Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Satversmes tiesa - il-Latvja) – Proċedura mressqa minn B

(KawżaC-439/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 5, 6 u 10 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aċċess tal-pubbliku għad-data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti għal reati tat-traffiku – Legalità – Kunċett ta’ ‘data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati’ – Żvelar sabiex titjieb is-sigurtà fit-toroq – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali – Libertà tal-informazzjoni – Konċiljazzjoni mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali – Użu mill-ġdid tad-data – Artikolu 267 TFUE – Effetti ratione temporis ta’ deċiżjoni preliminari – Possibbiltà għal qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru li żżomm l-effetti legali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Satversmes tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: B

fil-preżenza ta’: Latvijas Republikas Saeima

Dispożittiv

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-ipproċessar ta’ data personali dwar il-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 10 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-korp pubbliku responsabbli mir-reġistru li fih huma rreġistrati l-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku li jpoġġi din id-data għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr ma l-persuna li titlob l-aċċess ikollha għalfejn tiġġustifika interess speċifiku sabiex tikseb l-imsemmija data.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6(1)(e), u l-Artikolu 10 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-korp pubbliku responsabbli mir-reġistru li fih huma rreġistrati l-punti ta’ penalità imposti fuq is-sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku li jikkomunika din id-data lil operaturi ekonomiċi għall-finijiet ta’ użu mill-ġdid.

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, adita b’rikors kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li jirriżulta, fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-effetti legali ta’ din il-leġiżlazzjoni jinżammu fis-seħħ sad-data tal-għoti tas-sentenza li permezz tagħha din tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rikors kostituzzjonali.

____________

1     ĠU C 280, 19.08.2019.