Language of document : ECLI:EU:C:2021:504

Kawża C-439/19

B

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta' Ġunju 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 5, 6 u 10 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aċċess tal-pubbliku għad-data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku – Legalità – Kunċett ta’ ‘data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati’ – Żvelar sabiex titjieb is-sigurtà fit-toroq – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali – Libertà tal-informazzjoni – Konċiljazzjoni mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali – Użu mill-ġdid tad-data – Artikolu 267 TFUE – Effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni preliminari – Possibbiltà għal qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru li żżomm l-effetti legali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali”

1.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Kamp ta' applikazzjoni – Derogi – Ipproċessar ta’ data fil-kuntest ta’ attività li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni – Attività intiża sabiex tinżamm is-sigurtà nazzjonali jew li taqa’ taħt din il-kategorija – Kunċett – Attività intiża sabiex ittejjeb is-sigurtà fit-toroq – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Premessa 16(b) u Artikolu 2(2)(a))

(ara l-punti 61 sa 68)

2.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Kamp ta' applikazzjoni – Derogi – Ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali – Kunċett ta’ awtorità kompetenti – Neċessità ta’ rabta mal-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u ta’ kooperazzjoni tal-pulizija – Awtorità pubblika nazzjonali li tikkomunika lill-pubbliku data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Premessa 19 u Artikolu 2(2)(d); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/680, Premessi 10, 11 u Artikolu 3(7))

(ara l-punti 69 sa 72)

3.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Ipproċessar ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati – Kunċett ta’ data relatata mal-ksur – Data dwar il-punti ta’ penalità – Inklużjoni – Kunċett ta’ ksur – Natura kriminali – Kriterji ta' evalwazzjoni – Ksur tar-regoli tat-traffiku li jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ punti ta’ penalità – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 10; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/680, Premessa 13)

(ara l-punti 77 sa 93, u d-dispożittiv 1)

4.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar ta’ data personali – Ipproċessar meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika; – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi obbligatorju l-aċċess tal-pubbliku għad-data personali dwar il-punti ta’ penalità u li tawtorizza l-komunikazzjoni ta’ din id-data lil operaturi ekonomiċi għal finijiet ta’ użu mill-ġdid – Għan ta’ interess ġenerali ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq – Assenza ta’ natura neċessarja ta’ dan l-ipproċessar ta’ data personali – Inammissibbiltà – Drittijiet ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali u għal-libertà ta’ informazzjoni – Assenza ta’ effett – Supremazija tad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni ta’ data personali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Premessi 39, 154 u Artikoli 5(1), 6(1)(e), 10, 85, 86)

(ara l-punti 99, 106, 108 sa 113, 120 sa 122, 126, 129, id-dispożittiv 2 u 3)

5.        Domandi preliminari – Interpretazzjoni – Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta' interpretazzjoni – Effett retroattiv – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali – Possibbiltà għal qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru li żżomm l-effetti legali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali meqjusa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sad-data tal-għoti tas-sentenza definittiva tagħha – Assenza

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 132-137, dispożittiv 4)

Sunt

Id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data jipprekludi l-leġiżlazzjoni Latvjana li tobbliga lill-awtorità tas-sigurtà fit-toroq li tagħmel aċċessibbli għall-pubbliku d-data dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa għal ksur tar-regoli tat-traffiku

In-neċessità ta’ din is-sistema sabiex jiġi żgurat l-għan intiż, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà fit-toroq, ma hijiex stabbilita

B, persuna fiżika, ingħata punti ta’ penalità għal ksur wieħed jew iktar tar-regoli tat-traffiku. Dawn il-punti ta’ penalità ġew irreġistrati miċ-Ceļu satiksmes drošības direkcija (id-Direttorat tas-Sigurtà tat-Traffiku, il-Latvja) (iktar ’il quddiem iċ-“CSDD”) fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom.

