Artikolu 6(1) għandu jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika, jew meta l-ipproċessar ikun awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi ta’ Stat Membru li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni kkonċernati.

56      Għalhekk, preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità kkomunikata lit-terzi skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, u jekk l-imsemmija komunikazzjoni tikkostitwixxix “ipproċessar” ta’ tali data, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu, kif iddefinit mill-Artikolu 2 tiegħu.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Latvjana tipprevedi l-impożizzjoni ta’ punti ta’ penalità fuq is-sewwieqa ta’ vetturi li wettqu reat tat-traffiku u li fuqhom ġiet imposta sanzjoni, pekunjarja jew oħra. Dawn il-punti jiġu rreġistrati minn korp pubbliku, iċ-CSDD, fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom fil-jum tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li timponi din is-sanzjoni.

58      Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li r-reati tat-traffiku u s-sanzjonijiet intiżi li jissanzjonawhom jaqgħu, fil-Latvja, taħt id-dritt amministrattiv, u li l-impożizzjoni ta’ punti ta’ penalità ma għandhiex l-għan li timponi sanzjoni addizzjonali iżda li s-sewwieqa kkonċernati jiġu sensibilizzati, billi tħeġġiġhom jadottaw metodu ta’ sewqan iktar sigur. Meta jintlaħaq ċertu numru ta’ punti ta’ penalità, il-persuna kkonċernata tista’ tkun suġġetta għal projbizzjoni ta’ sewqan matul perijodu determinat.

59      Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tobbliga liċ-CSDD tikkomunika l-informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq sewwieq partikolari lil kull persuna li titlob l-aċċess għal din l-informazzjoni. Iċ-CSDD tillimita ruħha li teżiġi, għal dan il-għan, li l-applikant għal din l-informazzjoni jidentifika debitament lis-sewwieq ikkonċernat billi jipprovdi n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tiegħu.

60      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità, li hija relatata ma’ persuna fiżika identifikata, hija “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, u li l-komunikazzjoni tagħha miċ-CSDD lil terzi tikkostitwixxi “pproċessar” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.

61      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni taqa’ taħt id-definizzjoni wiesgħa ħafna tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR, kif stabbilita fl-Artikolu 2(1) tagħha, u ma tinsabx fost l-ipproċessar ta’ data personali li l-Artikolu 2(2)(a) u (d) tal-GDPR jeskludi minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

62      Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, dan jipprovdi li dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq “matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;”. Din l-eċċezzjoni għall-applikabbiltà tal-GDPR għandha, bħall-eċċezzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 2(2) tiegħu, tingħata interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 68, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 84).

63      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan ir-regolament għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) u mal-premessa 16 tiegħu, li tispeċifika li l-imsemmi regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ “attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, bħal attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali” kif ukoll “attivitajiet fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni”.

64      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tal-GDPR jifforma parzjalment parti mill-kontinwità tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46. Minn dan isegwi li l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tal-GDPR ma jistax jiġi interpretat fis-sens li għandu portata usa’ mill-eċċezzjoni li tirriżulta mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, li kienet diġà teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, l-ipproċessar ta’ data personali li jseħħ fil-kuntest “ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat [UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona], u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat […].”

65      Issa, kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest ta’ attività speċifika għall-Istati jew għall-awtoritajiet Statali u msemmi espressament fl-imsemmi Artikolu 3(2) jew fil-kuntest ta’ attività li tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija, li kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punti 42 sa 44; tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 36 u 37; kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 38).

66      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, għandu jitqies li għandu l-uniku għan li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-awtoritajiet statali fil-kuntest ta’ attività intiża li tippreżerva s-sigurtà nazzjonali jew attività li tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija, b’tali mod li s-sempliċi fatt li attività tkun speċifika għall-Istat jew għal awtorità pubblika ma huwiex biżżejjed sabiex din l-eċċezzjoni tkun applikabbli awtomatikament għal tali attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 70).

67      L-attivitajiet li għandhom bħala għan li jippreżervaw is-sigurtà nazzjonali msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR ikopru, b’mod partikolari, kif irrileva wkoll essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawk li għandhom l-għan li jipproteġu l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u l-interessi fundamentali tas-soċjetà.

68      Issa, l-attivitajiet relatati mas-sigurtà fit-toroq ma għandhomx tali għan u ma jistgħux, konsegwentement, jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-attivitajiet li għandhom l-għan li jippreżervaw is-sigurtà nazzjonali, imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR.

