Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016 – Klyuyev vs Il-Kunsill

(Kawża T-340/14) 1

(Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Bażi legali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Dritt għal reputazzjoni)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Andriy Klyuyev (Donetsk, l-Ukraina) (rappreżentanti: B. Kennelly, J. Pobjoy, barristers, R. Gherson u T. Garner, solicitors)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: Á. de Elera San Miguel Hurtado u J.-P. Hix, aġenti)

Intervenjenti insostenn tal-konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Gauci u T. Scharf, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2015, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1), u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1), sa fejn isem ir-rikorrent ġie inkluż jew inżamm fil-lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom għandhom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi, u, sussidjarjament, talba intiża sabiex tinkiseb dikjarazzjoni ta’ nuqqqas ta’ applikabbiltà għar-rikorrent tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143, tad-29 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 24, p. 16), kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/138, tad-29 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 24, p. 1).

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2015, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, fil-verżjonijiet inizjali tagħhom, huma annullati, sa fejn l-isem Andriy Klyuyev ġie inkluż fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li fir-rigward tagħhom japplikaw dawn il-mużuri restrittivi, u dan sad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn A. Klyuyev, fir-rigward tat-talba għal annullament ifformulata fir-rikors.

A. Klyuyev huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk esposti mill-Kunsill, fir-rigward tat-talba għal annullament ifformulata fin-nota ta’ adattament tat-talbiet tiegħu.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

____________

1 ĠU C 261, 11.8.2014