Skont il-leġiżlazzjoni Latvjana dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq (1), l-informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati f’dan ir-reġistru hija aċċessibbli għall-pubbliku u għandha tiġi kkomunikata miċ-CSDD lil kull persuna li tagħmel talba għaliha, mingħajr ma din ikollha għalfejn tiġġustifika interess speċifiku li tikseb din l-informazzjoni, inkluż lil operaturi ekonomiċi għal finijiet ta’ użu mill-ġdid. Peress li kellu dubji dwar il-legalità ta’ din il-leġiżlazzjoni, B ippreżenta rikors kostituzzjonali quddiem il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja), sabiex din teżamina l-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

Il-Qorti Kostituzzjonali qieset li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dan id-dritt kostituzzjonali, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-Regolament Ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data (iktar ’il quddiem il-“GDPR”) (2). Għalhekk, hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-portata ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR bil-għan li tiddetermina l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Latvjana dwar it-traffiku fit-toroq ma’ dan ir-regolament.

Permezz tas-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-GDPR jipprekludi l-leġiżlazzjoni Latvjana. Din tikkonstata li l-ħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-għan ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq invokat mill-Gvern Latvjan, ta’ komunikazzjoni ta’ data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku ma hijiex stabbilita. Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, la d-dritt tal-pubbliku li jaċċedi għad-dokumenti uffiċjali u lanqas id-dritt għal-libertà ta’ informazzjoni ma jiġġustifikaw tali leġiżlazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-ipproċessar ta’ data personali dwar il-punti ta’ penalità jikkostitwixxi “ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati” (3), li fir-rigward tiegħu l-GDPR jipprevedi protezzjoni ikbar minħabba s-sensittività partikolari tad-data inkwistjoni.

F’dan il-kuntest, hija tosserva, preliminarjament, li l-informazzjoni dwar il-punti ta’ penalità hija data personali u li l-komunikazzjoni tagħha miċ-CSDD lil terzi tikkostitwixxi pproċessar li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR. Fil-fatt, dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa wiesa’ ħafna, u dan it-trattament ma jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għall-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament.

Għalhekk, minn naħa, dan it-trattament ma huwiex kopert mill-eċċezzjoni dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-GDPR għal trattament imwettaq fil-kuntest ta’ attività li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni (4). Din l-eċċezzjoni għandha titqies li għandha bħala għan uniku li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-awtoritajiet tal-Istat fil-kuntest ta’ attività intiża li tippreżerva s-sigurtà nazzjonali jew attività li tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija. Dawn l-attivitajiet ikopru, b’mod partikolari, dawk intiżi li jipproteġu l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u l-interessi fundamentali tas-soċjetà. Issa, l-attivitajiet relatati mas-sigurtà fit-toroq ma jsegwux dan l-għan u għalhekk ma jistgħux jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-attivitajiet li għandhom bħala għan il-preżervazzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

Min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni tad-data personali dwar il-punti ta’ penalità lanqas ma hija pproċessar kopert mill-eċċezzjoni li tipprevedi n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-GDPR għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam kriminali (5). Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fil-fatt, li, fl-eżerċizzju tal-imsemmija komunikazzjoni, iċ-CSDD ma jistax jitqies li huwa tali “awtorità kompetenti” (6).