69      Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR, dan jistabbilixxi li dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali “mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”. Kif jirriżulta mill-premessa 19 tal-imsemmi regolament, din l-eċċezzjoni hija mmotivata mill-fatt li l-ipproċessar, għal tali finijiet u mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ data personali huwa rregolat minn att iktar speċifiku tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2016/680, li ġiet adottata fl-istess jum bħall-GDPR u li tiddefinixxi, fl-Artikolu 3(7) tagħha, dak li għandu jinftiehem b’“awtorità kompetenti”, peress li tali definizzjoni għandha tiġi applikata, b’analoġija, għall-Artikolu 2(2)(d).

70      Mill-premessa 10 tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” għandu jinftiehem b’rabta mal-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal-pulizija, fid-dawl tal-aġġustamenti li jistgħu jirriżultaw neċessarji, f’dan ir-rigward, minħabba n-natura speċifika ta’ dawn l-oqsma. Barra minn hekk, il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tispeċifika li l-GDPR japplika għall-ipproċessar ta’ data personali li jsir minn “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tagħha, iżda għal finijiet differenti minn dawk previsti fid-Direttiva 2016/680.

71      Fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fil-komunikazzjoni lill-pubbliku, b’għan ta’ sigurtà fit-toroq, ta’ data personali dwar il-punti ta’ penalitajiet, is-CSDD tista’ titqies bħala “awtorità kompetenti”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(7) tad-direttiva 2016/680 u, għaldaqstant, li tali attivitajiet jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR.

72      Għaldaqstant, il-komunikazzjoni miċ-CSDD tad-data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR.

73      Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 10 tal-GDPR għal tali komunikazzjoni, għandu jkun magħruf jekk l-informazzjoni kkomunikata tikkostitwixxix data personali “relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew relatata ma’ miżuri ta’ sigurtà [konnessi]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-ipproċessar tagħha “għandu jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali” sakemm ma tkunx “awtorizzat[a] minn liġi tal-Unjoni jew liġi ta’ Stat Membru li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data”.

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 10 għandu l-għan li jiżgura protezzjoni msaħħa fil-konfront ta’ pproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari tad-data inkwistjoni, ikun jista’ jikkostitwixxi indħil partikolarment serju fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, żgurati mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza għal informazzjoni sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 44).

75      Fil-fatt, peress li d-data li jirreferi għaliha l-Artikolu 10 tal-GDPR tirrigwarda aġir li jwassal għad-diżapprovazzjoni tas-soċjetà, l-għoti ta’ aċċess għal tali data jista’ jistigmatizza lill-persuna kkonċernata u b’hekk jikkostitwixxi indħil serju fil-ħajja privata jew professjonali tagħha.

76      F’dan il-każ, huwa minnu li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Latvjani intiżi sabiex jissanzjonaw ir-reati tat-traffiku huma, kif enfasizza l-Gvern Latvjan fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi fir-reġistru tal-kundanni, li l-pubbliku għandu aċċess għalih biss f’każijiet limitati, u mhux fir-reġistru tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom, li għalih l-Artikolu 141(2) tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq jagħti aċċess liberu. Madankollu, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, il-komunikazzjoni miċ-CSDD tad-data personali dwar il-punti ta’ penalità u mniżżla f’dan l-aħħar reġistru tippermetti lill-pubbliku jsir jaf jekk persuna partikolari wettqitx reati tat-traffiku u, fl-affermattiv, li minn dan tiddeduċi l-gravità u l-frekwenza ta’ dawn ir-reati. Tali sistema ta’ komunikazzjoni ta’ punti ta’ penalità twassal, għaldaqstant, għall-għoti ta’ aċċess għal data personali dwar ir-reati tat-traffiku.

77      Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali aċċess jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data personali dwar “reati”, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li dan il-kunċett jirreferi esklużivament għar-reati kriminali, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-oriġini tal-GDPR. Fil-fatt, filwaqt li l-Parlament Ewropew kien ippropona li jiġu inklużi espressament f’din id-dispożizzjoni t-termini “sanzjonijiet amministrattivi” (ĠU 2017, C 378, p. 430), din il-proposta ma ġietx aċċettata. Dan il-fatt huwa iktar notevoli peress li d-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 10 tal-GDPR, jiġifieri l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46, li kien jirreferi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, għall-“offiżi” u għall-“kundanni kriminali”, kienet toffri, fit-tieni paragrafu tagħha, il-possibbiltà lill-Istati Membri li “jipprovdu li data dwar sanzjonijiet amministrattivi [jiġu wkoll] pproċessati taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali”. Għalhekk, minn qari globali ta’ dan l-Artikolu 8(5) jirriżulta b’mod ċar li l-kunċett ta’ “reat” kien jirreferi biss għar-reati kriminali.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi deliberatament naqas milli jinkludi l-aġġettiv “amministrattiv” fl-Artikolu 10 tal-GDPR, kellu l-intenzjoni li jirriżerva l-protezzjoni ogħla prevista minn din id-dispożizzjoni għall-qasam kriminali biss.

79      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 74 sa 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-fatt li diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 10 tal-GDPR jirreferu espressament għar-“reati kriminali”, bħal dawk fil-lingwa Ġermaniża (Straftaten), Spanjola (infracciones penales), Taljana (reati), Litwana (nusikalstamas veikas), Maltija (reati) u Olandiża (strafbare feiten).

80      It-tieni nett, il-fatt li r-reati tat-traffiku jiġu kklassifikat bħala amministrattivi fil-Latvja ma huwiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk dan il-ksur jaqax taħt l-Artikolu 10 tal-GDPR.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkun fih l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, EU:C:2000:468, punt 43, u tal-1 ta’ Ottubru 2019, Planet49, C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 47).

82      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-GDPR ma jinkludi ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali f’dak li jikkonċerna l-portata tat-termini li jinsabu fl-Artikolu 10 tiegħu, b’mod partikolari tat-termini “reati” u “kundanni kriminali”.

83      Sussegwentement, mill-premessa 10 tal-GDPR jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi jiżgura livell koerenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, li jippreżupponi li dan il-livell ta’ protezzjoni jkun ekwivalenti u omoġenju fl-Istati Membri kollha. Issa, ikun kuntrarju għal tali għan li l-protezzjoni msaħħa prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika għall-ipproċessar tad-data personali relattiva għar-reati tat-traffiku biss f’ċerti Stati Membri u mhux f’oħrajn, għas-sempliċi raġuni li dawn ir-reati ma humiex ikklassifikati bħala kriminali f’dawn l-aħħar Stati Membri.

84      Finalment, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 13 tad-Direttiva 2016/680 li tindika li “reat kriminali skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva għandu jkun kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-’Qorti tal-Ġustizzja’)”.

85      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “reat kriminali”, deċiżiv sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tal-Artikolu 10 tal-GDPR għal data personali dwar ir-reati tat-traffiku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tingħata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni u l-kuntest tagħha, mingħajr ma tkun determinanti f’dan ir-rigward il-klassifikazzjoni mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat lil dawn ir-reati, peress li din il-klassifikazzjoni tista’ tkun differenti minn pajjiż għal ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733, punti 26 u 35).

86      It-tielet nett, għandu jiġi eżaminat jekk ir-reati tat-traffiku, bħal dawk li jagħtu lok għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom ta’ punti ta’ penalità li l-komunikazzjoni tagħhom lil terzi hija prevista mid-dispożizzjoni kontenzjuża, jikkostitwixxux “reat kriminali”, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-GDPR.

87      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tliet kriterji huma rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura kriminali ta’ reat. L-ewwel hija l-kwalifika legali tar-reat fid-dritt nazzjonali, it-tieni, in-natura stess tar-reat u, it-tielet, il-livell ta’ severità tas-sanzjoni li tirriskja li tbati l-persuna interessata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37; tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 28, kif ukoll tat-2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 42).

88      Anki għal reati li ma humiex ikklassifikat bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali, tali natura tista’ madankollu tirriżulta min-natura stess tal-ksur inkwistjoni u mil-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet li dan jista’ jwassal għalihom (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 28 u 32).

89      Fir-rigward tal-kriterju dwar in-natura stess tar-reat, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk is-sanzjoni inkwistjoni għandhiex, b’mod partikolari, għan repressiv, mingħajr ma s-sempliċi fatt li hija għandha wkoll għan preventiv huwa ta’ natura li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha bħala sanzjoni kriminali. Fil-fatt, huwa fin-natura nfisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ikunu intiżi kemm għar-repressjoni kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ aġir illegali. Min-naħa l-oħra, miżura li sempliċement tirrepara d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma għandhiex natura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 39, kif ukoll tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 33). Issa, huwa stabbilit li l-attribuzzjoni tal-punti ta’ penalità għal reati tat-traffiku, l-istess bħall-multi jew bħal sanzjonijiet oħra li jista’ jwassal għalihom it-twettiq ta’ dawn ir-reati, ma għandhomx biss l-għan li jikkumpensaw għad-danni eventwalment ikkawżati mill-imsemmija reati, iżda għandhom ukoll għan repressiv.