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aċċess għad-data personali dwar reati tat-traffiku, bħall-punti ta’ penalità, jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data personali dwar “reati” (7), li jgawdu minn protezzjoni ikbar, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-oriġini tal-GDPR, li dan il-kunċett jirreferi esklużivament għar-reati kriminali. Madankollu, il-fatt li, fis-sistema ġuridika Latvjana, ir-reati tat-traffiku huma kklassifikati bħala amministrattivi ma huwiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk dawn ir-reati jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “reat kriminali” sa fejn dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Għalhekk, wara li fakkret it-tliet kriterji rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura kriminali ta’ reat, jiġifieri l-klassifikazzjoni legali tar-reat fid-dritt nazzjonali, in-natura tar-reat u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni mogħtija, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-reati tat-traffiku inkwistjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “reat” fis-sens tal-GDPR. Fir-rigward tal-ewwel żewġ kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, anki jekk ir-reati ma humiex ikklassifikati bħala “kriminali” fid-dritt nazzjonali, tali natura tista’ tirriżulta min-natura tar-reat, u b’mod partikolari mill-għan repressiv imfittex mis-sanzjoni li r-reat jista’ jwassal għaliha. Issa, f’dan il-każ, l-għoti ta’ punti ta’ penalità għal reati tat-traffiku, l-istess bħas-sanzjonijiet l-oħra li jistgħu jwasslu għalihom it-twettiq tagħhom, isegwu, fost affarijiet oħra, tali għan repressiv. Fir-rigward tat-tielet kriterju, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li huma biss ir-reati tat-traffiku ta’ ċerta gravità li jinkludu l-impożizzjoni ta’ punti ta’ penalità, u li, għaldaqstant, dawn jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet ta’ ċerta severità. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ tali punti ġeneralment tiżdied mas-sanzjoni imposta, u l-akkumulazzjoni ta’ dawn il-punti twassal għal konsegwenzi ġuridiċi li jistgħu saħansitra jwasslu għall-projbizzjoni tas-sewqan.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-GDPR jipprekludi l-leġiżlazzjoni Latvjana li tobbliga liċ-CSDD li jagħmel aċċessibbli lill-pubbliku d-data dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku, mingħajr ma l-persuna li titlob l-aċċess ma jkollha għalfejn tiġġustifika interess speċifiku li tiksibha.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li t-titjib tas-sigurtà fit-toroq, imsemmi mil-leġiżlazzjoni Latvjana, jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni u li, għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jikkwalifikaw is-sigurtà fit-toroq bħala “missjoni ta’ interess pubbliku” (8). Madankollu, in-neċessità tas-sistema Latvjana ta’ komunikazzjoni ta’ data personali dwar il-punti ta’ penalità sabiex jiġi żgurat l-għan imfittex ma hijiex stabbilita. Fil-fatt, minn naħa, il-leġiżlatur Latvjan għandu numru kbir ta’ mezzi ta’ azzjoni li kienu jippermettulu jilħaq dan l-għan b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. Min-naħa l-oħra, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sensittività tad-data relatata mal-punti ta’ penalità u tal-fatt li l-komunikazzjoni tagħha lill-pubbliku tista’ tikkostitwixxi indħil serju fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, peress li tista’ tipprovoka d-diżapprovazzjoni tas-soċjetà u twassal għall-istigmatizzazzjoni tal-persuna kkonċernata.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, fid-dawl tas-sensittività ta’ din id-data u tal-gravità ta’ dan l-indħil f’dawn iż-żewġ drittijiet fundamentali, dawn id-drittijiet jipprevalu kemm fuq l-interess tal-pubbliku li jkollu aċċess għal dokumenti uffiċjali, bħar-reġistru nazzjonali tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom, kif ukoll fuq id-dritt għal-libertà tal-informazzjoni.

Fit-tielet lok, għal raġunijiet identiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-GDPR jipprekludi l-leġiżlazzjoni Latvjana wkoll sa fejn din tawtorizza liċ-CSDD tikkomunika d-data dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal ksur tar-regoli tat-traffiku lil operaturi ekonomiċi sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jużawhom mill-ġdid u jikkomunikawhom lill-pubbliku.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-qorti tar-rinviju, adita b’rikors kontra l-leġiżlazzjoni Latvjana, ikklassifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi li żżomm l-effetti legali ta’ din il-leġiżlazzjoni sad-data tal-għoti tas-sentenza definittiva tagħha.


1      Artikolu 141(2) taċ-Ceļu satiksmes likums (il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq), tal-1 ta’ Ottubru 1997 (Latvijas Vēstnesis, 1997, Nru 274/276).


2      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p.1, rettifika fil-ĠU L 127, 23.5.2018, p. 2).


3      Artikolu 10 tal-GDPR.


4      Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR.


5      Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR.


6      Artikolu 3(7) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ April 2016, dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89, rettifika fil-ĠU L 127, 23.5.2018, p. 6)]


7      Artikolu 10 tal-GDPR.


8      Skont l-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR, ipproċessar ta’ data personali huwa legali meta jkun “meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku […]”.