90      Fir-rigward tal-kriterju dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet li jista’ jwassal għalihom it-twettiq ta’ dawn ir-reati, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li huma biss ir-reati tat-traffiku ta’ ċerta gravità li jinvolvi l-attribuzzjoni ta’ punti ta’ penalità u li, għaldaqstant, tali ksur jista’ jwassal għal sanzjonijiet ta’ ċerta severità. Sussegwentement, l-impożizzjoni ta’ punti ta’ penalità ġeneralment tiżdied mas-sanzjoni imposta f’każ ta’ twettiq ta’ tali ksur, liema ħaġa hija barra minn hekk il-każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Finalment, l-akkumulazzjoni tal-imsemmija punti twassal, fiha nnifisha, għal konsegwenzi ġuridiċi, bħall-obbligu li wieħed jgħaddi minn eżami, jew anki projbizzjoni ta’ sewqan.

91      Din l-analiżi hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tgħid li, minkejja t-tendenza għad-“dekriminalizzazzjoni” tar-reati tat-traffiku f’ċerti Stati, dawn ir-reati għandhom ġeneralment, fid-dawl tal-għan kemm preventiv kif ukoll repressiv tas-sanzjonijiet imposti u tal-grad ta’ severità li dawn jistgħu jilħqu, jitqiesu li huma ta’ natura kriminali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1984, Öztürk vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:1984:0221JUD000854479, punti 49 sa 53; 29 ta’ Ġunju 2007, O’Halloran u Francis vs Ir-Renju Unit CE:ECHR:2007:0629JUD001580902, punti 33 sa 36, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2016, Rivard vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2016:1004JUD002156312, punti 23 u 24).

92      Il-klassifikazzjoni tar-reati tat-traffiku li jistgħu jwasslu għall-għoti ta’ punti ta’ penalità bħala “reat kriminali”, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-GDPR, taqbel ukoll mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ data personali dwar ir-reati tat-traffiku, inklużi l-punti ta’ penalità imposti għat-twettiq tagħhom, tista’, fid-dawl tal-fatt li tali ksur jikkostitwixxi preġudizzju għas-sigurtà fit-toroq, tipprovoka d-diżapprovazzjoni tas-soċjetà u twassal għall-istigmatizzazzjoni tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari meta dawn il-punti juru ċerta gravità jew ċerta frekwenza tar-reati msemmija.

93      Minn dan jirriżulta li r-reati tat-traffiku li jistgħu jwasslu għall-attribuzzjoni ta’ punti ta’ penalità jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “reati” msemmi fl-Artikolu 10 tal-GDPR.

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-ipproċessar ta’ data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku.

 Fuq it-tieni domanda

95      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-korp pubbliku responsabbli mir-reġistru li fih jiġu rreġistrati l-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku milli jikkomunikaw din id-data lil kull persuna li tagħmel talba għaliha, mingħajr ma din ikollha għalfejn tiġġustifika interess speċifiku li tikseb l-imsemmija data.

96      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull ipproċessar ta’ data personali għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, għandu jissodisfa wieħed mill-prinċipji relatati mal-legalità tal-ipproċessar elenkati fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post, C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fir-rigward tal-prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data personali, huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tirreferi speċifikament għall-prinċipji ta’ “integrità” u ta’ “kunfidenzjalità” stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(f) tal-GDPR. Madankollu, mill-mistoqsijiet tal-imsemmija qorti jirriżulta li din tfittex li tistabbilixxi b’mod iktar ġenerali jekk l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jitqies bħala legali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmi regolament u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

98      Minn dan isegwi li, fir-risposta li għandha tingħata lil din il-qorti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki prinċipji oħra stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament u, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-“minimizzazzjoni tad-data” li jinsab fil-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprovdi li d-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li din hija pproċessata għalihom u li tagħti espressjoni lill-imsemmi prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA, C‑708/18, EU:C:2019:1064, punt 48).

99      F’dak li jikkonċerna l-prinċipji relattivi għal-legalità tal-ipproċessar, l-Artikolu 6 tal-GDPR jistabbilixxi lista eżawrjenti u limitattiva ta’ każijiet li fihom l-ipproċessar tad-data personali jista’ jitqies bħala legali. B’hekk, sabiex ipproċessar ikun jista’ jitqies li huwa skont il-liġi, dan għandu jkun kopert minn wieħed mill-każijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 6 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA, C‑708/18, EU:C:2019:1064, punt 37 u 38). F’dan ir-rigward, l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-komunikazzjoni lill-pubbliku tad-data dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku, imwettaq miċ-CSDD jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR, li abbażi tiegħu l-ipproċessar ikun legali jekk, u sa fejn, ikun “meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur”.

100    Barra minn hekk, sa fejn, kif ġie kkonstatat fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, id-data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku taqa’ taħt l-Artikolu 10 tal-GDPR, l-ipproċessar tagħha huwa suġġett għar-restrizzjonijiet addizzjonali previsti f’din id-dispożizzjoni. Għalhekk, konformement magħha, l-ipproċessar ta’ din id-data “għandu jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali”, sakemm ma jkunx “awtorizzat minn liġi tal-Unjoni jew liġi ta’ Stat Membru li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data”. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni msemmija tippreċiża li “[k]walunkwe reġistru komprensiv ta’ kundanni kriminali għandu jinżamm biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali”.

101    F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-komunikazzjoni lill-pubbliku tad-data dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku, jitwettaq minn korp pubbliku, iċ-CSDD, li hija responsabbli mill-ipproċessar fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Manni, C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 35). Madankollu, huwa stabbilit ukoll li, ladarba tiġi kkomunikata, din id-data tiġi kkonsultata mill-persuni li jkunu talbu l-komunikazzjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, tinżamm jew tiġi mxerrda minn dawn il-persuni. Sa fejn dan l-ipproċessar sussegwenti tad-data ma jsirx iktar “taħt il-kontroll” taċ-CSDD jew ta’ awtorità pubblika oħra, id-dritt nazzjonali li jawtorizza l-komunikazzjoni mis-CSDD tal-imsemmija data għandu jipprevedi “salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data”.

102    Għaldaqstant, huwa fid-dawl kemm tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ legalità, b’mod partikolari ta’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(c) u fl-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR, kif ukoll tar-restrizzjonijiet partikolari previsti fl-Artikolu 10 tiegħu li għandha tiġi eżaminata l-konformità ma’ dan ir-regolament ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprojbixxi b’mod ġenerali u assolut li, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, awtorità pubblika tkun awtorizzata, jew saħansitra mġiegħla, li tikkomunika data personali lill-persuni li jitolbu għaliha.

104    Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR jissuġġetta l-ipproċessar tad-data personali għall-osservanza tal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data”, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li din ma hijiex intiża li tistabbilixxi tali projbizzjoni ġenerali u assoluta u li, b’mod partikolari, din ma tipprekludix li data personali tiġi kkomunikata lill-pubbliku meta din il-komunikazzjoni tkun neċessarja għall-eżekuzzjoni ta’ funzjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) ta’ dan ir-regolament. Dan japplika wkoll meta d-data inkwistjoni taqa’ taħt l-Artikolu 10 tal-GDPR, sakemm il-leġiżlazzjoni li tawtorizza din il-komunikazzjoni tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni kkonċernati [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza għal informazzjoni sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 73].

105    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà u għandhom jiġu bbilanċjati ma’ drittijiet fundamentali oħra. Għalhekk jistgħu jsiru limitazzjonijiet, sakemm, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn ikunu previsti mil-liġi u josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Abbażi ta’ dan l-aħħar prinċipju, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk dawn ikunu meħtieġa u jekk effettivament ifittxu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor. Dawn għandhom jiġu applikati fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u l-leġiżlazzjoni li tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punti 172 sa 176).

106    Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ data personali dwar il-punti ta’ penalità, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex neċessarja għall-eżekuzzjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR, u jekk il-leġiżlazzjoni li tawtorizza tali komunikazzjoni tipprevedix salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi vverifikat b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-gravità tal-indħil fuq id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali kkawżat mill-imsemmija komunikazzjoni, din tidhirx li hija ġġustifikata u, b’mod partikolari, proporzjonata, għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet imfittxija.

107    F’dan il-każ, il-Parlament Latvjan, fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, u l-Gvern Latvjan, fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, isostnu li l-komunikazzjoni miċ-CSDD lil kull persuna li titlobha data personali dwar il-punti ta’ penalità taqa’ taħt il-kompitu ta’ interess pubbliku, li jinsab fuq dan il-korp, li tittejjeb is-sigurtà fit-toroq u hija intiża, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari sabiex tippermetti l-identifikazzjoni tas-sewwieqa ta’ vetturi li jiksru sistematikament ir-regoli tat-traffiku u li jinfluwenzaw l-aġir tal-utenti tat-toroq billi jħeġġuhom jadottaw aġir konformi mar-regoli msemmija.

108    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-titjib tas-sigurtà fit-toroq jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Aykul, C‑260/13, EU:C:2015:257, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Istati Membri huma għalhekk fondati li jikklassifikaw is-sigurtà fit-toroq bħala “missjoni ta’ interess pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR.

109    Madankollu, sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din l-aħħar dispożizzjoni, huwa neċessarju li l-komunikazzjoni tad-data personali dwar il-punti ta’ penalità mniżżla fir-reġistru miżmum miċ-CSDD tissodisfa effettivament l-għan ta’ interess ġenerali ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq, mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

110    Kif tenfasizza l-premessa 39 tal-GDPR, dan ir-rekwiżit ta’ neċessità ma jkunx issodisfatt meta l-għan ta’ interess ġenerali mfittex jista’raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, peress li d-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju tal-protezzjoni ta’ tali data għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA, C‑708/18, EU:C:2019:1064, punti 46 u 47, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 113).

111    Issa, kif jirriżulta mill-prattika tal-Istati Membri, kull wieħed minnhom għandu diversi mezzi ta’ azzjonijiet li fosthom hemm, b’mod partikolari, dik li tikkonsisti fl-issanzjonar b’mod dissważiv tar-reati tat-traffiku, b’mod partikolari billi x-xufiera kkonċernati jiġu mċaħħda mid-dritt li jsuqu vettura, filwaqt li l-ksur ta’ tali projbizzjoni jista’, min-naħa tiegħu, jiġi ssanzjonat permezz ta’ pieni effettivi, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi kkomunikata l-adozzjoni ta’ tali miżuri lill-pubbliku. Minn din il-prattika jirriżulta wkoll li barra minn hekk jistgħu jiġu adottati diversi miżuri preventivi, minn kampanji ta’ sensibilizzazzjoni kollettiva sal-adozzjoni ta’ miżuri individwali li jikkonsistu f’li x-xufier jiġi mġiegħel isegwi taħriġ u jagħmel eżamijiet, mingħajr ma jkun neċessarju li jikkomunika l-adozzjoni ta’ tali miżuri individwali lill-pubbliku. Issa, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li tali miżuri kienu ġew eżaminati u mogħtija prijorità mil-leġiżlatur Latvjan minflok l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

112    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, il-komunikazzjoni lill-pubbliku tad-data personali dwar ir-reati tat-traffiku, inkluża d-data dwar il-punti ta’ penalità imposti għat-twettiq tagħhom, tista’ tikkostitwixxi indħil serju fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, peress li tista’ tipprovoka d-diżapprovazzjoni tas-soċjetà u twassal għall-istigmatizzazzjoni tal-persuna kkonċernata.

113    Fid-dawl, minn naħa, tas-sensittività tad-data inkwistjoni u tal-gravità tal-imsemmi ndħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni kkonċernati kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-fatt li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li l-għan tat-titjib tas-sigurtà fit-toroq ma jistax jintlaħaq b’mod raġonevoli b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħra li huma inqas ta’ preġudizzju, il-ħtieġa, biex jiġi żgurat dan l-għan, ta’ tali sistema ta’ komunikazzjoni ta’ data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku ma tistax titqies li hija stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 86).

114    Għalhekk, għalkemm jista’ jkun iġġustifikat li ssir distinzjoni bejn is-sewwieqa li jiksru r-regoli tat-traffiku fit-toroq b’mod sistematiku u in mala fide meta mqabbla mas-sewwieqa li jwettqu reat okkażjonalment, ma jistax madankollu jitqies li l-identifikazzjoni tal-ewwel kategorija ta’ dawn is-sewwieqa għandha, għall-finijiet tat-titjib tas-sigurtà fit-toroq, titwettaq minn jew tixxerred mal-pubbliku ġenerali, b’tali mod li huwa wkoll permess li tiġi ddubitata l-kapaċità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tilħaq l-ewwel wieħed mill-għanijiet imsemmija fil-punt 107 ta’ din is-sentenza.

115    Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-CSDD tikkomunika lill-pubbliku mhux biss id-data dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa li jiksru r-regoli tat-traffiku fit-toroq b’mod sistematiku u in mala fide, iżda wkoll dik relatata mal-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa li jwettqu reati okkażjonalment. B’hekk jidher li, billi tipprevedi aċċess iġġeneralizzat tal-pubbliku għall-punti ta’ penalità, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fi kwalunkwe każ, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat l-għan li jiġi miġġieled il-ksur sistematiku u ta’ mala fide tar-regoli tat-traffiku fit-toroq.

116    Fir-rigward tat-tieni wieħed mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imfakkar fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, mill-imsemmi proċess jirriżulta li, għalkemm setgħet tiġi osservata tendenza ta’ tnaqqis fin-numru ta’ inċidenti tat-traffiku fil-Latvja, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li din it-tendenza hija marbuta mal-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità pjuttost milli mal-istabbiliment tas-sistema tal-punti ta’ penalità bħala tali.

117    Il-konklużjoni msemmija fil-punt 113 ta’ din is-sentenza ma hijiex invalidata mill-fatt li ċ-CSDD tissuġġetta, fil-prattika, il-komunikazzjoni tad-data personali inkwistjoni għall-kundizzjoni li l-applikant jindika n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tas-sewwieq li jixtieq jinforma ruħu dwaru.

118    Fil-fatt, anki jekk jitqies, kif ippreċiża l-Gvern Latvjan, li l-komunikazzjoni tan-numri ta’ identifikazzjoni nazzjonali mill-korpi pubbliċi li jżommu r-reġistri tal-popolazzjoni hija suġġetta għal rekwiżiti stretti u b’hekk tissodisfa l-Artikolu 87 tal-GDPR, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif applikata miċ-CSDD, tippermetti lil kull persuna li tkun taf in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali ta’ sewwieq partikolari tikseb, mingħajr ebda kundizzjoni oħra, id-data personali relatata mal-punti ta’ penalità li ġew imposti fuq dan is-sewwieq. Tali sistema ta’ żvelar tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha din id-data tiġi kkomunikata lil persuni li jfittxu, għal raġunijiet li ma humiex relatati mal-għan ta’ interess ġenerali ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq, li jinformaw ruħhom dwar il-punti ta’ penalità li jkunu ġew imposti fuq persuna partikolari.

119    Il-konklużjoni stabbilita fil-punt 113 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija invalidata mill-fatt li r-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom huwa dokument uffiċjali, fis-sens tal-Artikolu 86 tal-GDPR.

120    Fil-fatt, għalkemm l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti uffiċjali jikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-premessa 154 ta’ dan ir-regolament, interess pubbliku li jista’ jilleġittima l-komunikazzjoni ta’ data personali li tinsab f’tali dokumenti, dan l-aċċess għandu madankollu jiġi rrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, kif jeżiġi wkoll espressament l-imsemmi Artikolu 86. Issa, fid-dawl b’mod partikolari tas-sensittività tad-data relatata mal-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku u għall-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni kkonċernati li joħloq l-iżvelar ta’ din id-data, għandu jitqies li dawn id-drittijiet jipprevalu fuq l-interess tal-pubbliku li jkollu aċċess għad-dokumenti uffiċjali, b’mod partikolari għar-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom.

121    Barra minn hekk, għal din l-istess raġuni, id-dritt għal-libertà ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 85 tal-GDPR ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jiġġustifika l-komunikazzjoni lil kull persuna li tagħmel talba tad-data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku.

122    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 10 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-korp pubbliku responsabbli mir-reġistru li fih huma rreġistrati l-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku li jpoġġi din id-data għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr ma l-persuna li titlob l-aċċess ikollha għalfejn tiġġustifika interess speċifiku sabiex tikseb l-imsemmija data.

 Fuq it-tielet domanda

123    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(b) u l-Artikolu 10 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2003/98 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-korp pubbliku responsabbli mir-reġistru li fih huma rreġistrati l-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku jikkomunika din id-data lil operaturi ekonomiċi għal finijiet ta’ użu mill-ġdid.

124    Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, din id-domanda toriġina mill-fatt li ċ-CSDD tikkonkludi ma’ operaturi ekonomiċi kuntratti li permezz tagħhom l-ewwel waħda tibgħat lit-tieni d-data personali dwar il-punti ta’ penalità rreġistrati fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom, b’mod partikolari, sabiex kull persuna li tixtieq tinforma ruħha dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq sewwieq partikolari tkun tista’ tikseb din id-data mhux biss mingħand iċ-CSDD, iżda wkoll mingħand dawn l-operaturi ekonomiċi.

125    Mir-risposta għat-tieni domanda jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 10 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-korp pubbliku responsabbli mir-reġistru li fih huma rreġistrati l-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku li jagħmel din id-data aċċessibbli għall-pubbliku, mingħajr ma l-persuna li titlob l-aċċess ikollha għalfejn tiġġustifika interess speċifiku biex tikseb l-imsemmija data.

126    Dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhom, għal raġunijiet identiċi għal dawk esposti fir-risposta għat-tieni domanda, jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lil korp pubbliku jikkomunika data ta’ din in-natura lil operaturi ekonomiċi sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jużawha mill-ġdid u jikkomunikawha lill-pubbliku.

127    Finalment, fir-rigward tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2003/98, imsemmi wkoll fit-tielet domanda magħmula, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 128 u 129 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

128    Fil-fatt, indipendentement mill-punt dwar jekk id-data dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa għal reati tat-traffiku taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/98, il-portata tal-protezzjoni ta’ din id-data għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi ddeterminata abbażi tal-GDPR, kif jirriżulta, minn naħa, mill-premessa 154 ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, mill-premessa 21 u mill-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 94(2) tal-GDPR, peress li l-Artikolu 1(4) tad-direttiva msemmija essenzjalment jipprevedi li din tħalli sħiħ u ma taffettwax il-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali żgurat b’mod partikolari mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, bl-ebda mod ma’ tibdel id-drittijiet u l-obbligi previsti mill-GDPR.

129    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 10 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-korp pubbliku responsabbli mir-reġistru li fih huma rreġistrati l-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku li jikkomunika din id-data lil operaturi ekonomiċi għall-finijiet ta’ użu mill-ġdid.

 Fuq ir-raba’ domanda

130    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, adita b’rikors kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta, fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-effetti legali ta’ din il-leġiżlazzjoni jinżammu sad-data tal-għoti tas-sentenza li permezz tagħha hija tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rikors kostituzzjonali.

131    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda saret minħabba n-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi affettwati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u minħabba l-fatt li, skont l-Artikolu 32(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali u l-ġurisprudenza relatata, il-qorti tar-rinviju, fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha li tiżgura bilanċ bejn il-prinċipju ta’ ċertezza legali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, tista’ tillimita l-effett retroattiv tas-sentenzi tagħha sabiex tevita li dawn jiksru serjament id-drittijiet ta’ ħaddieħor.

132    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ dawn ir‑regoli, kif għandhom jew kif kellhom jinftiehmu u jiġu applikati mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Huwa biss eċċezzjonalment li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, bl-applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għas-sistema legali tal-Unjoni, tillimita lill-kull persuna kkonċernata l-possibbiltà li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Sabiex tkun tista’ tiġi deċiża tali limitazzjoni, huwa meħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke, C‑292/04, EU:C:2007:132, punti 34 u 35; tat-22 ta’ Jannar 2015, Balazs, C‑401/13 u C‑432/13, EU:C:2015:26, punti 49 u 50, kif ukoll tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C‑276/14, EU:C:2015:635, punti 44 u 45).

133    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali limitazzjoni tista’ biss tkun ammessa fis-sentenza stess li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni mitluba. Fil-fatt, jeħtieġ li jkun hemm mument uniku ta’ determinazzjoni tal-effetti ratione temporis tal-interpretazzjoni mitluba li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għal dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju. Il-prinċipju li limitazzjoni tista’ tiġi ammessa biss fis-sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri u tal-individwi l-oħra fil-konfront ta’ dan id-dritt u fl-istess ħin jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke, C‑292/04, EU:C:2007:132, punti 36 u 37; ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 91, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2018, O’Brien, C‑432/17, EU:C:2018:879, punt 34).

134    Konsegwentement, l-effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistgħux jiddependu mid-data tal-għoti tas-sentenza li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kawża prinċipali, u lanqas mill-evalwazzjoni minnha tal-ħtieġa li jinżammu l-effetti legali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

135    Abbażi tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax effettivament jiġi ammess li regoli tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, jippreġudikaw l-unità u l-effettività ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 59, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 78). Anki jekk jitqies li kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali huma ta’ natura li jwasslu, b’mod eċċezzjonali, għal sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni eżerċitat minn regola tad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jmur kontriha, il-kundizzjonijiet għal tali sospensjoni jistgħu jiġu ddeterminati mill-Qorti tal-Ġustizzja biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punti 61 u 67).

136    F’dan il-każ, peress li ma ntwerietx l-eżistenza ta’ riskju ta’ diffikultajiet serji li jirriżultaw mill-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din tal-aħħar jiġu limitati ratione temporis, peress li l-kriterji msemmija fil-punt 132 ta’ din is-sentenza huma kumulattivi.

137    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, adita b’rikors kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li jirriżulta, fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-effetti legali ta’ din il-leġiżlazzjoni jinżammu fis-seħħ sad-data tal-għoti tas-sentenza li permezz tagħha din tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rikors kostituzzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

138    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-ipproċessar ta’ data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku.

2)      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 10 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-korp pubbliku responsabbli mir-reġistru li fih huma rreġistrati l-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku li jpoġġi din id-data għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr ma l-persuna li titlob l-aċċess ikollha għalfejn tiġġustifika interess speċifiku sabiex tikseb l-imsemmija data.

3)      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6(1)(e), u l-Artikolu 10 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-korp pubbliku responsabbli mir-reġistru li fih huma rreġistrati l-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku li jikkomunika din id-data lil operaturi ekonomiċi għall-finijiet ta’ użu mill-ġdid.

4)      Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, adita b’rikors kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li jirriżulta, fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-effetti legali ta’ din il-leġiżlazzjoni jinżammu fis-seħħ sad-data tal-għoti tas-sentenza li permezz tagħha din tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rikors kostituzzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.